Raġel ta’ 47 sena mill-Arġentina sofra ġrieħi serji f’inċident fuq il-post tax-xogħol fi scrapyard fi Triq tal-Barrani, iż-Żejtun.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am tal-Ħadd filgħodu.
Skont investigazzjoni preliminari tal-Pulizija, ir-raġel kien qed jaqta’ l-ħadid b’apparat tal-gass meta, għal xi raġuni, seħħet ħsara fl-apparat.
B’konsegwenza ta’ dan, il-ħaddiem sofra ħruq.
Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu lir-raġel.
Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Dalgħodu, il-Pulizija kienet inizjalment issejħet fuq il-post wara rapporti ta’ ħoss qawwi fl-inħawi li deher li kien splużjoni.
Aktar tard ġie stabbilit li l-inċident seħħ waqt ix-xogħol fis-scrapyard.
Il-Maġistrat Renata Farrugia ġiet infurmata bil-każ u fetħet inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.