DIRETT | Yorgen Fenech illiberat minn kull akkuża

Il-ġurati waslu għal verdett u ninsab f'awla 22 fejn qed nistennew lill-ġurati deħlin

🔴 DIRETT
19:35

VERDETT: Yorgen Fenech mhux ħati fuq iż-żewġ kapi ta’ akkuża

Il-ġurati sabu lil Yorgen Fenech mhux ħati fuq iż-żewġ kapi ta’ akkuża miġjuba kontrih fil-ġuri dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fuq l-ewwel kap — li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia — il-ġurati vvutaw 8 kontra 1 favur verdett ta’ mhux ħati.

Jaelle Borg
19:33

Jidħlu l-Imħallef u l-ġurati fl-awla

L-Imħallef Edwina Grima tidħol lura fl-awla, segwita mid-disa’ ġurati, hekk kif kulħadd jistenna l-verdett fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
19:31

Awla ppakkjata hekk kif kulħadd jistenna l-verdett

Bħalissa ninsabu ġewwa Awla 22, li hija ppakkjata sa ruħ ommha, hekk kif kulħadd qed jistenna li d-disa’ ġurati jidħlu lura fil-Qorti bil-verdett tagħhom fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

Il-ġurati ilhom jiddeliberaw minn aktar kmieni llum wara li l-Imħallef Edwina Grima temmet l-indirizz tagħha u tathom il-każ f’idejhom.

Issa, l-attenzjoni kollha tinsab fuq il-bieb tal-awla, hekk kif kull min jinsab preżenti qed jistenna l-mument li fih il-ġurati jerġgħu jidħlu u jħabbru jekk waslux għal deċiżjoni.

Jaelle Borg
11:17

X’jiġri issa? Il-ġurati jirtiraw biex jiddeliberaw waħedhom

Il-ġurati issa daħlu jiddeliberaw fuq iż-żewġ kapi ta’ akkuża kontra Yorgen Fenech.

Minn dan il-mument, huma jkunu waħedhom fil-kamra tal-ġurija u ma jistgħux jiddiskutu l-każ ma’ ħadd barra minn dik il-kamra. Id-deċiżjoni trid tittieħed biss fuq il-provi li nstemgħu fil-Qorti u fuq id-direzzjonijiet legali mogħtija mill-Imħallef Edwina Grima.

Il-ġurati jistgħu jitkellmu u jiddiskutu l-provi bejniethom kemm hemm bżonn qabel jaslu għall-vot. M’hemmx ħin fiss jew limitu strett fuq kemm jistgħu jdumu jiddeliberaw — jistgħu jieħdu kemm iqisu meħtieġ biex jaslu għal deċiżjoni.

Meta jasal il-mument tal-votazzjoni, kull ġurat jivvota separatament fuq kull kap ta’ akkuża. Verdett jista’ jintlaħaq b’maġġoranza minima ta’ 6 kontra 3, filwaqt li 9 voti fl-istess direzzjoni jfissru verdett unanimu.

Ladarba jaslu għal verdett, il-Qorti terġa’ tissejjaħ u jkun il-Prim Ġurat li jħabbar id-deċiżjoni.

Sa dak il-ħin, il-ġuri jinsab issa kompletament f’idejn il-ġurati.

Jaelle Borg
11:12

Grima tirringrazzja lill-ġurati għas-sagrifiċċju u d-dmir ċiviku tagħhom

Hekk kif qed tersaq lejn it-tmiem tal-indirizz tagħha, l-Imħallef Edwina Grima indirizzat direttament lill-ġurati u rringrazzjathom għall-ħin u s-sagrifiċċju li għamlu matul il-ġuri.

“Nitlob lil Mulej jgħinkom.”

Hija rringrazzjathom talli ilhom daqshekk żmien ’il bogħod mill-familji tagħhom biex jaqdu dan id-dmir ċiviku.

“Nixtieq nirringrazzjakom talli qegħdin hawn, ’il bogħod mill-familja, u qed tagħmlu dan id-dmir ċiviku tagħkom. Ta’ dan nirringrazzjakom minn qalbi ħafna, ħafna.”

Jaelle Borg
11:06

Il-verdett jista’ jittieħed b’maġġoranza ta’ 6 kontra 3

L-Imħallef Edwina Grima bdiet tispjega lill-ġurati kif se jsir il-proċess tal-votazzjoni ladarba jirtiraw biex jiddeliberaw.

Hija qalet li biex jittieħed verdett hemm bżonn maġġoranza minima ta’ sitt voti kontra tlieta. Jekk id-disa’ ġurati kollha jaqblu, il-verdett ikun unanimu.

Il-ġurati se jiddiskutu flimkien il-provi li nġabu quddiemhom, iżda kull ġurat se jivvota separatament. Kull wieħed minnhom se jikteb fuq biċċa karta l-vot tiegħu għal kull kap ta’ akkuża.

Yorgen Fenech qed jiffaċċja żewġ kapi ta’ akkuża, u għalhekk il-ġurati jridu jagħtu vot separat fuq kull wieħed minnhom.

Wara, il-Prim Ġurat jiġbor il-voti u jkun hu li jħabbar il-verdett tal-ġurija fil-Qorti.

Jaelle Borg
11:04

“Intom l-imħallfin sovrani tal-fatti” — Grima twissi lill-ġurati biex jiffukaw biss fuq Yorgen Fenech

L-Imħallef Edwina Grima daħlet fl-aħħar parti tal-indirizz tagħha lill-ġurati billi fakkritilhom li, wara l-volum kbir ta’ xhieda, chats u recordings li semgħu tul il-ġuri, issa huma jridu jiddeċiedu jekk Yorgen Fenech huwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Hija enfasizzat li l-linja tad-Difiża ddur ħafna fuq il-kredibbiltà tax-xhieda, u għalhekk il-ġurati jridu jiżnu huma stess kemm għandhom jemmnu jew le lil kull xhud.

Grima fakkritilhom ukoll li l-proklama mogħtija lil Melvin Theuma ma tfissirx, waħedha, li dak kollu li qal għandu jitqies bħala veru. Ix-xhieda tiegħu trid tiġi evalwata bħall-bqija tal-provi.

L-Imħallef kienet ċara wkoll li l-ġurati mhumiex hemm biex jiddeċiedu jekk Keith Schembri huwiex ħati. L-eżami tagħhom irid ikun iffukat biss fuq l-akkużat li jinsab quddiemhom, Yorgen Fenech.

“Intom l-imħallfin sovrani tal-fatti u ħadd ma jista’ jindaħlilkom.”

Hija appellatilhom biex iwarrbu kull preġudizzju, simpatija jew antipatija, u reġgħet fakkritilhom fil-konfini tar-rwol tagħhom:

“Intom imħallfin u ġudikanti, iżda mhux investigaturi. Dak mhux xogħolkom.”

Jaelle Borg
11:02

“Dan mhux il-ġuri ta’ Keith Schembri” — Grima tgħid lill-ġurati biex jiffukaw biss fuq Fenech

Wara li temmet ir-rikapitulazzjoni tax-xhieda, l-Imħallef Edwina Grima bdiet l-aħħar parti tal-indirizz tagħha billi fakkret lill-ġurati fil-kompitu ewlieni tagħhom: li jeżaminaw il-provi kollha u jiddeċiedu jekk Yorgen Fenech huwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Grima qalet li d-Difiża bniet parti importanti mill-każ tagħha fuq il-kredibbiltà tax-xhieda, u għalhekk il-ġurati għandhom quddiemhom ħafna materjal x’jiżnu, fosthom ix-xhieda mogħtija fil-Qorti, chats u recordings.

Hija enfasizzat li l-kompitu tagħhom mhuwiex li jiddeċiedu jekk Keith Schembri huwiex ħati, iżda li jagħmlu l-eżami tagħhom fuq l-akkużat li jinsab quddiemhom — Yorgen Fenech.

Dwar Melvin Theuma, l-Imħallef fakkret li l-fatt li ngħata proklama ma jfissirx awtomatikament li dak kollu li qal huwa minnu. Huma l-ġurati li jridu jeżaminaw il-verżjoni tiegħu fid-dawl tal-bqija tal-provi u jiddeċiedu x’piż għandhom jagħtuha.

Fl-aħħar mill-aħħar, qalet Grima, il-mistoqsija li trid tiġi mwieġba tibqa’ waħda: jekk il-Prosekuzzjoni ppruvatx l-akkużi kontra Fenech sal-livell rikjest mil-liġi.

Jaelle Borg
10:51

Grima ttemm ir-rikapitulazzjoni tax-xhieda u tgħaddi għall-aħħar kliem tagħha lill-ġurati

L-Imħallef Edwina Grima issa temmet ir-rikapitulazzjoni tax-xhieda u l-provi li nstemgħu tul il-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

Wara li għaddiet mill-aħħar tliet xhieda mressqa mid-Difiża, Grima bdiet l-aħħar parti tal-indirizz tagħha lill-ġurati, fejn mistennija tiġbor il-prinċipji ewlenin li għandhom jiggwidawhom qabel jirtiraw biex jiddeliberaw.

Dan jimmarka pass ieħor importanti lejn il-konklużjoni tal-ġuri, hekk kif id-disa’ ġurati jinsabu dejjem eqreb milli jingħataw il-każ f’idejhom.

Jaelle Borg
10:50

L-Imħallef tgħaddi għat-tliet xhieda li ressqet id-Difiża

Wara li temmet parti sostanzjali mir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, l-Imħallef Edwina Grima issa tgħaddi għat-tliet xhieda li ressqet id-Difiża fl-aħħar stadju tal-provi. 

L-ewwel wieħed kien John Abela, Direttur tas-General Support Services fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Huwa kien xehed dwar ir-rwol ta’ Keith Schembri bħala Chief of Staff, ir-rwol ta’ Sandro Craus fil-customer care tal-Gvern, u dwar iż-żewġ entraturi ta’ Kastilja. Abela kien qal li l-viżitaturi ordinarji normalment jidħlu mir-reception ta’ Triq San Pawl, filwaqt li l-entratura prinċipali tintuża ġeneralment mill-Prim Ministru, membri tal-Kabinett u mistednin oħra, għalkemm ma kien hemm ebda protokoll miktub li jirrestrinġi min seta’ jużaha. Dan kien rilevanti għall-verżjoni ta’ Melvin Theuma dwar iż-żjara tiegħu f’Kastilja. 

It-tieni xhud kienet Sarah Rausi, rappreżentanta tal-Bank of Valletta. Id-Difiża riedet tistaqsiha dwar tranżazzjonijiet fuq il-Visa Gold ta’ Fenech f’April 2017, biex issostni l-verżjoni tiegħu li kien imsiefer fiż-żmien meta Theuma qal li ngħata l-inkarigu għall-qtil. Madankollu, il-Qorti ma ħallietx lil Rausi tixhed fuq dokument bankarju li ma kienx diġà parti mill-atti tal-każ, u x-xhieda tagħha għalhekk waqfet hemm. 

It-tielet xhud kien Chris Frendo, Head of Legal Affairs ta’ Electrogas. Huwa kien xehed dwar tfittxijiet mhux awtorizzati fis-sistema tal-IT tal-kumpanija, fosthom għal kliem bħal “Keith Schembri”, “17 Black”, “Dubai” u “Orion”. Frendo qal li l-kumpanija ma rrappurtatx minnufih dawn it-tfittxijiet minħabba biża’ mill-impatt fil-media, iżda aktar tard sar rapport lill-Pulizija wara li materjal intern beda jidher fil-pubbliku.

Jaelle Borg
10:44

Fenech qal li kien jaf bil-pjan għall-qtil iżda qatt ma mar għand il-Pulizija

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, li kien ammetta li kien jaf li kien hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, iżda qatt ma għadda din l-informazzjoni lill-Pulizija.

Dan minkejja li, skont ix-xhieda tiegħu stess, kien ħabib mal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Fenech kien qal ukoll li Keith Schembri kien użah.

Dwar 17 Black, huwa kien xehed li ma jafx meta nbidel l-isem tal-kumpanija, filwaqt li qal li Daphne Caruana Galizia qatt ma kienet ċemplitlu.

Jaelle Borg
10:24

Fenech qal li seta’ xtara rigali lil Rosianne Cutajar u li kien ħabib ta’ Edward Zammit Lewis

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, u tfakkar li huwa kien qal li seta’ ġieli xtara xi rigali lil Rosianne Cutajar.

Fenech kien xehed ukoll li kellu relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ Edward Zammit Lewis.

Jaelle Borg
10:09

Fenech qal li beda jibża’ li setgħu jagħmlulu xi ħaġa għax “kien jaf ħafna”

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, u terġa’ tgħaddi mit-tfittxijiet li saru fuq id-dgħajsa tiegħu, fl-uffiċċju tiegħu fil-Portomaso u fir-residenza tiegħu.

Fenech kien xehed li Keith Arnaud qallu: “There is always light at the end of the tunnel.” Huwa qal li, f’dak il-perjodu, beda jibża’ li setgħu jagħmlulu xi ħaġa għax kien jaf ħafna affarijiet, u li l-ansjetà tiegħu kompliet tiżdied sakemm talab l-għajnuna tat-tabib Adrian Vella.

Fenech kien irrakkonta wkoll li, wara li ħareġ bil-bail, martu qaltlu li kien hemm ittra mingħand Keith Schembri.

Skont ix-xhieda tiegħu, Schembri mbagħad ċempillu u qallu li kien se jibgħatlu ittra oħra permezz ta’ Adrian Vella

Jaelle Borg
09:54

Fenech ammetta li 17 Black kienet tiegħu, iżda ċaħad rabta ma’ Electrogas

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Yorgen Fenech, u tfakkar li huwa kien ammetta li 17 Black kienet kumpanija tiegħu.

Fenech, madankollu, kien sostna li 17 Black ma kellha x’taqsam xejn ma’ Electrogas.

Skont il-verżjoni tiegħu, Melvin Theuma kien jgħidlu li informazzjoni dwar l-investigazzjoni kienet tasallu mingħand Edgar Brincat, il-Ġojja, li min-naħa tiegħu kien jiksibha mingħand l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Jaelle Borg
09:51

Fenech: “Wieħed mill-akbar żbalji tiegħi kien li għaddejt il-messaġġi bejn Theuma u Schembri”

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Yorgen Fenech, li fost l-oħrajn kien wera lill-ġurati l-passaport tiegħu biex juri d-dati ta’ meta kien imsiefer.

Fenech kien qal li wieħed mill-akbar żbalji li għamel kien li għadda messaġġi bejn Melvin Theuma u Keith Schembri.

Skont ix-xhieda tiegħu, wara l-arrest tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u ta’ Vince Muscat, Theuma beda jikkuntattjah ta’ spiss u kien jinsab f’paniku, bil-konvinzjoni li kienu ttradewh.

Fenech kien qal ukoll li, f’dak il-perjodu, beda jirċievi telefonati mingħand Johann Cremona.

Jaelle Borg
09:49

Fenech qal li Schembri kellu kważi ossessjoni b’Daphne

L-Imħallef Edwina Grima tibda tirrikapitola x-xhieda tal-akkużat Yorgen Fenech, li kien tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri u kif, skontu, il-kwistjoni ta’ Daphne Caruana Galizia kienet diġà tidħol fid-diskorsi ta’ bejniethom snin qabel il-qtil.

Fenech kien xehed li beda jaħdem fin-negozju tal-familja ta’ 18-il sena u, wara l-mewt ta’ missieru, kompla fin-negozju ma’ zijuh Ray Abdilla.

Huwa qal li kien ilu jaf lil Schembri minn età żgħira u li l-ħbiberija bejniethom kompliet tissaħħaħ wara li Schembri sar Chief of Staff ta’ Joseph Muscat. Fenech kien qal li kien iqisu kważi qisu ħuh u li “used to look up to him.”

Schembri kien ukoll imur fir-ranch tal-familja Fenech. F’okkażjoni minnhom, kien talab li jsajru ħaruf u Fenech qal li talab lil Melvin Theuma, li kien jafu mill-Marsa, biex iġib wieħed.

Skont Fenech, waqt dik l-ikla d-diskors dar fuq blog post ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-marda ta’ Schembri. Huwa kien iddeskriva lil Schembri bħala li kellu kważi ossessjoni bil-ġurnalista.

Fenech kien xehed ukoll li Theuma u Schembri komplew jitkellmu dwar Caruana Galizia. Qal li f’Diċembru tal-2016, waqt li Theuma kien qed iwasslu lejn l-ajruport, Theuma qallu dwar pjan biex tinqatel il-ġurnalista.

Jaelle Borg
09:39

Andrew Caruana Galizia: Daphne qaltlu, “They are trying to fry me alive”

L-Imħallef Edwina Grima issa tgħaddi għax-xhieda ta’ Andrew Caruana Galizia, li kien tkellem dwar ix-xogħol ġurnalistiku ta’ ommu u l-pressjoni li kienet qed tiffaċċja.

Huwa kien xehed li Daphne Caruana Galizia kienet taħdem waħedha u li s-sorsi tagħha kienu jafdawha għax kienu jafu li ma kinitx se tikxef l-identità tagħhom. Andrew, li kien ilu jgħix barra minn Malta għal tmien snin, qal li meta rritorna kien jiltaqa’ magħha ta’ spiss.

Kien jaf li ommu kienet qed taħdem ukoll ma’ ħuh, Matthew Caruana Galizia, iżda qal li hu qatt ma ried ikun jaf min kienu s-sorsi tagħha.

Skont ix-xhieda tiegħu, Daphne kienet qed tipprova tiskopri min kien is-sid ta’ 17 Black.

Andrew kien irrakkonta wkoll kif ommu kienet bdiet tiftaħ qalbha miegħu dwar il-fastidju li kienet qed tirċievi u kemm dan kien qed jolqot il-ħajja tagħha ta’ kuljum.

F’okkażjoni minnhom qaltlu: “They are trying to fry me alive.”

Huwa qal li minħabba dak li kienet għaddejja minnu, ommu ma setgħetx tgħix b’mod trankwill. L-aħħar darba li ltaqgħu, qal, Daphne għannqitu.

Jaelle Borg
09:32

Zahra: Fit-tfittxija fid-dar ta’ Schembri ma ġie elevat xejn

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Kurt Zahra, u issa tgħaddi għar-recordings ta’ Melvin Theuma, li kienu ġew mgħoddija lill-Europol qabel ma eventwalment ġew ippreżentati fil-Qorti.

Dwar it-tfittxija fir-residenza ta’ Keith Schembri, Zahra kien xehed li l-Pulizija ma kellhomx magħhom membri tas-SOCO u li saħansitra sabuha diffiċli biex jillokalizzaw id-dar tiegħu.

F’dik it-tfittxija, qal Zahra, ma ġie elevat xejn, filwaqt li Schembri qal lill-Pulizija li kien tilef il-mobile tiegħu.

L-Imħallef tfakkar ukoll fix-xhieda dwar it-tfittxija fl-uffiċċju ta’ Schembri f’Kastilja. Zahra kien qal li ma kien hemm ebda uffiċjal għassa hemmhekk, u għalkemm ma setax jiftakar jekk kienx Schembri stess li fetaħ l-uffiċċju, kien ċert li hu daħal l-ewwel ġewwa.

Jaelle Borg
09:22

Theuma sar persuna ta’ interess wara l-informazzjoni li bdiet tasal għand il-Pulizija

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Kurt Zahra, li kien spjega kif, minkejja li fl-ewwel sentejn ma kienx involut direttament fl-inkjesta, kien jinżamm aġġornat dwar l-investigazzjoni minn Keith Arnaud.

Skont ix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma beda jitqies bħala persuna ta’ interess wara li Vince Muscat, il-Koħħu, beda jagħti informazzjoni lill-Pulizija.

Muscat ma kienx ingħata proklama f’dak l-istadju, għaliex dak li kien qed jirrakkonta kien meqjus bħala hearsay. Madankollu, permezz ta’ telefonati interċettati, il-Pulizija bdew jiġbru aktar informazzjoni u saru jafu li Theuma kien qed jgħaddi flus lill-aħwa Degiorgio.

Minn hemm, l-FCID bdiet tinvestiga lil Theuma fuq lottu klandestin.

Meta eventwalment ġie arrestat, Theuma qal lill-Pulizija li kellu kaxxa tal-ġelat li fiha kien żamm apparat elettroniku, screenshots ta’ messaġġi u ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri.

Kien f’dak il-punt li qalilhom ukoll li ried jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u talab li jingħata proklama.

Jaelle Borg
09:21

Grima tgħaddi mix-xhieda ta’ diversi uffiċjali tal-Pulizija

L-Imħallef Edwina Grima qed tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu involuti fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fosthom, fakkret fix-xhieda ta’ Kurt Zahra, wieħed mill-investigaturi fil-każ.

Zahra kien xehed li f’Ottubru 2017 ġie infurmat bi splużjoni u li kien hemm suspett li fil-karozza kien hemm Caruana Galizia. Meta wasal fuq il-post, qal li ra wkoll biċċiet ta’ ġisem fit-triq.

Huwa kien tkellem ukoll ma’ Matthew Caruana Galizia, li spjegalu li ommu kienet telqet mid-dar bil-karozza tal-kiri, reġgħet lura għax kienet insiet iċ-chequebook, u mbagħad telqet mill-ġdid. Ftit wara seħħet l-isplużjoni.

Jaelle Borg
09:16

Bongu. Jien Jaelle Borg u se nkun qed inwasslilkom l-aġġornamenti diretti minn Awla 22, fejn illum il-ġuri ta’ Yorgen Fenech jidħol fit-tielet jum tal-indirizz tal-Imħallef Edwina Grima lill-ġurati.

L-Imħallef mistennija tkompli — u possibilment ttemm — l-ispjegazzjonii tal-provi u x-xhieda ewlenija qabel il-ġurati eventwalment jirtiraw biex jiddeliberaw fuq l-akkużi kontra Fenech.

Segwu magħna għall-aħħar żviluppi mill-awla.

Jaelle Borg

L-Imħallef Edwina Grima tidħol illum fit-tielet jum tal-indirizz tagħha lid-disa’ ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, hekk kif il-proċess jibqa’ fl-aħħar fażi tiegħu qabel id-deliberazzjonijiet.

Il-ġurati għadhom ma ngħatawx il-każ f’idejhom biex jiddeċiedu. Qabel jasal dak il-mument, Grima għadha qed tgħaddi magħhom mill-volum kbir ta’ provi, xhieda u verżjonijiet kuntrastanti li nstemgħu tul kważi xahrejn ta’ ġuri.

Ilbieraħ, l-indirizz mexa fuq firxa wiesgħa ta’ punti ewlenin tal-każ.

L-Imħallef reġgħet poġġiet quddiem il-ġurati x-xhieda ta’ Vince Muscat, George u Alfred Degiorgio, inklużi l-allegazzjonijiet dwar pjanijiet preċedenti biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u l-bidla minn pjan ta’ sparatura għal bomba.

Grima għaddiet ukoll mix-xhieda ta’ Edgar Brincat, Lawrence Cutajar, Johann Cremona u Kenneth Camilleri, fejn reġgħu ħarġu l-kuntatti ma’ Melvin Theuma, il-kwistjoni tar-recordings, il-pleġġ tal-aħwa Degiorgio u verżjonijiet differenti dwar ir-rwol ta’ Keith Schembri.

Parti sostanzjali tal-ġurnata kienet iddedikata wkoll għat-tfittxijiet fir-residenza ta’ Schembri. Diversi uffiċjali kienu xehdu li ngħataw struzzjonijiet biex jiġbru biss dak li Schembri nnifsu kien jindikalhom, b’wieħed minnhom jgħid li dak li sar ma kienx “search” fis-sens normali.

Schembri, fix-xhieda tiegħu, ċaħad kull sehem fl-assassinju, ċaħad li bagħat lil Kenneth Camilleri għand Theuma u qal li ma jafx x’sar mill-mobile tiegħu.

L-Imħallef għaddiet ukoll mix-xhieda ta’ Peter u Matthew Caruana Galizia, minn Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa ta’ Fenech, u mit-tabib Adrian Vella, li kien xehed dwar il-ġranet ta’ qabel l-arrest ta’ Fenech u l-kuntatti tiegħu ma’ Keith Schembri.

Lejn tmiem il-ġurnata, Grima bdiet terġa’ tqiegħed quddiem il-ġurati x-xhieda ta’ Melvin Theuma, li kien qal li Fenech avviċinah biex isib lil George Degiorgio u li wara l-elezzjoni tal-2017 tah €150,000 biex jimxi bil-qtil.

Theuma kien xehed ukoll dwar informazzjoni li allegatament waslitlu dwar raid fuq l-eżekuturi, il-flus li kienu jgħaddu għand l-aħwa Degiorgio u l-konfronti tiegħu ma’ Kenneth Camilleri u George Degiorgio.

Il-ġurnata twila kienet tidher ukoll fuq il-ġurati, b’uħud minnhom jidhru għajjenin ħafna hekk kif Grima kompliet tgħaddi minn sensiela twila ta’ xhieda, fosthom numru ta’ uffiċjali forensiċi u esperti diġitali.

Meta l-Qorti terġa’ tibda dalgħodu, l-attenzjoni mistennija tibqa’ fuq it-tkomplija tax-xhieda ta’ Melvin Theuma u l-bqija tal-provi li għad trid tirrikapitola l-Imħallef.

Huwa biss wara li Grima ttemm l-indirizz tagħha u tagħti l-aħħar direzzjonijiet legali li l-ġurati jkunu jistgħu jirtiraw biex jiddeċiedu fuq iż-żewġ akkużi kontra Fenech: kompliċità fl-omiċidju volontarju u assoċjazzjoni kriminali.

More in Qrati u Pulizija