Sirjan ta’ 23 sena ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assigurazzjoni, fost akkużi oħra.
Auad Obayd Ali, li jgħix il-Marsa, tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech akkużat b’reati mwettqa fl-4 ta’ Ottubru għall-ħabta tal-11:30pm fi Triq ix-Xatt ta’ Xbiex, l-Imsida, u fi bnadi oħra.
Ali twaqqaf mill-pulizija waqt spezzjoni fit-toroq, fejn instab li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assigurazzjoni.
Huwa ġie mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni jew ta informazzjoni falza lil awtorità pubblika, kif ukoll b’falsifikazzjoni u bl-użu ta’ dokument falsifikat. L-akkużi kienu jinkludu wkoll li rrifjuta li jagħti, jew ta b’mod falz, ismu, kunjomu jew partikolarijiet oħra lil uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-akkużat kien fil-pussess ta’ karta tal-identità Bulgara. Ali wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat Frendo Dimech ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti rrakkomandat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jeżerċita s-setgħat tiegħu taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Buhagiar, filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia deher għall-akkużat.