Illum jibda l-ġuri ta’ raġel akkużat bi stupru u abbuż sesswali fuq tifla ta’ 13-il sena

Raġel mistenni jibda għaddej ġuri llum akkużat bi stupru aggravat u reati sesswali oħra fuq tifla ta’ 13-il sena, b’rabta ma’ żewġ inċidenti allegati li seħħew bejn l-2018 u l-2019

Raġel akkużat li stupra u abbuża sesswalment minn tifla ta’ 13-il sena mistenni jibda għaddej ġuri quddiem ġurija fil-Qorti Kriminali llum.

Il-każ jirrigwarda allegazzjonijiet li jmorru lura għas-snin 2018 u 2019, meta t-tifla kellha 13-il sena. L-Avukat Ġenerali ressaq att ta’ akkuża bi tliet kapi, fosthom stupru aggravat, korruzzjoni ta’ persuna taħt is-16-il sena u parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt is-16-il sena.

Skont il-każ tal-Prosekuzzjoni, it-tifla kienet ħabiba ta’ bint l-akkużat, wara li t-tnejn kienu saru jafu lil xulxin permezz tal-ġinnastika. It-tifla kienet ġieli wkoll torqod fid-dar tal-familja.

L-ewwel każ allegat seħħ f’residenza fin-Naxxar għall-ħabta ta’ Ottubru tal-2018. Il-Prosekuzzjoni qed tallega li dak il-ħin it-tifla kienet fis-sular ta’ fuq, filwaqt li ħabibtha kienet isfel tagħmel il-homework u s-sieħba tal-akkużat kienet fuq ix-xogħol.

Fl-att ta’ akkuża jingħad li r-raġel sejjaħ lit-tifla fil-kamra tas-sodda tiegħu, fejn allegatament wettaq attakk sesswali fuqha mingħajr il-kunsens tagħha. L-allegat inċident waqaf wara li bint ir-raġel sejħitlu minn isfel.

It-tieni każ allegat seħħ diversi xhur wara, fit-28 ta’ Ġunju tal-2019, waqt weekend fuq dgħajsa.

Skont l-akkuża, it-tifla kienet mistiedna tqatta’ tmiem il-ġimgħa fuq id-dgħajsa tal-akkużat flimkien mal-familja tiegħu. F’mument minnhom, ir-raġel allegatament spiċċa waħdu fuq id-dgħajsa mat-tifla wara li bintu u s-sieħba tiegħu niżlu l-art għal lezzjoni tal-ġinnastika.

Il-Prosekuzzjoni qed tallega li l-akkużat sejjaħ lit-tifla biex jurihielha sodda ġdida fuq id-dgħajsa, iżda mbagħad allegatament attakkaha sesswalment. Fl-att ta’ akkuża jingħad ukoll li pprova jippenetraha qabel ma rnexxielha timbuttah minn fuqha. Dak iż-żmien it-tifla kellha 13-il sena.

Skont il-Prosekuzzjoni, l-imġiba allegata fiż-żewġ każijiet tammonta għal stupru aggravat minħabba li l-allegata vittma kienet minorenni u kellha inqas minn 15-il sena.

Fit-tieni kap tal-akkuża, ir-raġel jinsab mixli li kkorrompa persuna taħt is-16-il sena fi żmien meta t-tifla kienet temporanjament fdata fil-kura tiegħu. F’każ ta’ ħtija fuq din l-akkuża, qed tintalab piena ta’ bejn sitt u 12-il sena ħabs.

It-tielet akkuża tirrigwarda l-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt is-16-il sena, b’rabta mal-istess allegati fatti. Il-piena indikata f’każ ta’ ħtija fuq dan il-kap tvarja bejn seba’ u 20 sena ħabs.

Għall-akkuża ta’ stupru aggravat, l-att ta’ akkuża jipprovdi piena ta’ bejn ħames u 20 sena priġunerija jekk l-akkużat jinstab ħati.

Qabel il-bidu tal-ġuri, id-Difiża kienet ressqet diversi kontestazzjonijiet legali preliminari, fosthom dwar il-validità tal-att ta’ akkuża u l-ammissibbiltà ta’ ċerta evidenza. Id-Difiża kienet oġġezzjonat ukoll għall-fatt li t-tliet akkużi tressqu flimkien, kif ukoll għal aspetti proċedurali marbuta mal-kumpilazzjoni tax-xhieda.

L-akkużat qed ikun assistit mill-avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud.

More in Qrati u Pulizija