Tliet irġiel li waslu Malta fit-2 ta’ Novembru ġew ikkundannati sitt xhur priġunerija effettiva kull wieħed wara li ammettew akkużi marbuta mal-pussess ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar foloz jew li ma kinux jappartjenu lilhom.
L-irġiel, li tressqu separatament quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, huma Mourtda Kasime Jaoud, ta’ 33 sena mill-Iraq, Mohammed Hasan Mohammed Al Baaj, ta’ 24 sena wkoll mill-Iraq, u Sakhr Al Gumaei, ta’ 36 sena mill-Jemen.
Il-prosekuzzjoni spjegat li ż-żewġ ċittadini Iraqini nqabdu fil-pussess ta’ passaporti Iraqini foloz, filwaqt li r-raġel mill-Jemen instab b’dokumenti Griegi li kienu jappartjenu lil persuna oħra.
It-tliet irġiel ġew arrestati wara li ġew identifikati dawn l-irregolaritajiet fid-dokumenti tagħhom.
Il-prosekuzzjoni titlob sentenzi ta’ ħabs effettiv
Matul il-proċeduri, it-tliet akkużati ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
L-Ispettur Lara Butters, li mexxiet il-prosekuzzjoni fit-tliet każijiet, talbet lill-Qorti timponi pieni ta’ priġunerija effettiva.
Fl-istess waqt, il-prosekuzzjoni rrikonoxxiet li l-irġiel kienu kkoperaw mal-Pulizija matul l-investigazzjonijiet.
Wara li kkunsidrat l-ammissjonijiet tagħhom, il-Maġistrat Nadine Sant Lia kkundannat lil kull wieħed minnhom għal sitt xhur ħabs effettiv.
It-tliet akkużati kienu assistiti mill-avukata tal-għajnuna legali Yanica Barbara.