L-Imħallef terġa’ tgħaddi mill-provi ewlenin hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech joqrob lejn l-aħħar tiegħu

Edwina Grima tirrikapitola x-xhieda fuq il-pjanijiet tal-qtil, Melvin Theuma, Keith Schembri u l-investigazzjoni, hekk kif il-ġurati jidhru dejjem aktar għajjenin wara sigħat twal fl-awla

18:42

Wara ġurnata oħra twila, wasalna għall-għeluq tal-ġurnata. Grazzi talli segwejtu dawn. l-aġġornamenti.

Jaelle Borg
18:41

Il-konfronti bejn Theuma, Camilleri u George Degiorgio jerġgħu jidħlu fir-rikapitulazzjoni

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi fil-qosor mir-recordings, filwaqt li tfakkar li Melvin Theuma kien semagħhom.

Minn hemm, ir-rikapitulazzjoni tmur għall-konfronti li saru bejn Theuma u Kenneth Camilleri, kif ukoll bejn Theuma u George Degiorgio.

George Degiorgio kien qal li kien Theuma li kellem lilu l-ewwel, u mhux lil Alfred Degiorgio.

Huwa kien sostna wkoll li huma kienu marru għand Chris Cardona, u li Cardona qalilhom li Keith Schembri kien bagħat lil Melvin Theuma.

Theuma, min-naħa tiegħu, ċaħad din il-verżjoni.

Jaelle Borg
18:29

Theuma jingħata l-maħfra presidenzjali wara twissija biex jgħid il-verità kollha

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Melvin Theuma u tasal għall-istadju tal-proklama.

Theuma kien xehed li l-Maġistrat Neville Camilleri wissieh b’mod ċar li, jekk jingħata maħfra presidenzjali, kien obbligat jgħid il-verità kollha dwar dak li kien jaf.

Wara dan tħejjew id-dokumenti meħtieġa biex tingħatalu l-maħfra, li kienet tkopri ħames każijiet.

Kien minn hemm li Theuma beda jixhed formalment dwar il-każ u dwar l-informazzjoni li kellu.

Jaelle Borg
18:22

Theuma qal li ried avukat mill-kamp Nazzjonalista

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Melvin Theuma, li kien qal li ried avukat mill-kamp Nazzjonalista, u semma b’mod partikolari lil Simon Busuttil.

Theuma kien xehed ukoll li kien jaf b’allegazzjoni li Yorgen Fenech ħallas persuni Nazzjonalisti biex ma jivvutawx lil David Casa, minħabba dak li Casa kien qed jikteb u jgħid dwar 17 Black.

 

Jaelle Borg
17:53

Theuma qal li Fenech avżah b’raid kbir u semmielu l-messaġġ li attiva l-bomba

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Melvin Theuma, li kien qal li Yorgen Fenech avżah li l-eżekuturi kienu se jiffaċċjaw raid kbir f’Diċembru.

Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li din l-informazzjoni kienet ġejja mill-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Theuma kien xehed ukoll li Fenech semmielu l-messaġġ li ntbagħat biex tiġi attivata l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Ir-rikapitulazzjoni mbagħad tgħaddi għall-flus li Theuma kien jgħaddi lil Mario Degiorgio, ħu George u Alfred Degiorgio, biex parti minnhom tasal għand l-aħwa.

Mario Degiorgio ma ġiex imsejjaħ biex jixhed f’dan il-ġuri.

Jaelle Borg
17:44

Theuma: Wara r-rebħa elettorali, Fenech tah €150,000 u qallu biex “imexxi” bil-qtil

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Melvin Theuma, li kien qal li Yorgen Fenech kien lagħab fuq rebħa Laburista fl-elezzjoni tal-2017 u rebaħ madwar €300,000.

Skont Theuma, xi ġimgħatejn wara r-rebħa elettorali, Fenech tah tliet envelopes b’€50,000 kull wieħed u qallu li seta’ jimxi ’l quddiem bil-qtil.

Theuma kien xehed ukoll li Fenech qallu: “Ara ma jaqtgħulhiex saqajha biss bħal m’għamlu lil Bone,” b’referenza għall-attentat bil-karozza bomba fuq Romeo Bone fl-Imsida, li fih il-vittma baqgħet ħajja.

Jaelle Borg
17:32

Vella qal li ħassar chats ta’ WhatsApp waqt li kien fil-karozza tal-Pulizija

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda tat-tabib Adrian Vella.

Vella kien xehed li, waqt li kien qed jinżamm mill-Pulizija u kien fil-karozza magħhom, ħassar chats ta’ WhatsAppgħax qal li kellu informazzjoni medika fuq il-mobile.

Huwa kien qal ukoll li kellem lil Keith Schembri ftit wara nofsillejl, u mhux għall-ħabta tal-5am kif kien qal Schembri fix-xhieda tiegħu dwar l-aħħar kuntatti qabel ma tilef il-mobile.

Vella kien irrakkonta wkoll li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma kienx emmen il-verżjoni tiegħu li xi dokumenti kienu ġew mingħand Schembri, u qallu li seta’ kitibhom hu stess jew xi ħadd ieħor.

 

Jaelle Borg
17:29

Vella: Fenech kien jistenna l-għajnuna ta’ Schembri u qal li kien lest “iniżżlu fil-ħ*ra miegħu”

Fis-sommarju tax-xhieda tat-tabib Adrian Vella, l-Imħallef Edwina Grima tfakkar li Vella kien qal li kien jitkellem ma’ Keith Schembri kważi kuljum, wara li saru qrib ħafna meta Schembri marad.

Vella kien qal li jista’ jkun li ġieli tkellmu dwar il-każ, iżda ma kienx jiftakar fid-dettall x’intqal.

Skont ix-xhieda tiegħu, Yorgen Fenech kien jistenna li Schembri jgħinu, u kien qal li kien lest “iniżżlu fil-ħ*ra miegħu”.

Dwar il-vjaġġ lejn Għawdex, Vella qal li ma kienx jaf min eżatt kien issuġġerixxa li jitilgħu hemm ma’ Fenech, iżda ma eskludiex li seta’ kien Schembri.

Jaelle Borg
17:23

“Ninżel jien, jinżlu miegħi” – Vella jirrakkonta r-reazzjoni ta’ Fenech għall-karti mingħand Schembri

Fis-sommarju tax-xhieda tat-tabib Adrian Vella, il-ġurati jerġgħu jisimgħu dwar il-mument meta dan qal li għadda lil Yorgen Fenech xi karti li kien ġab mingħand Keith Schembri.

Skont Vella, Fenech irreaġixxa billi qal: “Ma jistax ikun, ma jistax ikun. Ninżel jien, jinżlu miegħi.”

Vella kien xehed ukoll li meta aktar tard il-Pulizija marru għalih filgħaxija, huwa ċempel darbtejn lil Schembri: l-ewwel biex jinfurmah, u t-tieni darba Schembri qallu biex jiftaħ lill-Pulizija.

Dwar Melvin Theuma, Vella qal li ma kienx jafu personalment, iżda kien jaf li kien iġib il-laħam lill-familja Fenech u li hu u Yorgen kienu ħbieb.

Jaelle Borg
17:16

Fit-tkomplija tas-sommarju tax-xhieda tat-tabib Adrian Vella, il-ġurati jerġgħu jisimgħu dwar il-ġranet ta’ qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Vella kien qal li ftiehem ma’ ħu Yorgen, Franco Fenech, biex jippruvaw jikkalmawh f’Għawdex. Skont ix-xhieda tiegħu, Yorgen u Franco kienu qed iġibu ruħhom b’mod erratiku u bdew isemmu diversi ajruplani u rockets. Vella qal li qalulu biex ma jindaħalx u joħroġ barra jsaqqi fil-ġnien.

Huwa sostna li ma jiftakarx x’kien intqal fil-konversazzjonijiet bejniethom.

Wara li telaq irrabjat, Vella qal li mar lura ftit jiem wara u sab ammont ta’ trab abjad mal-art.

Fl-istess perjodu, Keith Schembri kien stiednu jmur għandu għal whisky, iżda Vella rrifjuta. Aktar tard irċieva missed call minn numru li ma kienx jaf, segwita minn messaġġ mill-istess numru minn persuna li identifikat ruħha bħala “Yors”u talbitu jġibilha xi ħaġa mingħand Schembri.

Jaelle Borg
17:11

It-tabib Adrian Vella jirrakkonta l-istat ta’ Fenech jiem qabel l-arrest tiegħu

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda tat-tabib Adrian Vella, li kien qal li kien it-tabib tal-familja ta’ Yorgen Fenech.

Vella kien xehed li kien siefer kemm ma’ Fenech u Keith Schembri flimkien, kif ukoll ma’ Schembri waħdu, f’okkażjonijiet marbuta mas-saħħa tal-eks Chief of Staff.

Huwa kien irrakkonta wkoll li fil-15 ta’ Novembru 2019 stieden lil Fenech biex imur jistrieħ fil-villeġġatura tiegħu f’Għawdex, f’perjodu meta qal li Fenech kellu problema bid-droga.

Skont Vella, dakinhar Fenech kien taħt l-influwenza tad-droga u kien għadda biex jiġbor xi ħaġa mill-uffiċċju.

It-tabib kien qal ukoll li Fenech ma kellux il-mobile tiegħu miegħu u talbu juża tiegħu biex jagħmel tliet telefonati. Vella qal li ma kienx jaf ma’ min kien qed jitkellem, iżda Fenech instema’ rrabjat waqt dawk it-telefonati.

Jaelle Borg
17:05

L-Imħallef Edwina Grima terġa’ tgħaddi b’ritmu mgħaġġel minn sensiela ta’ provi u xhieda marbuta mal-evidenza diġitali.

Fost il-materjal li qed terġa’ tqiegħed quddiem il-ġurati hemm ukoll iċ-chat magħrufa bħala “No Valletta, No Party”, li kienet daħlet fil-provi matul il-ġuri.

 

Jaelle Borg
17:01

Logan Wood: Fenech qallu jitfi l-AIS u jiżgura li “l-kosta kienet 100% clear”

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech.

Wood kien xehed li filgħodu tal-arrest ta’ Fenech telqu minn Portomaso għall-ħabta tal-5am, iżda madwar nofs siegħa wara ġew imwaqqfa fuq il-baħar mill-Forzi Armati.

Skont ix-xhieda tiegħu, Fenech kien qallu biex jitfi l-AIS tracker tad-dgħajsa u biex jiżgura li “l-kosta kienet 100% clear”.

Wood kien ikkonferma wkoll li fost il-kompiti tiegħu kien hemm li jaħbi flus għal Fenech.

Mistoqsi jekk qatt tkellmux bejniethom dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Wood kien qal li le: “Konna nitkellmu biss fuq id-dgħajjes.”

Jaelle Borg
17:00

Logan Wood: Fenech qallu jitfi l-AIS u jiżgura li “l-kosta kienet 100% clear”

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech.

Wood kien xehed li filgħodu tal-arrest ta’ Fenech telqu minn Portomaso għall-ħabta tal-5am, iżda madwar nofs siegħa wara ġew imwaqqfa fuq il-baħar mill-Forzi Armati.

Skont ix-xhieda tiegħu, Fenech kien qallu biex jitfi l-AIS tracker tad-dgħajsa u biex jiżgura li “l-kosta kienet 100% clear”.

Wood kien ikkonferma wkoll li fost il-kompiti tiegħu kien hemm li jaħbi flus għal Fenech.

Mistoqsi jekk qatt tkellmux bejniethom dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Wood kien qal li le: “Konna nitkellmu biss fuq id-dgħajjes.”

Jaelle Borg
16:25

Pawża qasira

Jaelle Borg
16:23

Matthew Caruana Galizia: mill-ewwel mumenti fil-Bidnija sal-ħidma tiegħu għall-ġustizzja

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia, iben Daphne, u tirrikapitola kemm il-mumenti immedjati wara l-isplużjoni kif ukoll ix-xogħol investigattiv li kien jagħmel ma’ ommu.

Grima tfakkar kif Matthew kien wieħed mill-ewwel persuni li waslu fuq il-post wara l-isplużjoni, fejn mill-fdalijiet u n-numru tal-karozza fehem li l-vettura kienet ta’ ommu u li ma setgħetx baqgħet ħajja.

Huwa kien xehed li minn dak il-jum ’il quddiem ħajtu nbidlet għal kollox, u li warrab il-karriera tiegħu biex jiddedika ruħu għat-tfittxija għall-ġustizzja.

L-Imħallef terġa’ tfakkar ukoll fix-xhieda tiegħu dwar ix-xogħol li kien jagħmel ma’ Daphne fuq il-Panama Papers, 17 Black u Electrogas, u kif kien jgħinha tanalizza ammonti kbar ta’ data u emails marbuta ma’ dawn l-investigazzjonijiet.

Jaelle Borg
16:05

Peter Caruana Galizia jirrakkonta l-mument meta sar jaf li Daphne kienet inqatlet

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Peter Caruana Galizia, u terġa’ tqiegħed quddiem il-ġurati l-ġurnata tas-16 ta’ Ottubru 2017 mill-perspettiva tiegħu.

Caruana Galizia kien xehed li telaq mid-dar għall-ħabta tas-7.30am, meta Daphne u binhom kienu għadhom reqdin. Aktar tard matul il-ġurnata, wara telefonata u kuntatt ma’ wliedu, sar jaf li bomba kienet splodiet fil-karozza ta’ Daphne.

Meta wasal Bidnija, sab iż-żona mimlija servizzi tal-emerġenza u magħluqa mill-Pulizija. Hemmhekk staqsa lill-Ispettur Kurt Zahra jekk Daphne kinitx mietet.

Skont ix-xhieda tiegħu, Zahra wieġbu: “Iva, mietet.”

Grima tfakkar ukoll kif Peter kien iddeskriva lil Daphne bħala persuna li kienet taħdem sa tard ħafna billejl.

Fis-sommarju tagħha, l-Imħallef terġa’ ssemmi wkoll il-perjodu meta kienu qed jiċċirkolaw allegazzjonijiet li saħansitra Matthew Caruana Galizia seta’ kellu xi sehem fil-qtil ta’ ommu.

Peter kien xehed ukoll dwar il-proċeduri li wasslu biex Silvio Valletta ma jibqax involut fl-investigazzjoni.

Jaelle Borg
15:59

Fotografu tat-Times jirrakkonta l-mumenti ħdejn id-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda tal-fotografu tat-Times of Malta Mirabelli, li kien jinsab qrib id-dgħajsa ta’ Yorgen Fenech.

Skont ix-xhieda tiegħu, Logan Wood staqsieh x’kien qed jagħmel hemm, u Mirabelli wieġbu li ried iżomm għajnejh fuq id-dgħajsa.

Meta staqsa lil Wood jekk kinux se joħorġu bil-baħar, Mirabelli qal li dan tah ħarsa li fehemha bħala riferiment għall-maltemp u l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.

Jaelle Borg
15:47

L-Imħallef Edwina Grima bħalissa qed tgħaġġel minn numru ta’ xhieda qosra ta’ kuntistabbli tal-Pulizija, filwaqt li tfakkar lill-ġurati fil-punti prinċipali li ħarġu mix-xhieda tagħhom.

 

Jaelle Borg
15:39

Gary Scerri: “Dak li sar għand Keith Schembri ma kienx search”

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda tal-uffiċjal Gary Scerri, li kien qal li r-residenza ta’ Keith Schembri ma kinitx taħt sorveljanza u li ma kienx jaf jekk, qabel waslu huma, kinux diġà ġew elevati xi oġġetti minn Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Scerri kien saħaq li dak li sar fid-dar ta’ Schembri ma kienx search fis-sens normali tal-kelma, għaliex l-uffiċjali ma marrux ifittxu minn jeddhom.

Skont ix-xhieda tiegħu, huma ġabru biss dak li Schembri nnifsu indikalhom, għaliex dawk kienu l-ordnijiet li ngħataw minn ta’ fuqhom.

Jaelle Borg
15:24

Schembri jirrakkonta dwar Adrian Vella, David Gatt u allegat inċident b’arma

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien qal li t-tabib Adrian Vella mar għandu, tela’ fuq u ħa dak li kellu bżonn minn fost għadd ta’ dokumenti u affarijiet li Schembri kellu hemmhekk. Schembri qal li ma kienx jaf eżatt x’kien ħa Vella.

Grima tfakkar ukoll episodju li Schembri kien irrakkonta dwar l-avukat David Gatt. Schembri kien qal li darba sab lil Gatt bla ħwejjeġ fl-uffiċċju tiegħu, allegatament biex jurih li ma kellu xejn moħbi fuqu. Qal li bagħtu ’l barra għax kellu jiltaqa’ mal-ambaxxatur ta’ Iżrael.

Schembri kien xehed ukoll li darba Kenneth Camilleri ħadlu l-arma fl-akwati ta’ Michelle Muscat.

Din il-verżjoni, madankollu, kienet ġiet miċħuda kemm minn Camilleri kif ukoll minn Muscat.

Jaelle Borg
15:23

Schembri jgħid li ma jafx x’sar mill-mobile tiegħu u jiċħad kull sehem fil-qtil

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien qal li ma jafx x’sar mill-mobile tiegħu.

Schembri kien xehed li għall-ħabta tal-5.30am kienu waslu ħaddiema fid-dar tiegħu, iżda qal li ma ried jipponta subgħajh lejn ħadd dwar x’seta’ ġara mill-apparat.

Dwar it-tfittxija fir-residenza tiegħu fil-Mellieħa, Schembri kien sostna li l-uffiċjali “ħarbtulu kollox”. Dan minkejja li xhieda tas-SOCO kienu qalu li ngħataw struzzjonijiet biex jelevaw biss l-apparat li Schembri nnifsu kien jindikalhom.

Huwa kien xehed ukoll li kien ħabib ma’ Neville Gafà, iżda qal li kien ilu madwar seba’ xhur ma jkellmu wara kummenti li Gafà kien għamel dwar membri tal-Partit Laburista.

Schembri, fl-aħħar nett, ċaħad kategorikament li kellu xi sehem fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jaelle Borg
15:18

Schembri jgħid li pprova jżomm lil Fenech milli jaħrab u ma jaqbilx mal-proklama ta’ Theuma

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien qal li qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech, dan beda jipprova jċempillu u jitolbu biex ma jħallihx waħdu.

Schembri kien xehed li pprova jikkalmah u qallu biex ma jaħrabx minn Malta.

Huwa kien esprima wkoll il-fehma li Melvin Theuma ma kellu qatt jingħata proklama.

Dwar Adrian Vella, Schembri qal li mingħandu ma kienx irċieva ittri, iżda biss blood records u dokumenti mediċi.

Schembri kien qal ukoll li ma setax jifhem għaliex Theuma kellu jimplikah fil-każ. Qajjem ukoll dubju dwar il-fatt li l-ittra li kienet issemmi lilu u lil Fenech instabet għand Fenech u baqgħet hemm, minflok ma ntrement.

Jaelle Borg
15:13

Schembri jiċħad li bagħat lil Kenneth Camilleri u jgħid li ma jemminx li Fenech aġixxa waħdu

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Keith Schembri, li ċaħad kategorikament li kien hu li bagħat lil Kenneth Camilleri biex ikellem lil Melvin Theuma.

Schembri kien ċaħad ukoll li xi ħadd qatt kellmu dwar pleġġ għall-aħwa Degiorgio, jew li huwa ċempel lil Yorgen Fenech b’rabta mal-laqgħat bejn Camilleri u Theuma.

Lejn tmiem ix-xhieda tiegħu, Schembri kien qal li kien messu tkellem ma’ Joseph Muscat qabel, u sostna wkoll li ma jemminx li Fenech seta’ wettaq dan kollu waħdu.

Jaelle Borg
15:08

Schembri qal li Cremona kien qed jigdeb dwar offerta ta’ flus mid-Difiża

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien qal li Johann Cremona kien allega li d-Difiża ppruvat tixtrih b’mijiet ta’ eluf ta’ ewro biex jixhed favur Yorgen Fenech.

Schembri kien xehed ukoll li persuna, li isimha nstema’ fil-magħluq u ma jistax jixxandar, kienet qaltlu fl-2020 biex jagħmel kuntatt mal-avukati ta’ Fenech.

Grima tfakkar ukoll fil-konfront li kien sar bejn Schembri u Cremona.

F’dak il-konfront, Cremona għall-ewwel kien qal li kien lest jerfa’ l-ħtija kollha hu, iżda aktar tard qal li l-istorja li kien qal lil Schembri dwar allegata offerta ta’ flus mid-Difiża kienet gidba.

Cremona kien qal ukoll li kien xeba’ minn kollox u li tilef dak kollu li kien ħadem għalih

Jaelle Borg
14:55

Schembri jgħid li kien ma kienx jagħti kas l-artikli ta’ Daphne u jispjega Tillgate, 17 Black u Egrant

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien qal li maż-żmien kien tgħallem jieħu l-artikoli ta’ Daphne Caruana Galizia “with a pinch of salt”, anke meta kienet kitbet dwar il-mard tiegħu.

Schembri kien xehed ukoll li investituri barranin, fosthom persuni mill-Pakistan, kienu jistaqsuh għaliex “ma jeħlisx minnha”, iżda huwa kien jgħidilhom: “This is Malta.”

Fis-sommarju tagħha, Grima tgħaddi wkoll għall-kumpaniji Tillgate u 17 Black, li skont Schembri kienu marbuta ma’ pjanijiet ta’ investiment fil-waste recycling.

Dwar Egrant, Schembri kien qal li kienet shell company u li ma kienet ta’ ħadd, filwaqt li qal li ma kellux idea ta’ min kienet MacBridge.

Jaelle Borg
14:48

Keith Schembri jgħid li ltaqa’ ma’ Melvin Theuma darba biss qabel l-elezzjoni tal-2017

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi issa għax-xhieda tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Fis-sommarju tagħha, tfakkar kif Schembri kien qal li ilu jaf lil Yorgen Fenech minn meta kienu tfal — hu kellu 14-il sena u Fenech 11 — u li matul is-snin kien mar fost oħrajn fir-ranch u darba anke fuq id-dgħajsa tiegħu.

Schembri kien xehed li bejn l-2015 u l-2017 ma kellu ebda negozju ma’ Fenech.

Meta ntwera ritratt tiegħu ma’ Melvin Theuma, Schembri identifikah u qal li jiftakar li kien ittieħed qabel l-elezzjoni tal-2017. Huwa sostna li qatt ma kien iltaqa’ ma’ Theuma qabel dak il-mument u li lanqas kien jaf li kien jaħdem bit-taxi.

Schembri kien spjega li f’dak il-perjodu, speċjalment qrib elezzjoni, kienu jmorru għandu ħafna nies għal pjaċiri u talbiet, u li kien komuni li jitolbuh jieħu ritratt magħhom.

Huwa kien qal ukoll li, minħabba żewġ kanċers li kellu, xi drabi jsibha diffiċli biex jiftakar kull dettall.

Skont ix-xhieda tiegħu, wara dak ir-ritratt qatt ma reġa’ ltaqa’ ma’ Melvin Theuma.

Jaelle Borg
14:48

Lura f'awla 22 

Jaelle Borg
12:59

Pawża sas-2:30pm

Jaelle Borg
12:58

Camilleri qalet li waqt it-tfittxija għand Schembri nġabar biss dak li indika hu

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Michelle Camilleri mis-SOCO, li kienet involuta fit-tfittxija fir-residenza ta’ Keith Schembri.

Camilleri kienet xehdet li fuq il-post kien hemm ukoll Neville Gafà, u li l-uffiċjali ngħataw struzzjonijiet biex jiġbru l-apparat li Schembri nnifsu jindikahom.

Skont ix-xhieda tagħha, Schembri kien qed idur mad-dar waqt li l-uffiċjali kienu jsegwuh u jelevaw dak li kien jurihom. Fost l-affarijiet miġbura kien hemm tablet tat-tfal, li kien indikalhom hu.

Camilleri kienet saħqet li Schembri ma kellux mobile f’idu, u li kien hemm devices oħra fid-dar li ma ġewx elevati.

Hija spjegat li dan sar għaliex l-uffiċjali kienu qed isegwu l-istruzzjonijiet li kellhom: jiġbru biss l-apparat li kien qed jindikalhom Schembri.

Jaelle Borg
12:55

L-Imħallef tgħaġġel minn sensiela ta’ xhieda dwar it-tfittxijiet marbuta ma’ Keith Schembri

L-Imħallef Edwina Grima qed tgħaddi b’ritmu aktar mgħaġġel minn numru ta’ xhieda ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu involuti fit-tfittxijiet marbuta ma’ Keith Schembri.

Qed tirreferi wkoll għal xhieda ta’ diversi membri tal-MSS, li kienu spjegaw ir-rwol tagħhom f’dik il-fażi tal-investigazzjoni.

F’dan l-istadju, Grima mhix qed tieqaf fit-tul fuq kull xhud, iżda qed tgħaġġel mis-sunti tagħhom u tfakkar lill-ġurati fil-punti ewlenin li kienu ħarġu mill-provi.

Jaelle Borg
12:52

Camilleri jgħid li kien jibża’ minn Keith Schembri u ħassu intimidat

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Kenneth Camilleri, li kien qal li Keith Schembri daħħlu f’sitwazzjoni li qatt ma kellu jkun parti minnha.

Camilleri ċaħad kategorikament li qatt mar jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma bil-ħsieb li joqtlu.

Huwa kien xehed ukoll li, wara dawn l-avvenimenti, beda jiddejjaq imur għax-xogħol u qal li kien iħossu intimidat.

Skont Camilleri, kien saħansitra jibża’ minn Keith Schembri.

Jaelle Borg
12:42

Camilleri jgħid li pprova jilħaq lil Keith Schembri, iżda dan baqa’ ma kellmux

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Kenneth Camilleri, li kien qal li qatt ma fehem għaliex Keith Schembri bagħtu jkellem lil Melvin Theuma u li spiċċa rrabjat li daħal f’nofs il-kwistjoni.

Camilleri kien xehed li aktar tard Johann Cremona reġa’ ċempillu biex jiltaqa’ ma’ Theuma quddiem il-Parlament, fejn reġgħu tkellmu dwar il-possibbiltà ta’ bail għall-aħwa Degiorgio. Qal li dik kienet l-aħħar darba li tkellem ma’ Theuma u li ma riedx jerġa’ jkollu kuntatt miegħu.

Wara dan, skont ix-xhieda tiegħu, Camilleri pprova diversi drabi jilħaq lil Schembri — direttament, permezz ta’ Neville Gafà u anke permezz tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat — iżda Schembri baqa’ ma kellmux.

Camilleri kien irrakkonta wkoll li f’okkażjoni meta kien daħal għax-xogħol, Muscat sejjaħlu u qallu: “L-aħjar ma nkunx naf.”

Jaelle Borg
12:38

Kenneth Camilleri: Keith Schembri bagħatni għand Theuma biex nikkalmah

Ir-rikapitulazzjoni tgħaddi għax-xhieda ta’ Kenneth Camilleri, li kien qal li darba rċieva telefonata mingħand Keith Schembri biex jagħmel kuntatt ma’ Johann Cremona u, permezz tiegħu, imur ikellem lil Melvin Theuma.

Camilleri kien xehed li dak iż-żmien ma kienx jaf min hu Theuma, u għalhekk talab lil Cremona biex jiġbru mid-dar.

Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Schembri, Camilleri qal li kien ikellmu fil-kurituri ta’ Kastilja u li ġieli kien jintbagħat barra minn Malta ma’ Ministri jew biex jagħmel kuntatt ma’ persuni oħra.

Huwa qal li ġieli ntalab ukoll ikellem nies irrabjati mal-Partit Laburista, u għalhekk inizjalment ħaseb li l-każ ta’ Theuma seta’ kien xi ħaġa simili.

Jaelle Borg
12:28

Screenshot bejn Mercieca u Schembri jidħol fis-sommarju

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien qal li Melvin Theuma semmielu li fil-pjan tal-assassinju kienu involuti madwar tliet persuni.

Cremona kien qal ukoll li ma kienx jaf kif Keith Schembri sar jaf li hu kien jaf lil Theuma, u lanqas għaliex Schembri kien għażel proprju lilu biex jgħaddi minn fuqu lil Kenneth Camilleri sabiex dan ikellem lil Theuma.

Lejn tmiem ix-xhieda tiegħu, Cremona kien ippreżenta screenshot ta’ chat bejn l-avukat Charles Mercieca u bejn Keith Schembri, akkumpanjata minn ritratt.

Madankollu, espert tal-Qorti kien qal li dak ir-ritratt seta’ ġie manipulat, punt li issa l-Imħallef qed terġa’ tfakkar lill-ġurati bih.

Jaelle Borg
12:22

Cremona: Theuma kien jinsisti li l-flus għall-qtil ħadhom biss mingħand Fenech

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien esprima dubji dwar kif Melvin Theuma kien għażel u żamm ir-recordings tiegħu.

Cremona kien qal li jaħseb li Theuma seta’ ħassar xi recordings jew żamm dawk li kienu jaqblu għalih, u li kien irrabja meta nduna li Theuma kien qed jirrekordja anke l-konversazzjonijiet miegħu.

Skont ix-xhieda tiegħu, Theuma kien qallu wkoll li l-aħwa Degiorgio kienu qed jitolbu €400,000 mingħand David Gatt u Chris Cardona biex jaslu sal-ġuri mingħajr ma jikxfuhom.

Minkejja dawn ir-riferimenti għal persuni oħra, Cremona kien qal li Theuma baqa’ jinsisti li l-flus għall-qtil kien ħadhom biss mingħand Yorgen Fenech.

Cremona insista wkoll li Fenech qatt ma daħħlu f’din l-istorja, u qal li kien Kenneth Camilleri li daħħlu fil-kwistjoni.

Jaelle Borg
12:16

Cremona: Theuma kien qed jitkellem fuq proklama xhur qabel l-arrest tiegħu

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien qal li f’Mejju 2019 Melvin Theuma semmielu li seta’ jingħata proklama jekk jikxef dak li kien jaf.

Cremona kien xehed ukoll li, skont Theuma, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien jaf bir-recordings, għax Edgar Brincat, il-Gojja, kien tkellem miegħu dwarhom.

Ir-rikapitulazzjoni mbagħad timxi għal Settembru 2019, meta Cremona qal li ġie msejjaħ Kastilja minn Keith Schembri.

Skont ix-xhieda tiegħu, Schembri kien inkwetat għax Yorgen Fenech ma kienx qed iwieġbu, u talbu biex jgħarrfu jekk jirnexxilux jaqbdu miegħu.

Cremona kien qal li wara dik il-laqgħa Schembri baqa’ jibgħatlu fuq Signal biex jistaqsi dwar Fenech.

Huwa qal ukoll li għarraf lil Fenech b’dan, iżda Fenech wieġbu biex ma jagħtix kas lil Schembri.

Jaelle Borg
12:10

Theuma qal lil Cremona li kien il-middleman u ried informazzjoni mingħand Keith Schembri

L-Imħallef Edwina Grima tkompli bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien qal li Melvin Theuma ammetta miegħu li kien il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Skont Cremona, Theuma kien jinsisti li ried jikseb informazzjoni mingħand Keith Schembri.

Cremona kien xehed ukoll li Yorgen Fenech kien jipprova jikkalma lil Theuma b’kliem bħal: “Nibqgħu sew jiena u int, ibusulna l-b*jd.”

Madankollu, qal li kien ikun hemm ġranet meta Fenech ma jkellimx lil Theuma, u f’dawk il-mumenti Theuma kien jirrabja u jirvilla.

Jaelle Borg
12:05

Cremona kien qal li Theuma beda jmur għandu kuljum jitkellem fuq il-każ

L-ispjegazzjoni tax-xhieda ta’ Johann Cremona tkompli bil-laqgħat bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri.

Cremona kien xehed li l-għada tal-ewwel laqgħa, it-tnejn marru fl-uffiċċju tiegħu. Waqt il-konversazzjoni, Theuma beda jidgħi, u Cremona ħa l-impressjoni li ma kienx kiseb dak li kien qed jistenna.

Tlett ijiem wara, Cremona reġa’ laqqagħhom il-Belt, quddiem il-Parlament. Skont ix-xhieda tiegħu, hemmhekk Theuma u Camilleri kienu qed jitkellmu dwar il-possibbiltà ta’ bail għall-aħwa Degiorgio.

Kien f’dak il-mument, qal Cremona, li beda jifhem li d-diskussjoni kienet marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Camilleri, skont Cremona, qallu wkoll biex ma jerġax iqabbdu ma’ Theuma.

Meta Cremona staqsa lil Theuma għalxiex kien qed jirreferi, dan semmielu lil Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Minn hemm ’il quddiem, Cremona qal li Theuma beda jmur għandu kważi kuljum, u spiss kien jitkellem miegħu dwar il-każ.

Jaelle Borg
12:03

Johann Cremona jirrakkonta l-laqgħa bejn Kenneth Camilleri u Melvin Theuma

L-ispjegazzjonii tgħaddi għax-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien spjega li kien qrib ħafna taz-ziju ta’ Yorgen Fenechu li kellu wkoll rabta ta’ negozju ma’ Fenech f’kumpanija tal-gaming.

Cremona kien xehed li f’Mejju 2018 irċieva telefonata mingħand Kenneth Camilleri, li kien jaf lil missieru minn żmien meta Camilleri kien Pulizija tat-traffiku.

Skont Cremona, Camilleri qallu li kellu bżonn ikellem lil Melvin Theuma, u l-kuntatt sar għall-ħabta tat-8pm.

Cremona wasslu lejn id-dar ta’ Theuma u qal li baqa’ fil-karozza, filwaqt li Camilleri niżel u mar ikellem lil Theuma qrib il-kantuniera ta’ fejn kien joqgħod.

Jaelle Borg
11:54

Cutajar jiċħad li għadda informazzjoni jew kellu sehem fil-proklama ta’ Theuma

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li ċaħad li qatt għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Edgar Brincat.

Cutajar sostna li, għall-kuntrarju, kien dejjem qed jipprova jwassal biex ir-recordings ta’ Melvin Theuma jaslu għand l-awtoritajiet.

Huwa ċaħad ukoll li kellu xi sehem biex Theuma jingħata proklama, jew li rċieva xi flus b’rabta ma’ dan, u saħaq li d-deċiżjoni dwar maħfra presidenzjali ma kinitx tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu, Cutajar ċaħad ukoll li kien jaf personalment lil Theuma, lis-sieħba tiegħu jew lil bintha.

Jaelle Borg
11:53

Cutajar jgħid li kien jirċievi aġġornamenti fuq l-investigazzjoni minn Silvio Valletta

L-ispjegazzjoni tgħaddi għax-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Cutajar kien xehed li kien qed jirċievi aġġornamenti dwar l-investigazzjoni mingħand l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Huwa kien qal ukoll li kien jaf kemm lil Melvin Theuma kif ukoll lil Edgar Brincat, il-Gojja, mill-korsa tal-Marsa.

Skont ix-xhieda tiegħu, Cutajar kien iltaqa’ ma’ Brincat u staqsieh dwar ir-recordings ta’ Theuma.

Dwar din il-laqgħa, Cutajar qal li ma kienx jemmen li kien qed jikser xi liġi jew xi regola etika, minkejja li l-kuntatt ma’ Brincat sar mingħajr l-għarfien tal-MS

Jaelle Borg
11:47

Brincat qal li Theuma kien imur għandu ta’ spiss wara l-qtil

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Edgar Brincat, li kien qal li wara l-qtil Melvin Theumabeda jmur għandu b’mod frekwenti ħafna — xi drabi sa ħames darbiet f’ġimgħa.

Brincat kien xehed ukoll li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien qallu li ma kienx se jikxfu jekk jgħaddilu xi informazzjoni dwar ir-recordings ta’ Theuma.

Minkejja dan, Brincat qal li ma għaddielu ebda informazzjoni

Jaelle Borg
11:43

Brincat: Theuma kien jgħid li kien jieħu flus mingħand Fenech għall-aħwa Degiorgio

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Edgar Brincat, il-Gojja, u tfakkar li dan kien qal li Melvin Theuma kien semmielu kif kien joħroġ flus biex dawn eventwalment jaslu għand l-aħwa Degiorgio.

Brincat kien xehed li Theuma qallu li kien iġib flus oħra mingħand Yorgen Fenech għall-aħwa, u li f’xi mumenti, meta Fenech kien imsiefer u ma setax jaqbdu, kien se jdur għand Keith Schembri għall-flus.

Minn dan, Brincat qal li beda jaħseb li Schembri seta’ wkoll kien involut.

Huwa kien irrakkonta wkoll kif Theuma semmielu l-impjieg mal-Gvern u qallu li kien mar Kastilja meta sar il-ftehim, fejn kien ħa ritratt ma’ Schembri. Skont Brincat, Theuma kien qallu li qatt ma talab għal dak ix-xogħol, iżda li kien Fenech li bagħtu Kastilja.

Brincat kien qal ukoll li qatt ma qabad lil Theuma jigdeb fuq ħadd.

Huwa ċaħad li kien ġiegħel lil Theuma jikteb l-ittra li kienet issemmi lil Fenech u Schembri, u qal li għall-kuntrarju kien ħeġġu jgħid lill-Pulizija dwar ir-recordings u jgħaddihomlhom.

Brincat ċaħad ukoll li kien jaf minn qabel meta kienu se jsiru r-raids jew li l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar kien għaddielu xi informazzjoni dwarhom.

Dwar Theuma, Brincat kien qal li kien iqisu “qisu ibnu”. Kien jaf ukoll li Theuma ma kienx jirrapporta għax-xogħol tal-Gvern li kien ingħata, iżda ma kienx jaf min kien qallu li seta’ ma jmurx u xorta jibqa’ jitħallas.

Mistoqsi dwar Fenech innifsu, Brincat kien qal li kien jafu biss mill-gazzetti.

Jaelle Borg
11:34

L-Imħallef tispjega kif Theuma kien qal lil Edgar Brincat li l-flus ġew mingħand Yorgen Fenech

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tgħaddi mix-xhieda ta’ Edgar Brincat, il-Gojja, u tfakkar li Brincat kien qal li Melvin Theuma semmielu lil Yorgen Fenech bħala l-persuna li għaddietlu l-flus.

Brincat kien jaf li Theuma u Fenech kienu jafu lil xulxin, għaliex Theuma kien isemmihlu, u kien jaf ukoll li Theuma kien jaħdem bit-taxi mal-Hilton.

Fis-sommarju tagħha, Grima tfakkar li Theuma kien qal lil Brincat li ried imur għand il-Pulizija u li kellu recordings li setgħu jispjegaw il-każ. Brincat, iżda, kien xehed li pprova jwaqqfu milli jagħmel dan, għax kien jibża’ li Theuma kien se jdaħħal lilu nnifsu f’aktar inkwiet.

Skont Brincat, hu kien qal lil Theuma li Yorgen Fenech kellu ħafna poter u kien jaf ħafna nies, u li ma kienx jemmen li l-Pulizija kienu se jagħtuh widen.

Brincat kien ukoll beża’ li jekk Theuma jitkellem, il-konsegwenzi setgħu jaqgħu fuqhom kollha, u qal li dak iż-żmien ma kienx jafda fil-Pulizija.

Theuma ma kienx qallu fejn kien qed iżomm ir-recordings, iżda Brincat kien jaf li l-idea li jirrekordja kienet ġiet mingħand Chayenne Zammit.

Aktar tard, Brincat sema’ xi recordings iżda qal li ma fehemx sew x’kien qed jingħad, għax il-ħoss kien imħawwad u mill-bogħod. Huwa kien qal li l-Pulizija setgħu jużaw apparat biex jiċċarawhom.

Grima tfakkar ukoll fir-rabta ta’ Brincat mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li kien jafu minn ristorant f’Birżebbuġa. Brincat kien sema’ recording ta’ telefonata ma’ Cutajar u kien xehed ukoll dwar każ ta’ ċitazzjoni marbuta ma’ impjegat tiegħu.

Huwa kien qal li darba mar id-dar ta’ Cutajar f’Ħal Luqa, fejn Cutajar qallu biex jaqbad avukat u qallu: “Jekk tgħinni, jien ngħinek.” Skont Brincat, Cutajar riedu jikseb informazzjoni mingħand Theuma biex jifhem fejn kienet waslet is-sitwazzjoni.

Jaelle Borg
11:28

Tgħaddi għax-xhieda ta’ Edgar Brincat, magħruf bħala l-Gojja, li qal li kien ilu jaf lil Melvin Theuma minn meta kien żgħir.

Brincat kien jgħinu biż-żwiemel, kienu jiltaqgħu ta’ spiss u, skont ix-xhieda tiegħu, kien hemm fiduċja kbira bejniethom.

Huwa kien irrakkonta li, fi żmien meta kien qed jingħad li Vince Muscat seta’ jingħata proklama, Theuma talbu biex jiltaqgħu.

F’dik il-laqgħa, skont Brincat, Theuma qallu li kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Brincat kien qal li Theuma deherlu f’qagħda ħażina ħafna: beda jibki, kien aġitat u deher qisu se jiġġennen.

Jaelle Borg
10:24

Pawża sal-11

Jaelle Borg
10:18

L-Imħallef terġa’ lura għall-provi tekniċi dwar il-bomba

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ esperti barranin li ħadmu fuq l-analiżi forensika tal-isplużjoni.

Fost il-punti li qed tfakkar lill-ġurati hemm il-konklużjonijiet dwar il-bomba li tqiegħdet fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia, kif kienet magħmula u x’materjal intuża fiha.

Dawn il-provi tekniċi kienu parti mill-eżami forensiku li sar biex jiġi stabbilit kif kienet inbniet u tqiegħdet l-isplussiv fil-vettura.

Jaelle Borg
10:16

L-Imħallef tgħaddi għax-xhieda forensika u l-ħidma mal-Europol

L-Imħallef Edwina Grima qed tirrikapitola x-xhieda tal-uffiċjali forensiċi li ħadmu fuq l-investigazzjoni flimkien mal-Europol.

Fost il-passi meħuda kien hemm il-ġbir ta’ kampjuni tad-DNA mill-aħwa Degiorgio, kif ukoll il-preżenza tal-uffiċjali waqt diversi tfittxijiet marbuta mal-każ.

Dawn l-uffiċjali kienu involuti fl-elevazzjoni u l-ipproċessar ta’ materjal li mbagħad seta’ jiġi analizzat bħala parti mill-investigazzjoni.

Jaelle Borg
10:04

 L-Imħallef tgħaddi għall-arrest ta’ Melvin Theuma u l-kunsiderazzjoni tal-maħfra

L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi issa għax-xhieda tas-Supretendent Nicholas Vella, u tfakkar fir-rwol tiegħu fl-investigazzjoni li wasslet għall-arrest ta’ Melvin Theuma.

Fl-istess operazzjoni kienu ġew arrestati wkoll EdgarCharmaine, is-sieħba ta’ Theuma, u Chayenne, bintha.

Vella kien xehed li meta wasal il-mument biex dawn jitressqu l-Qorti, ġie infurmat li l-awtoritajiet kienu qed jikkunsidraw maħfra presidenzjali għal Theuma.

Jaelle Borg
10:01

George Degiorgio: “L-istess nies tal-2015 kienu involuti fl-2017”

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ George Degiorgio, li kien qal li bejn l-2015 u l-2017 ħadd ma kien reġa’ kellimhom dwar il-qtil, sakemm beda jagħmel kuntatt magħhom Melvin Theuma.

Degiorgio kien xehed ukoll li, wara li ġew arrestati, l-avukat David Gatt kien iżurhom il-ħabs u jgħidilhom li kienu se jingħataw il-bail.

Skont il-verżjoni tiegħu, Theuma kien inqabad minn Keith Schembri u kien imwiegħed proklama.

Degiorgio kien sostna wkoll li l-istess persuni li kienu involuti fl-allegat pjan tal-2015 reġgħu kienu involuti fl-2017, u li kien hemm wegħdiet ta’ benefiċċji oħra, fosthom kunsinni mill-Port Ħieles u pompa tal-petrol.

Jaelle Borg
09:53

L-Imħallef tgħaddi għax-xhieda ta’ George Degiorgio

L-Imħallef Edwina Grima qed tirrikapitola x-xhieda ta’ George Degiorgio, u tfakkar fost l-oħrajn li huwa kien qal li rċieva €10,000 mid-depożitu, iżda ma kienx jaf minn fejn oriġinaw dawk il-flus.

Degiorgio kien xehed ukoll li Chris Cardona kien jgħidlu biex “ifittxu jeħilsu minnha” għaliex Daphne Caruana Galizia kienet se “tkisser partit”.

Skont il-verżjoni tiegħu, fl-2017 kien hemm involuti l-istess nies li kienu parti mill-allegat pjan tal-2015.

Grima tfakkar ukoll fix-xhieda tiegħu dwar dak il-pjan preċedenti, li Degiorgio qal li kien jinvolvi laqgħat ma’ David Gatt u Chris Cardona f’Portomaso, iżda li eventwalment ma twettaqx.

Jaelle Borg
09:49

Muscat u Alfred Degiorgio rabtu ismijiet oħra mal-assassinju

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda dwar dak li ntqal wara li Vince Muscat, il-Koħħu, beda jikkoopera mal-Pulizija f’nofs l-2018.

Muscat kien xehed li l-aħwa Degiorgio saru jafu li kien qed jitkellem mal-investigaturi, u li qalulu li l-informazzjoni kienet waslitilhom mingħand Melvin Theuma. Huwa kien semma wkoll theddid kontra t-tfal u qal li l-avukat tiegħu kien qed jibża’.

Skont Muscat, George Degiorgio kien qallu li kien hemm erba’ persuni involuti fl-assassinju, fosthom l-eks Ministru Chris Cardona.

Grima tfakkar ukoll fix-xhieda ta’ Alfred Degiorgio, li fuq il-pedana kien qal li ma kellux dubju li Keith Schembri, David Gatt u Chris Cardona kienu involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Degiorgio, madankollu, kien irrifjuta jidħol f’aktar dettall, billi sostna li għandu proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minkejja twissija mill-Qorti

Jaelle Borg
09:46

Muscat qal li l-aħwa Degiorgio riedu juru li kellhom “nies ta’ potenza” warajhom

L-Imħallef dwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, dwar il-perjodu ta’ wara l-arresti.

Muscat kien qal li l-aħwa Degiorgio riedu jżommu sod u jidhru kunfidenti, biex jagħtu l-impressjoni li kellhom nies influwenti warajhom.

Huwa kien xehed ukoll li l-aħwa rnexxielhom idaħħlu mobile fil-ħabs.

Grima tfakkar li Muscat beda jitkellem mal-Pulizija u mal-Ispettur Keith Arnaud lejn nofs l-2018. Skont ix-xhieda tiegħu, l-aħwa Degiorgio saru jafu li kien qed jikkoopera u qalulu li l-informazzjoni kienet waslitilhom mingħand Melvin Theuma.

Muscat kien qal ukoll li sema’ theddid li “se jwaddbu l-aċtu fuq it-tfal”, u li l-avukat tiegħu kien qed jibża’ minħabba dan.

 

Jaelle Borg
09:45

Muscat: L-aħwa Degiorgio kienu semgħu li se jiġu arrestati qabel ir-rejd

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, fosthom dwar il-jiem ta’ qabel l-arrest tal-aħwa Degiorgio.

Muscat kien qal li l-avukat David Gatt kien jinżel taħt it-tinda tal-patata u jagħmel sinjali b’idejh, fosthom thumbs up. Skont Muscat, George Degiorgio kien juża sinjal simili biex jirreferi għan-“numru wieħed”, li hu qal kien Keith Schembri.

L-Imħallef tfakkar ukoll fix-xhieda ta’ Muscat dwar il-ħlas li rċieva għall-qtil, li skontu laħaq €50,300.

Muscat kien xehed ukoll li l-aħwa Degiorgio kienu diġà semgħu xnigħat li setgħu jiġu arrestati fl-4 ta’ Diċembru 2017, u saħansitra kienu naddfu ż-żona taħt it-tinda tal-patata.

Skont ix-xhieda tiegħu, din l-informazzjoni kienet waslitilhom mingħand Melvin Theuma.

Dakinhar, qal Muscat, taħt it-tinda kien hemm ukoll Toni l-Iblaħ, li hu qal kien jiffrekwenta lil Chris Cardona. Muscat kien xehed ukoll li ppruvaw jagħmlu kuntatt ma’ Cardona.

Jaelle Borg
09:24

 Minn pjan ta’ sparatura għal bomba hekk kif Theuma kien qed jagħmel pressjoni fuq l-eżekuturi

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tirrikapitola x-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, li qal li ma jiftakarx lil Melvin Theuma jgħidilhom min kien qed jagħti l-ordni għall-qtil.

Muscat, iżda, kien qal li Theuma kien qed jagħmel pressjoni biex il-pjan jitwettaq, għax kien qed jgħidilhom li Daphne Caruana Galizia kienet se tippubblika xi informazzjoni.

Il-pjan inizjali, skont ix-xhieda tiegħu, kien li jisparawlha mit-tieqa tad-dar tagħha waqt li tkun qed taħdem fuq il-laptop tard bil-lejl.

Dan ix-xenarju, iżda, tqies riskjuż minħabba l-biża’ li l-eżekuturi jinqabdu f’xi roadblock. Minn hemm, il-pjan inbidel minn sparatura għal splussiv.

Muscat kien xehed ukoll li wassal lil Alfred Degiorgio għal madwar tliet darbiet lejn il-Belt, qrib Kastilja, biex jiltaqa’ mal-eks Ministru Chris Cardona u jikseb xi informazzjoni mingħandu.

Huwa qal li ma kienx jaf jekk Degiorgio fil-fatt irnexxilux jikseb xi informazzjoni mingħand Cardona.

Jaelle Borg
09:20

Il-pjan tal-2017 twaqqaf għall-elezzjoni, imbagħad reġa’ beda wara r-rebħa Laburista

L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, u tirrakkonta kif kien iwassal lil Alfred Degiorgio, il-Fulu, il-Busy Bee tal-Imsida biex jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma.

Skont Muscat, l-eżekuturi kienu qed jinsistu li jitħallas depożitu bil-quddiem, għax kienu diġà ġew “maħruqa” bil-pjan tal-2015 meta l-flus ma waslux.

Il-Koħħu kien xehed li meta tħabbret l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, il-pjan twaqqaf tempora

Jaelle Borg
09:18

L-Imħallef terġa’ lura għall-ewwel pjan biex tinqatel Daphne

L-Imħallef Edwina Grima tibda tiġbor ix-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, u tmur lura għall-allegat pjan tal-2015 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Skont dak li xehed Muscat, il-pjan kien marbut mal-eks Ministru Chris Cardona, filwaqt li l-ħlas ta’ €50,000 kellu jasal permezz tal-avukat David Gatt.

Muscat qal li dawk il-flus qatt ma waslu, u l-pjan għalhekk sfaxxa.

Huwa kien xehed ukoll li għal madwar sitt ġimgħat segwew il-movimenti ta’ Caruana Galizia, bil-pjan ikun li Jamie Vella joqtolha b’machine gun.

Skont Muscat, Vella kien jgħid li Cardona kellu “paroli vojt” u li l-flus ma kinux qed jaslu.

Jaelle Borg
09:16

Bonġu minn Awla 22, fejn dalgħodu mistenni jkompli l-indirizz tal-Imħallef Edwina Grima lid-disa’ ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

Ilbieraħ, Grima bdiet tirrikapitola l-provi wara li spjegat il-prinċipji legali li għandhom jiggwidaw lill-ġurati fid-deċiżjoni tagħhom.

Il-ġurati għadhom ma rtirawx biex jiddeliberaw u l-indirizz tal-Imħallef għadu għaddej.

Jaelle Borg

L-Imħallef Edwina Grima qattgħet ġurnata oħra terġa’ tqiegħed quddiem id-disa’ ġurati l-provi ewlenin li nstemgħu tul il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, hekk kif il-proċess ikompli miexi lejn il-mument meta huma eventwalment jirtiraw biex jiddeliberaw.

L-indirizz tal-Imħallef illum mexa minn xhud għal ieħor, u minn linja investigattiva għal oħra: mill-pjanijiet biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, għall-flus allegatament imħallsa lill-eżekuturi, ir-rwol ta’ Melvin Theuma, il-verżjonijiet dwar Keith Schembri, it-tfittxijiet fid-dar tiegħu u l-provi diġitali.

Hekk kif għaddew is-sigħat, iżda, dehret ukoll il-piż fiżiku ta’ dan l-eżerċizzju fuq il-ġurati. Minn ġewwa l-awla, uħud minnhom dehru għajjenin ħafna, b’idejhom ma’ wiċċhom u f’xi mumenti jidhru qishom qed jitħabtu biex iżommu għajnejhom miftuħa.

Grima, min-naħa tagħha, f’diversi mumenti għaddiet b’ritmu mgħaġġel minn sensiela ta’ xhieda tekniċi u uffiċjali tal-Pulizija, partikolarment fejn il-provi kienu diġà ġew trattati fid-dettall waqt il-ġuri.

Vince Muscat u l-pjanijiet tal-2015 u l-2017

Fil-bidu tal-ġurnata, l-Imħallef kompliet bir-rikapitulazzjoni tax-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu.

Fakkret kif Muscat kien xehed dwar allegat pjan tal-2015 biex tinqatel Caruana Galizia, li fih semma lil Chris Cardona u David Gatt. Skont il-verżjoni tiegħu, il-pjan sfaxxa wara li depożitu ta’ €50,000 ma wasalx.

Muscat kien qal li għal ġimgħat kienu segwew il-movimenti tal-ġurnalista, u li l-pjan inizjali kien li tinqatel b’arma tan-nar.

Fl-2017, skont ix-xhieda tiegħu, il-metodu nbidel għal bomba. Huwa kien qal ukoll li l-eżekuturi kienu jinsistu fuq depożitu bil-quddiem għaliex ma ridux jerġgħu jispiċċaw mingħajr ħlas bħalma sostna li kien ġara fl-2015.

L-Imħallef reġgħet fakkret ukoll ix-xhieda dwar xnigħat li l-aħwa Degiorgio kienu se jiġu arrestati fl-4 ta’ Diċembru 2017, u dwar kif Muscat qal li l-informazzjoni kienet waslitilhom mingħand Theuma.

George u Alfred Degiorgio jerġgħu jissemmew

Grima għaddiet ukoll mix-xhieda ta’ George Degiorgio, li kien qal li ħa €10,000 mid-depożitu iżda ma kienx jaf minn fejn kienu ġew il-flus.

Degiorgio kien sostna li l-istess persuni li kienu involuti fl-allegat pjan tal-2015 reġgħu dehru fil-pjan tal-2017, u kien semma wkoll wegħdiet oħra ta’ benefiċċji.

L-Imħallef fakkret ukoll fix-xhieda ta’ Alfred Degiorgio, li kien qal fuq il-pedana li ma kellux dubju li Keith Schembri, David Gatt u Chris Cardona kienu involuti fil-qtil, iżda ma riedx jidħol f’aktar dettall.

Edgar Brincat u l-biża’ li Theuma jitkellem

Parti oħra sostanzjali tas-sommarju kienet ix-xhieda ta’ Edgar Brincat, il-Gojja, li kien iddeskriva lil Theuma bħala persuna qrib ħafna tiegħu.

Brincat kien xehed li Theuma qallu li kien involut fil-qtil u li Yorgen Fenech kien għaddielu l-flus.

Skont Brincat, Theuma kien ukoll qallu li kellu recordings u li ried imur għand il-Pulizija. Brincat kien qal li pprova jwaqqfu, għax kien jibża’ mill-konsegwenzi u ma kienx jafda fil-Pulizija.

Huwa kien xehed ukoll li Theuma qallu li kien iġib flus oħra mingħand Fenech għall-aħwa Degiorgio u, meta ma kienx jaqbdu, kien se jdur għand Keith Schembri.

Brincat kien qal li qatt ma qabad lil Theuma jigdeb fuq ħadd, u ċaħad li kien hu li ġiegħlu jikteb l-ittra li semmiet lil Fenech u Schembri.

Lawrence Cutajar u r-recordings

Ir-rikapitulazzjoni mbagħad mexiet għax-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Cutajar kien qal li kien jirċievi aġġornamenti dwar l-investigazzjoni mingħand Silvio Valletta, u li kien jaf lil Theuma u lil Brincat mill-korsa tal-Marsa.

Huwa kien ammetta li ltaqa’ ma’ Brincat u staqsieh dwar ir-recordings ta’ Theuma, iżda ċaħad li għadda xi informazzjoni investigattiva jew li kellu xi sehem fil-proklama ta’ Theuma.

Johann Cremona: il-bail, Schembri u l-middleman

L-Imħallef għaddiet ukoll fit-tul mix-xhieda ta’ Johann Cremona.

Cremona kien irrakkonta kif Kenneth Camilleri kien ċempillu biex jagħmel kuntatt ma’ Theuma, u kif wara seħħew laqgħat fejn kien qed jissemma l-bail għall-aħwa Degiorgio.

Skont Cremona, kien f’dawk il-laqgħat li beda jifhem li l-konversazzjonijiet kienu marbuta mal-assassinju.

Huwa kien xehed li Theuma qallu li kien il-middleman fil-qtil u li ried informazzjoni mingħand Keith Schembri.

Cremona kien qal ukoll li Theuma kien jinsisti li l-flus għall-qtil ħadhom biss mingħand Yorgen Fenech.

Fl-istess ħin, huwa kien esprima dubji dwar ir-recordings ta’ Theuma, u qal li jaħseb li seta’ ħassar jew għażel dawk li kienu jaqblu għalih.

Kenneth Camilleri: “Daħħalni f’xi ħaġa li qatt ma kelli nidħol fiha”

Meta Grima waslet għax-xhieda ta’ Kenneth Camilleri, reġgħet tqiegħdet quddiem il-ġurati l-verżjoni tiegħu li Keith Schembri bagħtu biex ikellem lil Theuma u jikkalmah.

Camilleri kien qal li ma kienx jaf min hu Theuma u li inizjalment ħaseb li seta’ kien każ simili għal oħrajn fejn kien jintbagħat ikellem nies irrabjati mal-Partit Laburista.

Huwa ċaħad kategorikament li mar għand Theuma biex joqtlu.

Camilleri kien qal ukoll li ħass li Schembri daħħlu f’xi ħaġa li qatt ma kellu jidħol fiha, u xehed li kien iħossu intimidat u jibża’ minnu.

It-tfittxija fid-dar ta’ Keith Schembri

Wieħed mill-aktar punti li reġgħu spikkaw kien il-mod kif saret it-tfittxija fir-residenza ta’ Keith Schembri.

Diversi uffiċjali tas-SOCO kienu xehdu li ngħataw struzzjonijiet biex jiġbru biss l-apparat li Schembri nnifsu kien jindikalhom.

Michelle Camilleri kienet qalet li Schembri kien idur mad-dar u l-uffiċjali kienu jsegwuh, filwaqt li apparat ieħor baqa’ ma nġabarx.

Gary Scerri kien saħansitra qal li dak li sar “ma kienx search” fis-sens normali, għaliex l-uffiċjali ma kinux qed ifittxu b’mod indipendenti iżda jiġbru dak li kien indikat lilhom.

Schembri, meta xehed, kien ta verżjoni differenti u sostna li l-uffiċjali “ħarbtulu kollox”.

Schembri jiċħad kull sehem fil-qtil

Fix-xhieda tiegħu stess, Schembri kien qal li ilu jaf lil Fenech minn meta kienu tfal u ddeskrivieh bħala ħabib kbir ħafna.

Huwa ċaħad li qatt bagħat lil Kenneth Camilleri għand Theuma, li għadda informazzjoni investigattiva lil Fenech, jew li kellu xi sehem fl-assassinju.

Schembri kien qal ukoll li ma jafx x’sar mill-mobile tiegħu, u esprima dubju dwar għaliex Theuma kien se jimplikah.

Dwar il-proklama, huwa kien ċar: skontu Melvin Theuma ma kellu qatt jingħata maħfra presidenzjali.

Huwa kien qal ukoll li qabel l-arrest ta’ Fenech ipprova jikkalmah u qallu biex ma jaħrabx minn Malta.

Peter u Matthew Caruana Galizia

Aktar tard, Grima reġgħet lura għax-xhieda tal-familja Caruana Galizia.

Peter Caruana Galizia kien irrakkonta l-mument meta wasal Bidnija u staqsa lil Kurt Zahra jekk Daphne kinitx mietet, biex irċieva t-tweġiba: “Iva, mietet.”

L-Imħallef imbagħad għaddiet għax-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia, li kien wieħed mill-ewwel fuq ix-xena wara l-isplużjoni.

Matthew kien xehed kif dak il-jum bidillu ħajtu kompletament u kif wara l-qtil warrab il-karriera tiegħu biex jiddedika ruħu għat-tfittxija għall-ġustizzja.

Grima reġgħet fakkret ukoll fix-xogħol li kien jagħmel ma’ ommu fuq il-Panama Papers, 17 Black u Electrogas.

Logan Wood u l-ħruġ mill-Portomaso

Il-ġurati reġgħu semgħu wkoll ix-xhieda ta’ Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa ta’ Fenech.

Wood kien qal li filgħodu tal-arrest tiegħu, Fenech tah struzzjonijiet biex jitfi l-AIS tracker u jiżgura li “l-kosta kienet 100% clear” qabel ma telqu minn Portomaso.

Wood kien ikkonferma wkoll li fost il-kompiti tiegħu kien hemm li jaħbi flus għal Fenech.

Madankollu, qal li hu u Fenech qatt ma kienu jitkellmu dwar il-każ: “Konna nitkellmu biss fuq id-dgħajjes.”

Adrian Vella u l-ġranet qabel l-arrest

Wieħed mill-aħħar blokki tax-xhieda li Grima rrikapitolat kien dak tat-tabib Adrian Vella.

Vella kien xehed dwar l-istat ta’ Fenech fil-jiem ta’ qabel l-arrest, dwar żjara f’Għawdex u dwar kuntatti ma’ Keith Schembri.

Huwa kien qal li f’okkażjoni għadda lil Fenech xi karti mingħand Schembri, u semgħu jgħid: “Ma jistax ikun. Ninżel jien, jinżlu miegħi.”

Vella kien xehed ukoll li Fenech kien jistenna li Schembri jgħinu u li qal li kien lest “iniżżlu fil-ħ*ra miegħu”.

Theuma jerġa’ jidħol fiċ-ċentru tal-każ

Lejn tmiem il-ġurnata, l-Imħallef bdiet terġa’ tqiegħed quddiem il-ġurati x-xhieda ta’ Melvin Theuma, il-middleman li fuqu nbena parti kbira mill-każ tal-Prosekuzzjoni.

Theuma kien xehed li Fenech avviċinah fil-Blue Elephant u staqsieh jekk kienx jaf lil George Degiorgio għax ried lil Daphne Caruana Galizia maqtula.

Huwa kien qal li wara l-elezzjoni tal-2017 Fenech tah €150,000 fi tliet envelopes u qallu biex jimxi bil-qtil.

Theuma kien sostna wkoll li Fenech avżah minn qabel dwar raid fuq l-eżekuturi u semmielu l-messaġġ li ntbagħat biex tiġi attivata l-bomba.

Grima reġgħet fakkret ukoll fil-konfronti li saru bejn Theuma u Kenneth Camilleri, kif ukoll bejn Theuma u George Degiorgio, fejn ħarġu verżjonijiet kuntrastanti dwar min kien bagħat lil min u min kien wara l-pjan.

L-indirizz tal-Imħallef għadu ma ntemmx.

Il-ġurati għalhekk għadhom ma rtirawx biex jiddeliberaw, hekk kif Grima tkompli tgħaddi minn numru sostanzjali ta’ provi u verżjonijiet li issa huma jridu eventwalment jiżnu huma stess.

More in Qrati u Pulizija