Qorti Kostituzzjonali tiċħad il-kawża ta’ Keith Schembri dwar ix-xhieda tiegħu fil-PAC

Il-Qorti sabet li ma ġiex ippruvat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, u qalet li xhieda quddiem il-PAC għandhom protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni anke jekk ma jistgħux jitolbu ruling direttament mingħand l-Ispeaker

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet il-kawża mressqa minn Keith Schembri, li kien qed jallega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC.

Il-każ imur lura għal Marzu u April tal-2023, meta Schembri kien ġie msejjaħ jixhed quddiem il-kumitat dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq kuntratti mogħtija mill-Enemalta lil Electrogas Malta Limited.

Huwa kien xehed taħt ġurament għal kważi erba’ sigħat.

Matul dawk il-proċeduri, it-tliet membri tal-Oppożizzjoni fil-kumitat — Darren Carabott, David Agius u Graham Bencini — kienu għamlu rapport lill-Pulizija dwar verżjonijiet ġuramentati li qalu kienu konfliġġenti bejn Schembri u żewġ xhieda oħra.

Schembri mbagħad argumenta li t-tliet deputati ma kellhomx jibqgħu jieħdu sehem fil-PAC wara li għamlu rapport lill-Pulizija dwar il-materja.

Huwa sostna li dan ħoloq dehra oġġettiva ta’ parzjalità u kunflitt ta’ interess.

Schembri kkontesta wkoll il-mod kif ġiet trattata t-talba tiegħu biex ix-xhieda tiegħu titwaqqaf.

Huwa kien talab li l-kwistjoni titressaq quddiem l-Ispeaker tal-Kamra għal ruling, bl-argument li ma kellux jibqa’ jixhed waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni tal-Pulizija li kienet irriżultat mir-rapport tat-tliet deputati.

Madankollu, iċ-Chairman tal-PAC Darren Carabott kien qallu li, taħt Standing Order 62, xhud li ma jkunx Membru Parlamentari ma jistax iqajjem point of order direttament quddiem l-Ispeaker.

Schembri sostna li din l-interpretazzjoni ħallietu mingħajr rimedju proċedurali effettiv, minkejja li kien obbligat bil-liġi jidher quddiem il-kumitat, jieħu l-ġurament u jwieġeb il-mistoqsijiet.

Protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni

Il-Qorti qalet li xhieda quddiem il-PAC għandhom protezzjoni kontra li jiġu sfurzati jwieġbu mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawhom.

Madankollu, għamlet distinzjoni bejn dan id-dritt u dritt ġenerali li xhud ma jwieġeb ebda mistoqsija.

Skont il-Qorti, il-protezzjoni tapplika għal mistoqsijiet li jistgħu realment iwasslu għall-awtoinkriminazzjoni, u Schembri seta’ jinvoka din il-protezzjoni mingħajr ma kellu bżonn permess mingħand l-Ispeaker.

Il-Qorti sabet li Schembri ma weriex li kien effettivament sfurzat iwieġeb mistoqsija li setgħet tinkriminah, u lanqas li ġie ssanzjonat talli rrifjuta li jixhed.

Ma kien hemm lanqas evidenza li huwa sar suspettat jew akkużat f’xi proċeduri kriminali li nibtu mir-rapport tal-Pulizija.

Standing Order 62 ma jagħtix dritt dirett għal ruling

Il-Qorti qablet mal-interpretazzjoni li Standing Order 62 ma jagħtix lil xhud li mhuwiex deputat dritt dirett li jqajjem formalment point of order jew jitlob ruling mingħand l-Ispeaker.

Madankollu, qalet li dan ma jfissirx li Schembri kien mingħajr protezzjoni legali sostantiva.

Fil-fatt, wara li Schembri qal li ma kienx se jwieġeb aktar mistoqsijiet u nfetħu l-proċeduri kostituzzjonali, l-Ispeaker kien ordna li l-PAC jissospendi l-interrogazzjoni tiegħu sakemm tingħata deċiżjoni fil-kawża.

Il-Qorti qalet li dan ifisser li Schembri fl-aħħar mill-aħħar ma kienx ġie sfurzat ikompli jwieġeb u lanqas ġie soġġett għal ordni koerċittiva jew sanzjoni.

Għalhekk ma sabitx li kien hemm ksur sostantiv tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

Il-Qorti ma sabitx ksur minħabba l-allegata parzjalità tat-tliet deputati

Schembri kien sostna wkoll li Carabott, Agius u Bencini kellhom jitwarrbu mill-PAC wara li għamlu r-rapport lill-Pulizija.

Il-Qorti kkunsidrat il-kwistjoni tal-imparzjalità oġġettiva, iżda ma sabitx ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni.

Hija qalet li l-PAC kien qed iwettaq funzjoni investigattiva u mhux jaġixxi bħala qorti li kienet qed tiddeċiedi l-ħtija kriminali jew id-drittijiet ċivili ta’ Schembri.

L-Avukat tal-Istat jinħeles mill-kawża

Il-Qorti ħelset ukoll lill-Avukat tal-Istat mill-proċeduri, wara li sabet li l-uffiċċju tiegħu ma kellux involviment dirett jew setgħa fuq ir-regoli interni tal-Parlament.

Fl-istess waqt, il-Qorti ċċarat li xhieda quddiem il-PAC xorta għandhom protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni u jistgħu jqajmu kwistjonijiet dwar id-drittijiet tagħhom, minkejja li Standing Order 62 ma jagħtihomx dritt personali għal ruling mingħand l-Ispeaker.

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba ta’ Schembri biex ix-xhieda tiegħu tibqa’ sospiża sakemm tintemm l-allegata investigazzjoni kriminali, u qalet li ma ġiex stabbilit xi dritt ġenerali għal tali sospensjoni.

B’hekk, il-Qorti ċaħdet il-pretensjonijiet kostituzzjonali tiegħu dwar allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

 

More in Qrati u Pulizija