Tliet Taljani arrestati fuq serq ta’ ġiżirajjen f’Ta’ Qali b’valur ta’ aktar minn €17,000

Il-pulizija tgħid li s-suspettati kienu jiżfnu man-nies qabel jaħtfu l-ġiżirajjen minn ma’ għonqhom u jaħarbu qalb il-folla

Tliet irġiel Taljani ġew arrestati b’rabta ma’ sensiela ta’ serq ta’ ġiżirajjen minn persuni f’postijiet ta’ divertiment f’Ta’ Qali, b’valur totali ta’ aktar minn €17,000.

Il-pulizija qalet li kienet infurmata b’diversi każijiet ta’ serq li seħħew matul il-lejl ta’ bejn it-28 u d-29 ta’ Awwissu.

Mill-investigazzjonijiet, fosthom analiżi ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà, irriżulta li s-serq allegatament kien organizzat u kkoordinat mill-istess tliet persuni.

Skont il-pulizija, is-suspettati kienu javviċinaw persuni u jiżfnu magħhom, qabel allegatament jaħtfu u jiġbdu l-ġiżirajjen minn ma’ għonqhom u jaħarbu qalb il-folla.

L-investigaturi identifikaw wieħed mis-suspettati u, wara aktar osservazzjoni, irnexxielhom jidentifikaw liż-żewġ persuni l-oħra.

It-tliet irġiel sussegwentement ġew arrestati f’residenza f’Birżebbuġa. Waqt tfittxija fil-post, il-pulizija sabet parti mill-ġojjellerija li kienet ġiet irrappurtata misruqa.

Is-suspettati huma tliet irġiel Taljani ta’ 45, 32 u 20 sena. Huma baqgħu miżmuma mill-pulizija hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

It-tlieta mistennija jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco għall-ħabta tas-2pm tal-Ħamis.

More in Qrati u Pulizija