Raġel mill-Ghana akkużat bil-qtil ta’ Miriam Azzopardi qal lill-pulizija li qabad lill-vittma minn għonqha waqt li kienu qed ikollhom x’jaqsmu sesswalment f’għalqa fil-Marsa. Dan xehdu l-Ispettur Kurt Colombo Zahra waqt l-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Isaac Asare.
Asare, ta’ 34 sena, tressaq il-Qorti taħt arrest fil-25 ta’ Settembru, akkużat bl-omiċidju volontarju ta’ Azzopardi. Huwa qed jiġi akkużat ukoll li seraq il-mobile tal-vittma u oġġetti oħra li kienu tagħha.
Azzopardi, ta’ 48 sena, instabet mejta f’għalqa fi Triq is-Salib tal-Marsa, wara li persuni li kienu fl-inħawi avviċinaw uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jagħmlu ronda u infurmawhom bil-katavru.
L-ispettur qal li fit-23 ta’ Settembru l-pulizija ġew infurmati li kien instab il-katavru ta’ mara f’għalqa fi Triq is-Salib tal-Marsa. Meta wasal fuq il-post, Azzopardi kienet mimduda wiċċha ’l fuq bla ħajja, b’marki viżibbli madwar għonqha. Kienet ħafja, liebsa qalziet iswed, li kien nofsu mniżżel u flokk iswed. Fil-qrib instab ukoll basket aħmar.
Għall-ewwel, il-pulizija ssuspettaw li l-vittma kienet Azzopardi. L-identità tagħha ġiet ikkonfermata aktar tard wara li ħuha mar fuq il-post u għaraf lil oħtu.
Il-Qorti semgħet li mill-awtopsja rriżulta li Azzopardi mietet fgata. Il-mewt tagħha kienet stmata li seħħet madwar 12-il siegħa qabel ma nstab il-katavru.
CCTV juri lil Azzopardi tidħol fl-għalqa iżda qatt ma tidher ħierġa
L-investigaturi sussegwentement ġabru filmati tas-CCTV biex jistabilixxu l-aħħar movimenti ta’ Azzopardi.
Għall-ħabta tal-10:03pm tat-22 ta’ Settembru, Azzopardi dehret tiġi avviċinata minn raġel qrib il-BOV fil-Marsa. Ħames minuti wara, it-tnejn dehru mexjin lejn l-għalqa. Għall-ħabta tal-11:17pm, ir-raġel inqabad mill-kameras ħiereġ mill-għalqa waħdu. Azzopardi ma dehret qatt ħierġa mill-għalqa.
Il-pulizija komplew isegwu l-movimenti tar-raġel permezz tal-filmati tas-CCTV, li wassluhom lejn Triq il-Ġiżwiti fil-Marsa. Minn hemm, l-investigaturi bdew jissuspettaw li r-raġel kien qed joqgħod fl-inħawi u ntbagħtu uffiċjali biex jippruvaw isibuh. Ir-raġel eventwalment deher ħiereġ minn residenza fil-qrib.
Huwa ġie arrestat wara li l-pulizija kkonfermaw li kien jidher li huwa l-istess raġel li deher fil-filmati tas-CCTV.
Meta ġie mistoqsi mill-pulizija, huwa qal li kien joqgħod fil-Waterfront Hotel f’Tas-Sliema. Iżda waqt tfittxija fuq il-persuna tiegħu, il-pulizija sabu sett ċwievet li kienu jiftħu r-residenza li kienu rawh ħiereġ minnha. Fil-komun tar-residenza nstab ukoll karkur tan-Nike bi strixxi ħomor. L-ispettur qal li dawn dehru jaqblu ma’ dawk li kien liebes ir-raġel li deher fil-filmati tas-CCTV.
Il-pulizija elevaw ukoll tliet mowbajls fosthom iPhone iswed li ġie identifikat li huwa ta’ Azzopardi.
‘Qbadtha minn għonqha’
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat qal lill-pulizija li kien ilu jaf lil Azzopardi għal madwar sentejn u li din kienet tmur twassal l-ikel fl-appartament fejn kien joqgħod hu flimkien ma’ persuni oħra. Mistoqsi dwar il-lejl li fih mietet Azzopardi, huwa qal li avviċinaha għall-ħabta tal-10pm u talabha biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment. Huwa sostna li Azzopardi talbitu €10 u li wara marru flimkien fl-għalqa. Skont ix-xhieda tal-Ispettur Colombo Zahra, l-akkużat qal lill-pulizija: “Waqt li kont qed neġakula, qbadtha minn għonqha,”.
Għall-ewwel, l-akkużat qal lill-pulizija li kien dam ma’ Azzopardi għal bejn 10 u 15-il minuta. Madankollu, l-investigaturi kkonfrontawh b’filmati tas-CCTV li kienu juru li huwa kien dam fl-għalqa magħha għal madwar siegħa u disa’ minuti. L-akkużat imbagħad qal li għall-ewwel kienu tkellmu, wara kellhom x’jaqsmu sesswalment u eventwalment telaq minn fuq il-post.
L-investigaturi staqsewh ukoll dwar il-mowbajl ta’ Azzopardi, li nstab f’basket iswed fil-pussess tiegħu. Huwa sostna li Azzopardi kienet biegħetlu l-mobile għal €20.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Kaylie Bonnet assistita mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Miriam Lia. L-avukati tad-difiża Arthur Azzopardi, Franco Debono u Matthew Xuereb qed jidhru għall-familja tal-vittma.
Il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.