Sewwieq ta’ 19-il sena arrestat wara li allegatament ħarab minn fuq il-post ta’ inċident fl-Imġarr

Żewġ persuni fuq mutur sofrew ġrieħi gravi wara ħabta li seħħet għall-ħabta tas-2am tas-Sibt fi Triq l-Imġarr

​Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Imġarr ġie arrestat wara li allegatament ħarab minn fuq il-post ta’ inċident tat-traffiku li ħalla żewġ persuni fuq mutur bi ġrieħi gravi.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2am tas-Sibt fi Triq l-Imġarr, fl-Imġarr.

Il-pulizija marru fuq il-post wara li ġew infurmati li żewġ persuni kienu ndarbu f’inċident tat-traffiku.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mutur Kymco, misjuq minn raġel ta’ 31 sena residenti Marsaskala, intlaqat minn karozza. Fuq il-mutur kien hemm ukoll passiġġier.

Skont il-pulizija, is-sewwieq tal-karozza telaq minn fuq il-post bil-vettura tiegħu wara l-ħabta.

Is-sewwieq tal-mutur u l-passiġġier ingħataw l-ewwel għajnuna fuq il-post qabel ittieħdu b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija komplew wara l-inċident u, ftit tal-ħin wara, l-uffiċjali identifikaw lill-allegat sewwieq bħala żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti l-Imġarr.

Huwa nstab mill-pulizija u ġie arrestat.

L-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija