Biedja | ‘Jekk tistaqsi lill-bdiewa bħalissa jgħidulek li l-ħamrija qisha trab tant m’għamilx ilma’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma’ Malcolm Borg mill-Għaqda Bdiewa Attivi

Malcolm Borg
Malcolm Borg

L-ilma bħalissa jinsab fuq fomm bosta nies, hekk kif Frar issa għadda u lanqas niżlet qatra xita, wara Jannar xott ħafna – il-ħames l-aktar Jannar xott mill-1923. Iżda l-aktar li qed iħossu din il-problema, direttament, huma l-bdiewa. 

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Malcolm Borg mill-Għaqda Bdiewa Attivi, definittivament għażla tajba mill-għaqda bħala kelliem għaliex huwa raġel mimli enerġija, ħeġġa u għerf dwar is-suġġett.

Mal-ILLUM Alfred Baldacchino kien qal fl-2016 li Malta riesqa biex issir deżert. Imma din eseġerazzjoni? 

“Naħseb li m’aħniex ’il bogħod le. Jekk tkellem lill-bdiewa u tistaqsi jgħidulek li llum il-ħamrija qisha trab, bħal ramel,” jgħid Borg li jfakkar fl-ovvju illi l-ilma huwa importanti biex aħna nipproduċu u nieklu l-ikel. 

“Hawnhekk fuq l-ikel qed nitkellmu, fuq xi ħaġa bażika. Mhux xi logħba din.” Huwa jagħmel referenza għall-Coronavirus u jgħid dan l-episodju qed juri kemm pajjiżna huwa vulnerabbli u dipendenti fuq l-ikel li jipproduċi ħaddieħor.

Imma ħafna jgħidu; ‘U iva! Issa nimpurtaw ikel minn barra l-pajjiż!’

“Imma jiena nħeġġeġ lil dawn in-nies jiftakru illi aħna nimpurtaw 70% tal-ikel minn barra l-pajjiż, l-aktar mill-Italja,” jibda jgħid Malcolm Borg qabel imbagħad jistaqsi, “u jekk jgħollu l-prezzijiet x’nagħmlu? Mhux ikollna ngħollu tagħna.” 

Isostni li anke politikament meta niddependu wisq minn pajjiż, jista’ jsir rikatt bl-ikel li jiġi minn barra. “Jekk jgħollu l-prezzijiet l-Italja, ifisser li jkollna ngħollu l-prezzijiet aħna, irridu jew ma rridux.”

“Irridu nifhmu li qegħdin f’pożizzjoni vulnerabbli. Irridu niżfnu maż-żifna ta’ ħaddieħor.”

Borg jisħaq li hija ferm importanti li pajiżna jkollu s-sovranità fuq il-produzjoni tal-ikel. U f’dan il-qafas allura n-nixfa li għaddejjin minnha – ifakkar li ma niżlitx qatra xita fi Frar – jgħid li hija determinanti biex niksbu din is-sovranità. 

Huwa jispjega kif l-agrikoltura ta’ Malta hija maqsuma fi tnejn. L-ewwel nett hemm ir-raba’ msoqqi biss bix-xita u allura meta ma tagħmilx xita l-prodott ma jikbirx. “Il-prodott klassiku hawn huwa l-qamħ. Dan ifisser li jekk ma jkunx hawn xita ma jikbirx qamħ. Issa mat-58% tal-art agrikola ta’ Malta hija għall-produzzjoni tal-qamħ u allura art li tiddependi mix-xita.”

Ifakkar li l-qamħ jintuża għall-baqar u allura għall-produzzjoni tal-ħalib. “Huwa finalment il-ħalib li jiġi affettwat minħabba nuqqas ta’ qamħ għaliex jekk ma jkunx hemm, il-produtturi jkollhom jixtru l-magħlef minn barra, li jfisser illi jogħla l-prezz tal-ħalib u li mill-ġdid inkunu niddependu minn barra.”

Jispjega li allura l-kumplament tal-art hija ta’ dawk li jkabbru ħaxix u frott għas-suq. Ħafna drabi s-sors tal-ilma, għal dawn meta ma tagħmilx xita, kif ġara issa, huwa dak tal-pjan. Ifakkar iżda li kull darba li jintuża l-ilma tal-pjan iseħħu żewġ affarijiet. L-ewwel nett jogħla l-prezz tal-produzzjoni għaliex hemm ħafna spejjeż fit-tlugħ tal-ilma. U t-tieni, l-ilma li qed jittella’ mhux qed jiġi fornut mil-ġdid permezz tax-xita. Dan iwassal biex jonqos l-ilma tal-pjan u jsir mielaħ, li mbagħad tkun tfisser illi l-ilma ma jistax jintuża mill-bdiewa. 

Borg jgħid li t-tama għal din is-sitwazzjoni hija dak li jissejjaħ ‘new water’ jew inkella ilma msaffi mid-drenaġġ. Dan huwa ilma tajjeb ħafna għar-raba’, ifakkar, għalkemm jgħid ukoll li qed jingħata biss f’ċerti żoni għax in-network ma jkoprix iż-żoni kollha agrikoli tal-pajjiż. Fil-fatt qal li ż-żoni tal-Imġarr, San Pawl u l-art agrikola fl-inħawi Ħaż-Żabbar huma moqdijin, imma ż-żoni tar-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi – fejn hemm ħafna bdiewa – mhuwiex.

Ikun hemm min jgħid li wara kollox din mhix bidla fil-klima għax tasal xitwa oħra u tkun tajba u tagħmel ħafna xita u allura din ta’ bħalissa tkun biss xejra għas-sena. 

“Dak li qed tgħid int diġà jfisser 50%, għax jekk f’10 snin ikollok xitwa bl-ilma u oħra le jkun ifisser li l-ilma mix-xita qed jonqos b’50%.  Issa x-xejra hija li qed tiżdied in-nixfa, mhux il-kontra.” 

“Allura meta se nirrealizzaw? Meta dik il-50% ssir 100%?”

Imma x’inhuma s-soluzzjonijiet? ​

“L-ewwel u qabel kollox irridu nirrikonoxxu l-importanza tas-settur agrikolu.  It-tieni nett hemm bżonn li dan is-settur jingħata l-ilma,” saħaq Borg. 

Huwa temm jgħid li dan għandu jsir b’għaqal u b’oġġettività, “mhux nagħtu l-ilma bl-addoċċ. Lil min se jilħaq l-għanijiet tagħna.”

Hu qal li l-Gvern għandu jagtħi l-ilma imma b’rabta; “nagħtik l-ilma u norbtok li trid tipproduċi jew li trid tipproduċi xi ħaġa partikolari.”

“Kieku niggvernaw l-ilma tajjeb inkunu nistgħu nwasslu l-ilma lil kull min ikollu bżonn.”

(Nhar il-Ħadd li ġej aqra t-tieni parti tal-intervista li saret lil Malcolm Borg mill-ILLUM)                                          

More in Socjali