Il-playroom fil-ħabs: “Tagħti dinjità lilna u lit-tfal”

Il-Ministru Manuel Mallia jiddeskrievi din il-kamra bħala ħolma tiegħu

Il-playroom li fiha se jsiru laqgħat bejn ir-residenti tal-Faċilità u uliedhom
Il-playroom li fiha se jsiru laqgħat bejn ir-residenti tal-Faċilità u uliedhom

Din il-ġimgħa ġiet inawgurata playroom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li ser tintuża biex isiru laqgħat bejn ir-residenti tal-Faċilità u t-tfal tagħhom. Din il-playroom inbniet fi żmien tliet xhur minn 16-il priġunier u erba’ uffiċjali tal-Faċilità, u grazzi għall-kontribut ta’ voluntiera li pprovdew l-għamara u l-ġugarelli.

Qariba ta’ individwu li qiegħed jiskonta sentenza ta’ 14-il xahar priġunerija u li ma xtaqitx tippubblika isimha, qaltilna li b’dan il-mod il-ġenituri u t-tfal se jkollhom iktar dinjità meta jżuru 'l qrabathom fil-ħabs. “Din hi inizjattiva tajba immens. Tagħti dinjità lilna u lit-tfal. Barra minn hekk, dan il-post huwa akkoljenti ħafna,” sostniet din il-persuna f’kummenti mal-gazzetta ILLUM.

Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Manuel Mallia qal li kien il-Ministeru li għamel pressjoni biex issir din il-playroom għax jemmen li din hija l-politika u d-direzzjoni tal-Gvern preżenti li lest li jagħti kull opportunità lir-residenti tal-Faċilità li jbiddlu ħajjithom u jirrijabilitaw.  

B’hekk, qal il-Ministru, din il-kamra hija ħolma tiegħu, għax filwaqt li kkontribwixxew għaliha residenti u uffiċjali tal-ħabs flimkien, din il-kamra ser isservi biex tfal ta’ residenti ma jgħaddux minn trawma akbar minn dik li diġà qed jaffaċċjaw. 

“It-tfal ta’ residenti  tal-Faċilità jgħaddu minn trawma li jkunu separati minn ġenitur tagħhom li jkun qed jiskonta sentenza. Apparti minn din it-trawma, jgħaddu mill-istigma tas-soċjetà, u kien għalhekk li nħass il-bżonn li jkun hemm ambjent aktar addatat u armonjuż għat-tfal meta jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom fil-Faċilità Korrettiva,” sostna l-Ministru Mallia. 

Il-Ministru Mallia, waqt li kien qed jindirizza lir-residenti tal-Faċilità, tenna li huma kienu l-periti mhux biss ta’ din il-kamra, iżda ta’ ideat tajbin ħafna u żgur li kapaċi jagħmlu ħafna aħjar minn hekk. Għalhekk, id-dover tal-Gvern huwa li jisfrutta dawn il-kapaċitajiet ħalli s-soċjetà tkun lesta tilqagħhom lura u jkollha inqas livelli ta’ kriminalità.

Waqt l-istess attività infetħet is-Sala tad-Debituri li fuqha sar rinovar u xogħol ta’ tisbiħ. Din is-sala sservi għall-visti tal-priġunieri mal-qraba tagħhom. F’din is-sala ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ cctv cameras għal skopijiet ta’ aktar sorveljenza.

More in Socjali