Yorgen Fenech raġel ħieles: Jinstab mhux ħati ta' involviment fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Il-ġurati sabu lil Fenech mhux ħati bi tmien voti kontra wieħed fuq kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia u fuq assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta

Yorgen Fenech meta ħareġ mill-qorti wara li ġie lliberat mill-akkuża ta' involviment fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
Yorgen Fenech meta ħareġ mill-qorti wara li ġie lliberat mill-akkuża ta' involviment fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech ġie lliberat mill-akkuża li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-verdett wasal l-Erbgħa filgħaxija wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni, u temm proċess li dam madwar xahrejn u li matulu l-ġurati semgħu xhieda estensiva, evidenza u argumenti kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża.

Fenech instab mhux ħati b’maġġoranza ta’ tmien voti kontra wieħed fuq l-ewwel akkuża fl-att tal-akkuża, dik ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fit-tieni u l-aħħar akkuża, li kienet tikkonċerna assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jitwettaq reat f’Malta, il-ġurati reġgħu sabu lil Fenech mhux ħati b’maġġoranza ta’ tmien voti kontra wieħed.

Il-verdett ingħata ftit wara s-7pm, wara stennija mimlija tensjoni f’Sala 22 ippakkjata bin-nies, fejn kienu nġabru qraba kemm ta’ Fenech kif ukoll ta’ Caruana Galizia, flimkien ma’ ringieli ta’ ġurnalisti li stennew biex jisimgħu d-deċiżjoni tal-ġurija.

Fil-qorti kienu preżenti r-raġel ta’ Caruana Galizia, Peter, uliedha Matthew, Andrew u Paul, kif ukoll oħtha Corinne Vella, filwaqt li membri tal-familja ta’ Fenech kienu bilqiegħda fuq in-naħa l-oħra.

Hekk kif ingħata l-verdett, Fenech, li kien emozzjonat, dar lejn l-avukat tad-difiża tiegħu Charles Mercieca u għannqu b’mod qawwi.

Il-ġurati kellhom jiddeċiedu fuq żewġ akkużi separati.

L-ewwel akkuża, dik ta’ kompliċità f’omiċidju volontarju, kienet titlob lill-ġurati jiddeterminaw jekk Fenech kienx assistix intenzjonalment, inkoraġġixxa jew ta struzzjonijiet lil persuni oħra biex iwettqu l-qtil ta’ Caruana Galizia, minkejja li ma kienx hu li fiżikament wettaq l-isplużjoni.

It-tieni akkuża kienet tikkonċerna assoċjazzjoni kriminali u kienet tirrikjedi li l-ġurati jiddeċiedu jekk Fenech kienx daħal fi ftehim ma’ persuna waħda jew aktar li magħhom kien jaqsam l-intenzjoni kriminali li jitwettaq ir-reat.

L-Imħallef Edwina Grima spjegat li r-reat ta’ assoċjazzjoni kriminali jitqies komplut hekk kif jintlaħaq ftehim bejn tal-inqas żewġ persuni li jaqsmu l-istess intenzjoni kriminali. Iż-żewġ akkużi kellhom jiġu kkunsidrati separatament, jiġifieri li l-verdett fuq waħda ma kienx awtomatikament jiddetermina l-oħra.

Il-verdett jagħlaq proċess iċċentrat fuq il-kwistjoni dwar jekk Fenech kienx ikkummissjona l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’bomba f’karozza barra d-dar tagħha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Fenech ġie arrestat f’Novembru tal-2019 u sussegwentement tressqu kontrih akkużi dwar ir-rwol allegat tiegħu fil-qtil. Huwa ċaħad l-akkużi u tul il-proċess kollu sostna li ma kienx il-moħħ wara l-assassinju.

Il-każ tal-prosekuzzjoni kien li Fenech ikkummissjona u ffinanzja l-qtil, billi uża lil Melvin Theuma bħala intermedjarju bejnu u bejn l-irġiel li wettqu l-qtil. Il-prosekuturi allegaw li €150,000 kienu ġew allokati għall-qtil, inkluż depożitu ta’ €30,000.

Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali wara l-arrest tiegħu f’Novembru tal-2019, sar xhud ċentrali għall-prosekuzzjoni u identifika lil Fenech bħala l-persuna li kkummissjonat l-assassinju.

Id-difiża kkontestat il-kredibbiltà ta’ Theuma u ċaħdet il-każ tal-prosekuzzjoni kontra Fenech. Tul il-proċess, l-avukati ta’ Fenech ippruvaw jindikaw lejn l-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, u ressqu l-argument li kien Schembri, u mhux Fenech, li kien wara l-qtil.

Meta xehed fil-proċess, Fenech innifsu ċaħad li kien il-moħħ wara l-qtil u indika lejn Schembri bħala l-persuna li kienet wara l-assassinju.

Tul il-proċess ta’ 55 jum, il-ġurati semgħu investigaturi, esperti u diversi persuni ewlenin fil-każ, filwaqt li ġew ippreżentati wkoll ir-reġistrazzjonijiet ta’ Melvin Theuma, evidenza diġitali u komunikazzjonijiet li kienu jinvolvu lil Fenech u persuni oħra.

Fenech innifsu qatta’ diversi jiem fuq il-pedana tax-xhieda u ġie kontro-eżaminat b’mod estensiv mill-prosekuturi.

Wara li ż-żewġ naħat għalqu l-każijiet tagħhom u għamlu l-aħħar argumenti, Grima qattgħet tlett ijiem tgħaddi lill-ġurati mill-evidenza u tispjegalhom il-liġi li kellhom japplikaw.

Id-disa’ ġurati ntbagħtu jiddeliberaw għall-ħabta tal-11am tal-lum, u eventwalment irritornaw f’Sala 22 ftit wara s-7pm, wara madwar tmien sigħat ta’ deliberazzjoni, biex jagħtu l-verdett li temm il-proċess twil kontra Fenech.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

Id-difiża kienet immexxija mill-avukati Charles Mercieca, Gianella Demarco u Gianluca Caruana Curran.

L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi dehru parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia.

L-Imħallef Edwina Grima ppresediet il-ġurija.

More in Qrati u Pulizija