'Dan hu Gvern li żied in-nefqa fuq il-pensjonijiet bi kwart ta’ biljun ewro fuq medda ta’ 7 snin'

Il-Ministru Michael Falzon qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, b’rabta mal-Baġit 2020, bit-tema ‘Inkomplu Nikbru Flimkien’.

“Dan hu Gvern li żied in-nefqa fuq il-pensjonijiet bi kwart ta’ biljun ewro fuq medda ta’ seba’ snin, u kommessi li nsaħħu l-pensjonijiet fis-snin li ġejjin, filwaqt li nżommu l-pensjonijiet sostenibbli”, stqarr dan il-Ministru Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, b’rabta mal-Baġit 2020, bit-tema ‘Inkomplu Nikbru Flimkien’.

Il-Ministru Michael Falzon kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, li flimkien tkellmu dwar uħud mill-akbar miżuri soċjali li se jidħlu fis-seħħ is-sena id-dieħla.

Falzon qal li għall-ħames sena konsekuttiva se nżidu l-pensjonijiet għal  92,000, b’kull pensjonant se jara żieda ta’ €7 fil-ġimgħa inkluż il-COLA, jew €364 fis-sena. Il-qligħ mhux taxxabli mill-pensjoni ser jiżdied għal €13,798 .

Skontu  dan l-impenn jikkuntrasta bil-kbir dak li sar taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. "F’25 sena ma kien hemm l-ebda żieda fil-pensjonijiet. Żied jgħid li sa qabel l-2008, il-pensjonanti kienu jieħdu biss żewġ terzi mill-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA).Intant, dan il-Gvern kompla jsaħħaħ il-qafas soċjali billi implimenta jintroduċi 23 miżura speċifikament immirati biex jgħinu l-familji, l-anzjani u dawk l-iktar vulnerabbli."

Il-Ministru Michael Falzon qal li għalkemm sar ħafna xogħol, fadal ħafna ieħor xi jsir biex ikun assigurat li kulħadd igawdi mill-atmosfera ekonomika pożittiva tal-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis sostna li żewġ setturi fejn it-tema, ‘Inkomplu Nikbru Flimkien,’ hija mill-iktar evidenti, huma dawk tal-anzjanità u d-diżabilità. Bagit 2020 fih 23 miżura li jolqtu l-familji, pensjonanti, persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna li l-baġit globali tas-settur tad-diżabilità u tal-anzjanità issa tela’ għas-somma globali ta’ 201 miljun ewro.

Is-Segretarju Parlamentari tkellem fuq iż-żieda ta’ €24 miljun fil-qasam tas-servizzi għall-anzjani fil-komunità, u għal dawk fir-residenzi; u żieda ta’ €6 miljun fejn jidħlu servizzi fis-settur tad-diżabilità.

Agius Decelis sostna li l-baġit globali fl-aħħar seba’ snin, minn €50 miljun għall-anzjani, tela’ €171 miljun. In-nefqa għas-servizzi tad-diżabilità, fl-2012 kienet €8 miljun u n-nefqa illum hija ta’ €30 miljun.

Is-segretarju parlamentari tkellem kif filwaqt li l-prodott gross domestiku żdied minn €7 biljun għal €14 biljun, il-Gvern tripla n-nefqa tiegħu fis-servizzi li joffri lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità.

Fl-aħħar nett huwa sostna li se tkompli r-riforma tal-pensjoni tad-diżabilità. Huwa tkellem dwar il-fatt li l-għan prinċipali ta’ dan il-Gvern huwa li kull persuna tidħol fid-dinja tax-xogħol, “pero nifhmu u ġarrabna l-esperjenzi ta’ individwi li minkejja li jixtiequ, ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dawn għandhom dritt fundamentali li jgħixu b’dinjità. Għalhekk din is-sena ser nagħlqu l-wegħda elettorali li għamilna, li nagħtu żieda ta’ €11.40 oħra biex inlaħħqu l-Paga Minima Nazzjonali Netta ta’ €161.40 fil-gimgħa”

More in Socjali