Raġel jinżamm taħt arrest wara allegati reati sesswali fuq residenti b’diżabbiltà

L-akkużat ġie miċħud mill-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ li jaħrab mill-pajjiż

Ċittadin Indjan ta’ 37 sena nżamm taħt arrest nhar it-Tnejn wara li deher quddiem il-Qorti dwar allegati atti sesswali mhux konsenswali u fastidju imwettqa fuq residenti f’dar tal-kura għall-persuni b’diżabbiltà.

Kota Satyanarayana Murthy Sattineedi, li jgħix San Pawl il-Baħar, deher il-Qorti jiffaċċja akkużi li wettaq reati sesswali mhux konsenswali u fastidju kontra individwi vulnerabbli.

Il-Qorti semgħet li l-allegati reati seħħew bejn il-11 ta’ Awwissu u t-22 ta’ Awwissu 2026, f'dar residenzjali komunitarja għall-persuni b’diżabbiltà operata bl-appoġġ ta’ Aġenzija Sapport.

Sattineedi kien akkużat li wettaq atti sesswali mhux konsenswali ta’ natura ripetuta kontra persuna vulnerabbli, kif ukoll li suġġetta resident ieħor għal fastidju u kondotta sesswali mhux mixtieqa. L-akkużat wieġeb li mhux ħati għall-akkużi kollha mressqa kontrih.

Id-difiża ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest, fejn argumentaw li Sattineedi ilu jgħix Malta għal tliet snin, għandu permess ta’ residenza validu, u kien impjegat fil-pajjiż qabel l-arrest tiegħu. Id-difiża argumentat li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ tbagħbis tal-provi jew li javviċina lill-vittmi, billi nnotat li l-vittmi jgħixu fir-residenza u għalhekk huma limitati għal dik ir-residenza.

Il-prosekuzzjoni oġġezjonat bil-qawwa għal din it-talba, u enfasizzat li l-vittmi għad iridu jixhdu l-Qorti. Il-prosekuzzjoni argumentaw li l-akkużat m’għandux rabtiet suffiċjenti mal-gżejjer Maltin, u dan iqajjem biża’ reali li jista’ jaħrab. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħaelsien mill-arrest billi qablet mal-prosekuzzjoni li, apparti li l-vittmi għad għandhom bżonn jixhdu, in-nuqqas ta’ rabtiet suffiċjenti tal-akkużat mal-pajjiż jippreżenta biża reali li jaħrab.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa minn Dr Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Ryan Vella u Hannah Harmer.
Il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.

More in Qrati u Pulizija