“Intom m’intomx investigaturi — intom ġudikanti”: Il-ġuri ta’ Fenech jidħol fil-fażi finali
Edwina Grima tfakkar fil-preżunzjoni tal-innoċenza, fid-dubju raġonevoli u fil-piż tal-prova fuq il-Prosekuzzjoni, qabel tibda tirrikapitola x-xhieda u l-provi ta’ kważi xahrejn ġuri
minn Jaelle Borg
“Intom m’intomx investigaturi. Intom ġudikanti.”
B’din it-twissija ċara, l-Imħallef Edwina Grima illum bdiet tmexxi lid-disa’ ġurati lejn l-aktar deċiżjoni importanti tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech: jekk il-Prosekuzzjoni ppruvatx, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, iż-żewġ akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara kważi xahrejn ta’ xhieda, dokumenti, chats, recordings, argumenti legali u sottomissjonijiet mill-partijiet, il-ġuri daħal fl-aħħar fażi tiegħu. Iżda l-ġurati għadhom ma rtirawx biex jiddeliberaw: Grima għadha qed tagħtihom l-indirizz tagħha, li llum beda bil-prinċipji tal-liġi u wara mexa lejn rikapitulazzjoni estensiva tal-provi.
“Wasalna fl-aħħar. Kienet triq iebsa u twila, imma wasalna,” qaltilhom fil-bidu.
L-Imħallef irrikonoxxiet is-sagrifiċċju tal-ġurati, li għal ġimgħat sħaħ kellhom iwarrbu r-rutina u l-familji tagħhom biex isegwu l-proċess. Imbagħad għamlitilhom ċar il-piż tar-rwol tagħhom.
“Intom Imħallfin daqsi,” qaltilhom, filwaqt li spjegat li hija l-imħallef tal-liġi, iżda huma l-imħallfin tal-fatti.
Saħansitra qalet li kull darba li l-ġurati baxxew rashom lejha meta daħlet fl-awla, hi baxxiet rasha lura lejhom għaliex fil-kompożizzjoni tal-Qorti “intom daqsi hawn”.
Il-ġurati, kompliet Grima, ma għandhom jitħallew jiġu influwenzati minn ħadd — lanqas minnha.
“Qalulkom li dan huwa ġuri tal-id moħbija. Jien ngħidilkom le”
Waħda mill-ewwel twissijiet tal-Imħallef kienet biex il-ġurati ma jimlewx huma stess dak li jqisu bħala lakuni fl-investigazzjoni jew fil-provi.
Id-Difiża, fil-kontro-replika tagħha, kienet poġġiet ħafna mill-każ tagħha fuq dik li sejħet “l-id moħbija” wara l-assassinju u fuq linji investigattivi li sostniet li ma ġewx segwiti.
Grima kienet kategorika: il-ġurati jridu jiġġudikaw dak li hemm quddiemhom.
Biex tispjegaha, użat l-analoġija ta’ trolley f’supermarket: wieħed jista’ jaħseb f’ħafna affarijiet li seta’ poġġa fih, iżda meta jasal għand il-kaxxier iħallas biss għal dak li fil-fatt hemm fit-trolley.
Bl-istess mod, il-ġurati ma jistgħux jispekulaw dwar prova li “setgħet” teżisti jew xhud li “seta’” tressaq.
Huma jridu jiddeċiedu fuq il-provi li effettivament semgħu.
Grima wissiethom ukoll biex iwarrbu kull simpatija jew antipatija — kemm lejn il-vittma, kemm lejn l-akkużat u kemm lejn xi xhud.
Anke kummenti minn taħt l-ilsien li nstemgħu fl-awla matul il-ġuri, qalet, ma għandhom ebda valur bħala prova u ma jistgħu jinfluwenzawx il-verdett.
Fenech jibqa’ innoċenti sakemm il-ġurati jiddeċiedu mod ieħor
L-ewwel prinċipju legali li Grima poġġiet quddiem il-ġurati kien il-preżunzjoni tal-innoċenza.
Yorgen Fenech, qaltilhom, jibqa’ jitqies innoċenti sakemm — u jekk — huma jaslu għal verdett ta’ ħtija.
Il-piż biex jipprova l-każ tiegħu ma jaqax fuq Fenech iżda kompletament fuq il-Prosekuzzjoni.
Il-provi, barra minn hekk, iridu jkunu provi li jistgħu jintużaw skont il-liġi. Jekk xi materjal ikun ġie eskluż jew ma jkunx legalment ammissibbli, il-ġurati ma jistgħux joqogħdu fuqu sempliċement għax semgħu bih matul il-proċess.
U jekk jibqa’ dubju raġonevoli, dak id-dubju għandu jmur favur l-akkużat.
Grima fakkret ukoll li Fenech kellu d-dritt li jibqa’ sieket. Huwa għażel mod ieħor u tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, u għalhekk dak li qal hemmhekk ukoll irid jiġi evalwat mal-bqija tal-provi.
Kif għandu jitwemmen xhud?
Parti sostanzjali mill-indirizz tal-Imħallef kienet iddedikata għal kif il-ġurati għandhom jevalwaw il-kredibbiltà.
Xhud, spjegat Grima, jista’ jitwemmen f’kollox, jista’ jitwarrab kompletament, iżda l-liġi tippermetti wkoll li l-ġurati jemmnu parti u ma jemmnux parti oħra.
Għalhekk, gidba jew inkonsistenza fuq punt wieħed ma tfissirx awtomatikament li x-xhieda kollha trid tintrema.
Lanqas l-imġiba fuq il-pedana ma għandha tinqara b’mod simplistiku. Persuna tista’ ttemtem, tegħreq bl-għaraq jew tidher nervuża għaliex tkun imbeżżgħa mill-Qorti — mhux neċessarjament għax tkun qed tigdeb.
Il-ġurati għandhom minflok iħarsu lejn diversi fatturi: il-konsistenza, il-plawsibbiltà u l-korroborazzjoni.
Jekk persuna bidlet il-verżjoni tagħha meta ġiet ikkonfrontata, dan jista’ jaffettwa l-kredibbiltà tagħha. Jekk dak li tgħid ma jagħmilx sens fid-dawl tal-bqija tal-provi, dan ukoll għandu jiġi kkunsidrat.
U xhieda tista’ tkun korroborata mhux biss minn persuna oħra, iżda minn chats, dokumenti, recordings, ritratti, data teknika jew indizji oħra.
Provi ċirkostanzjali: “Iridu kollha jippuntaw fl-istess direzzjoni”
Grima waqfet fit-tul ukoll fuq il-provi ċirkostanzjali.
Dawn huma serje ta’ fatti li, meta jitqiegħdu flimkien, jistgħu jwasslu lill-ġurati għal konklużjoni anke jekk ħadd ma jkun ra direttament dak li seħħ.
Iżda hemm kundizzjoni fundamentali: l-indizji jridu kollha jwasslu lejn l-istess xenarju.
Biex tispjega l-punt, irrakkontat każ reali li kellha meta kienet Maġistrat Inkwirenti, fejn raġel kien waqa’ minn bejt ta’ erba’ sulari. Kien hemm riħ qawwi, sellum, tank tal-ilma bil-bokka miksura u l-għatu tiegħu mal-art ħdejn il-vittma.
Dawk il-fatti setgħu jwasslu għal konklużjoni li r-raġel tela’ biex jaħdem fuq it-tank u waqa’ minħabba r-riħ.
Imma jekk jiżdied fatt ieħor — pereżempju xhud li jgħid li ftit qabel raha jargumenta ma’ persuna oħra — ix-xenarju ma jibqax wieħed biss.
Hawnhekk, wissiet Grima, il-provi ċirkostanzjali jistgħu “jqarrqu bina”.
Erba’ livelli ta’ prova
Wieħed mill-aktar mumenti ċari tal-lezzjoni legali tal-Imħallef kien meta qasmet il-prova f’erba’ livelli.
L-ewwel huwa dak li sempliċement jista’ jkun — sitwazzjoni ta’ 50/50. Dan ma jistax iwassal għal kundanna.
Imbagħad hemm il-probabbiltà, meta spjegazzjoni tkun aktar probabbli milli le. Dan, spjegat, huwa l-livell li bih id-Difiża tista’ tqajjem verżjoni alternattiva.
It-tielet huwa dak taċ-ċertezza morali, li ma tfissirx ċertezza assoluta.
U fl-aħħar hemm l-istandard li trid tilħaq il-Prosekuzzjoni: lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
“Mhux lil hinn minn kull dell ta’ dubju — iżda lil hinn minn kull dubju raġonevoli,” saħqet Grima.
Biex turi kif il-kuntest jista’ jbiddel prova, użat eżempju ta’ marki tas-swaba’ fuq karozza misruqa.
Jekk il-marki jinsabu fuq il-bonnet u jkun hemm xhud li ra lill-akkużat jitfixkel ħdejnha, jista’ jkun hemm spjegazzjoni raġonevoli li mess il-karozza biex ma jaqax.
Jekk l-istess marki jinsabu ġewwa l-karozza, dik l-ispjegazzjoni ma tibqax daqstant konvinċenti.
“Kull reat għandu żewġ saqajn”
Minn hemm Grima daħlet direttament fl-akkużi ta’ Yorgen Fenech.
Spjegat li kull reat għandu “żewġ saqajn”: l-element materjali u l-element intenzjonali.
L-ewwel wieħed huwa dak li effettivament sar; it-tieni huwa l-ħsieb jew l-intenzjoni wara l-għemil.
Il-mottiv huwa differenti. Il-Prosekuzzjoni, qalet, mhix obbligata tipprova motiv biex ikun hemm kundanna. Iżda jekk motiv jiġi stabbilit, jista’ jservi bħala prova li tikkorrobora l-bqija tal-każ.
Fenech jinsab mixli b’żewġ kapi: kompliċità fl-omiċidju volontarju u assoċjazzjoni ma’ persuni oħra biex jitwettaq reat.
Dan ifisser li se jkun hemm żewġ verdetti separati.
Grima fakkret lill-ġurati li Fenech mhux akkużat li wettaq l-omiċidju direttament.
Biex tispjega d-differenza bejn awtur u kompliċi, tat l-eżempju ta’ żewġ persuni li jmorru jisirqu bank u jaqblu li jużaw arma jekk ikun hemm bżonn. Jekk wieħed jispara u joqtol gwardjan, dak ikun l-awtur dirett. Iżda l-persuna l-oħra tista’ wkoll tkun kriminalment responsabbli jekk kienet parti mill-pjan komuni u għenet fit-twettiq tiegħu.
Fil-każ ta’ Daphne, qalet Grima, George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat kienu t-tliet eżekuturi diretti.
Biex Fenech jinstab ħati bħala kompliċi, irid jiġi ppruvat fost affarijiet oħra li kien hemm ħsieb komuni bejnu u l-awturi u li huwa għen, ordna, ħeġġeġ jew ikkontribwixxa għar-reat b’wieħed mill-modi previsti mil-liġi.
L-Imħallef għamlet ukoll eżempju sempliċi: jekk persuna titlob arma mingħand oħra u tgħidilha li biha se toqtol terza persuna, hemm ħsieb komuni. Jekk tgħidilha li tridha biex toqtol ġurdien u mbagħad tużaha biex toqtol persuna, dak il-ħsieb komuni ma jkunx hemm.
Dwar l-assoċjazzjoni kriminali, Grima spjegat li r-reat jista’ jeżisti anke jekk il-pjan finalment ma jitwettaqx. Il-ġurati jridu jaraw jekk kienx hemm ftehim ma’ persuni oħra, bil-għan li jsir reat u dwar kif kellu jitwettaq.
Il-maħfra ta’ Melvin Theuma u l-“xabla mdendla”
Meta waslet għal Melvin Theuma, Grima spjegat il-maħfra presidenzjali li ngħatatlu biex seta’ jixhed dwar il-każ.
Il-maħfra kienet marbuta ma’ kundizzjonijiet, fosthom li jgħid il-verità kollha li jaf.
L-Imħallef iddeskriviet dan bħala “xabla mdendla fuq rasu”: jekk persuna tikser il-kundizzjonijiet tal-proklama, tista’ titlef il-protezzjoni li tkun ingħatat.
Aktar tard, qabel il-ġurati reġgħu daħlu fl-awla, l-avukat tad-Difiża Charles Mercieca talab korrezzjoni dwar kif kienet saret ir-rakkomandazzjoni għall-maħfra, u sostna li fil-każ ta’ Theuma din kienet saret mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, mhux mill-Kabinett kollu.
Tul il-ġuri, id-Difiża poġġiet taħt skrutinju l-għoti tal-proklama lil Theuma u argumentat li seta’ minflok mexa permezz ta’ plea bargain.
Grima llum spjegat ukoll il-pożizzjoni ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, u għamlitha ċara li huwa kien wieħed mill-awturi diretti tar-reat, mhux kompliċi. Muscat xehed wara li ammetta l-ħtija u ngħata piena mnaqqsa permezz ta’ plea bargain.
Imbagħad beda r-rakkont tal-provi
Wara l-parti legali, l-Imħallef bdiet dik li mistennija tkun l-aktar parti twila tal-indirizz tagħha: rikapitulazzjoni tal-provi li għaddew quddiem il-ġurati.
Qabel bdiet, wissiethom biex ma jqisux il-verżjoni tagħha bħala “vanġelu”.
Dak li kienet se tgħidilhom, spjegat, kien dak li niżżlet fin-noti tagħha matul il-ġuri. Iżda jekk huma jiftakru xi ħaġa b’mod differenti, il-memorja u l-ġudizzju tagħhom dwar il-fatti huma sovrani.
L-ewwel xhud li rrikapitolat kien l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, wieħed mill-investigaturi ewlenin tal-assassinju.
Minn hemm bdiet terġa’ tinbena l-investigazzjoni: il-wasla tal-Pulizija f’Bidnija, il-bżonn immedjat ta’ assistenza teknika fuq it-telefonija, il-movimenti ta’ Daphne ftit minuti qabel l-isplużjoni u l-punti minn fejn l-eżekuturi setgħu kienu qed josservaw ir-residenza tagħha.
Fosthom kien hemm il-Victoria Lines u għalqa qrib is-sit tal-MCAST fil-Mosta, li tagħti fuq iż-żona tal-Bidnija.
Il-pjan tal-qtil, l-eżekuturi u Theuma
L-Imħallef reġgħet għaddiet ukoll mill-arresti tat-tliet eżekuturi.
Meta ġie arrestat George Degiorgio, il-Pulizija sabet in-numru tal-mobile tas-sieħba tiegħu miktub fuq polzu, fatt li qajjem suspett li seta’ kellu xi twissija minn qabel dwar ir-rejd.
Il-mobile ewlieni tiegħu ma nstabx mill-ewwel, filwaqt li dak ta’ Alfred Degiorgio instab bil-batterija maqlugħa.
Mill-provi, reġa’ ħareġ ukoll li l-pjan oriġinali kien li Daphne tinqatel b’arma tan-nar, qabel ma l-metodu nbidel għal bomba.
L-armi kienu, skont il-provi, se jiġu minn Robert Agius u Jamie Vella. Il-bomba mbagħad inżammet f’garaxx fil-Mosta, fejn l-eżekuturi ġew murija kif taħdem qabel bdew isegwu l-movimenti tal-vittma.
Dwar Melvin Theuma, Grima fakkret li Vince Muscat kien qal li rah jiltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio ġewwa ħanut.
Il-Pulizija ddeċidiet li Theuma kellu jiġi arrestat mingħajr ma tkun żvelata l-linja investigattiva dwar l-omiċidju. Għalhekk inbena kontrih każ ta’ ħasil ta’ flus, marbut mal-attività tiegħu fil-lottu illegali.
Sa Mejju 2019, skont ix-xhieda, l-investigaturi kellhom każ finanzjarju sostanzjali kontrih.
L-ittra, ir-recordings u Keith Schembri
Fost il-provi li Grima enfasizzat kien hemm ukoll l-ittra miktuba bl-idejn minn Theuma li nstabet fir-residenza ta’ Fenech u li kienet issemmi kemm lil Yorgen Fenech kif ukoll lil Keith Schembri b’rabta mal-qtil.
Theuma aktar tard ta verżjoni differenti dwar Schembri lill-investigaturi.
L-Imħallef fakkret ukoll fix-xhieda ta’ Theuma li kien għadda lil Fenech USB b’kopji ta’ recordings sigrieti biex jurih li kien qed jirrekordja l-konversazzjonijiet tagħhom.
Data estratta mill-mobile ta’ Fenech uriet ukoll kuntatt ma’ Schembri sal-ħin meta l-jott ta’ Fenech ipprova jitlaq mill-marina tal-Portomaso.
Schembri, meta ġie mistoqsi mill-Pulizija, qal li ma setax jgħaddilhom il-mobile tiegħu għax kien tilfu.
Grima reġgħet semmiet ukoll il-verżjonijiet kuntrastanti dwar Kenneth Camilleri. Fenech xehed li Schembri kien bagħtu biex joqtol lil Theuma, iżda li l-pjan twaqqaf meta Theuma kien ma’ ibnu ż-żgħir. Camilleri ċaħad dan u qal li kien intbagħat biex ikellem lil Theuma u jikkalmah.
Schembri ċaħad ukoll li kien irranġa impjieg mal-Gvern għal Theuma.
Diskrepanzi bejn Fenech u Theuma
Fost il-punti li Arnaud kien ikkonferma taħt kontro-eżami kien hemm li l-Pulizija sabet numru ta’ diskrepanzi bejn il-verżjonijiet ta’ Theuma u Fenech.
Waħda minnhom kienet it-timeline ta’ meta allegatament beda l-pjan.
Theuma kien qal li Fenech avviċinah dwar il-qtil madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 — wieħed mill-punti li d-Difiża attakkat bil-qawwa matul il-kontro-replika tagħha.
Arnaud kien ikkonferma wkoll li George u Alfred Degiorgio kienu diġà taħt ir-radar tal-Pulizija qabel l-assassinju, b’rabta ma’ suspett ta’ involviment fl-attentat bil-bomba fuq Romeo Bone.
Il-provi mill-Bidnija jerġgħu jgħaddu quddiem il-ġurati
Fis-sessjoni ta’ waranofsinhar, Grima reġgħet mexxiet lill-ġurati lejn l-ewwel minuti u sigħat wara l-isplużjoni.
Fakkret fix-xhieda tas-Supretendent Antoine Cilia, li ra ġisem fost il-fdalijiet, u fil-konfront bejn Matthew Caruana Galizia u Mario Vella fuq il-post, b’Matthew fi stat ta’ xokk u paniku.
Imbagħad għaddiet għax-xhieda tal-uffiċjali tal-Pulizija, esperti tal-isplussivi u Scene of Crime Officers.
L-espert tan-Netherlands Forensic Institute Marcel Van Beest, sostnut mix-xhieda tal-Brigadier Jeffrey Curmi, kien ikkonkluda li l-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-vettura, mhux imwaħħla minn barra.
Ix-xhud Wallace Sammut kien irrakkonta kif fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil innota karozza bajda tal-kiri u Peugeot griża fl-inħawi ta’ fuq il-Victoria Lines, vetturi li qajmulu suspett iżda li qatt ma rahom hemm fl-istess ħin.
U Francis Sant, li kien qed isuq fit-triq fil-mument tal-isplużjoni, kien qal li lemaħ paniku fuq wiċċ Daphne qabel il-karozza marret lejn il-ġenb, ra xrara ħierġa minn taħtha u semagħha tgħajjat qabel seħħet l-isplużjoni.
L-Imħallef kompliet b’sensiela ta’ xhieda tekniċi u fakkret ukoll li kampjun tad-DNA minn wieħed minn ulied Daphne ntuża biex tiġi kkonfermata formalment l-identità tagħha.
Missier Daphne fil-Qorti għall-ewwel darba
Il-ġurnata kellha wkoll mument simboliku barra mill-argument legali.
Michael Vella, missier Daphne Caruana Galizia, attenda l-ġuri personalment għall-ewwel darba, hekk kif wasal il-Qorti qabel is-sessjoni ta’ waranofsinhar.
Miegħu kien hemm ukoll Helene, oħt Daphne, u n-neputija tagħha Megan.
Il-preżenza tiegħu waslet proprju fil-jum li fih il-ġuri beda miexi b’mod ċar lejn il-konklużjoni tiegħu.
Meta l-Qorti temmet is-seduta tal-lum, Grima kienet għadha għaddejja bl-ispjegazzjoni tal-provi. L-indirizz tagħha lill-ġurati għadu ma ntemmx.
Meta jasal dak il-mument, il-punt li Grima poġġiet quddiemhom fil-bidu tal-ġurnata se jkun dak li jridu jieħdu magħhom:
huma mhumiex investigaturi. Huma l-ġudikanti tal-fatti, u għandhom jiddeċiedu biss fuq dak li ġie ppruvat quddiemhom.

B’hekk tintemm sessjoni twila oħra f’Awla 22, bil-ġuri ta’ Yorgen Fenech jibqa’ fl-aħħar fażi tiegħu.
Matul il-ġurnata, l-Imħallef Edwina Grima tispjega lill-ġurati l-prinċipji legali li għandhom jiggwidawhom meta jiġu biex jiddeċiedu — fosthom il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-piż tal-prova fuq il-Prosekuzzjoni, id-dubju raġonevoli, il-kredibbiltà tax-xhieda, il-provi ċirkostanzjali u l-elementi tal-kompliċità u tal-assoċjazzjoni kriminali.
Wara, tibda tirrikapitola l-provi li nstemgħu tul il-ġuri, billi tgħaddi mill-ewwel xhieda tal-Prosekuzzjoni u mill-investigazzjoni li segwiet l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fost l-oħrajn, illum terġa’ tgħaddi mill-provi dwar ix-xena tal-isplużjoni, l-eżekuturi, il-pjanijiet oriġinali għall-qtil, Melvin Theuma, Keith Schembri, ir-recordings, l-ittra miktuba bl-idejn u diversi elementi forensiċi u tekniċi.
DNA ta' iben Daphne ntuża biex tiġi kkonfermata l-identità tal-vittma
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda tal-uffiċjali li ħadmu fuq l-ewwel sigħat tal-investigazzjoni.
Tfakkar fix-xhieda tal-Ispettur Emanuel Saliba mis-CID, li kien qed jassisti lil Keith Arnaud wara l-isplużjoni. Fost il-kompiti tiegħu kien hemm il-ġbir ta’ filmati tas-CCTV minn diversi postijiet, mill-inħawi tal-Bidnija sa kameras tat-traffiku ta’ Transport Malta u filmati relatati mal-Port il-Kbir.
Grima tfakkar ukoll fil-proċedura forensika li saret biex tiġi stabbilita formalment l-identità tal-vittma.
Għal dan il-għan ittieħdu kampjuni tad-DNA minn wieħed minn ulied Daphne Caruana Galizia, li ntużaw biex tiġi kkonfermata l-identità tagħha.
L-Imħallef tgħaddi fil-qosor mix-xhieda tal-Scene of Crime Officers
L-Imħallef Edwina Grima qed tgħaddi b’ritmu aktar mgħaġġel minn sensiela ta’ xhieda qosra tal-Scene of Crime Officers, filwaqt li tfakkar lill-ġurati fil-punti ewlenin li diġà nstemgħu dwar ix-xena tal-isplużjoni u l-evidenza miġbura minn fuq il-post.
F’dan l-istadju, Grima mhix tidħol f’dettall ġdid iżda qed tirrikapitola l-provi tekniċi u forensiċi li ġew imressqa matul il-ġuri.
Xhud jirrakkonta l-mumenti tal-isplużjoni fil-Bidnija
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Francis Sant, li kien qed isuq fit-triq tal-Bidnija fil-mument tal-isplużjoni.
Sant kien xehed li għall-ħabta tat-3pm tas-16 ta’ Ottubru 2017 lemaħ il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia ġejja fid-direzzjoni opposta u nnota paniku fuq wiċċ is-sewwieqa, qabel il-vettura marret lejn il-ġenb tat-triq.
Qal li ra spark ħierġa u sema’ lis-sewwieqa tgħajjat minn ġewwa.
Ftit sekondi wara seħħet splużjoni qawwija ħafna, bil-vettura tinħakem min-nar u sħaba sewda ta’ duħħan titla’ fuq il-post.
Xhud kien innota vetturi suspettużi qrib Bidnija fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Wallace Sammut, li kien ġie interrogat mill-Pulizija l-għada tal-assassinju.
Sammut, li kien jgħix fuq in-naħa tal-Victoria Lines, kien qal li fil-ġimgħat ta’ qabel il-qtil kien beda jinnota karozza bajda tal-kiri fl-inħawi li dehritlu mhux tas-soltu u “barra minn postha”.
Kien innota wkoll Peugeot griża pparkjata b’mod li kienet qed tostakola t-triq. Iż-żewġ vetturi qajmulu suspett, iżda qal li qatt ma rahom fl-istess ħin.
F’dak il-perjodu Sammut kellu siequ fil-ġibs u għalhekk kien iqatta’ ħafna ħin ġewwa. Fil-jum tal-isplużjoni, sema’ bieb ta’ karozza jingħalaq b’saħħa barra, u aktar tard sar jaf bil-qtil mill-aħbarijiet.
Madwar nofsinhar ta’ dak il-jum, qal li reġa’ lemaħ il-vettura suspettuża pparkjata propju barra d-dar tiegħu, iżda aktar tard waranofsinhar kienet sparixxiet.
L-esperti jikkonfermaw li l-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-karozza
L-Imħallef Edwina Grima tkompli bis-sommarju tal-provi tekniċi dwar l-apparat splussiv u fejn kien tqiegħed.
L-espert forensiku Marcel Van Beest, li xehed f’isem in-Netherlands Forensic Institute, kien ikkonkluda mill-analiżi xjentifika li l-bomba kienet tpoġġiet ġewwa l-vettura, u mhux imwaħħla minn barra.
Din il-konklużjoni kienet ukoll sostnuta mix-xhieda tal-espert Malti fil-qasam tal-isplussivi, il-Brigadier Jeffrey Curmi.
L-Imħallef terġa’ tgħaddi mill-ewwel xhieda fuq il-post tal-isplużjoni
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda tal-ewwel uffiċjali li waslu Bidnija fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Mis-sommarju tax-xhieda tas-Supretendent Antoine Cilia, tfakkar li dan sab xena ta’ splużjoni qawwija u ra ġisem fost il-fdalijiet.
Cilia kien irrakkonta wkoll konfront bejn Mario Vella u Matthew Caruana Galizia, b’Matthew fi stat ta’ xokk u paniku, fejn kisser il-mobile ta’ Vella wara li akkużah li kien qed jieħu ritratti ta’ ommu.
Ftit wara waslu fuq il-post membri tal-Bomb Disposal Unit, iż-żona ġiet magħluqa u Cilia baqa’ hemm sakemm wasal il-Maġistrat Inkwirenti.
Grima mbagħad tgħaddi għax-xhieda tal-Kuntistabbli Malcolm Cefai, li dak iż-żmien kien stazzjonat l-Għassa tal-Mosta. Huwa kien xehed li malli wasal Bidnija ra l-vettura tal-vittma maħkuma kompletament min-nar.
L-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati jerġgħu jidħlu f’Awla 22 għat-tkomplija tas-sessjoni ta’ waranofsinhar.
Grima issa se tkompli s-sommarju tal-provi bix-xhieda tas-Supretendent Antoine Cilia, li fiż-żmien tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien stazzjonat mar-Rapid Intervention Unit.
Pawża sal-5:15pm
L-aħwa Degiorgio kienu diġà taħt għajnejn il-Pulizija qabel il-qtil ta’ Daphne
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għal dak li ħareġ mill-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Arnaud kien spjega li daħal fil-Korp tal-Pulizija fl-2009 u ngħaqad mal-Iskwadra tal-Omiċidji fl-2012, fejn sal-2017 kien jaħdem fuq investigazzjonijiet ta’ qtil.
Taħt il-mistoqsijiet tad-Difiża, huwa kkonferma li George u Alfred Degiorgio kienu diġà magħrufa mill-Pulizija u kienu taħt sorveljanza qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan kien marbut ma’ suspett li seta’ kellhom involviment fl-attentat bil-bomba fuq Romeo Bone.
Arnaud sab diversi diskrepanzi bejn il-verżjonijiet ta’ Theuma u Fenech
Fis-sommarju tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, l-Imħallef Edwina Grima tfakkar li l-investigaturi sabu għadd ta’ diskrepanzi meta qabblu dak li qal Melvin Theuma ma’ dak li qal Yorgen Fenech.
Fost il-punti li tqajmu kien hemm it-timeline ta’ meta allegatament beda l-pjan għall-qtil.
Theuma kien qal li Fenech avviċinah għall-ewwel darba dwar il-qtil madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Dan huwa wieħed mill-elementi li l-ġurati jridu jqisu meta jqabblu l-verżjonijiet differenti li ngħataw tul il-proċess.
Kuntatt bejn Fenech u Schembri sal-ħin tat-tluq mill-Portomaso jidħol fis-sommarju tal-Imħallef
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tgħaddi mill-provi dwar ir-rabta bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u Melvin Theuma.
Tfakkar li data estratta mill-mobile ta’ Fenech uriet kuntatt dirett ma’ Schembri sal-ħin meta l-jott ta’ Fenech ipprova joħroġ mill-marina tal-Portomaso.
Meta Schembri ġie mistoqsi mill-Pulizija, qal li ma setax jgħaddilhom il-mobile tiegħu għax kien tilfu u ma kienx jaf fejn jinsab.
Grima terġa’ tfakkar ukoll fil-verżjoni ta’ Fenech li Kenneth Camilleri ntbagħat minn Schembri biex joqtol lil Theuma, iżda li l-pjan ma seħħx għax Theuma kien akkumpanjat minn ibnu ż-żgħir.
Camilleri ċaħad din il-verżjoni u qal li kien intbagħat biss biex ikellem lil Theuma u jikkalmah.
Schembri, min-naħa tiegħu, ċaħad ukoll li qatt irranġa impjieg mal-Gvern għal Theuma, u sostna li l-kuntatti tiegħu ma’ Johann Cremona kienu marbuta biss ma’ negozju leġittimu
L-ittra u r-recordings ta’ Theuma jidħlu fis-sommarju tal-Imħallef
L-Imħallef Edwina Grima tasal għal żewġ biċċiet ta’ prova li kienu ċentrali fix-xhieda ta’ Melvin Theuma: l-ittra miktuba bl-idejn u r-recordings sigrieti tiegħu.
Tfakkar li waqt tfittxija fir-residenza ta’ Yorgen Fenech, il-Pulizija sabet ittra miktuba minn Theuma li fiha kienu jissemmew kemm Fenech kif ukoll Keith Schembri b’rabta mal-qtil.
Grima tinnota wkoll li, meta mbagħad tkellem mal-investigaturi, Theuma ta verżjoni differenti dwar Schembri.
L-Imħallef tgħaddi wkoll għar-recordings u tfakkar fix-xhieda ta’ Theuma li kien għamel kopja ta’ diversi konversazzjonijiet sigrieti fuq USB, li mbagħad għadda lil Fenech biex jurih li kien qed jirrekordja dak li kien qed jingħad bejniethom.
Il-Pulizija bniet każ ta’ ħasil ta’ flus biex tarresta lil Melvin Theuma mingħajr ma tikxef il-linja tal-omiċidju
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda dwar il-mument meta Melvin Theuma beda jidħol direttament fil-linja investigattiva.
Tfakkar li Vince Muscat kien xehed li ra personalment lil Theuma jiltaqa’ u jitkellem ma’ Alfred Degiorgio ġewwa ħanut.
F’dan l-istadju, Silvio Valletta kien tneħħa mill-investigazzjoni u l-każ baqa’ f’idejn Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
L-investigaturi ddeċidew li Theuma kellu jiġi arrestat qabel ma jittieħdu passi oħra, iżda riedu jevitaw li jikxfu li kien qed jiġi segwit b’rabta mal-qtil. Għalhekk bnew każ separat kontrih fuq ħasil ta’ flus, marbut mal-attività tiegħu fil-lottu illegali.
Skont ix-xhieda miġbura, Europol qablet ma’ din l-istrateġija, u sa Mejju tal-2019 il-Pulizija kienet diġà bniet każ finanzjarju sostanzjali kontra Theuma.
Grima tfakkar ukoll li bejn l-2018 u l-2019, l-investigaturi kellhom mill-inqas ħames laqgħat ma’ Vince Muscat.
Il-pjan inizjali kien li Daphne tinqatel b’arma tan-nar, qabel ma nqaleb għal bomba
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda ta’ Keith Arnaud dwar il-komunikazzjonijiet tal-aħwa Degiorgio minn ġewwa l-ħabs u l-iżvilupp tal-pjan tal-qtil.
Minn telefonati interċettati, il-Pulizija nnutat li l-aħwa kienu jitkellmu l-aktar mal-familjari tagħhom. Madankollu, waqt konversazzjonijiet ma’ ħuhom Mario Degiorgio, kienu jsiru referenzi ripetuti għal persuna terza li l-identità tagħha ma kinitx tissemma direttament.
Grima tfakkar ukoll li, skont il-provi, il-pjan oriġinali kien li Daphne Caruana Galizia tinqatel b’arma tan-nar, b’armi li kellhom jiġu minn Robert Agius u Jamie Vella.
Dan il-pjan imbagħad inbidel u ntgħażlet bomba, li kienet miżmuma f’garaxx fil-Mosta. Hemmhekk, l-eżekuturi ngħataw spjegazzjoni dwar kif taħdem, qabel bdew isegwu b’mod attiv il-movimenti ta’ kuljum tal-vittma.
L-arresti tal-eżekuturi: telefon miktub fuq l-id u mobiles mingħajr batterija
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda ta’ Keith Arnaud dwar l-arresti ta’ George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat.
Meta ġie arrestat George Degiorgio, l-investigaturi nnutaw li kellu n-numru tal-mobile tas-sieħba tiegħu miktub fuq polzu. Dan qajjem suspett li l-irġiel setgħu kellhom xi forma ta’ twissija minn qabel dwar ir-rejd.
Meta ġew mistoqsija dwar dan, iżda, għażlu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għas-silenzju u ma wieġbux.
Il-Pulizija ma rnexxilhiex issib mill-ewwel il-mobile ewlieni ta’ George Degiorgio. Min-naħa l-oħra, il-mobile ta’ Alfred Degiorgio instab bil-batterija maqlugħa.
Fost l-oġġetti elevati, l-investigaturi sabu wkoll żewġ mobiles li saru importanti għall-investigazzjoni: wieħed marbut ma’ Vince Muscat u apparat ieħor li n-numru tiegħu kien jispiċċa b’8444.
L-investigaturi jidentifikaw żewġ punti minn fejn setgħu jiġu segwiti l-movimenti ta’ Daphne
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tiġbor ix-xhieda dwar l-ewwel fażi tal-investigazzjoni wara l-isplużjoni.
Tfakkar li l-Pulizija Maltija talbet l-għajnuna ta’ diversi esperti barranin biex jassistu fl-analiżi forensika, filwaqt li fuq il-post ġie identifikat ukoll krater sinifikanti ikkawżat mill-isplużjoni.
L-investigazzjoni mbagħad bdiet tiffoka fuq kif l-eżekuturi setgħu kienu qed josservaw il-movimenti ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dan il-kuntest, il-Pulizija identifikat żewġ punti strateġiċi ta’ osservazzjoni fuq iż-żona ta’ Bidnija: wieħed tul il-Victoria Lines u ieħor f’għalqa qrib is-sit tal-MCAST fil-Mosta, minn fejn kienet tidher iż-żona tar-residenza ta’ Caruana Galizia.
L-Imħallef terġa’ tibni l-aħħar minuti qabel l-isplużjoni
Fit-tkomplija tas-sommarju tax-xhieda ta’ Keith Arnaud, l-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għall-movimenti ta’ Daphne Caruana Galizia ftit qabel l-isplużjoni.
Hija tfakkar fix-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia, li kien wieħed minn dawk li setgħu jistabbilixxu s-sekwenza immedjata tal-avvenimenti.
Skont ix-xhieda tiegħu, ommu telqet mid-dar għal appuntament il-bank, iżda reġgħet lura ftit minuti wara għax kienet insejt iċ-chequebook. Wara reġgħet daħlet fil-karozza u telqet.
Kien f’dak il-mument, hekk kif kienet qed issuq ’il bogħod mid-dar, li l-karozza splodiet.
L-Imħallef tibda tiġbor il-provi: l-ewwel fuq ix-xhieda ta’ Keith Arnaud
Qabel tibda tgħaddi xhud b’xhud, l-Imħallef Edwina Grima terġa’ tfakkar lill-ġurati li huma għandhom l-aħħar kelma fuq il-fatti.
Tgħidilhom li dak li se tagħmel huwa sommarju tan-noti li ħadet matul il-ġuri, iżda mhux verità assoluta li għandhom jaċċettaw fuq il-memorja tagħhom stess.
“Intom l-imħallfin sovrani tal-fatti,” tfakkarhom, u żżid li jista’ jkun hemm dettalji li hi ma niżżlitx fin-noti tagħha iżda li huma qabdu waqt ix-xhieda.
Minn hemm tibda bl-ewwel xhud tal-Prosekuzzjoni, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Tirrakkonta kif Arnaud xehed li fl-2017 kien parti mill-Iskwadra tal-Omiċidji u li, meta wasal fuq il-post wara l-isplużjoni, ġie infurmat li l-vittma kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Arnaud kien spjega wkoll li, għalkemm l-investigaturi kellhom esperjenza preċedenti ta’ każijiet b’bombi, f’dan il-każ kien hemm bżonn immedjat ta’ assistenza teknika fuq data tat-telefonija biex jiġi stabbilit kif seta’ ġie attivat l-apparat splussiv.
Michael Vella, missier Daphne Caruana Galizia, jasal il-Qorti qabel tibda s-sessjoni ta’ waranofsinhar — l-ewwel darba li attenda personalment għal dan il-ġuri.
Miegħu jidħlu wkoll Mandy, oħt Daphne, u Megan, in-neputija tagħha.
Il-preżenza tiegħu tiġi hekk kif il-proċess jinsab fl-aħħar fażi, bl-Imħallef Edwina Grima tkompli tindirizza lill-ġurati qabel dawn jirtiraw biex jiddeliberaw.
Lura fl-awla
Pawża sat-2:45pm
L-Imħallef Edwina Grima tgħid lill-ġurati li f’dan il-ġuri se jkollhom jagħtu żewġ verdetti distinti, wieħed għal kull kap ta’ akkuża kontra Yorgen Fenech: il-kompliċità fl-omiċidju volontarju u l-assoċjazzjoni ma’ persuni oħra biex jitwettaq reat.
Wara li tispjega l-kompliċità, Grima tgħaddi għat-tieni kap u tispjega li l-assoċjazzjoni kriminali tista’ teżisti anke jekk ir-reat ippjanat ma jitwettaqx.
Dak li jrid jiġi stabbilit huwa jekk kienx hemm ftehim ma’ persuna jew persuni oħra, f’Malta jew barra, bil-għan li jitwettaq reat u b’xi forma ta’ pjan dwar kif dan kellu jsir.
L-Imħallef tagħmilha ċara li ż-żewġ akkużi jridu jiġu eżaminati separatament. Il-ġurati għandhom l-ewwel jiddeċiedu jekk il-Prosekuzzjoni ppruvat l-elementi meħtieġa għall-kompliċità, u mbagħad jagħmlu eżerċizzju separat dwar jekk ġietx ippruvata l-assoċjazzjoni kriminali.
Fuq il-kompliċità, Grima tfakkar ukoll li mhux meħtieġ li jiġu ppruvati l-modi kollha elenkati fl-akkuża: jista’ jkun biżżejjed li jiġi ppruvat wieħed minnhom, sakemm l-elementi legali tiegħu jkunu ġew stabbiliti lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
L-Imħallef tispjega l-kompliċità: min ma jwettaqx l-att direttament xorta jista’ jkun responsabbli
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi biex tispjega l-kunċett ta’ kompliċità, u tfakkar li Yorgen Fenech mhuwiex akkużat li wettaq l-omiċidju direttament, iżda li kien kompliċi fih.
Biex turi d-distinzjoni, tagħti eżempju ta’ żewġ persuni li jiftiehmu biex jisirqu bank. Wieħed minnhom iġorr arma u joqtol gwardjan biex jidħlu; dak li jispara jkun l-awtur dirett. Iżda l-persuna l-oħra, jekk kienet parti mill-pjan komuni u għenet fit-twettiq tiegħu, tista’ tkun kompliċi minkejja li ma ġibditx il-grillu.
Fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Grima tgħid li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat kienu t-tliet eżekuturi diretti: wieħed attiva l-bomba filwaqt li l-oħrajn segwew il-movimenti tal-vittma u l-mument meta daħlet fil-karozza.
L-Imħallef imbagħad tispjega li, taħt l-Artikolu 42 tal-Kodiċi Kriminali, persuna tista’ tkun kompliċi jekk, fost affarijiet oħra, tordna jew tħeġġeġ lil ħaddieħor iwettaq ir-reat, toffri flus jew wegħdiet, tuża theddid jew mezzi oħra biex twassal għat-twettiq tiegħu, tagħti struzzjonijiet, tipprovdi l-mezzi meħtieġa bl-għarfien ta’ kif se jintużaw, jew b’xi mod ieħor tgħin jew tassisti konxjament fit-tħejjija jew fit-twettiq tar-reat.
Il-qofol, għalhekk, huwa jekk il-Prosekuzzjoni rnexxilhiex tipprova li l-akkużat kien jaf bil-pjan kriminali u għen jew ikkontribwixxa għalih skont wieħed mill-modi previsti mil-liġi.
L-Imħallef: il-mottiv jista’ jsaħħaħ il-każ, iżda mhux element li jrid jiġi ppruvat
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi direttament għall-qafas legali tal-akkuża kontra Yorgen Fenech, u tispjega x’irid jiġi stabbilit biex ikun hemm sejbien ta’ ħtija bħala kompliċi f’omiċidju volontarju.
F’dan il-kuntest, hija tgħid li l-intenzjoni marbuta mal-omiċidju trid tiġi analizzata f’żewġ partijiet: intenzjoni speċifika u intenzjoni diretta.
Grima mbagħad tiddistingwi bejn l-intenzjoni u l-mottiv. Tisħaq li l-Prosekuzzjoni mhix obbligata bil-liġi tipprova motiv biex tikseb kundanna.
Madankollu, jekk motiv jiġi stabbilit mill-provi, dan jista’ jservi bħala prova korroborattiva u jgħin lill-ġurati fl-evalwazzjoni tal-każ kollu.
L-Imħallef: “Jekk jonqos element wieħed tar-reat, tridu tilliberaw”
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għall-elementi li jridu jiġu ppruvati biex persuna tinstab ħatja ta’ reat.
Tisħaq li kull element tar-reat irid jiġi ppruvat: jekk jonqos wieħed biss, ma jistax ikun hemm sejbien ta’ ħtija.
Grima tispjega li kull reat għandu żewġ pilastri ewlenin: l-element materjali u l-element intenzjonali.
L-element materjali jirreferi għall-atti konkreti mwettqa mill-persuna — jiġifieri dak li effettivament sar u li wassal għat-twettiq tar-reat.
L-Imħallef se tkompli mbagħad tispjega l-element intenzjonali u kif dan irid jiġi stabbilit flimkien mal-att materjali.
"L-att tal-akkuża mhuwiex prova”
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi biex tispjega lill-ġurati x’inhu l-att tal-akkuża u x’funzjoni għandu fil-proċess kriminali.
Tgħid li, meta tintemm il-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, l-atti jintbagħtu għand l-Avukat Ġenerali, li mbagħad jiddeċiedi jekk għandux jipproċedi b’att tal-akkuża.
Grima tfakkar lill-ġurati li d-dokument li nqralhom fil-bidu tal-ġuri għandu żewġ partijiet distinti, u tisħaq li r-rakkont introduttorju fih mhuwiex prova.
Dak ir-rakkont, tgħid, iservi biex ipoġġi l-akkużi fil-kuntest tagħhom, iżda ma jistax jintuża minnu nnifsu biex tiġi stabbilita l-ħtija.
Il-ġurati jridu jiddeċiedu biss fuq l-akkużi speċifiċi li hemm fl-att tal-akkuża u fuq il-provi li nġabu biex isostnuhom.
“Tridu tiddeċiedu fuq dawk l-akkużi biss — xejn aktar u xejn inqas,” tisħaq l-Imħallef
L-Imħallef: il-post fejn tinstab il-prova jista’ jibdel kollox
L-Imħallef Edwina Grima tkompli bl-eżempju tal-marki tas-swaba’ biex turi kif prova fiżika trid tinqara fil-kuntest tagħha.
Jekk il-marki tal-akkużat jinstabu fuq barra ta’ karozza, tgħid, tista’ teżisti spjegazzjoni alternattiva plawsibbli — pereżempju li messha biex iżomm il-bilanċ wara li tfixkel.
Iżda jekk l-istess marki jinstabu ġewwa l-karozza, dik l-ispjegazzjoni ma tibqax konvinċenti, għaliex il-post tal-prova jkun qed imur direttament kontra l-verżjoni tad-Difiża.
Grima terġa’ tisħaq li l-istandard finali għall-Prosekuzzjoni mhuwiex li tneħħi kull dubju immaġinabbli.
“Mhux lil hinn minn kull dell ta’ dubju — iżda lil hinn minn kull dubju raġonevoli,” tgħid.
L-Imħallef tispjega l-erba’ livelli ta’ prova: “Mhux lil hinn minn kull dell ta’ dubju, iżda lil hinn minn kull dubju raġonevoli”
L-Imħallef Edwina Grima tidħol issa fid-dettall dwar il-livelli differenti ta’ prova u terġa’ tisħaq li l-piż tal-prova jaqa’ kollu fuq il-Prosekuzzjoni.
Tispjega li l-ewwel livell huwa dak tas-sempliċi possibbiltà — sitwazzjoni ta’ 50/50. Fuq possibbiltà biss, tgħid, ma jistax ikun hemm kundanna.
It-tieni livell huwa dak tal-probabbiltà, jiġifieri meta verżjoni tkun aktar probabbli milli le. Dan huwa l-livell li d-Difiża trid tilħaq meta tressaq spjegazzjoni alternattiva: biżżejjed li turi li l-verżjoni tagħha għandha aktar mis-sewwa milli le.
Biex turi d-differenza, Grima tagħti eżempju ta’ karozza misruqa li fuq il-bonnet tagħha jinstabu l-marki tas-swaba’ tal-akkużat. Jekk ikun hemm xhud li jgħid li rah jitfixkel ħdejn il-karozza, tista’ tinħoloq spjegazzjoni probabbli li mess il-bonnet biex iżomm il-bilanċ.
Iżda jekk l-istess marki tas-swaba’ jinstabu ġewwa l-karozza, tgħid l-Imħallef, dik l-ispjegazzjoni ma tibqax tagħmel sens għax il-prova fiżika tmur direttament kontriha.
It-tielet livell huwa dak taċ-ċertezza morali — mhux ċertezza assoluta, għaliex f’affarijiet umani din ma teżistix — iżda livell ta’ konvinzjoni li jmur lil hinn minn dubju raġonevoli.
U dan iwassal għar-raba’ u l-ogħla livell: prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Grima tisħaq fuq id-distinzjoni: “Mhux lil hinn minn kull dell ta’ dubju, iżda lil hinn minn kull dubju raġonevoli.”
Id-Difiża titlob korrezzjoni dwar kif ingħatat il-maħfra lil Melvin Theuma
L-Imħallef Edwina Grima terġa’ tidħol f’Awla 22, iżda qabel jirritornaw il-ġurati, l-avukat tad-Difiża Charles Merciecajqajjem punt dwar dak li ntqal fl-indirizz tagħha fuq il-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma.
Mercieca jgħid li għandu jiġi ċċarat li, fil-każ ta’ Theuma, ir-rakkomandazzjoni għall-maħfra ma saritx mill-Kabinett kollu, iżda mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat.
Il-punt huwa sinifikanti għad-Difiża, li tul il-ġuri ripetutament qajmet mistoqsijiet dwar għaliex Theuma ngħata proklama, u sostniet li seta’ minflok għadda minn proċess ta’ plea bargain.
Il-ġurati għadhom barra mill-awla waqt li dan il-punt qed jiġi indirizzat.
Pawża sal-11:15am
L-Imħallef fuq Vince Muscat: “Kien awtur tar-reat, mhux kompliċi”
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi għax-xhieda ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, u tagħmel distinzjoni importanti dwar il-pożizzjoni tiegħu fil-każ.
Tgħid li Muscat ma kienx kompliċi iżda wieħed mill-awturi tar-reat, distinzjoni legali li se tispjega aktar ’il quddiem fl-indirizz tagħha.
Tfakkar li Muscat xehed f’dawn il-proċeduri wara li ammetta l-ħtija tiegħu u ngħata piena mnaqqsa permezz ta’ plea bargain.
Grima tispjega li plea bargain huwa ftehim li jintlaħaq bejn l-akkużat u l-Avukat Ġenerali, fejn il-Qorti tintalab timponi piena miftiehma u mnaqqsa wara ammissjoni ta’ ħtija u, skont il-każ, kooperazzjoni mal-awtoritajiet.
Il-Qorti, madankollu, tibqa’ dik li formalment tagħti s-sentenza.
L-Imħallef tispjega l-proklama ta’ Melvin Theuma: “Qisha xabla mdendla fuq rasu”
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi issa għall-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, u tfakkar lill-ġurati li dan kien kompliċi fir-reat u għalhekk kellu bżonn il-protezzjoni ta’ proklama biex ikun jista’ jixhed dwar dak li kien jaf.
Tispjega li l-maħfra presidenzjali hija regolata mill-Kostituzzjoni u tista’ tingħata jew mingħajr kundizzjonijiet, jew inkella suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni jagħti lill-President is-setgħa li jagħti maħfra lil persuna involuta fi, jew misjuba ħatja ta’, reat, u din tista’ tkun ħielsa jew marbuta ma’ kundizzjonijiet skont il-liġi.
Fil-każ ta’ Theuma, il-maħfra kienet kundizzjonata fuq li jgħid il-verità kollha li jaf dwar il-każ.
Grima tispjega li, fil-prattika, persuna li tingħata proklama b’kundizzjonijiet bħal dawn tibqa’ taħt obbligu kontinwu li tosservahom.
“Qisha xabla mdendla fuq rasu,” tgħid l-Imħallef, għaliex jekk il-kundizzjonijiet tal-maħfra ma jiġux rispettati, il-protezzjoni li tagħti l-proklama tista’ tintilef u l-persuna terġa’ tkun esposta għall-konsegwenzi kriminali tar-reat.
L-Imħallef Edwina Grima tkompli telenka l-linji gwida li għandhom jużaw il-ġurati meta jevalwaw jekk xhud huwiex kredibbli.
It-tielet fattur huwa kemm dak li qed jgħid ix-xhud jagħmel sens u huwa plawsibbli fid-dawl tal-bqija tal-provi.
“Kemm għandu mis-sewwa?” tkun il-mistoqsija li għandhom jistaqsu lilhom infushom.
Ir-raba’ fattur huwa l-korroborazzjoni.
Grima tispjega li x-xhieda ta’ persuna tista’ tissaħħaħ mhux biss minn xhud ieħor, iżda wkoll minn dokumenti, indizji, recordings, data jew provi oħra li jaqblu mal-verżjoni tagħha.
Għalhekk, tgħid, il-ġurati għandhom iħarsu lejn kull xhud fil-kuntest tal-każ kollu u jaraw jekk dak li qalx huwiex sostnut minn provi indipendenti oħra.
Il-konsistenza hija fattur ewlieni biex tiġi evalwata x-xhieda
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tispjega lill-ġurati kif għandhom jiżnu l-kredibbiltà tax-xhieda, u tgħid li t-tieni linja gwida importanti hija l-konsistenza.
Tispjega li l-ġurati jistgħu jqabblu dak li xhud qal f’okkażjonijiet differenti, iżda wkoll jaraw jekk il-verżjoni tiegħu baqgħetx l-istess mill-bidu sal-aħħar tal-istess xhieda.
Biex tagħti eżempju, Grima ssemmi każ ipotetiku ta’ persuna akkużata li serqet karozza. Din titla’ tixhed u tgħid li ħasbet li l-karozza kienet tagħha, iżda meta tiġi mistoqsija għaliex imbagħad ħarbet u abbandunatha, tibdel il-verżjoni tagħha.
F’sitwazzjoni bħal din, tgħid l-Imħallef, il-bidla fil-verżjoni wara li x-xhud jiġi kkonfrontat tista’ tkun indikazzjoni li ma baqax konsistenti.
Il-ġurati għalhekk għandhom jaraw mhux biss x’intqal, iżda wkoll jekk il-verżjoni żammitx wieqfa meta ġiet mistoqsija u kkontestata.
L-Imħallef tispjega kif il-ġurati għandhom jiżnu l-kredibbiltà tax-xhieda
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi issa għall-kredibbiltà tax-xhieda u tispjega li l-ġurati jistgħu jaslu għal konklużjonijiet differenti dwar persuni differenti li telgħu fuq il-pedana.
Tgħid li jistgħu jemmnu xhud f’dak kollu li qal, jistgħu jiddeċiedu li ma jistgħux jistrieħu fuqu, jew inkella jaċċettaw parti mix-xhieda tiegħu u jwarrbu parti oħra.
Il-fatt li xhud ma jkunx konvinċenti fuq punt wieħed, għalhekk, ma jfissirx awtomatikament li dak kollu li qal għandu jintrema.
Grima tfakkar li wieħed mill-elementi li jistgħu jqisu huwa l-komportament, l-mod kif ix-xhud iġib ruħu, iżda twissi li dan irid jiġi evalwat b’kawtela. Persuna tista’ titla’ fuq il-pedana mbeżżgħa, tibda ttemtem jew tegħreq bl-għaraq sempliċement minħabba l-pressjoni tal-Qorti — u dan ma jfissirx li qed tigdeb.
L-Imħallef tfakkar ukoll li kull xhud jieħu ġurament li jgħid il-verità, iżda tgħid li dan sfortunatament mhux dejjem iseħħ.
Fl-istess ħin, żewġ xhieda jistgħu jagħtu verżjonijiet differenti tal-istess episodju mingħajr ma wieħed minnhom bilfors ikun qed jigdeb. Dak li raw jew semgħu jista’ jkun ġie pperċepit b’mod differenti minn kull persuna.
Il-ġurati, għalhekk, iridu jħarsu lejn il-kontenut, il-konsistenza, il-kuntest u l-affidabbiltà ta’ kull xhud, mhux biss lejn l-imġiba tiegħu fuq il-pedana.
L-Imħallef tispjega l-provi ċirkostanzjali: “Iridu kollha jwasslu fl-istess direzzjoni”
L-Imħallef Edwina Grima tidħol f’aktar dettall fuq il-provi ċirkostanzjali, jiġifieri l-indizji li joħorġu minn sensiela ta’ fatti u li, meħuda flimkien, jistgħu jwasslu għal konklużjoni.
Tisħaq li biex il-ġurati jkunu jistgħu jistrieħu fuq dawn l-indizji, iridu kollha jippuntaw lejn l-istess xenarju. Jekk l-istess fatti jistgħu jwasslu għal aktar minn spjegazzjoni waħda raġonevoli, il-ġurati ma jistgħux jużawhom bħala bażi sigura għal konklużjoni ta’ ħtija.
Grima tgħid li hemm każijiet li jinbnew kważi għal kollox fuq provi ċirkostanzjali, iżda f’każ b’ammont kbir ta’ evidenza bħal dan, dawn jistgħu jservu biex isaħħu l-provi l-oħra.
Biex tispjega l-prinċipju, tirrakkonta każ li kellha bħala Maġistrat Inkwirenti: raġel li miet wara waqgħa minn bejt ta’ erba’ sulari. Fuq il-post kien hemm riħ qawwi, il-feriti kienu kompatibbli ma’ waqgħa minn għoli, ħdejh instab għatu ta’ tank tal-ilma, u fuq il-bejt kien hemm sellum u tank bil-bokka miksura.
Minn dawn il-fatti, tgħid, seta’ jinbena xenarju wieħed loġiku: li r-raġel tela’ biex isewwi t-tank u, probabbilment waqt li kien qed jimmanuvra l-għatu, ir-riħ tefgħu għal isfel.
Imbagħad iżżid xenarju ipotetiku: jekk kien hemm xhud li ra lir-raġel jargumenta ma’ persuna oħra ftit qabel waqa’, l-istampa tinbidel minnufih.
F’dak il-każ, l-indizji ma jibqgħux kollha jwasslu lejn l-istess konklużjoni.
“Meta l-provi ċirkostanzjali jagħtuk aktar minn xenarju wieħed, ma tistax tistrieħ fuqhom,” tkun il-linja ċentrali tal-Imħallef.
L-Imħallef tispjega x’inhi inkjesta u għaliex tista’ terġa’ tinfetaħ
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi biex tispjega lill-ġurati kif taħdem inkjesta maġisterjali fil-liġi Maltija.
Tgħid li l-inkjesta titmexxa minn Maġistrat u l-għan tagħha huwa li jinġabru u jiġu preservati l-provi dwar reat irrappurtat, biex jiġi stabbilit x’seta’ ġara u jekk hemmx persuni li jistgħu jkunu involuti fih.
Meta l-Pulizija jaslu għall-konklużjoni li hemm biżżejjed suspett biex persuna jew persuni jitressqu l-Qorti, dawk il-persuni jitressqu formalment quddiem il-Qorti.
F’dak l-istadju, tispjega Grima, jista’ jintalab li l-inkjesta tingħalaq u l-materjal miġbur jgħaddi fl-atti, sabiex il-provi rilevanti jkunu jistgħu jintużaw fil-proċeduri kriminali.
Iżda dan mhux bilfors ifisser li kull linja investigattiva tkun intemmet.
Jekk l-Avukat Ġenerali jqis li għad fadal aktar stħarriġ xi jsir, jew persuni oħra li potenzjalment jistgħu jkunu marbuta mar-reat, jista’ jintalab li l-inkjesta tintbagħat lura għand il-Maġistrat u terġa’ tinfetaħ.
Grima tispjega li f’dan il-każ l-inkjesta ngħalqet meta tressqu l-eżekuturi, reġgħet infetħet, u reġgħet għaddiet minn proċess simili meta tressaq Yorgen Fenech. L-istħarriġ dwar persuni jew aspetti oħra, tgħid, jista’ jibqa’ għaddej separatament.
Il-punt għall-ġurati jibqa’ li huma ma għandhomx jinvestigaw dak li jista’ jkun għadu qed jiġi mistħarreġ, iżda jiddeċiedu biss fuq il-provi li tressqu f’dan il-ġuri.
L-Imħallef tgħaddi għall-provi dokumentarji u ċirkostanzjali
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tispjega lill-ġurati kif għandhom jaqraw it-tipi differenti ta’ provi li nġabru matul il-ġuri.
Hija tgħid li l-prova dokumentarja ma tfissirx biss karta: jistgħu jidħlu fiha wkoll mobile phones, devices, ritratti, emails, chats u rapporti ta’ esperti.
Minn hemm tgħaddi għall-provi ċirkostanzjali, jiġifieri dawk l-indizji li joħorġu mill-provi u li jistgħu jwasslu għal konklużjoni.
Grima twissi li jekk indizju jista’ jwassal għal aktar minn xenarju wieħed raġonevoli, il-ġurati ma jistgħux jużawh biex jaslu għal konklużjoni ta’ ħtija.
L-Imħallef tfakkar ukoll li l-istqarrija tal-akkużat hija prova fiha nnifisha, iżda l-ġurati għandhom joqogħdu fuq dak li Fenech effettivament wieġeb, u mhux fuq dak li seta’ ġie ssuġġeritlu fil-mistoqsijiet.
L-Imħallef tispjega kif il-ġurati għandhom jiżnu x-xhieda u l-opinjonijiet tal-esperti
L-Imħallef Edwina Grima tgħaddi issa għat-tipi differenti ta’ provi li nstemgħu matul il-ġuri u tispjega kif għandhom jiġu evalwati.
L-ewwel tiddistingwi bejn xhieda ordinarji u esperti.
Ix-xhieda ordinarji, tgħid, jistgħu jitkellmu biss dwar fatti li raw, semgħu jew jafu direttament. Ma jistgħux jagħtu opinjonijiet jew konklużjonijiet personali, u jekk għamlu dan, il-ġurati m’għandhomx joqogħdu fuq dawk il-partijiet.
L-esperti, min-naħa l-oħra, jistgħu jagħtu opinjoni teknika fil-qasam tagħhom. F’dan il-ġuri, tfakkar l-Imħallef, instemgħu numru kbir ta’ esperti — fosthom fil-qasam tal-informatika, mediċina, patoloġija, splussivi u scene of crime.
Dawn, tgħid, jgħinu lill-Qorti tifhem aspetti li jeħtieġu għarfien speċjalizzat u li l-ġurati ma jistgħux ikunu mistennija jkunu jafu minn jeddhom.
Grima tispjega wkoll li f’Malta l-esperti jistgħu jinħatru mill-Maġistrat waqt inkjesta jew fil-kors tal-proċeduri.
Madankollu, tagħmilha ċara li l-opinjoni ta’ espert mhix xi ħaġa li l-ġurati huma obbligati jaċċettaw awtomatikament.
Jekk, wara li jqisu kollox, ma jkunux konvinti minn opinjoni ta’ espert, jistgħu ma jistrieħux fuqha — iżda deċiżjoni bħal din, tisħaq l-Imħallef, trid tittieħed b’kawtela kbira.
L-Imħallef tfakkar fil-prinċipji bażiċi: il-piż tal-prova huwa fuq il-Prosekuzzjoni
L-Imħallef Edwina Grima tibda tidħol fil-qafas legali li għandu jiggwida lill-ġurati fid-deċiżjoni tagħhom.
L-ewwel prinċipju li tisħaq fuqu huwa l-preżunzjoni tal-innoċenza: Yorgen Fenech għandu jitqies innoċenti sakemm, u jekk, il-ġurati jaslu għal verdett ta’ ħtija.
It-tieni punt huwa li jistgħu jistrieħu biss fuq provi ammissibbli skont il-liġi. Jekk prova tkun inġiebet b’mod li ma jissodisfax ir-rekwiżiti legali, ma tistax tintuża biex tinbena d-deċiżjoni tagħhom.
Grima terġa’ tfakkar li f’każ kriminali l-piż kollu tal-prova jaqa’ fuq il-Prosekuzzjoni, li trid tipprova l-ħtija tal-akkużat lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni.
Jekk jibqa’ dubju, tgħid l-Imħallef, dak id-dubju għandu jmur favur l-akkużat.
Hija tfakkar ukoll li kull akkużat għandu d-dritt li jibqa’ sieket. F’dan il-każ, iżda, Fenech għażel li jitla’ jixhed, u għalhekk ix-xhieda tiegħu wkoll trid tidħol fl-evalwazzjoni tal-ġurati flimkien mal-bqija tal-provi.
L-Imħallef tibda formalment l-indirizz tagħha lill-ġurati
L-Imħallef Edwina Grima tispjega kif se tqassam l-indirizz tagħha u tgħid li, kemm ilha fil-qorti mill-2007, qatt ma rat każ daqshekk diġitali.
Hija tindika li l-ammont ta’ materjal elettroniku, chats, recordings u dokumenti diġitali f’dan il-ġuri huwa wieħed straordinarju, u għalhekk se timxi b’mod strutturat biex tiggwida lill-ġurati fil-provi u fil-prinċipji legali li jridu japplikaw.
B’hekk Grima tagħlaq il-parti introduttorja u tibda formalment l-indirizz tagħha.
Fuq l-iskrin tal-awla qed tintwera preżentazzjoni bil-PowerPoint, li ngħatat ukoll lill-ġurati u lill-avukati biex isegwu magħha tul l-indirizz.
L-Imħallef: “Sentimenti, simpatiji u kummenti minn taħt l-ilsien ma għandhomx jidħlu fid-deċiżjoni tagħkom”
L-Imħallef Edwina Grima tkompli tispjega lill-ġurati kif għandhom jaslu għall-verdett tagħhom u tisħaq li kull sentiment personali jrid jitwarrab.
Hija tgħid li ma jistgħux jiddeċiedu fuq simpatija lejn il-vittma, lejn l-akkużat jew lejn xi xhud, u lanqas fuq xi antipatija li setgħu żviluppaw matul il-ġuri.
Id-deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq il-provi u fuq il-buon sens, biex jaslu għal ġudizzju ta’ ħtija biss jekk ikunu konvinti lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Grima tirreferi wkoll għall-kummenti li nstemgħu minn taħt l-ilsien matul il-ġuri u tfakkar lill-ġurati li dawn ma għandhom ebda valur bħala prova.
Tgħid li kien għalhekk li kienet twaqqaf dawn l-interventi kull meta seħħew, proprju biex ma jinfluwenzawx il-mod kif il-ġurati jħarsu lejn il-każ.
L-Imħallef: “Dan mhux ġuri tal-id moħbija — intom tridu tiddeċiedu fuq il-provi li smajtu”
L-Imħallef Edwina Grima tagħmel enfasi qawwija fuq punt wieħed: il-ġurati għandhom jiddeċiedu l-każ fuq il-provi li effettivament tressqu quddiemhom, mhux fuq dak li setgħa nġieb jew fuq dak li huma jaħsbu li seta’ sar fl-investigazzjoni.
Hija tirreferi għall-argument tad-Difiża dwar “l-id moħbija” u tgħidilhom ċar:
“Qalulkom li dan huwa ġuri tal-id moħbija. Jien ngħidilkom le.”
Biex tispjega l-punt, Grima tuża analoġija mas-supermarket: meta tidħol b’trolley u timlieh bl-affarijiet li trid tixtri, meta tasal mal-counter tħallas għal dak li effettivament poġġejt fit-trolley — mhux għal dak li seta’ kien hemm fuq l-ixkaffa.
L-istess, tgħid, japplika fil-ġuri.
Il-ġurati ma jistgħux jibnu d-deċiżjoni tagħhom fuq il-ħsieb li “setgħet kien hemm prova oħra”, jew li xi xhud seta’ tressaq u ma tressaqx.
“Intom m’intomx investigaturi. Intom ġudikanti,” tisħaq.
Jekk xhud ma nstemax jew prova ma tressqitx, tgħid l-Imħallef, dik il-prova ma teżistix għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħhom.
L-Imħallef lill-ġurati: “Intom Imħallfin daqsi”
L-Imħallef Edwina Grima tispjega lill-ġurati r-rwol tagħhom u tagħmilha ċara li f’dan l-istadju huma parti sħiħa mill-Qorti li trid tiddeċiedi l-każ.
“Intom Imħallfin daqskemm jien Imħallef,” tgħidilhom. Hija tispjega li hi l-Imħallef tal-liġi, filwaqt li l-ġurati huma l-Imħallfin tal-fatti.
Grima tirreferi wkoll għar-rispett reċiproku li nżamm tul il-ġuri. Tgħid li kull darba li l-ġurati baxxew rashom lejha meta daħlu fl-awla, hi għamlet l-istess magħhom, proprju għax “intom daqsi hawn.”
L-Imħallef twissihom li issa ma jistgħu jħallu lil ħadd u xejn jinfluwenzahom fid-deċiżjoni tagħhom.
“Lanqas jien ma nista’ ninfluwenzakom,” tgħid.
Hija tgħid li l-Qorti issa hija magħmula minnha u mill-ġurati flimkien, u hija din il-Qorti li fl-aħħar se tiddeċiedi dan il-proċess ġudizzjarju.
L-Imħallef lill-ġurati: “Wasalna fl-aħħar”
L-Imħallef Edwina Grima tiftaħ l-indirizz tagħha lill-ġurati billi tirrikonoxxi kemm kien twil u diffiċli l-proċess li għaddew minnu.
“Wasalna fl-aħħar. Kienet triq iebsa u twila, imma wasalna,” tgħid.
Hija tindirizza direttament lill-ġurati u tfakkarhom li għalihom ukoll dawn il-ġimgħat kienu ta’ sagrifiċċju, hekk kif kellhom jitbiegħdu mir-rutina tagħhom, mill-familji u mill-ħajja ta’ kuljum biex ikunu preżenti fil-Qorti u jsegwu l-każ mill-bidu sal-aħħar.
L-Imħallef tibda b’dan il-messaġġ ta’ rikonoxximent qabel tgħaddi għall-istruzzjonijiet legali u għall-punti li l-ġurati għandhom iżommu quddiem għajnejhom qabel id-deliberazzjoni.
Bonġu. Jiena Jaelle Borg u għal darb’oħra se nkun magħkom mill-awla tal-Qorti hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jidħol illum f’waħda mill-aktar fażijiet importanti tiegħu.
Wara li nhar is-Sibt intemmet il-kontro-replika tad-Difiża, illum l-Imħallef Edwina Grima mistennija tibda tindirizza lill-ġurati fuq il-liġi, il-provi u l-prinċipji li għandhom iżommu f’moħħhom qabel eventwalment jintbagħtu jiddeliberaw fuq il-verdett.
Se nkunu magħkom tul il-ġurnata kollha bl-aġġornamenti minn Awla 22.