Żagħżugħ ta’ 18-il sena fil-periklu tal-mewt wara waqgħa ta’ erba’ sulari f’San Ġiljan

Iż-żagħżugħ kien qed jagħmel xogħlijiet fi blokka ta’ appartamenti fi Triq Forrest meta waqa’ fil-komun tal-binja

Żagħżugħ Sirjan ta’ 18-il sena residenti Santa Venera sofra ġrieħi serji wara li waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qed jagħmel xogħlijiet fi blokka ta’ appartamenti f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.30pm fi Triq Forrest. 

Skont l-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija, iż-żagħżugħ waqa’ fil-komun tal-blokka waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu.

Huwa ttieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji. 

Il-Maġistrat Renata Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, għadhom għaddejjin. 

More in Qrati u Pulizija