Residenti mill-Kottonera bi protesta nhar il-Ħadd li ġej kontra aktar telfien ta' spazji pubbliċi mill-AUM

Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif il-Grupp Palumbo fetaħ mandat ta' inibizzjoni kontra l-Università Amerikana f’Bormla

Nhar il-Ħadd illi ġej grupp ta' persuni mill-Kottonera, fosthom l-attivista Andrea Dibben se jagħmlu marċ ta' protesta kontra aktar telfien ta' spazji pubbliċi mill-Università Amerikana ta' Malta.

Fi stqarrija,  'Azzjoni: Tuna Artna Lura' qalet li se tkun qed issemma' leħinha kontra deċiżjonijiet riċenti tal-AUM u kontra l-estensjoni tal-tal-Università fil-Kottonera. 

Il-protesta se tibda fil-11:00 am mill-Maċina fl-Isla.

Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif il-Grupp Palumbo fetaħ mandat ta' inibizzjoni kontra l-Università Amerikana f’Bormla. Dan għaliex il-ġimgħa, l-AUM bagħtet ħaddiema sabiex jagħlqu l-entratura biswit il-bini tal-Maċina bit-tqegħid ta’ bollards. Din l-entratura ilha tintuża bħala parkeġġ minn ħafna residenti tal-lokalità.

L-iżvilupp li jridu jagħmlu l-AUM

Sentejn ilu l-AUM kienet issottomettiet applikazzjoni għall-iżvilupp fil-bini biswit il-kampus attwali u żvilupp ta’ dormitorju fi Triq San Pawl, Bormla; viċin it-telgħa li tagħti għall-belt tal-Isla. Meta żmien wara bdew il-laqgħat bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-partijiet interessati, kemm il-Kunsill tal-Isla kif ukoll il-Kunsill ta’ Bormla kienu esprimew ir-riżervi tagħhom dwar dan il-proġett u l-impatt tiegħu fuq il-komunità tal-Kottonera.

Fl-istess waqt, id-deputat Laburista Glenn Bedingfield, li hu wkoll resident tal-Kottonera semma’ leħnu għal kemm-il darba fil-Parlament dwar din il-kwistjoni.

F’Awwissu mbagħad is-sitwazzjoni eskalat, hekk kif ma’ din il-gazzetta Bedingfield kien esprima t-tħassib tiegħu dwar din l-applikazzjoni u ġie kkwotat jgħid li l-bini propost huwa wisq kbir għal ftit studenti, li l-binjiet eżistenti għandhom ikunu biżżejjed għall-AUM u li se jkun qed jgħatti d-daħla tal-Isla. Interessanti l-fatt li mal-ILLUM huwa kien saħansitra ppropona żewġ siti alternattivi għall-iżvilupp tad-dormitorju; il-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu u l-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara.

Intant, meta l-ġimgħa li għaddiet ġie mistoqsi minn din il-gazzetta dwar għandux jiġi approvat il-permess għall-estensjoni tal-Università Amerikana f’Bormla, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo sostna li fl-opinjoni tiegħu qabel l-Università tiżviluppa għandha l-ewwel turi bil-fatti li tassew għandha bżonn dik il-faċilità.

Xahar ieħor biex il-PA tiddeċidi d-destin tal-AUM

Ta’ min ifakkar li fi żmien xahar, l-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tissiġilla d-deċiżjoni tagħha fuq l-estensjoni tal-Kampus f’Bormla. Minkejja li l-bord tal-PA qal li huwa kontra dan l-iżvilupp, minħabba l-fatt li inizjalment l-estensjoni kienet ingħatat il-barka mill-uffiċjal inkarigat mill-każ, id-deċiżjoni finali trid tittieħed f’seduta oħra.

Interessanti l-fatt li sal-ħin tal-pubblikazzjoni, l-AUM kienet għadha ma ssottomettietx applikazzjoni ġdida għal dan l-iżvilupp.

Wieħed jinnota wkoll kif fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-President tal-AUM Lewis Walker kien saħaq mal-ILLUM li fil-każ li din id-deċiżjoni tmur kontra l-pjanijiet tagħhom, huma ‘jinsabu indeċiżi’ dwar jekk għandhomx jappellaw jew le. Huwa kellu wkoll l-istess risposta meta ġie mistoqsi jekk hux se jemenda l-pjanijiet tal-iżvilupp bl-għan li jindirizzaw it-tħassib tan-nies.

More in Socjali