X’qed jiffaċċja Yorgen Fenech? L-akkużi u l-provi li semgħu l-ġurati

Wara xahrejn ta’ xhieda u provi, il-ġurati issa jridu jiddeċiedu jekk il-prosekuzzjoni ppruvatx il-każ tagħha kontra Yorgen Fenech lil hinn minn kull dubju raġonevoli : Dan l-artiklu jagħti ħarsa lejn l-akkużi li qed jiffaċċja, il-piena li tista’ tingħata jekk jinstab ħati, u l-aktar xhieda u provi importanti li semgħu l-ġurati matul il-ġuri

Wara xahrejn ta’ xhieda, recordings, messaġġi, provi forensiċi u argumenti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, il-ġuri ta’ Yorgen Fenech jasal f’wieħed mill-aktar mumenti kruċjali tiegħu hekk kif l-Imħallef Edwina Grima tibgħat lill-ġurati biex jirtiraw u jiddeliberaw dwar il-verdett tagħhom.

Issa huwa f’idejn il-ġurati li jiddeċiedu jekk il-prosekuzzjoni rnexxilhiex tipprova, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, l-akkużi li għalihom Fenech ilu għaddej ġuri b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fenech dejjem ċaħad li ordna, iffinanzja jew kien kompliċi fil-qtil.

Fuq xiex iridu jiddeċiedu l-ġurati?

L-Att tal-Akkuża fih żewġ kapijiet.

L-ewwel wieħed jakkuża lil Fenech b’kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia, li nqatlet permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha fil-Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Skont l-akkuża tal-Avukat Ġenerali, Fenech irrenda ruħu kompliċi ma’ dawk li wettqu l-qtil billi, fost affarijiet oħra, allegatament ta ordni biex isir id-delitt, ħeġġeġ jew saħħaħ ir-rieda ta’ ħaddieħor biex iwettqu, ta istruzzjonijiet jew wiegħed kumpens jew assistenza.

It-tieni kap huwa dak ta’ assoċjazzjoni ma’ persuna jew persuni bil-għan li jsir delitt f’Malta – f’dan il-każ l-omiċidju ta’ Caruana Galizia.

Fil-qalba tal-każ tal-prosekuzzjoni hemm l-allegazzjoni li f’April tal-2017 Fenech talab lil Melvin Theuma jsib persuni li setgħu joqtlu lil Caruana Galizia, u li aktar tard tah €150,000 biex jitħallas il-qtil. L-Att tal-Akkuża jgħid li €30,000 kellhom jingħataw bħala depożitu u €120,000 oħra wara l-assassinju.

Din hija l-verżjoni tal-prosekuzzjoni, li Fenech jiċħad.

X’jista’ jeħel jekk jinstab ħati?

L-aktar konsegwenza serja tinsab fl-ewwel kap.

Il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li min jinstab ħati ta’ omiċidju volontarju jeħel priġunerija għal għomru. Il-liġi tipprovdi wkoll li, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni oħra, kompliċi f’reat ikun suġġett għall-istess piena stabbilita għall-awtur prinċipali.

Għaldaqstant, jekk Fenech jinstab ħati tal-kompliċità fl-omiċidju volontarju, ikun qed jiffaċċja sentenza ta’ għomru l-ħabs.

Fuq il-kap separat tal-assoċjazzjoni, il-Kodiċi Kriminali jgħid li persuna misjuba ħatja tista’ teħel il-piena prevista għad-delitt li kien l-għan tal-assoċjazzjoni, iżda mnaqqsa b’żewġ jew tliet gradi.

Il-verdett tal-ġurati, madankollu, huwa dwar il-ħtija jew in-nuqqas tagħha fuq kull kap. Hija l-Qorti li sussegwentement tittratta l-piena skont il-liġi jekk ikun hemm verdett ta’ ħtija.

Xahrejn ta’ provi quddiem il-ġurati

Qabel ma waslu għad-deliberazzjoni, il-ġurati qattgħu madwar 50 jum jisimgħu l-każ.

Il-prosekuzzjoni ressqet għexieren ta’ xhieda, fosthom investigaturi, esperti forensiċi, persuni qrib l-allegat intermedjarju Melvin Theuma, uffiċjali tal-pulizija, persuni marbuta mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u membri tal-familja Caruana Galizia.

Il-ġurati semgħu wkoll għal ġranet sħaħ recordings sigrieti, raw messaġġi u data estratta minn apparat elettroniku u semgħu lil Fenech innifsu jagħti x-xhieda tiegħu – pass mhux tas-soltu għal persuna akkużata fi proċess kriminali.

Vince Muscat il-Koħħu: wieħed mill-eżekuturi jirrakkonta kif ġie ppjanat il-qtil

Il-ġurati semgħu wkoll lil Vincent Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, wieħed mit-tliet irġiel li wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Muscat kien ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil fl-2021 u ġie kkundannat 15-il sena ħabs wara ftehim mal-Avukat Ġenerali. Matul il-ġuri ta’ Fenech huwa tressaq bħala xhud tal-prosekuzzjoni u ta rendikont dettaljat tal-preparamenti li wasslu għall-assassinju.

Huwa qal lill-ġurati li fl-2017 Melvin Theuma kien avviċina lill-aħwa Alfred u George Degiorgio dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u li l-prezz maqbul kien ta’ €150,000, b’depożitu ta’ €30,000. Muscat xehed li kien wassal lil Alfred Degiorgio biex jiġbor id-depożitu u li minn hemm beda l-ippjanar attiv tal-assassinju.

Muscat daħħal lill-ġurati wkoll fid-dettall tal-operazzjoni fuq il-post: is-sorveljanza tal-movimenti tal-ġurnalista, il-vetturi użati biex josservawha u l-preparamenti li saru qabel ma l-pjan finalment inbidel f’attakk permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha. Waqt ix-xhieda tiegħu huwa identifika wkoll waħda mill-vetturi tiegħu stess bħala waħda minn dawk użati fis-sorveljanza.

Punt importanti għall-każ kontra Fenech huwa li Muscat qal li l-ħlasijiet kollha marbuta mal-qtil li kien jaf bihom għaddew minn Melvin Theuma. Madankollu, huwa ma qalx li Theuma kien żvelalu min kien il-mandant wara l-qtil waqt li kienu qed jippjanawh. Muscat qal li sema’ l-isem ta’ Yorgen Fenech aktar tard, waqt l-investigazzjoni tal-pulizija.

Il-prosekuzzjoni poġġiet ix-xhieda ta’ Muscat bħala element li jikkorrobora partijiet importanti mill-verżjoni ta’ Theuma, partikolarment dwar il-ftehim mal-aħwa Degiorgio, il-ħlasijiet u l-mod kif ġie organizzat il-qtil. Fl-indirizz finali tagħha, il-prosekuzzjoni semmiet speċifikament ix-xhieda ta’ Muscat fost il-provi li, fil-fehma tagħha, jikkorroboraw lil Theuma.

Id-difiża, iżda, għamlet kontro-eżami estensiv lil Muscat u sfidat il-memorja u l-konsistenza tiegħu fuq numru ta’ dettalji, fosthom meta eżattament kien tħallas id-depożitu għall-qtil. Muscat innifsu qal li, minħabba li għaddew is-snin, ma kienx għadu ċert dwar ċerti dati, filwaqt li l-prosekuzzjoni fakkritu li f’xhieda preċedenti kien ta verżjoni aktar definita dwar iż-żmien tal-ħlas.

Keith Arnaud u l-investigazzjoni li wasslet għal Fenech

Wieħed mill-ewwel xhieda ewlenin kien l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ.

Fuq diversi ġranet ta’ xhieda, Arnaud mexxa lill-ġurati mill-iżvilupp tal-investigazzjoni wara l-qtil, l-arrest tal-allegati eżekuturi, l-identifikazzjoni ta’ Melvin Theuma u eventwalment l-arrest ta’ Fenech f’Novembru 2019.

Huwa xehed dwar ir-recordings sigrieti li Theuma kien għamel, messaġġi fuq Signal u materjal estratt mill-mobile ta’ Fenech. Arnaud qal lill-ġurati li l-investigaturi kienu ppruvaw jikkorroboraw dak li qal Theuma permezz ta’ xhieda oħra, provi forensiċi u informazzjoni li l-pulizija kellha diġà f’idejha.

Id-difiża għamlet kontro eżami estensiv lil Arnaud, b’mistoqsijiet dwar kif ġew investigati persuni oħra, fosthom l-eks Chief of Staff Keith Schembri, u jekk kinux ġew segwiti biżżejjed linji alternattivi ta’ investigazzjoni.

Melvin Theuma: ix-xhud li fuqu ddur parti kbira mill-każ

L-aktar xhud ċentrali għall-prosekuzzjoni kien Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali wara li ammetta li kien l-intermedjarju fil-qtil.

Theuma qal lill-ġurati li kien Fenech li talbu jsib lil xi ħadd biex joqtol lil Caruana Galizia u sostna ripetutament li, sa fejn kien jaf hu, Fenech kien il-persuna li ordnat il-qtil. Huwa rrakkonta kif ikkuntattja lill-aħwa Degiorgio u kif sar il-ftehim dwar il-ħlas ta’ €150,000.

Il-ġurati semgħu wkoll għadd kbir ta’ recordings li Theuma kien għamel bil-moħbi ta’ konversazzjonijiet ma’ Fenech u ma’ persuni oħra.

Il-prosekuzzjoni targumenta li dawn ir-recordings jikkorroboraw il-verżjoni tiegħu u juru li Fenech kellu għarfien u involviment li persuna barra mill-konfoffa ma kienx ikollha.

Id-difiża, min-naħa tagħha, għamlet ġranet tikkontesta l-kredibbiltà ta’ Theuma.

Fost punti oħra, il-ġurati semgħu lil Theuma jammetti li kien qal affarijiet mhux veri dwar Keith Schembri. Huwa qal li kien gideb meta kien inkludieh ma’ Fenech f’ċerti allegazzjonijiet, iżda baqa’ jinsisti li Fenech kien il-persuna li qabbditu u tatu l-flus biex jorganizza l-qtil.

Id-difiża sostniet li Theuma bena storja kontra Fenech sabiex jikseb il-maħfra u jipproteġi lil Schembri – allegazzjoni li Theuma ċaħad.

Ir-recordings sigrieti

Parti sostanzjali mill-proċess kienet iddedikata għar-recordings ta’ Theuma.

Il-ġurati semgħu konversazzjonijiet li l-prosekuzzjoni tgħid juru lil Fenech jitkellem b’mod li jimplikah fil-qtil u fil-ħlasijiet li saru wara.

Il-prosekuzzjoni qalet fl-għeluq tagħha li dawn il-konversazzjonijiet huma partikolarment importanti għaliex kienu saru bejn persuni li ma kinux jafu li l-kliem tagħhom xi darba kien se jinstema’ minn ġurija.

Id-difiża tinterpreta ħafna minn dawk il-konversazzjonijiet b’mod differenti u tgħid li l-kuntest tagħhom ma jurix li Fenech kien il-mandant tal-qtil.

Johann Cremona u dak li kien jgħidlu Theuma

Il-ġurati semgħu wkoll lil Johann Cremona, persuna qrib Fenech u Theuma.

Cremona qal li Theuma kien isemmi lil Fenech meta jitkellem dwar il-qtil u dwar min kien hemm warajh. Madankollu, waqt li l-prosekuzzjoni daqqet recordings bejn Cremona u Theuma, Cremona qal diversi drabi li ċerti affarijiet li kien qal f’dawk il-konversazzjonijiet kienu bluff jew kliem li kien juża biex jikkalma lil Theuma.

Ix-xhieda tiegħu wasslet ukoll għal kontroversja meta allega li wieħed mill-avukati tad-difiża kien iltaqa’ ma’ Keith Schembri lejliet xhieda li Schembri kien ta fi stadju preċedenti tal-proċeduri.

Edgar Brincat

Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, li kien qrib ħafna ta’ Theuma, qal lill-ġurati li Theuma kien qallu li kien serva ta’ intermedjarju bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio.

Brincat irrakkonta wkoll l-ansjetà ta’ Theuma hekk kif beda jibża’ li Vincent Muscat, il-Koħħu, kien qed jitkellem mal-pulizija u seta’ jikxef ir-rwol tiegħu.

Keith Schembri

L-eks Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri kien wieħed mill-aktar ismijiet li dehru tul il-ġuri u xehed ukoll quddiem il-ġurati.

Ir-rwol tiegħu kien punt ta’ kunflitt fundamentali bejn iż-żewġ naħat.

Il-prosekuzzjoni sostniet li anke jekk persuni oħra setgħu kellhom xi rwol jew għarfien, dan ma jneħħix mill-każ tagħha kontra Fenech.

Id-difiża, min-naħa l-oħra, poġġiet lil Schembri fiċ-ċentru tat-teorija alternattiva tagħha u sostniet li kien hu, mhux Fenech, il-“moħħ” wara l-qtil.

Schembri ċaħad involviment fl-assassinju.

Kenneth Camilleri u kuntatti ma’ Theuma

Kenneth Camilleri (immarkat biċ-ċirku aħmar)
Kenneth Camilleri (immarkat biċ-ċirku aħmar)

Il-ġurati semgħu wkoll lil Kenneth Camilleri, li kien jagħmel parti mis-security detail tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Ix-xhieda relatata miegħu kienet marbuta ma’ kuntatti li kellu ma’ Theuma wara l-qtil u ma’ informazzjoni li allegatament kienet qed tasal għand l-intermedjarju dwar il-persuni arrestati għall-assassinju.

Camilleri qal ukoll li meta pprova jqajjem il-kwistjoni ma’ Muscat, l-eks Prim Ministru waqqfu milli jkompli jitkellem dwarha.

Adrian Vella

It-tabib Adrian Vella, li kien qrib Fenech, xehed dwar il-ġranet ta’ tensjoni qabel l-arrest tal-akkużat f’Novembru 2019.

Fost affarijiet oħra, il-ġurati semgħu dwar dokumenti li Vella qal li kien ġabar mingħand Schembri u wassal lil Fenech, kif ukoll dwar dak li seħħ madwar vjaġġ lejn Għawdex wara l-arrest ta’ Theuma.

L-Ispettur Kurt Zahra aktar tard qal li Vella kien irrakkonta lill-investigaturi kif Fenech irċieva dak li ġie deskritt bħala “script” minn Schembri dwar x’kellu jgħid.

Il-provi diġitali u forensiċi

Numru ta’ esperti Maltin u tal-Europol xehdu dwar mobiles, computers, recordings u data oħra miġbura waqt l-investigazzjoni.

Fosthom kien hemm esperti li spjegaw kif ġew estratti u analizzati apparati marbuta ma’ Theuma u persuni qrib tiegħu, kif ukoll il-metodu użat biex jiġu eżaminati d-dati marbuta mar-recordings tiegħu.

Esperti u uffiċjali oħra xehdu dwar data estratta minn apparat ta’ Fenech u dwar tfittxijiet fil-proprjetajiet tiegħu u fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri.

Matthew u Andrew Caruana Galizia

Matthew Caruana Galizia(Xellug), Andrew Caruana Galizia(Lemin)
Matthew Caruana Galizia(Xellug), Andrew Caruana Galizia(Lemin)

Il-ġurati semgħu wkoll lil ulied Daphne Caruana Galizia.

Matthew Caruana Galizia xehed dwar ix-xogħol investigattiv ta’ ommu, fosthom il-ħidma tagħha fuq Electrogas u 17 Black, u dwar materjal diġitali relatat mal-investigazzjonijiet tagħha.

Andrew Caruana Galizia, tkellem dwar ix-xogħol ta’ ommu, il-biżgħat tagħha fil-ġimgħat qabel inqatlet u l-mument meta sar jaf bl-isplużjoni tal-Bidnija.

Fenech jitla’ jixhed: “Jien qatt ma ordnajt il-qtil”

Wara li l-prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha, Fenech għażel li jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda huwa stess.

Huwa ċaħad kategorikament li qatt ordna l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Fenech ammetta li kien involut f’konversazzjonijiet dwar il-qtil u dwar flus li ngħataw wara d-delitt, iżda qal li dan ma kienx għaliex kien il-mandant.

Huwa sostna li Keith Schembri kien il-veru moħħ wara l-assassinju u qal lill-ġurati li hu stess spiċċa jgħaddi informazzjoni mingħand Schembri lil Theuma.

Ix-xhieda tiegħu damet diversi ġranet u kienet segwita minn kontro eżami estensiv mill-prosekuzzjoni.

Il-każ tad-difiża

Wara x-xhieda ta’ Fenech, id-difiża ressqet għadd żgħir ta’ xhieda oħra.

John Abela mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru xehed dwar l-istruttura u r-rekords ta’ viżitaturi f’Kastilja.

Chris Frendo, kap legali ta’ Electrogas, xehed dwar breach fis-sistemi tal-kumpanija fl-2017 u searches li saru fuq kliem bħal “Keith Schembri”, “17 Black” u “Dubai”.

Rappreżentanta tal-Bank of Valletta, Sarah Rausi, kienet imsejħa biex titkellem dwar tranżazzjonijiet ta’ Fenech, iżda l-Qorti ma ħallithiex tippreżenta parti mill-evidenza għaliex id-dokumenti li fuqhom kienet se tixhed ma kinux iddaħħlu formalment fl-atti.

Numru ta’ persuni oħra li kienu fuq il-lista tax-xhieda tad-difiża, fosthom Joseph Muscat, Chris Cardona, Angelo Gafà, ma kinux eventwalment imsejħa biex jixhdu.

Żewġ verżjonijiet kompletament differenti

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġurati għandhom quddiemhom żewġ verżjonijiet kuntrastanti.

Il-prosekuzzjoni tgħid li l-provi kollha flimkien – ix-xhieda ta’ Theuma, ir-recordings, il-messaġġi, il-ħlasijiet u l-imġiba ta’ Fenech wara l-qtil – jikkorroboraw lil xulxin u jwasslu għall-konklużjoni li Fenech kien involut fil-konfoffa biex tinqatel Caruana Galizia.

Id-difiża tgħid li l-każ huwa mibni fuq xhud li ammetta li gideb, fuq recordings li jistgħu jiġu interpretati b’modi differenti u fuq investigazzjoni li naqset milli ssegwi bis-sħiħ linji oħra. Hija tgħid li l-provi jqajmu dubju raġonevoli u tpoġġi lil Keith Schembri bħala l-persuna li verament kienet wara l-qtil.

Fenech, li ilu jiċħad l-akkużi kontrih, issa jistenna waqt li l-ġurati jiddeliberaw.

Wara xahrejn jisimgħu l-provi, huwa issa f’idejhom li jiddeċiedu jekk l-proskeuzzjoni rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

More in Qrati u Pulizija