Raġel mixli li seraq televiżjoni ta’ €300 minn ristorant f’San Pawl il-Baħar

Massimo Demurtas ġie mixli li seraq televiżjoni mir-ristorant Sea Cloud wara li daħħal idejh minn xaqq bejn il-ħġieġ u qala’ l-wires tal-apparat

Taljan ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti mixli li seraq televiżjoni li jiswa madwar €300 minn ristorant f’San Pawl il-Baħar.

Massimo Demurtas ammetta li wettaq is-serqa fl-10 ta’ Settembru għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu mir-ristorant Sea Cloud. Fil-Qorti ntqal li Demurtas daħħal idejh minn fetħa bejn il-ħġieġ tal-istabbiliment, qala’ l-wires tal-apparat u ħadu minn fuq il-post.

Is-sidien tar-ristorant irraportaw is-serqa lill-pulizija filwaqt li tellgħu wkoll filmati tal-inċident fuq il-midja soċjali f’appell għall-għajnuna tal-pubbliku biex jiġi identifikat is-suspettat. Sussegwentement, il-pulizija rċeviet informazzjoni dwar l-identità tas-suspettat, fosthom dwar fejn kien jaħdem u fejn joqgħod. Demurtas ġie identifikat minn filmati tas-CCTV bħala l-persuna li wettqet is-serqa.

Demurtas wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti wissietu dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu, inkluż il-possibbiltà ta’ piena ta’ priġunerija, u spjegatlu ċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-ammissjoni.

Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni rrimarkat dwar in-natura tas-serqa, li kienet aggravata bil-ħin u bil-valur, u talbet piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, il-massimu previst għal sentenza sospiża. L-avukata tal-għajnuna legali qablet. 

Il-Qorti sabet lil Demurtas ħati fuq ammissjoni tiegħu stess u kkundannatu għal tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas lura l-valur tat-televiżjoni, inkluż l-ispejjeż marbuta ma xi ħsarat li setgħu saru u mal-installazzjoni tal-apparat ġdid. 

Il-prosekuzzjoni tmiexxiet mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Gabriel Abela u mill-Ispetturi Warren Galea u Bradley Grima. L-avukata tal-għajnuna legali Sarah Ciliberti assistiet lill-akkużat. Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ppresieda l-każ.

More in Qrati u Pulizija