“Il-ġlieda tiegħi għal Yorgen Fenech issa ngħaddiha lilkom” – Id-Difiża tagħlaq il-każ tagħha quddiem il-ġurati
Id-Difiża għalqet il-kontro-replika b’appell dirett lill-ġurati biex jiġġudikaw il-każ skont il-kuxjenza tagħhom, filwaqt li insistiet li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tneħħi d-dubji dwar Melvin Theuma, Keith Schembri u l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni.
minn Jaelle Borg
“Il-ġlieda tiegħi għal Yorgen Fenech issa ngħaddiha lilkom.” B’dan l-appell dirett u personali, l-Avukat Charles Mercieca għalaq il-kontro-replika tad-Difiża fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, wara ġurnata sħiħa li fiha reġa’ attakka l-investigazzjoni, il-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma u l-każ li ressqet il-Prosekuzzjoni.
Hekk kif wasal fl-aħħar minuti tal-indirizz tiegħu, Mercieca qal lill-ġurati li ma kienx se jkollu ċans jerġa’ jkellimhom, u għalhekk talab lil kull wieħed u waħda minnhom jerġa’ jħares lejn il-provi u jistaqsi mistoqsija waħda: fejn, eżattament, il-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli?
Ftit qabel, fl-awla niżel is-skiet hekk kif Mercieca dar fuq Melvin Theuma u talab lill-ġurati biex ipoġġu jdejhom fuq qalbhom u jistaqsu lilhom infushom jekk tassew jistgħux jemmnuh.
“Jiena ma nemminx lil Melvin Theuma,” qal, filwaqt li sostna li l-verżjonijiet kontradittorji tiegħu u l-mistoqsijiet li baqgħu bla tweġiba jagħmluha impossibbli, skont id-Difiża, li wieħed jasal għaċ-ċertezza meħtieġa għal kundanna.
“Id-domandi huma l-għadu taċ-ċertezza”
Din kienet il-linja li mexxiet parti kbira mill-kontro-replika.
Mercieca reġa’ attakka dak li d-Difiża ilha tiddeskrivi bħala nuqqasijiet serji fl-investigazzjoni: il-mobile ta’ Keith Schembri, is-search f’Kastilja, il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, il-kuntatti ta’ Lawrence Cutajar, Kenneth Camilleri, Johann Cremona u oħrajn.
“Id-domandi huma l-għadu taċ-ċertezza,” qal lill-ġurati.
Id-Difiża insistiet li l-Prosekuzzjoni kellha l-obbligu tressaq il-provi kollha u twieġeb għal dawn il-lakuni, mhux titlob lill-ġurati jimlew huma dak li baqa’ nieqes.
Mercieca reġa’ wkoll fuq il-proklama ta’ Theuma, u qal li l-battibekk li nqalgħet il-ġurnata ta’ qabel kien seħħ proprju għax id-Difiża laqtet punt sensittiv: li Theuma, skontha, kien diġà ngħata wegħda ta’ maħfra qabel ma Fenech ġie arrestat u qabel ma ngħatat il-verżjoni tiegħu.
“L-id moħbija inkixfet”
Keith Schembri baqa’ fiċ-ċentru tal-aħħar argumenti tad-Difiża.
Mercieca reġa’ sejjaħlu “prim giddieb” u qal li kull fejn wieħed iħares fil-każ, jerġa’ jsib rabtiet li jwasslu lejn l-eks Chief of Staff.
Id-Difiża semmiet żjarat ta’ Theuma f’Kastilja, il-ħidma ta’ Kenneth Camilleri, il-laqgħat ma’ David Gatt, dokumenti misjuba fuq id-desk ta’ Schembri u l-mod kif ċerti linji investigattivi, skontha, ma ġewx segwiti.
F’mument minnhom Mercieca ddikjara:
“L-id moħbija wara dan il-ġuri inkixfet.”
Hu akkuża wkoll lill-Prosekuzzjoni li fir-replika tagħha ppruvat “taħraq” kull pont li jwassal lejn Schembri u terġa’ tagħlaq il-każ madwar Fenech biss.
“Muntanja ta’ gideb”
Theuma kien fil-mira tal-aktar attakki qawwija.
Mercieca ddeskriva l-verżjoni tiegħu bħala “muntanja ta’ gideb” u reġa’ qajjem il-kronoloġija tal-allegata laqgħa fil-Blue Elephant, filwaqt li sostna li Fenech kien barra minn Malta f’parti mill-perjodu li Theuma kien qed jirreferi għalih.
Id-Difiża insistiet ukoll li Theuma kien jagħti verżjonijiet differenti skont iċ-ċirkostanzi, u reġgħet qajmet ir-recordings tiegħu ma’ Johann Cremona, referenzi għal Keith Schembri u l-allegazzjoni li mhux ir-recordings kollha waslu quddiem il-ġurati.
“Qed jaħsbuna mbeċilli,” qal Mercieca waqt li akkuża lill-Prosekuzzjoni li qed tippreżenta materjal magħżul.
Attakk ukoll fuq il-motiv tal-Electrogas
Id-Difiża kkontestat ukoll il-motiv finanzjarju li l-Prosekuzzjoni ppruvat tibni madwar Electrogas u 17 Black.
Mercieca qal li ċerti problemi bankarji u kummerċjali msemmija mill-Prosekuzzjoni kienu ġejjin minn perjodu aktar tard mill-qtil u għalhekk, skontu, ma jistgħux jintużaw biex jispjegaw motiv fl-2017.
B’sarkażmu qal:
“Allaħares xi ħadd joqtol fuq adverse media, għax ġenoċidju jkollna Malta.”
Hu reġa’ qal li l-kronoloġija tal-Prosekuzzjoni “dur dur dur, ma tagħmilx sens”.
Tensjoni u interruzzjonijiet sal-aħħar
Il-ġurnata ma kinitx nieqsa mit-tensjoni.
Diversi drabi l-Prosekuzzjoni interrompiet biex tikkontesta punti li kien qed jagħmel Mercieca, bl-Imħallef Edwina Grima tidħol aktar minn darba biex twaqqaf l-iskambji u tgħid lill-partijiet li huma l-ġurati li jridu jevalwaw il-provi.
Mercieca, min-naħa tiegħu, talab diversi drabi biex jitħalla jikkonkludi mingħajr kummenti minn bejn il-bankijiet.
Minkejja l-konfront kontinwu, l-aħħar minuti tal-kontro-replika ħadu ton ħafna aktar personali.
Mercieca qal lill-ġurati li l-vot ta’ kull wieħed minnhom huwa personali u individwali u talabhom jiddeċiedu skont dak li raw, semgħu u jemmnu li huwa ġust.
“Il-ġlieda tiegħi għal Yorgen Fenech issa ngħaddiha lilkom,” qal.
Ftit wara, temm sempliċement bil-kliem: “Nirringrazzjakom.”
B’hekk intemmet il-kontro-replika tad-Difiża.
Wara kważi xahrejn ta’ ġuri, il-proċess issa jidħol fl-aħħar fażi tiegħu.
Nhar it-Tnejn, l-Imħallef Edwina Grima tibda tindirizza lill-ġurati u tiggwidahom fuq il-liġi u l-provi li għandhom iqisu, qabel eventwalment jintbagħtu jiddeliberaw fuq il-verdett.

U b’hekk tintemm ġurnata oħra — u wara kważi xahrejn ta’ ġuri, wasalna fl-aħħar fażi tal-proċess.
Illum intemmet il-kontro-replika tad-Difiża. Nhar it-Tnejn, l-Imħallef Edwina Grima tibda tindirizza lill-ġurati u tispjegalhom il-liġi u l-punti li għandhom iżommu f’moħħhom qabel tibgħathom jirtiraw biex jiddeliberaw fuq il-verdett.
Jiena Jaelle Borg nirringrazzjakom talli segwejtuna matul din il-ġurnata twila. Nerġgħu nkunu magħkom nhar it-Tnejn għal dak li se jkun wieħed mill-aktar mumenti kruċjali ta’ dan il-ġuri.
Tintemm il-kontro-replika tad-Difiża — l-Imħallef tibda tindirizza lill-ġurati nhar it-Tnejn
Charles Mercieca jagħlaq il-kontro-replika tad-Difiża wara appell finali lill-ġurati biex jerġgħu jgħaddu mill-provi kollha u jistaqsu jekk il-Prosekuzzjoni rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Wara l-aħħar kliem tiegħu — “Nirringrazzjakom” — Mercieca jieħu postu.
L-Imħallef Edwina Grima mbagħad tissospendi s-seduta għal-lum.
Il-ġuri jidħol issa fl-aħħar fażi tiegħu: nhar it-Tnejn l-Imħallef tibda tindirizza lill-ġurati, qabel dawn jirtiraw biex jiddeliberaw fuq il-verdett.
Mercieca lill-ġurati: “Il-ġlieda tiegħi għal Yorgen Fenech issa ngħaddiha lilkom”
Charles Mercieca jgħid lill-ġurati li wasal fl-aktar mument diffiċli tal-kontro-replika tiegħu, għax hekk kif jagħlaq ma jkunx jista’ jerġa’ jindirizzahom.
Jitlobhom jerġgħu jgħaddu bir-reqqa mill-provi kollha u jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom mingħajr biża’.
“Dan huwa l-mument li fih il-ġlieda tiegħi għal Yorgen Fenech ngħaddiha lilkom,” jgħid Mercieca.
Hu jitlob lill-ġurati biex, meta jibqgħu waħedhom bil-provi, jistaqsu lilhom infushom mistoqsija waħda:
“Fejn ippruvat il-Prosekuzzjoni l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju raġonevoli?”
Id-Difiża qed tagħlaq il-każ tagħha billi terġa’ tpoġġi l-piż fuq l-istandard tal-prova u fuq jekk il-Prosekuzzjoni rnexxilhiex, fil-fehma ta’ kull ġurat individwalment, tilħaq dak il-livell.
Id-Difiża lill-ġurati: “Poġġu jdejkom fuq qalbkom — tistgħu tassew temmnu lil Melvin Theuma?”
Charles Mercieca jwassal il-kontro-replika tiegħu għal wieħed mill-aktar mumenti emozzjonali, hekk kif idur direttament fuq il-kuxjenza tad-disa’ ġurati.
Hu jerġa’ jqajjem il-punt tal-proklama ta’ Melvin Theuma u jistaqsi kif jistgħu jinsew li, skont id-Difiża, din kienet diġà mwiegħda qabel ma Yorgen Fenech ġie arrestat.
Imbagħad fl-awla jinżel is-skiet.
Mercieca jħares lejn il-ġurati u jgħidilhom:
“Fis-skiet, poġġu jdejkom fuq qalbkom — tistgħu tassew temmnu lil Melvin Theuma?”
Hu jagħti wkoll it-tweġiba tiegħu:
“Jiena ma nemminx lil Melvin Theuma. B’dawn il-verżjonijiet kollha li ma jaqblux ma’ xulxin, qatt ma nista’ nemmnu.”
Id-Difiża tgħid li l-kontradizzjonijiet u l-mistoqsijiet li baqgħu miftuħa huma tant kbar li, skontha, “Malta kollha taf li hawn xi ħaġa li ma tagħmilx sens.”
Mercieca jinsisti li hemm xi ħaġa fil-każ li, mill-bidu sal-aħħar, “sempliċement ma tagħmilx sens.”
Id-Difiża terġa’ ddur fuq Keith Schembri: “Prim giddieb”
Charles Mercieca juża l-interruzzjonijiet u r-reazzjonijiet mill-bank tal-Prosekuzzjoni biex jgħid lill-ġurati li, fil-fehma tiegħu, dawn juru kemm ċerti punti qed jolqtu nerv sensittiv.
“Il-Prosekuzzjoni qed tikxef lilha nnifisha,” jgħid. “Kieku jien ċert minn dak li ntqal u m’hemm xejn x’jinħeba, ma noqgħodx ingerger, ingerfex jew nagħmel l-uċuħ.”
Minn hemm, Mercieca jerġa’ jpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tal-argument tiegħu u jiddeskrivih bħala “prim giddieb”.
Id-Difiża titlob lill-ġurati biex ma jinsewx dak li, skontha, ħareġ matul il-ġuri dwar il-konfużjoni fl-investigazzjoni, l-aġir tal-eks Kummissarju tal-Pulizija u l-mod kif ċerti linji li setgħu jwasslu lejn Schembri ma ġewx segwiti.
Mercieca jerġa’ jorbot dan mal-proklama ta’ Melvin Theuma, u jallega li sar sforz biex Schembri ma jissemmiex u biex Theuma jkun jista’ jikseb il-maħfra.
Il-messaġġ tiegħu lill-ġurati huwa li ma għandhomx iħallu lill-Prosekuzzjoni “tgħattilhom għajnejhom” għal dak li, skont id-Difiża, ħareġ ċar mill-provi.
Mercieca lill-ġurati: “Il-vot huwa tagħkom, individwalment”
Hekk kif joqrob lejn l-aħħar parti tal-kontro-replika, Charles Mercieca jagħmel appell personali lill-ġurati u jitlobhom biex ma jħallux lil ħadd jinfluwenza d-deċiżjoni individwali tagħhom.
“Meta taraw il-fatti kollha li smajtu, ftakru li l-vot huwa tagħkom individwalment,” jgħid.
Mercieca jfakkarhom fis-60 jum li qattgħu flimkien fl-awla u jgħid li kull ġurat għandu jivvota skont dak li jemmen li hu ġust u skont il-verità li ħarġet mill-provi.
Id-Difiża terġa’ tinsisti li tul il-ġuri qamu mistoqsijiet kontinwi dwar għaliex ċerti linji investigattivi ma ġewx segwiti u għaliex ċerti passi ma sarux.
Mercieca jqajjem eżempju ieħor u jistaqsi għaliex, ftit sigħat wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, Keith Arnaud allegatament ċempel lil Kevin Pulis u qallu biex jistaqsi lil Fenech jekk kellux bżonn tabib biex ikellem lil Adrian Vella.
Il-Prosekuzzjoni tirreaġixxi minnufih u tgħid li dan “mhux veru”.
Mercieca jdur lejhom u jitlob:
“Jekk nista’ nikkonkludi b’serenità u mhux bit-tgergir, jekk jogħġobkom.”
Wara pawża qasira lura fl-Awla
Tensjoni fl-awla hekk kif id-Difiża terġa’ tqajjem il-laptop ta’ Daphne
Charles Mercieca jerġa’ jpoġġi l-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia fiċ-ċentru tal-argument tiegħu u jaqra minn rapport tat-23 ta’ Ottubru 2017 li, skont id-Difiża, kien jindika li l-apparat seta’ kien fih informazzjoni importanti dwar terzi persuni marbuta mad-delitt.
Mercieca jkompli jgħid li l-familja ta’ Caruana Galizia kienet talbet biex titneħħa d-data kollha mill-laptop, punt li mill-ewwel iqajjem reazzjoni fl-awla.
Jinstemgħu diversi kummenti min-naħa tal-familja ta’ Caruana Galizia, sakemm l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u titlob is-skiet.
Il-ġurati mbagħad jintbagħtu barra mill-awla.
Bil-ġurati barra, l-Imħallef twissi lill-partijiet biex iżommu lura mill-kummenti u tagħmilha ċara:
“Mhux nieħdu l-ebda brownie points bil-kummenti.”
Id-Difiża ddur fuq il-laptop ta’ Daphne u tgħid li seta’ kien fih informazzjoni kruċjali dwar il-qtil
Charles Mercieca jerġa’ jpoġġi l-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia fiċ-ċentru tal-kontro-replika u jgħid li, skont dokument li qed jaqra minnu, l-apparat seta’ kien fih informazzjoni importanti ħafna għall-investigazzjoni.
Hu jirreferi għal rapport tat-23 ta’ Ottubru 2017, li skont id-Difiża jgħid li fil-laptop kien hemm materjal indispensabbli, inkluż informazzjoni dwar terzi persuni li setgħu kellhom x’jaqsmu mad-delitt.
Mercieca juża dan il-punt biex jerġa’ jistaqsi għaliex il-laptop ma kienx disponibbli għall-investigaturi u x’effett seta’ kellu dan fuq l-istampa sħiħa tal-każ.
Għad-Difiża, jekk apparat deskritt bħala potenzjalment kruċjali seta’ kien fih informazzjoni fuq persuni oħra, dan ikompli jsaħħaħ l-argument tagħha li l-investigazzjoni ma setgħetx tkun kompluta mingħajru.
Id-Difiża terġa’ tattakka l-kredibbiltà ta’ Theuma u takkuża lill-Prosekuzzjoni b’kejl differenti
Charles Mercieca jerġa’ jqajjem mistoqsijiet dwar Melvin Theuma u jistaqsi għaliex, jekk dan kien tassew tant imbeżża’ minn Yorgen Fenech, qatt ma qal lill-aħwa Degiorgio biex ikellmuh direttament.
Hu jiddeskrivi lil Theuma bħala “a man of many characters”, u jgħid li l-istampa tiegħu tinbidel skont il-kuntest: minn naħa wieħed li jgħid li għandu bżonn il-flus, u min-naħa l-oħra persuna li skont id-Difiża kienet tmexxi attività estensiva ta’ lottu klandestin.
Mercieca mbagħad jakkuża lill-Prosekuzzjoni li qed tapplika żewġ kejlijiet differenti għall-messaġġi u ċ-chats. Jgħid li Adrian Vella ma ppreżentax ċerti chats, li Keith Arnaud ħassar komunikazzjonijiet ma’ Keith Schembri, u li Schembri tilef il-mobile tiegħu — iżda fl-istess ħin il-Prosekuzzjoni qed tagħmel punt mill-allegazzjoni li Fenech neħħa xi chats minn WhatsApp.
Id-Difiża terġa’ tikkontesta wkoll l-argument li Theuma sempliċement kien “ħażin fid-dati”.
“Gidba ripetuta ma ssirx verità,” jgħid Mercieca.
U jerġa’ lura għal dak li jsejjaħ “baħħ” fil-każ tal-Prosekuzzjoni, fosthom il-fatt li xhieda bħal Mario Degiorgio ma tressqux quddiem il-ġurati.
Id-Difiża: “L-id moħbija wara dan il-ġuri inkixfet”
Charles Mercieca jerġa’ jfittex li juri lill-ġurati li, skont id-Difiża, hemm sensiela ta’ ċirkostanzi li l-Prosekuzzjoni naqset milli tispjega.
Hu jirreferi għal konversazzjoni bejn Chayenne Zammit u Charmaine Zammit, it-tifla tal-partner ta’ Melvin Theuma u l-partner tiegħu, fejn intqal kliem fis-sens li “hemmhekk tajjeb mar ta’ Melvin.”
Mercieca mbagħad jerġa’ jdur fuq il-mod kif bdiet il-proċedura tal-proklama ta’ Theuma, u jallega li malli Theuma mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija, dan ikkuntattja lill-Avukat Ġenerali u d-direzzjoni kienet li jimxu lejn maħfra presidenzjali.
Għad-Difiża, dawn il-punti ma jistgħux jinqraw iżolati minn xulxin.
Mercieca għalhekk jiġbor l-argument tiegħu f’waħda mill-aktar frażijiet qawwija tal-kontro-replika:
“L-id moħbija wara dan il-ġuri inkixfet.”
Charles Mercieca jerġa’ jdur fuq l-ikla fir-ranch f’Ħaż-Żebbuġ, punt li d-Difiża tqisu importanti fil-verżjoni tagħha dwar ir-rwol ta’ Keith Schembri.
Hu jaqra mill-istqarrija ta’ Yorgen Fenech biex jikkontesta l-argument tal-Prosekuzzjoni li Fenech ma kienx semma l-preżenza ta’ Schembri f’dik l-ikla. Skont Mercieca, l-istqarrija turi li Fenech fil-fatt kien qal li Schembri kien hemm.
Id-Difiża mbagħad tistaqsi lill-ġurati x’ġara bejn Schembri u Melvin Theuma meta Fenech qam minn fuq il-mejda.
Skont il-verżjoni ta’ Fenech, f’dik l-ikla nqalgħet diskussjoni dwar artikli ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-marda ta’ Schembri, u kien hemm li, skontu, Schembri rrabja u bdiet diskussjoni ma’ Theuma dwar il-qtil tal-ġurnalista.
Mercieca jerġa’ jqajjem ukoll il-movimenti ta’ Theuma u Johann Cremona wara dik il-laqgħa, u jistaqsi għaliex marru għand Edwin u għaliex, jekk Schembri ma kellu x’jaqsam xejn, kien hemm daqstant interventi u kuntatti madwaru.
Għad-Difiża, dawn huma punti li l-Prosekuzzjoni naqset milli twieġeb fir-replika tagħha.
Hekk kif il-Prosekuzzjoni terġa’ tipprova tikkoreġi dak li qed jingħad, l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u twaqqaf il-kummenti minn bejn il-bankijiet.
Id-Difiża terġa’ ddawwar l-attenzjoni fuq Schembri u tistaqsi għaliex ċerti xhieda qatt ma tressqu
Charles Mercieca jgħid lill-ġurati li, skont id-Difiża, il-Prosekuzzjoni naqset milli tagħlaq numru ta’ lakuni fil-każ u li l-provi li ressqet “ma jħallukom komdi qatt.”
Hu jerġa’ jqajjem il-punt dwar Vincent Muscat, il-Koħħu, u jistaqsi għaliex ma ngħatatx spjegazzjoni dwar il-kuntatti tiegħu mal-aħwa Degiorgio u Chris Cardona.
Mercieca mbagħad juri dokument li, skont id-Difiża, instab fuq id-desk ta’ Keith Schembri f’Kastilja. Fuqu kien hemm referenzi għal diversi dati u stejjer, fosthom kitba ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-fuel smuggling u d-data tal-arrest tal-aħwa Degiorgio.
Id-Difiża tgħid li l-Prosekuzzjoni qatt ma spjegat għaliex dan id-dokument kien jinsab hemm.
Mercieca jirreferi wkoll għall-verżjoni ta’ Schembri li kien bagħat materjal lil Saviour Balzan tal-MaltaToday biex tiġi esplorata t-teorija li l-qtil seta’ kien marbut mal-fuel smuggling.
Għad-Difiża, dan iqajjem mistoqsija oħra: għaliex persuna li tgħid li m’għandha x’taqsam xejn mal-qtil kienet qed timbotta motivi alternattivi lejn il-media?
Mercieca mbagħad idur fuq persuni oħra li qatt ma tressqu f’dan il-ġuri, fosthom persuni magħrufa bħala tal-Maksar u Jamie Vella, u jistaqsi għaliex il-Prosekuzzjoni ma sejħitx lil dawn ix-xhieda biex jiġu mistoqsija fuq il-bomba u fuq meta din waslet Malta.
“X’qed tibżgħu li jgħidulkom dawn in-nies?” jistaqsi
Id-Difiża terġa’ tagħfas fuq ix-xhieda tal-Koħħu; l-Imħallef: “Issa jiddeċiedu l-ġurati”
Charles Mercieca jkompli jirreferi għal dak li ntqal minn Vincent Muscat, il-Koħħu, wara l-interrogazzjoni tiegħu, u jerġa’ jenfasizza li l-investigaturi staqsewh aktar minn darba jekk Daphne Caruana Galizia kinitx tinqatel anke mingħajr Melvin Theuma u Yorgen Fenech.
Id-Difiża tistaqsi wkoll għaliex, wara li Theuma niżel il-Potato Shed, Vincent Muscat wassal lil George u Alfred Degiorgio għand Chris Cardona.
Il-Prosekuzzjoni toġġezzjona u tgħid li Mercieca mhux qed jirrappreżenta l-fatti b’mod korrett.
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u tagħmilha ċara li f’dan l-istadju huma l-ġurati li jridu jevalwaw dak li semgħu u jiddeċiedu.
Hija twissi wkoll lil Mercieca biex ma jibqax jindirizza direttament lill-Prosekuzzjoni waqt il-kontro-replika, wara kummenti minn naħa għall-oħra tal-awla.
Id-Difiża tuża x-xhieda tal-Koħħu biex tgħid li l-qtil ma kienx jiddependi minn Fenech u Theuma
Charles Mercieca jerġa’ jirreferi għad-diagramma magħrufa tal-ittri, fejn skont id-Difiża kienu jidhru fost oħrajn l-ismijiet ta’ Keith Schembri u Chris Cardona.
Imbagħad jaqra minn traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu, u jirreferi għal mistoqsija dwar jekk Daphne Caruana Galizia kinitx xorta tinqatel kieku jitneħħew Melvin Theuma u Yorgen Fenech mill-ekwazzjoni.
Skont Mercieca, Muscat wieġeb:
“Ma għandix dubju.”
Id-Difiża tgħid li dan huwa punt importanti li, fil-fehma tagħha, il-Prosekuzzjoni naqset milli tindirizza.
Mercieca jsostni wkoll li l-istess mistoqsija saret lil Muscat aktar minn darba, u jissuġġerixxi li dan sar bit-tama li jagħti tweġiba differenti.
Għad-Difiża, dan ikompli jsaħħaħ l-argument li l-każ ma jistax jitqiegħed kollu fuq Fenech u Theuma.
Id-Difiża: “Muntanja ta’ gideb Melvin Theuma”
Charles Mercieca jkompli jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, u jiddeskrivi l-verżjoni tiegħu bħala “muntanja ta’ gideb.”
Hu jerġa’ jsemmi l-allegata laqgħa fil-Blue Elephant u jgħid li Theuma xehed li wara dik il-laqgħa reġa’ ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech biex jagħtih il-prezz tal-qtil. Id-Difiża tinsisti li f’dak il-perjodu Fenech kien fl-Istati Uniti.
Mercieca jgħid li l-istrateġija tal-Prosekuzzjoni fir-replika kienet li tiskredita lil Fenech biex tneħħi lil Keith Schembri mill-istampa.
“Jekk tiskredita lil Yorgen, taqla’ lil Keith. U t-tattika tagħhom hi li kemm jista’ jkun, all bridges that lead to Keith jinħarqu,” jgħid.
Hu jerġa’ jirreferi wkoll għad-diagramma magħrufa bl-ittri, fejn skont id-Difiża kienu jissemmew Keith Schembri u Chris Cardona.
Mercieca mbagħad jaqra minn traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu, u jirreferi għal mistoqsija dwar jekk Daphne Caruana Galizia kinitx xorta tinqatel kieku jitneħħew Melvin Theuma u Yorgen Fenech mill-ekwazzjoni.
Skont Mercieca, it-tweġiba kienet: “Ma għandix dubju.”
Id-Difiża tgħid li dan il-punt ġie injorat mill-Prosekuzzjoni, u ssostni li l-istess mistoqsija saret diversi drabi lil Muscat bit-tama li jagħti tweġiba differenti.
Id-Difiża: “Yorgen Fenech qatt ma ħallas, ordna jew ried dan l-omiċidju”
Charles Mercieca jkompli jattakka direttament il-kredibbiltà ta’ Keith Schembri, u jiddikjara bla tlaqliq: “Keith Schembri giddieb.”
Hu jirreferi għall-kwistjoni tal-ħaddiema li kien hemm fil-villa ta’ Schembri u jgħid li l-Prosekuzzjoni, skont id-Difiża, bniet storja dwar dan wara li s-Surġent Gary Scerri tela’ jixhed u qal li kien hemm ħaddiema fil-post.
Mercieca jerġa’ jistaqsi lill-ġurati għaliex Keith Schembri ta xogħol lil Melvin Theuma, punt li d-Difiża ilha tqajjem bħala parti mir-rabta bejn it-tnejn.
Imbagħad jagħmel waħda mill-aktar dikjarazzjonijiet ċari tal-kontro-replika:
“Yorgen Fenech qatt ma ħallas, ordna jew ried dan l-omiċidju.”
Mercieca jerġa’ jdur fuq ittra miktuba minn Theuma, fejn dan qal li “wara li nqeda Schembri, spiċċajt barra”, u jużaha biex jinsisti li l-ġurati għandhom jerġgħu jħarsu lejn min kien verament qed juża lil Theuma u għaliex.
Id-Difiża: “Id-domandi huma l-għadu taċ-ċertezza”
Charles Mercieca jerġa’ jinsisti li, kemm iddur kemm iddur fil-każ, jibqgħu joħorġu mistoqsijiet li skont id-Difiża ma ngħatawx tweġiba.
“Id-domandi huma l-għadu taċ-ċertezza,” jgħid lill-ġurati.
Mercieca mbagħad jaqra mill-prinċipji li jirregolaw il-Korp tal-Pulizija, u jfakkar li l-Pulizija għandhom japplikaw il-liġi mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-politika, il-ġeneru jew il-pożizzjoni soċjali tal-persuna.
Jgħid li kull uffiċjal li tela’ jixhed kien marbut b’dawn l-obbligi, u jerġa’ juża dan biex jattakka l-mod kif, skont id-Difiża, tmexxiet l-investigazzjoni.
Mercieca jerġa’ jsemmi wkoll ir-residenza ta’ Keith Schembri fil-Mellieħa, u jgħid li kieku ma kienx għall-interventi tad-Difiża, fosthom ta’ Gianella De Marco, il-ġurati setgħu baqgħu bl-impressjoni li kollox kien inġabar u ġie investigat kif suppost.
Id-Difiża għalhekk terġa’ tpoġġi l-enfasi fuq dak li tqis bħala inġustizzji u nuqqasijiet fl-investigazzjoni, u tgħid li dawn id-domandi waħedhom imorru kontra ċ-ċertezza meħtieġa għal verdett ta’ ħtija.
Id-Difiża: “Issa qed noqorbu sew — ibqgħu miegħi”
Charles Mercieca jgħid lill-ġurati li l-kontro-replika tiegħu qed tidħol fl-aħħar fażi tagħha u jitlobhom jibqgħu jsegwuh b’attenzjoni.
“Issa qed noqorbu, u qed noqorbu sew. Nitlobkom tibqgħu miegħi u tisilfuni l-attenzjoni tagħkom biex bil-ħila kollha tiegħi nittrasmetti dak kollu li nixtieq,” jgħid.
Mercieca mbagħad jerġa’ jispjega x’inhu l-iskop tal-kontro-replika: li jwieġeb għall-punti li qajmet il-Prosekuzzjoni fir-replika tagħha, wara l-argumenti li d-Difiża kienet ressqet fis-sottomissjonijiet tagħha.
Id-Difiża għalhekk qed tipprepara biex tagħlaq il-każ tagħha billi terġa’ tindirizza l-punti li, skontha, il-Prosekuzzjoni naqset milli twieġeb jew ippruvat tikkontesta.
Ninsabu lura f'Awla 22
Pawża sas-2:30pm
Id-Difiża: mhux xogħolna nippruvaw li l-Prosekuzzjoni hi żbaljata — xogħolhom jippruvaw il-każ
Charles Mercieca jerġa’ jispjega lill-ġurati l-piż tal-prova u jgħid li jekk id-Difiża tnissel dubju dwar fatt imressaq mill-Prosekuzzjoni, m’għandhiex obbligu tipproduċi prova biex tipprova dak id-dubju.
Hu japplika dan għall-allegata kummissjoni tal-qtil f’April 2017.
Mercieca jgħid li mhux id-Difiża li trid tipprova li Yorgen Fenech ma kkummissjonax il-qtil f’dak ix-xahar; huwa l-obbligu tal-Prosekuzzjoni li tipprova li hekk ġara.
Madankollu, jgħid, id-Difiża ressqet xorta waħda l-passaport ta’ Fenech u rreferiet għat-timbri li juru d-dħul tiegħu fl-Istati Uniti fit-2 ta’ April u f’Dubai fit-2 ta’ Mejju 2017.
Mercieca mbagħad jistaqsi għaliex, jekk il-Prosekuzzjoni kellha dubju dwar il-vjaġġi ta’ Fenech, qatt ma staqsietu fuq il-biljetti tal-ajru waqt il-kontro-eżami.
“Jew qed temmnu, jew ma temmnux fil-każ tagħkom,” ikun il-punt tad-Difiża
Id-Difiża: “Kif tista’ titlob verdett ta’ ħtija għax dan huwa l-uniku ċans u fl-istess nifs tgħid li għadha għaddejja inkjesta?”
Charles Mercieca jerġa’ jattakka l-appell finali tal-Prosekuzzjoni lill-ġurati u jgħid li ma jagħmilx sens li lbieraħ intalbu jsibu lil Yorgen Fenech ħati fuq iż-żewġ akkużi, filwaqt li fl-istess ħin il-Prosekuzzjoni qed tgħid li għadha għaddejja inkjesta.
Mercieca jgħid li saħansitra meta l-Prosekutur qal li dan huwa “l-aħħar ċans għall-ġustizzja”, deher li, fil-fehma tiegħu, lanqas hu stess ma kien konvint minn dak li kien qed jgħid.
“Kif tista’ fl-istess nifs titlobhom isibuh ħati u tgħid li nfetħet inkjesta?” jistaqsi.
Id-Difiża tgħid li investigazzjoni serja ma ssirx snin wara, meta skontha mobile phones intilfu, laptop minn Kastilja ma nġabarx u provi oħra ma ġewx preservati.
Mercieca jerġa’ juri r-ritratt tas-search f’Kastilja, fejn jgħid li Kurt Zahra jidher iħares lejn naħa oħra waqt li Keith Schembri għandu l-mobile f’idejh.
Id-Difiża tiddistingwi bejn “prova” u “argument” u tattakka l-użu ta’ chats mhux ikkonfermati
Charles Mercieca jgħid lill-ġurati li hemm differenza fundamentali bejn prova u argument: il-prova hija dak li jidħol formalment fil-proċess, filwaqt li l-argument huwa l-interpretazzjoni li ssir minn fuq dik il-prova.
Hu jispjega li fil-proċess kriminali l-provi jistgħu jkunu xhieda mogħtija viva voce jew dokumenti, u li x-xhieda jistgħu jkunu ordinarji jew esperti.
Mercieca mbagħad jattakka l-mod kif, skontu, il-Prosekuzzjoni rreferiet għal ċerti chats. Jgħid li jekk hemm chat bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio, iżda l-persuni involuti ma jitressqux biex jikkonfermaw il-kontenut tiegħu, dak ma jistax jiġi trattat bħallikieku huwa prova sħiħa u jista’ jaqa’ taħt il-prinċipju tal-hearsay.
L-istess jgħid dwar dokumenti jew artikli tal-media: jekk, pereżempju, jissemma artiklu ta’ Reuters iżda l-awtur ma jitressaqx biex jikkonfermah, id-Difiża targumenta li dan jibqa’ “documentary hearsay”.
Mercieca jagħmel kuntrast mad-dokument tal-viżitaturi ta’ Kastilja li ressqet id-Difiża, u jgħid li hemmhekk tressaq xhud biex jikkonferma l-oriġini u l-awtentiċità tad-dokument.
Għad-Difiża, il-ġurati jridu għalhekk joqogħdu attenti biex ma jħalltux bejn dak li ġie formalment ippruvat u dak li huwa biss interpretazzjoni jew sottomissjoni tal-avukati.
Id-Difiża: “Mario Degiorgio tiela’ u nieżel — għaliex ma ġibtuhx jixhed?”
Charles Mercieca jkompli jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, u jgħid lill-ġurati li dan “selaħ” lil Yorgen Fenech mill-flus.
Hu jerġa’ jsemmi lil Mario Degiorgio, u jistaqsi għaliex il-Prosekuzzjoni ma ressqitux fuq il-pedana.
“Mario Degiorgio tiela’ u nieżel u ma ġibtuhx hawn fuq il-pedana. Qed tibżgħu li se jgiddeb lil Theuma?” jistaqsi Mercieca.
Id-Difiża tirreferi wkoll għall-ammonti kbar ta’ flus kontanti li nstabu fid-dar ta’ Theuma, u tqajjem mistoqsijiet dwar irċevuta datata Jannar 2018. Mercieca jgħid li, skont il-kronoloġija li qed jagħti, Theuma daħal fix-xena aktar tard u għalhekk jistaqsi min seta’ kien qed joħroġ il-flus f’dak il-perjodu.
Fost l-ismijiet li jsemmi b’mod mistoqsi hemm Keith Schembri u Chris Cardona.
Mercieca jerġa’ wkoll fuq l-ittra ta’ Theuma u jgħid li, f’qasir żmien, il-verżjoni tiegħu dwar min seta’ jagħmillu l-ħsara nbidlet.
Skont id-Difiża, Theuma mar minn diskors fis-sens ta’ “ħa joqtolni Keith Schembri” għal “ħa joqtolni Yorgen Fenech”.
Għal Mercieca, dawn il-bidliet huma parti mill-istess problema: verżjoni li, skontu, tinbidel skont il-mument u ma tistax tittieħed bħala bażi soda għal kundanna.
Charles Mercieca jkompli jistaqsi għaliex ċerti punti marbuta ma’ Keith Schembri ma ġewx indirizzati mill-Prosekuzzjoni.
Hu jirreferi għall-allegazzjoni dwar sparatura f’Kastilja u jistaqsi jekk instabx xi bullet mark hemmhekk. F’dan il-punt jinqala’ skambju ma’ Godwin Cini dwar dak li xehed Kenneth Camiller i, b’Cini jgħid "qatt ma qal fejn ġiet sparata" u Mercieca jirrispondih u jgħid "mela int l-avukat ta' keith Schembri" fejn hemmek Cini b’mod ironiku: “Jien ma mortx l-uffiċċju tiegħu.”
Mercieca mbagħad jerġa’ jdur fuq il-motiv.
Jirreferi għal artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia tat-8 ta’ Diċembru li fih kitbet dwar Schembri u l-kampanja elettorali, fosthom il-kliem “he might not be around for the next one.”
Id-Difiża tistaqsi għaliex dan ma jistax jitqies bħala motiv li seta’ qanqal rabja kbira f’persuna li kienet qed tinqabad fil-mira tal-kitba tagħha.
Mercieca jsemmi wkoll dak li jiddeskrivi bħala dossier ta’ artikli ta’ Daphne li Keith Schembri kien żamm, saħansitra sentejn wara l-qtil tagħha.
Il-messaġġ tad-Difiża jibqa’ li hemm numru ta’ elementi li, skontha, jindikaw motiv possibbli lejn Schembri u li l-Prosekuzzjoni ma weġbitx għalihom.
Id-Difiża: “Miż-żgħir sal-kbir, kollox ivvinta fuq Yorgen Fenech”
Charles Mercieca jkompli jiffoka fuq dak li jsejjaħ “toqob” fil-każ tal-Prosekuzzjoni, u jerġa’ jdur fuq recordings bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Jirreferi għal kliem ta’ Theuma li, skont it-traskrizzjoni, kien jemmen li ċerti recordings li kien rema’ ma kinux jinsabu f’idejn l-investigaturi.
Mercieca jaqra wkoll minn recording fejn Theuma jgħid lil Cremona: “Allaħares ma kienx Keith… minn dakinhar li ħa over Kenneth…”, kif ukoll referenza oħra għal “tinsiex kemm għamel Keith.”
Id-Difiża tinterpreta dawn il-konversazzjonijiet bħala indikazzjoni li Keith Schembri kien qed jipprova jipproteġi jew jgħin lil Theuma, għalkemm Mercieca jgħid lill-ġurati li jistgħu jiddeċiedu huma jekk Theuma kienx qed jgħid il-verità jew jigdeb f’dawk il-mumenti.
Il-punt tiegħu huwa li, meta Theuma kien jemmen li ċerti konversazzjonijiet ma kinux se jispiċċaw f’idejn il-Pulizija, il-verżjoni tiegħu kienet differenti minn dik li, skont id-Difiża, eventwalment tefa’ fuq Fenech.
“Miż-żgħir sal-kbir, kollox ivvinta fuq Yorgen Fenech ta’ Tumas — dak kien l-agreement,” jinsisti Mercieca.
L-avukat jirreferi wkoll għal kliem ta’ Theuma li “l-inkwiet tal-money laundering għandi, mhux dik Daphne”, u jerġa’ jorbot dan mal-benefiċċji li Theuma kiseb permezz tal-proklama.
Mercieca jiskuża ruħu għall-għajjat, iżda jerġa’ jattakka n-nuqqasijiet fl-investigazzjoni
Lura mill-pawża, Charles Mercieca jibda billi jiskuża ruħu li kultant jgħolli leħnu, u jgħid li dan jiġri għax qed jipprova jisħaq fuq dak li jqis bħala nuqqasijiet lampanti fil-każ.
Id-Difiża terġa’ ddur fuq Johann Cremona u fuq dikjarazzjoni ta’ Pulizija li, skont Mercieca, ma taqbilx ma’ dak li ħareġ mix-xhieda ta’ Cremona fil-Qorti.
Mercieca jgħid li l-Prosekuzzjoni ma spjegatx dawn id-differenzi u jerġa’ jattakka l-mod kif ġew trattati ċerti xhieda.
Jirreferi wkoll għal Silvio Valletta, u jgħid li kulħadd ra l-filmat li għamel ħsara lir-reputazzjoni tiegħu, iżda skont id-Difiża xorta waħda ma tressaqx biex jixhed quddiem l-Imħallef u l-ġurati.
Fl-aħħar jerġa’ lura fuq ir-recordings ta’ Melvin Theuma u jgħid lill-ġurati li jekk, wara li jisimgħu u jqisu kollox, jaslu għall-konklużjoni li Theuma huwa giddieb, allura jafu x’għandhom jagħmlu bil-verżjoni tiegħu.
Lura fl-awla
Pawża sal-10:45am
Id-Difiża: rapport tal-Europol ipoġġi l-bidu tal-pjan fl-aħħar tal-2016, mhux fit-timeline ta’ Theuma
Charles Mercieca jerġa’ jfakkar lill-ġurati li, skontu, huwa l-obbligu tal-Prosekuzzjoni li tressaq il-provi kollha, mhux tad-Difiża.
Imbagħad idur fuq rapport tal-Europol li, jgħid, jindika li l-fażi tal-ippjanar tal-assassinju bdiet madwar l-aħħar tal-2016.
Mercieca jistaqsi kif dan jaqbel mat-timeline ta’ Melvin Theuma, li tpoġġi l-allegata kummissjoni tal-qtil aktar tard.
“Mela kif u għaliex ma qalulniex li t-timeline ta’ Theuma m’għandux is-sewwa?” jistaqsi.
Id-Difiża terġa’ tqajjem ukoll il-punt ta’ Kenneth Camilleri, u tistaqsi għaliex, skontha, Keith Schembri bagħtu biex jikkalma lil Theuma.
Mercieca jirreferi wkoll għal Johann Cremona, u jistaqsi għaliex meta kien qed jipprova jikkalma lil Theuma kien iwissih kontra Yorgen Fenech iżda jitkellem b’mod favorevoli dwar Schembri.
“Xejn minn dan ma qalulna,” jinsisti.
Id-Difiża terġa’ torbot lil Keith Schembri mat-timeline tas-SIM card
Charles Mercieca jerġa’ jdur fuq David Gatt, Keith Schembri u l-kronoloġija tas-SIM card, u jgħid lill-ġurati li dawn il-punti, skont id-Difiża, jaqblu ma’ xulxin.
Hu jistaqsi għaliex Schembri kellu bżonn jiltaqa’ ma’ David Gatt, u jirreferi għall-argument li Gatt ried juri li ma kienx qed iġorr recorder fuqu.
Mercieca mbagħad jgħid li fis-21 ta’ Awwissu is-SIM card ġiet konnessa mal-mobile, u jistaqsi għaliex il-ġurati m’għandhomx jemmnu lil Alfred u George Degiorgio jekk, skont id-Difiża, din il-koinċidenza fil-ħin taqbel mal-laqgħa ta’ Schembri ma’ Gatt.
Id-Difiża tisħaq li l-aħwa Degiorgio m’għandhomx x’jitilfu, hekk kif diġà ġew ikkundannati għal għomorhom il-ħabs.
Mercieca mbagħad jagħmel kuntrast ma’ Melvin Theuma u jgħid li jekk hemm xhud li ngħata xi ħaġa biex jixhed, skont id-Difiża, dak huwa proprju Theuma.
Id-Difiża tikkontesta l-“inkjesta” li reġgħet infetħet wara seba’ snin
Charles Mercieca jgħid lill-ġurati li ma jistax jaċċetta l-argument tal-Prosekuzzjoni li llum għadha għaddejja inkjesta biex jiġu eżaminati persuni jew fatti oħra.
“Issa ftaħnieha l-inkjesta, wara li ilna kważi 60 ġurnata hawn ġew? Kellhom seba’ snin,” jgħid.
Mercieca jistaqsi x’jista’ realistikament jinstab illum: il-mobile ta’ Keith Schembri, ta’ Kenneth Camilleri, ta’ xi persuna oħra, jew il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jattakka wkoll l-argument dwar Electrogas, u jgħid li ma tistax il-Prosekuzzjoni tibni l-motiv fuq il-proġett jekk, skont id-Difiża, ma ressqitx biżżejjed evidenza konkreta biex issostni dan.
Hawnhekk jinqala’ battibekk meta l-Prosekuzzjoni tikkoreġi lil Mercieca u tgħid li mhux “investigazzjoni” nfetħet, iżda inkjesta.
Mercieca jirribatti: “U iva, inkjesta mhux investigazzjoni.”
Dr Godwin Cini jinstema’ jgħid li dan mhux korrett, b’Mercieca jwieġeb: “Il-korrezzjoni mhux se tgħallimhieli int.”
Id-Difiża mbagħad iddur fuq il-ġurati u tgħidilhom li l-Prosekuzzjoni qed tibdel il-kelma “investigazzjoni” għal “inkjesta”, waqt li l-kummenti bejn iż-żewġ naħat jibqgħu għaddejjin.
Mercieca fl-aħħar jitlobhom jieqfu jinterrompuh, u jżid b’mod sarkastiku:
“Qishom ħamiem.”
Id-Difiża: għaliex il-bomba kienet Malta qabel l-allegata kummissjoni tal-qtil?
Charles Mercieca jerġa’ jdur fuq il-kronoloġija teknika tal-każ u jqajjem sensiela ta’ mistoqsijiet li, skontu, il-Prosekuzzjoni ilha seba’ snin ma twieġeb.
Hu jistaqsi għaliex is-SIM cards waslu Malta f’Novembru 2016 u għaliex il-bomba kienet diġà Malta qabel iż-żmien li fih, skont il-verżjoni ta’ Melvin Theuma, ġie kkummissjonat il-qtil.
“Wieġbu, wieġbuni,” jgħid Mercieca b’mod retoriku. “Ma jistgħux iwieġbuni. U kieku setgħu, emmnuni, ilhom seba’ snin u qatt ma weġbuha.”
Id-Difiża terġa’ tqajjem ukoll iż-żjarat ta’ Theuma f’Kastilja u tistaqsi għaliex, skontha, dan ma kienx konsistenti dwar kemm-il darba mar hemm.
Mercieca jerġa’ jsemmi żjara partikolari li damet madwar sagħtejn u nofs, u jistaqsi x’ġara f’dak il-ħin.
“Ma qalulniex,” jinsisti.
Id-Difiża: “All roads lead to Keith Schembri — but all bridges were burnt”
Charles Mercieca jgħid li għal mument ħass li r-replika tal-Prosekuzzjoni kienet aktar difiża tal-investigazzjoni milli tweġiba għall-każ tad-Difiża.
Hu jerġa’ jiġbor it-teżi tiegħu dwar Keith Schembri bil-frażi:
“All roads lead to Keith Schembri — but all bridges were burnt.”
Mercieca jgħid li fir-replika, skontu, dak kollu li kien iwassal lejn Schembri ġie injorat.
Jistaqsi għaliex il-Pulizija baqgħu jiltaqgħu ma’ Schembri f’Kastilja waqt li dan kien qed jiġi eżaminat f’inkjesta maġisterjali, u jgħid li dawn huma punti li l-Prosekuzzjoni ma spjegatx.
Id-Difiża tirreferi wkoll għall-argument tal-Prosekuzzjoni li l-investigaturi huma umani u jistgħu jiżbaljaw.
Mercieca jgħid li ma jifhimx din l-analoġija u jikkritika l-paragun bejn l-iżbalji ta’ persuna suspettata jew kriminali u dawk tal-investigaturi li kellhom id-dmir li jmexxu investigazzjoni serja.
Id-Difiża tattakka l-proklama ta’ Theuma: “Din mhux proklama, din pjaċir”
Charles Mercieca jerġa’ jpoġġi l-proklama ta’ Melvin Theuma fiċ-ċentru tal-kontro-replika u jistaqsi għaliex kienet meħtieġa jekk, kif tgħid il-Prosekuzzjoni, ir-recordings kienu diġà biżżejjed biex juru x’ġara.
“Jekk intom daqshekk ċerti mir-recordings, għalfejn kellkom bżonn tagħtuh proklama?” jistaqsi.
Mercieca jattakka wkoll il-firxa tal-maħfra mogħtija lil Theuma, u jirreferi għal reati oħra li, skont id-Difiża, kienu koperti, fosthom money laundering u lotteriji klandestini.
“Din mhux proklama, din pjaċir,” jgħid.
Hu jkompli jgħid li, minkejja dak kollu li Theuma ammetta, il-proklama ħallietu mingħajr kundanni fuq il-kondotta tiegħu.
Mercieca jirreferi wkoll għall-assi u l-proprjetajiet ta’ Theuma u jgħid li dan illum baqa’ b’ħafna mill-benefiċċji li kellu, filwaqt li oħrajn tilfu kollox.
Hekk kif mill-bank tal-Prosekuzzjoni jinstemgħu xi kummenti, Mercieca jitbissem u jgħid:
“Donnu meta bniedem tolqtu fil-laħam il-ħaj jirreaġixxi.” Imbgħad ikompli jispjega kif maħfra ma tingħatax għalxejn.
Meta jinstema’ jidħaq l-Avukat Jason Azzopardi, Mercieca jżid b’sarkażmu:
“Għandu bżonn break jaqaw?”
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u twaqqaf l-iskambju.
Id-Difiża tistaqsi għaliex damu disa’ xhur biex jarrestaw lil Theuma
Charles Mercieca jkompli jattakka l-investigazzjoni u jistaqsi lill-ġurati għaliex, skont id-Difiża, Europol riedet li Melvin Theuma jiġi arrestat mill-ewwel, iżda l-arrest tiegħu seħħ biss madwar disa’ xhur wara.
“Fejn hi l-verità? Fejn hi l-korroborazzjoni? Xejn,” jgħid Mercieca.
Id-Difiża tirreferi wkoll għall-investigazzjoni fuq Theuma b’rabta ma’ money laundering, u tgħid li din bdiet f’Settembru 2019.
Mercieca għalhekk jistaqsi x’kienu qed jagħmlu l-investigaturi fuq Theuma fix-xhur ta’ qabel, jekk skontu diġà kien hemm raġunijiet biex jaġixxu ferm qabel.
L-avukat jgħid lill-ġurati li permezz tad-deċiżjoni li se jieħdu, għandhom iħarsu wkoll lejn dawn il-mistoqsijiet li, skont id-Difiża, il-Prosekuzzjoni baqgħet ma weġbitx
Id-Difiża tqajjem mistoqsijiet fuq persuni li Theuma ried qrib tiegħu
Charles Mercieca jkompli jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma u jistaqsi lill-ġurati għaliex dan kien talab persuni marbuta mal-kamp Nazzjonalista biex ikunu qrib tiegħu, fosthom Simon Busuttil, David Casa u Beppe Fenech Adami.
“Who are they the political opponents of?” jistaqsi Mercieca lill-ġurati.
Id-Difiża tgħid li dawn huma mistoqsijiet li baqgħu mingħajr tweġiba u tissuġġerixxi li l-ġurati għandhom jistaqsu lilhom infushom għaliex Theuma kien ried proprju lil dawn il-persuni.
Mercieca jqajjem il-possibbiltà li Theuma seta’ ried lil Simon Busuttil biex jagħmel pressjoni jew jhedded lil Keith Schembri, iżda jippreżenta dan bħala mistoqsija u mhux bħala fatt stabbilit.
Skont id-Difiża, meta wieħed jiġbor flimkien dawn l-indizji, dawn ikomplu jsaħħu l-argument tagħha li Theuma huwa “the wrong man” biex fuqu tinbena l-verżjoni tal-Prosekuzzjoni.
Charles Mercieca jwieġeb għall-argument tal-Prosekuzzjoni li d-Difiża ma talbitx konfront bejn Yorgen Fenech u persuni oħra, fosthom Keith Schembri.
Hu jgħid li fl-2026, seba’ snin wara l-arrest, dak kollu li kellu jingħad diġà ntqal u dak kollu li kellu jinkiteb diġà nkiteb, u għalhekk ma jistax issa jinbena argument fuq in-nuqqas ta’ konfronti ġodda fil-ġuri.
Mercieca mbagħad idawwar il-mistoqsija fuq il-Prosekuzzjoni.
Jistaqsi għaliex, jekk Melvin Theuma huwa x-xhud ewlieni tagħhom, qatt ma sar konfront dirett bejn Theuma u Fenech.
Għad-Difiża, dan huwa ferm aktar sinifikanti mill-fatt li hi ma talbitx konfronti oħra waqt ix-xhieda ta’ Fenech.
Il-Prosekuzzjoni trid tressaq il-provi kollha — mhux tiddefendi investigazzjoni maħmuġa”
Charles Mercieca jkompli jattakka l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni u jfakkar lill-ġurati li mhux id-Difiża li għandha tipprova l-każ, iżda l-Prosekuzzjoni li trid tressaq kull prova meħtieġa biex tilħaq il-grad mitlub mil-liġi.
Hu jakkuża lill-Prosekuzzjoni li, minflok tispjega n-nuqqasijiet tal-investigazzjoni, qed tipprova tiddefendi “investigazzjoni maħmuġa”.
Mercieca jistaqsi lill-ġurati jekk semgħux lill-Prosekuzzjoni tindirizza ċerti ismijiet li d-Difiża ilha tqajjem:
“Smajtuha ssemmi lil Edgar Brincat? Lil Kenneth? Lil Lawrence Cutajar? Le.”
Hu jistaqsi wkoll jekk il-Prosekuzzjoni spjegatx għaliex Lawrence Cutajar għamel dak li għamel, jew għaliex waqt is-search fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri bagħtu surġent “jorqod”.
“Ma qalulkom xejn,” jinsisti Mercieca.
Id-Difiża qed tipprova terġa’ tpoġġi l-attenzjoni fuq dak li tqis bħala lakuni fl-investigazzjoni u mistoqsijiet li baqgħu mingħajr tweġiba.
Id-Difiża: “Ilbieraħ qam paniku għax semmejna kif Theuma ngħata l-maħfra qabel ma semgħu lil Fenech”
Charles Mercieca jerġa’ jdur fuq il-proklama ta’ Melvin Theuma u jgħid lill-ġurati li l-battibekk tal-bieraħ qam proprju meta d-Difiża semmiet li Theuma kien ingħata wegħda ta’ maħfra presidenzjali qabel ma l-investigaturi semgħu l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech.
“Ilbieraħ qam paniku fl-awla. Laqathom fil-laħam il-ħaj,” jgħid Mercieca.
Skont id-Difiża, il-loġika kellha tkun li l-investigaturi l-ewwel jisimgħu x’għandu xi jgħid Fenech u mbagħad jiddeċiedu kif jimxu, mhux li jisimgħu naħa waħda biss.
Mercieca jgħid li l-Prosekuzzjoni qattgħet sigħat tagħmel lill-ġurati jisimgħu recordings u jieħdu noti, iżda hu ma jridx jerġa’ jgħaddihom mill-istess eżerċizzju għax, kif jgħid, “intom għextuh u ħassejtuh dan il-ġuri.”
Id-Difiża tqajjem ukoll punt speċifiku fuq ir-recording magħruf bħala “Double 07”, u tisħaq li minkejja tlett ijiem ta’ kontro-eżami, il-Prosekuzzjoni ma staqsiet xejn lil Fenech dwaru.
Il-Qorti tiċħad il-punt imqajjem mill-Prosekuzzjoni
Dwar il-punt tad-dritt li tqajjem ilbieraħ, l-Imħallef Edwina Grima tgħid li ma rriżultax li dak allegat mill-Prosekuzzjoni kien minnu.
Il-Qorti tgħid li, fil-qalba tiegħu, dak li kien qal Charles Mercieca kien korrett, għalkemm hemm punt żgħir li għandu jiġi rranġat jew iċċarat.
B’hekk il-Qorti tagħlaq il-kwistjoni li wasslet biex is-seduta tal-bieraħ tintemm fuq battibekk twil, u jidħlu l-ġurati fl-awla.
Bonġu. Jiena Jaelle Borg u għal darb’oħra se nkun magħkom mill-awla tal-Qorti għal Jum 52 tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Illum mistennija tkompli l-kontro-replika tad-Difiża, wara li lbieraħ Charles Mercieca fetaħha b’ton qawwi u qal li “issa rridu ninżgħu l-ingwanti”.
Is-seduta tal-bieraħ intemmet fuq battibekk ta’ madwar 20 minuta, bl-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li terġa’ tisma’ recording biex tistabbilixxi eżatt x’intqal qabel ma tkompli l-proċedura.
Nibqgħu magħkom bl-aġġornamenti kollha hekk kif jibdew deħlin il-ġurati u terġa’ tibda s-seduta.