Il-ġisem tal-Kardinal Grech se jasal Malta nhar l-Erbgħa biex jingħata l-aħħar tislima fil-Katidral

Il-Kardinal Grech kien teologu Agostinjan magħruf u sar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI

Il-ġimgħa d-dieħla se jkun qiegħed jinġieb Malta l-ġisem tal-Kardinal Malti Prospero Grech li miet nhar it-Tnejn li għadda fl-età ta’ 94 sena.

Il-ġisem tal-Kardinal Grech se jasal Malta nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar fejn l-għada 9 ta’ Jannar filgħodu, it-tebut se jkun espost fil-Kunvent ta’ San Mark, ir-Rabat għar-rispett tal-pubbliku

Dakinhar stess, fis-2pm, se ssir quddiesa presente cadavere preseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Katidral tal-Imdina.

Ilbieraħ, il-Kardinal Grech ingħata l-aħħar tislima fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, fejn il-Papa Franġisku mexxa l-aħħar parti taċ-ċelebrazzjoni.

Il-Papa Franġisku waqt il-funeral tal-Kardinal Prospero Grech
Il-Papa Franġisku waqt il-funeral tal-Kardinal Prospero Grech

Il-Kardinal Grech kien teologu Agostinjan magħruf u sar Kardinal mill-Papa Benedittu XVI.

Anke jekk ma vvotax fil-konklavi li eleġġa l-Papa Franġisku, għax kellu ‘l fuq minn 80 sena, huwa mexxa r-riflessjoni u l-meditazzjoni fil-Kappella Sistina qabel ma bdiet il-votazzjoni biex ikun magħżul Papa ġdid.

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Kardinal Prospero Grech kellu jkun Malta biex jiftaħ il-festi biċentinarji fil-Birgu li se jfakkru l-200 sena minn meta l-Parroċċa ta’ San Lawrenz saret kolleġġjata.

More in Socjali