Heritage Malta tirċievi donazzjoni ta’ xabla storika

Arma li kienet tqanqal biża’ kbir peress li kienet kapaċi taqsam bniedem armat fi tnejn b’daqqa waħda

Ix-xabla li ngħatat lil Heritage Malta
Ix-xabla li ngħatat lil Heritage Malta

Xabla li kienet tintuża b’par idejn fil-bidu tas-seklu 16, teknikament magħrufa bħala Zweihänder, riċentement ngħatat b’donazzjoni lill-Armerija tal-Palazz li tinsab il-Belt fil-Palazz tal-Granmastru ta’ Heritage Malta, minn Dott. Francesco Pegoiani Penna. L-arma storika kienet tifforma parti mill-kollezzjoni privata tiegħu.

Kienet meħtieġa kapaċità partikolari biex wieħed jiġġieled bix-xabla Zweihänder. Għalhekk, dawk li kienu jissieltu b’din l-arma kienu jitħallsu aktar mill-oħrajn. Dawn it-tip ta’ xwabel kienu jqanqlu biża’ kbir waqt il-battalji peress li b’daqqa waħda, faċilment setgħu jinfdu fl-armatura ta’ dak iż-żmien u jaqsmu lill-avversarju fi tnejn.

Xwabel bħal dawn kienu jintużaw mill-kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann u mill-merċenarji fid-difiża ta’ Malta waqt l-Assedju l-Kbir tal-1565. L-użu ta’ armi bħal dawn huwa ddokumentat fil-freġju mpitter minn Matteo Perez d'Aleccio ġewwa s-Sala tal-Gran Kunsill (Kamra tat-Tron) fil-Palazz tal-Granmastru l-Belt, fosthom fix-xeni li juru l-Piccolo Soccorso u l-attakk fuq il-Posta ta’ Kastilja.

L-arma magħrufa bħala Zweihänder, Doppelhänder jew Beidhänder żviluppat minn xabla oħra twila li kienet teżisti fi Żmien il-Medju Evu Tardiv. Saret l-arma karatteristika tas-suldati merċenarji Ġermaniżi magħrufa bħala Landsknechte fi żmien Massimiljanu I (d. 1519) u kienet popolari wkoll waqt il-Gwerer Taljani tal-1494 – 1559. Din l-arma partikolari tirrappreżenta l-aħħar stadju fit-tendenza li tiżdied it-tul tax-xafra, drawwa li bdiet fis-seklu 14. Fil-forma żviluppata tagħha, Zweihänder akkwistat il-karatteristiċi ta’ arma twila b’xafra, aktar milli ta’ xabla. Għaldaqstant, ma kinetx tinġarr fl-għant imma fuq l-ispallejn.

Fil-Palazz tal-Armerija hemm żewġt ixwabel simili u li jiddataw għall-istess perjodu, iżda dawn kienu tal-qies ta’ id u nofs. Anki dawn ix-xwabel intużaw waqt l-Assedju l-Kbir, bħal kif kienu l-kwantità kbira ta’ korazzi u armi oħra li jinsabu ppreservati fil-kollezzjoni tal-Palazz tal-Armerija u li kollha jiddataw għall-istess żmien.

Din ix-xabla li ngħatat b’donazzjoni hija meqjusa bħala arma storikament importanti peress li l-perjodu u t-tipoloġija tagħha mlew vojt li kien hemm fil-kollezzjoni preżenti. Tnejn u erbgħin xabla li kienu jintużaw b’par idejn jew b’id u nofs ġew dokumentati li kienu jinsabu fil-Palazz tal-Armerija fis-seklu 18 tardiv. Sfortunatament, minn dawn kollha għad fadal biss iż-żewġt ixwabel li ssemmew iktar il-quddiem. Il-bqija tax-xwabel, preżuntement, ittieħdu l-Ingilterra fil-bidu tas-seklu 19.

Ix-xabla ntlaqgħet mill-Kuratur tal-Palazz tal-Armerija, Robert Cassar, u mill-Kuratur Anzjan, Emmanuel Magro Conti. Bħalissa, din l-arma qiegħda tiġi ppreparata ġewwa s-Sezzjoni tal-Konservazzjoni ta’ Heritage Malta sabiex tiġi esebita fil-Palazz tal-Armerija fis-sezzjoni tal-armi li jiddataw għall-bidu tas-seklu 16, flimkien maż-żewġt ixwabel l-oħra.

 

 

 

More in Socjali