Id-Difiża tipprova ddawwar il-każ: Theuma taħt attakk, investigazzjoni “maħmuġa” u Schembri dejjem aktar fiċ-ċentru

Id-Difiża qattgħet il-ġurnata tipprova tbiegħ lill-ġurati stampa differenti tal-każ: Melvin Theuma bħala xhud mhux affidabbli, investigazzjoni serjament difettuża, u Keith Schembri bħala l-figura li tibqa’ titfaċċa wara diversi episodji ewlenin

Id-Difiża ta’ Yorgen Fenech qattgħet il-ġurnata tipprova tbiddel il-mod kif il-ġurati jħarsu lejn il-każ kollu: mhux bħala storja li tibda minn Fenech u tispiċċa bih iżda bħala investigazzjoni li, skontha, warrbet wisq linji oħra, u naqset milli ssegwi b’mod serju dak kollu li kien iwassal għand Keith Schembri.

Matul is-sottomissjonijiet tiegħu, Charles Mercieca pprova jibni narrattiva waħda konsistenti: li Theuma mhuwiex xhud affidabbli, li l-proklama tiegħu ħolqot inċentivi u protezzjoni mhux tas-soltu, li diversi episodji ma ġewx investigati sal-aħħar, u li persuni differenti li dehru fil-każ kienu qed jiġu użati minn Schembri.

Il-messaġġ tad-Difiża lill-ġurati kien ċar: jekk jibqa’ dubju serju dwar min kien qed imexxi l-affarijiet minn wara l-kwinti, dan id-dubju jmur direttament fil-qalba tal-akkużi kontra Fenech.

Mercieca beda billi reġa’ attakka l-verżjoni ta’ Theuma dwar kif beda l-allegat pjan tal-qtil. Staqsa għaliex, jekk il-Prosekuzzjoni qed tiddependi fuq laqgħa fil-Blue Elephant bħala mument kruċjali, ma ġiex ivverifikat fejn kien Fenech dak iż-żmien.

Reġa’ qajjem ukoll in-nuqqas tal-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia. Jekk, kif tgħid il-Prosekuzzjoni, il-mottiv kien marbut ma’ xi ħaġa li kienet għadha se tippubblika, id-Difiża tistaqsi għaliex l-apparat li fuqu kienet taħdem ma kienx wieħed mill-aktar provi importanti.

Mercieca kompla billi qal li kien hemm persuni li setgħu jikkorroboraw jew jikkontestaw ir-rakkont ta’ Theuma iżda ma tressqux. Semma lil Mario Degiorgio u lil Chayenne, u staqsa għaliex, jekk l-investigaturi kellhom fiduċja biżżejjed f’Theuma biex jingħata proklama, ma ġabux quddiem il-Qorti aktar nies li setgħu jikkonfermaw il-verżjoni tiegħu.

Minn hemm, id-Difiża reġgħet marret fuq il-kunċett tad-dubju raġonevoli. Mercieca qal li s-suspett mhuwiex prova, u d-dubju mhuwiex biżżejjed għal kundanna.

“Ċert tfisser ċert,” qal lill-ġurati, filwaqt li saħaq li jekk jibqa’ dubju raġonevoli, il-verdett għandu jkun wieħed ta’ liberazzjoni.

Wieħed mill-aktar temi qawwija tal-ġurnata kien il-mod kif id-Difiża ppruvat tmexxi l-fokus lejn Schembri.

Mercieca staqsa għaliex eks Chief of Staff kien allegatament jibgħat membru tas-sigurtà għand Theuma dwar il-bail. Reġa’ semma wkoll il-kuntatti ma’ Kenneth Camilleri, Johann Cremona u Adrian Vella.

Skont id-Difiża, dawn ma kinux episodji separati. Kienu kollha partijiet minn mudell wieħed.

Mercieca sostna li Kenneth Camilleri ntuża biex jikkalma lil Theuma. Johann Cremona, skontu, daħal f’episodji oħra li kienu jservu biex jolqtu lill-Fenech u lid-Difiża. Adrian Vella allegatament ingħata struzzjonijiet biex jieħu lil Fenech Għawdex.

“Min hi l-id moħbija wara dan kollu?” staqsa Mercieca.

It-tweġiba li pprova jagħti lill-ġurati kienet Keith Schembri.

Id-Difiża attakkat ukoll it-tfittxijiet li saru fuq Schembri. Mercieca qal li kien hemm affarijiet li ma ġewx elevati, mobiles li ma ġewx eżaminati u tfittxijiet li, fil-fehma tiegħu, kienu superfiċjali.

Huwa rrefera għax-xhieda ta’ Michelle Camilleri, li qal li riedet tfittex f’ċerti postijiet iżda ma tħallietx. Reġa’ semma wkoll il-mobile li jidher fuq mejda fir-residenza ta’ Schembri u l-fatt li ma ġiex elevat.

“Ejja ngħidu li kien taz-zija jew tan-nanna. Ġibuli, eżaminawh, u mbagħad għiduli ta’ min kien,” qal Mercieca.

L-istess kritika ntużat għat-tfittxija f’Kastilja, fejn id-Difiża qalet li l-filmat juri tfittxija limitata ħafna.

B’ton sarkastiku, Mercieca staqsa jekk l-investigaturi kinux qed jistennew isibu karta tgħid: “iva, jien qtiltha”.

Id-Difiża reġgħet attakkat ukoll il-proklama ta’ Theuma. Mercieca qal li s-sistema tal-proklami mhijiex ħażina fiha nnifisha, iżda staqsa għaliex kien hemm bżonn proklama f’dan il-każ meta l-Pulizija setgħu ħadu r-recordings u arrestaw lil Theuma bil-mod normali.

Aktar kmieni fil-ġurnata, hu kien saħansitra allega li l-proklama kellha “kundizzjoni mhux miktuba”: li Theuma ma jdaħħalx lil Keith Schembri fil-verżjoni tiegħu.

Skont Mercieca, il-fatt li l-proklama ma tneħħietlux, anke wara li oħrajn ikkontestaw ix-xhieda tiegħu, kien aktar prova għal dan l-argument.

Id-Difiża qalet ukoll li Theuma ma kellux raġuni jibża’ jgħid il-verità ladarba kellu proklama. Jekk xorta gideb jew ħeba affarijiet, staqsa Mercieca, għal min kien qed jagħmel dan?

Dan wassal għall-attakk fuq ir-recordings ta’ Theuma.

Mercieca qal li dawn ma kinux kollezzjoni newtrali ta’ dak kollu li ġara, iżda materjal li Theuma għażel hu stess. Huwa fakkar li Theuma ammetta li ħassar numru ta’ recordings, u għalhekk qal lill-ġurati li għandhom jaraw dak li baqa’ bħala selezzjoni, mhux bħala stampa kompluta.

L-istess loġika, skont id-Difiża, tapplika għar-ritratt ta’ Theuma ma’ Schembri f’Kastilja u għall-ittra li fiha ssemma Fenech.

Mercieca sostna li dawn kienu mezzi ta’ pressjoni f’idejn Theuma.

Ir-relazzjoni ta’ Theuma mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar kienet ukoll parti importanti mill-argument. Mercieca qal li “l-familja kollha ta’ Theuma kellha n-numru tal-Kummissarju” u pprova juża dan biex jikkontesta l-idea li Theuma kien obbligat lejn Fenech minħabba taxis jew benefiċċji oħra.

Għad-Difiża, jekk Theuma kien marbut jew protett minn xi ħadd, kien hemm raġunijiet aktar b’saħħithom biex wieħed iħares lejn nies oħra.

Il-mottiv allegat ukoll ġie taħt attakk.

Mercieca ddeskriva r-rabta ma’ Electrogas bħala “konġettura u spekulazzjoni”, u qal li l-Prosekuzzjoni ma ressqetx prova waħda konkreta li turi li Fenech ried lil Caruana Galizia maqtula minħabba Electrogas.

Wara dar fuq 17 Black. Qal li Fenech kien diġà ammetta li kien sid il-kumpanija u kien ħallas taxxa fuqha f’Malta. Semma wkoll li fl-ewwel kitba ta’ Caruana Galizia dwar 17 Black dehru Keith Schembri, John Dalli, Joseph Muscat u Konrad Mizzi, iżda mhux Fenech.

Il-punt tiegħu kien li anke jekk Fenech issemma aktar tard, dan waħdu ma jagħmilx motiv għal qtil.

Min-naħa l-oħra, Mercieca qal li Schembri kellu ħafna aktar raġunijiet biex ried lil Caruana Galizia msikkta.

Jirrefera għall-kitbiet tagħha dwaru, għall-marda tiegħu, u għall-pressjoni politika li kienet qed tinbena fuqu.

F’dan il-kuntest qal li Theuma “biddel” lil Schembri ma’ Fenech fir-rakkont tiegħu.

Mercieca wassal dan l-argument għall-konklużjoni l-aktar qawwija tiegħu: li ma kienx hemm biss nuqqasijiet fl-investigazzjoni, iżda tentattiv biex ċerti linji ma jitħallewx jimxu.

Huwa qal li “t-toroq u l-pontijiet kollha” lejn Schembri nħarqu, u sejjaħ l-investigazzjoni “ħażina u maħmuġa”.

Aktar tard qal ukoll li “l-id moħbija” kienet issa nkixfet.

Lejn l-aħħar tas-seduta, Mercieca reġa’ dawwar kollox lejn il-proklama ta’ Theuma u qal li, skont il-mod kif il-proċess mexa, Keith Schembri “fil-prattika, ta proklama lilu nnifsu”.

Id-Difiża għalhekk qed tipprova tbiegħ lill-ġurati stampa waħda kbira: Theuma bħala xhud li ma jistax jittieħed bħala verità assoluta, investigazzjoni li ma segwietx il-provi kollha bl-istess qawwa, u Schembri bħala figura li tibqa’ tidher f’kull rokna li l-Prosekuzzjoni, skontha, ma esploratx biżżejjed.

U fuq kollox, Mercieca qed jgħid lill-ġurati li jekk din l-istampa tqajjem dubju raġonevoli, dak id-dubju għandu jkun biżżejjed biex ma jsibux lil Fenech ħati.

17:03

Bi tbissima, Charles Mercieca jdur lejn il-Qorti u jistaqsi: “Nistgħu nieqfu hawn għal-lum?”

Il-Qorti mbagħad tordna t-tmiem tas-seduta għal-lum.

Is-sottomissjonijiet tad-Difiża mistennija jkomplu għada.

Jaelle Borg
17:03

Mercieca jkompli jgħaqqad flimkien il-persuni li, skont id-Difiża, Keith Schembri daħħalhom fil-biċċa biex iwasslu messaġġi jew jagħmlu xogħol għalih. Din id-darba jdur fuq Adrian Vella.

Jgħid lill-ġurati li Vella kien ingħata struzzjonijiet minn Schembri biex jieħu lil Yorgen Fenech Għawdex.

Minn hemm Mercieca jistaqsi x’kien l-għan ta’ dan kollu.

“Għalfejn Keith ried jieħdu Għawdex? Yorgen ma riedx jaħrab,” jgħid.

Għad-Difiża, dan l-episodju jidħol fl-istess mudell li Mercieca ilu jibni tul is-sottomissjonijiet tiegħu: persuni differenti jidħlu fix-xena, iżda, skontu, l-istess id tibqa’ tidher warajhom.

“Ma jistax jibqa’ dubju min hi l-id moħbija f’din il-biċċa,” jinsisti.

Mercieca mbagħad jerġa’ jmur fuq il-mument tal-arrest ta’ Melvin Theuma. Jgħid lill-Prosekuzzjoni biex tħares lejn min talab Theuma dak il-ħin: il-Kummissarju tal-Pulizija u Keith Arnaud.

Jorbot dan mal-proklama, u jgħid li kien l-istess Kummissarju li ffirmaha, filwaqt li d-Difiża tinsisti li l-proċess li wassal għaliha beda minn Keith Schembri.

Minn hemm Mercieca jagħmel l-aktar allegazzjoni qawwija tiegħu fuq dan il-punt:

“Keith Schembri, fil-prattika, ta proklama lilu nnifsu.”

Jaelle Borg
16:48

Mercieca jkompli jiżviluppa t-teżi tad-Difiża li Keith Schembri kien juża persuni oħra biex iwassal messaġġi jew jagħmel xogħol għalih, u jibda jgħaddi minn isem għal ieħor.

L-ewwel isem huwa Kenneth Camilleri. Mercieca jfakkar li Camilleri kien allegatament intbagħat għand Melvin Theuma biex jikkalmah, u jgħid li tant spiċċa maqbud f’din il-biċċa li aktar tard ma baqax iħossu komdu jirrapporta għax-xogħol.

Jgħid ukoll li Camilleri saħansitra kien ġie avviċinat barra l-Qorti b’mistoqsija dwar jekk kienx xehed kontra Schembri.

Imbagħad jgħaddi għal Johann Cremona.

Mercieca jirreferi għall-allegazzjoni ta’ Cremona li d-Difiża kienet ippruvat tixtrih, u jgħid li wara jumejn ta’ xhieda Cremona “ftakar” f’nota jew screenshot li, skontu, kien bagħatlu Schembri u li kienet marbuta ma’ allegat kuntatt tad-Difiża ma’ Schembri qabel ix-xhieda tiegħu.

Għad-Difiża, dan il-materjal ma kienx każwali iżda inżamm biex jintuża fil-mument opportun.

Mercieca jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li, filwaqt li Cremona xehed fit-tul kontra Yorgen Fenech, skont id-Difiża ma għamilx l-istess fil-konfront ta’ Keith Schembri.

Minn hemm jerġa’ lura għall-2018, u jgħid li kien Schembri li daħħal lil Cremona fil-katina li wasslet lil Kenneth Camilleri għand Theuma biex dan jiġi kkalmat.

“Min uża lil Cremona f’din il-biċċa kollha? Min ta l-istruzzjonijiet lil Kenneth Camilleri? Min hi l-id moħbija wara dan kollu?” jistaqsi Mercieca.

U jwieġeb bl-argument ċentrali tiegħu lill-ġurati: “Meta tibdew tifhmu l-istampa, tindunaw li Keith Schembri jinsab wara kollox.”

Jaelle Borg
16:26

Mercieca jerġa’ jdur fuq Melvin Theuma u l-mod kif, skont id-Difiża, kien juża materjal differenti biex iżomm saħħa fuq persuni oħra.

Jibda bir-relazzjoni ta’ Theuma mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, u jgħid li “il-familja kollha ta’ Theuma kellha n-numru tal-Kummissarju.”

Minn hemm jgħaddi għar-ritratt magħruf ta’ Theuma ma’ Keith Schembri f’Kastilja. Mercieca jfakkar lill-ġurati fil-ġirja li, skont ix-xhieda, għamel Theuma flimkien ma’ bintu tar-rispett biex isibu r-ritratt meta ħasbu li kien intilef.

Skont Mercieca, dak ir-ritratt kellu valur wieħed ċar għal Theuma: “biex ibeżżagħhom.”

Id-Difiża tgħid li dan kien l-istess mod kif Theuma uża wkoll ir-recordings u l-ittra li fiha semma lil Yorgen Fenech, jiġifieri bħala għodod ta’ pressjoni u protezzjoni għalih innifsu.

Jaelle Borg
16:18

Mercieca jkompli jattakka l-mod kif saru t-tfittxijiet marbuta ma’ Keith Schembri, u din id-darba jdur fuq dak li seħħ f’Kastilja madwar għaxart ijiem wara.

Jirreferi għax-xhieda ta’ Kurt Zahra, li qal li ċ-Chief of Staff ta’ dak iż-żmien kien assigura lill-investigaturi li ħadd ma kien daħal fil-kamra. Iżda, skont Mercieca, il-filmat juri lil Schembri jiftaħ il-kamra biċ-ċwievet u mbagħad idaħħalhom fil-but.

Mercieca jsemmi wkoll li Zahra kien għadu relattivament ġdid dak iż-żmien, u jirreferi għall-mument meta qal li kien daħal qabel Schembri biex jixgħel id-dawl.

Id-Difiża tgħid li l-filmat imbagħad juri tfittxija limitata ħafna: ftit affarijiet jintmessu u jinqalbu, iżda ma jittieħed kważi xejn.

Minn hemm Mercieca jistaqsi b’mod sarkastiku x’kienu qed ifittxu eżatt: xi karta ta’ Schembri li tgħid “iva, jien qtiltha”?

Il-kritika tiegħu hija li investigazzjoni serja ma tistax tistrieħ fuq tfittxija daqshekk superfiċjali, speċjalment meta l-persuna taħt suspett tkun hi stess preżenti u qed tiftaħ il-post.

Mercieca mbagħad jerġa’ jdur fuq Keith Arnaud, u jgħid li Schembri tant kellu influwenza fuqu li saħansitra kellu jaċċessa u jqalleb sentejn sħaħ ta’ messaġġi WhatsApp tiegħu.

Jaelle Borg
15:56

Is-sottomissjonijiet jerġgħu jduru fuq it-tfittxija fir-residenza ta’ Keith Schembri, bid-Difiża tgħid li x-xhieda li nstemgħet tqajjem aktar mistoqsijiet dwar kemm kienet bir-reqqa.

Mercieca jirreferi għax-xhieda ta’ Michelle Camilleri, u jfakkar lill-ġurati li meta staqsewha dwar affarijiet bħall-ġakketta u l-cupboards, hija qalet li riedet tfittex iżda ma tħallietx.

Id-Difiża tuża dan biex terġa’ tattakka lil Keith Arnaud, b’Mercieca jgħid li anke hu, skont l-argument tagħhom, spiċċa “jinxtara” jew jinġibed lejn Schembri.

Minn hemm jerġa’ fuq il-kwistjoni tal-mobile. Jgħid li Schembri kien qal li t-telefon tiegħu kien intilef 28 minuta qabel l-arrest, u Mercieca jistaqsi kif jista’ l-ġurat jafda verżjoni bħal din jekk, skont id-Difiża, hemm gidba fuq punt daqshekk bażiku.

“Jekk kapaċi jigdeb fuq ħaġa hekk, aħseb u ara fuq involviment fi qtil,” jgħid.

Imbagħad jagħmel kuntrast mal-fatt li, skontu, ittieħed ukoll laptop ta’ bint Schembri — “tifla li żgur m’għandha x’taqsam xejn” — waqt li jgħid li fuq affarijiet oħra marbuta direttament mas-suspettat ma ttieħed xejn.

Mercieca jerġa’ juri r-ritratt tal-mejda fir-residenza ta’ Schembri, fejn jidher mobile, u jfakkar li Arnaud qal li ma ra xejn fih ta’ importanza.

Id-Difiża tgħid li dan mhux biżżejjed.

“Ejja ngħidu li kien taz-zija jew tan-nanna. Ġibuli, eżaminawh, u mbagħad għiduli li kien taz-zija jew tan-nanna,”jgħid Mercieca.

Il-punt tiegħu huwa li ma tistax tiddeċiedi minn qabel li oġġett mhuwiex rilevanti mingħajr ma taqbdu u tivverifikah.

Jaelle Borg
15:38

Mercieca jerġa’ jqiegħed il-proklama ta’ Melvin Theuma taħt il-lenti, u jgħid li ma kinitx sempliċement favur iżda, fi kliemu, “pjaċir” li bih Theuma nħafirlu kollox.

Jgħid li l-mekkaniżmu tal-proklami mhuwiex ħażin fih innifsu, iżda jistaqsi għaliex kien hemm bżonnu f’dan il-każ. Skont id-Difiża, il-Pulizija setgħu ħadu r-recordings li Theuma kellu f’idejh u arrestawh bil-mod normali, mingħajr ma jagħtuh dik il-protezzjoni.

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jinsisti fuq il-linja tad-Difiża li Keith Schembri kellu sehem fil-proċess li wassal għall-proklama.

“Għaliex Keith Schembri daħal jiġri bil-proklama għand Joseph Muscat?” jistaqsi.

Hu jżid ukoll li proklama mhijiex xi ħaġa bla konsegwenzi, u jfakkar li titniżżel fil-kondotta tal-persuna — punt li juża biex jenfasizza kemm kienet deċiżjoni serja u eċċezzjonali.

Jaelle Borg
15:29

Hekk kif jgħid li ftit fadallu biex itemm is-sottomissjonijiet tiegħu, Charles Mercieca jerġa’ jattakka l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni, u jiddeskriviha bħala “mandra u ħażina.”

Jgħid li, skont id-Difiża, ma kienx normali li Keith Arnaud jagħmel tfittxija akkumpanjat minn spettur wieħed biss, u jerġa’ jqajjem mistoqsijiet dwar x’ġara waqt dik it-tfittxija u min kien involut.

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jdawwar l-attenzjoni lejn Keith Schembri, li jgħid li kellu drawwa juża n-nies u mbagħad jarmihom.

Jirrefera għal diversi persuni li, skont l-argument tad-Difiża, spiċċaw jintużaw għal skop partikolari u wara jitwarrbu meta ma jibqgħux utli.

Mercieca jgħid li matul il-ġuri, biċċa biċċa, bdiet tidher dak li hu jsejjaħ “id moħbija” wara ċerti avvenimenti.

U jagħlaq il-punt bil-frażi: “Din l-id inkixfet.”

Jaelle Borg
15:29

Is-sottomissjonijiet ta’ wara nofsinhar jerġgħu jibdew fuq Melvin Theuma u ż-żjarat tiegħu f’Kastilja, bid-Difiża tipprova turi li dawn ma kinux la każwali u lanqas qosra.

Mercieca jfakkar li Theuma qal li ltaqa’ ma’ Keith Schembri fit-taraġ prinċipali ta’ Kastilja. Jgħid li waqt l-aċċess fuq il-post id-Difiża rat it-taraġ, u b’nota umoristika jgħid: “Anke jien jimpressjonani t-taraġ tan-nofs.”

Iżda l-punt tiegħu huwa aktar serju. Skont Mercieca, Theuma jrid lill-ġurati jemmnu li hu u Schembri ltaqgħu hemm mingħajr ma kellhom xi konverżazzjoni ta’ sustanza. Id-Difiża ma temminx din il-verżjoni u tinsisti li ż-żewġt irġiel tkellmu.

Mercieca jfakkar ukoll li minn hemm Theuma ddaħħal f’kamra oħra u ngħata direzzjonijiet biex imur f’ministeru, u għalhekk jgħid li din ma kinitx żjara ta’ ħames minuti.

Imbagħad jiġbed l-attenzjoni għaż-żjara tal-għada, meta Theuma qal li qatta’ madwar sagħtejn u nofs f’Kastilja.

“Ngħidlek jien, lanqas kap ta’ stat ma jagħmel sagħtejn u nofs Kastilja,” jgħid Mercieca b’ton ironiku.

Għad-Difiża, dawn id-dettalji jagħmlu l-verżjoni ta’ Theuma dwar kuntatti limitati jew insinifikanti ma’ Schembri aktar diffiċli biex titwemmen.

Jaelle Borg
15:07

Lura fl-awla. Qabel jidħlu l-ġurati, Charles Mercieca jagħmel talba lill-Imħallef biex, kemm jista’ jkun, jiġi evitat li nies jibqgħu deħlin u ħerġin mill-awla waqt is-seduta.

Skont Mercieca, il-ħoss tal-bibien u ċ-ċaqliq kontinwu qed ifixkel lill-ġurati waqt li jkunu qed jisimgħu s-sottomissjonijiet.

Jaelle Borg
13:05

Qabel il-Qorti tieqaf għall-ikel, Charles Mercieca jagħlaq is-sottomissjonijiet ta’ filgħodu b’mument naqra inqas serju

B’ton umoristiku jdur lejn il-Qorti u jistaqsi: “Immorru nieklu?”

B’hekk tintemm is-sessjoni ta’ filgħodu.

Il-Qorti mistennija terġa’ tibda fit-3pm.

Jaelle Borg
13:04

Wara li jnaqqas il-piż tal-Electrogas u 17 Black bħala mottiv, Mercieca jdawwar l-argument tiegħu lejn Keith Schembri u jgħid li, skont id-Difiża, kien hemm ħafna aktar raġunijiet għaliex hu seta’ ried lil Daphne Caruana Galizia msikkta.

Jirrefera għal Novembru 2016, meta l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li Schembri offra r-riżenja tiegħu wara li ħarġet il-marda tiegħu. Mercieca juża dan bħala parti mill-argument li Caruana Galizia kienet qed tagħmel pressjoni diretta fuq Schembri ħafna qabel il-qtil.

Skont id-Difiża, Melvin Theuma mbagħad “biddel” lil Keith Schembri ma’ Yorgen Fenech fir-rakkont tiegħu.

Mercieca jgħid li l-problema tmur lil hinn minn sempliċi nuqqas ta’ prova. Huwa jallega li kien hemm sforz biex ċerti linji ta’ prova ma jitħallewx jaslu sal-aħħar.

“It-toroq u l-pontijiet kollha li jwasslu għand Keith Schembri nħarqu,” jgħid.

U jżid b’lingwaġġ qawwi:

“Din kienet investigazzjoni ħażina u maħmuġa.”

Jgħid lill-ġurati li qed jintalbu jiddeċiedu l-futur ta’ Yorgen Fenech fuq il-bażi ta’ investigazzjoni li d-Difiża tqis bħala serjament difettuża.

Mercieca jagħlaq dan il-punt billi jinsisti li wieħed mill-aħħar atti ta’ Keith Schembri bħala Chief of Staff kien li jiżgura li Melvin Theuma jingħata l-proklama presidenzjali.

Jaelle Borg
13:01

Wara li jikkontesta t-teorija tal-Electrogas, Mercieca jgħaddi għal 17 Black u jipprova jnaqqas il-piż li l-Prosekuzzjoni qed tagħti lil din il-kumpanija bħala parti mill-mottiv.

Jgħid li Yorgen Fenech kien diġà ammetta li 17 Black kienet tiegħu u li kien ħallas it-taxxa relatata magħha f’Malta sa mill-2016.

Mercieca mbagħad jiġbed l-attenzjoni għall-ewwel kitba ta’ Daphne Caruana Galizia dwar 17 Black, fejn jgħid li l-immaġni kienet turi lil Keith Schembri, John Dalli, Joseph Muscat u Konrad Mizzi — iżda mhux lil Fenech.

U anke jekk Fenech kien issemma f’kumment marbut mal-blog, Mercieca jistaqsi x’jipprova dan waħdu.

Li jissemma ismek f’blog, jgħid id-Difiża, ma jfissirx awtomatikament li għandek motiv biex tordna qtil.

Jaelle Borg
12:45

Id-Difiża terġa’ tqiegħed taħt pressjoni l-mottiv li qed tressaq il-Prosekuzzjoni, jiġifieri li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba dak li kienet se tikteb dwar l-Electrogas.

Mercieca jgħid li dan jibqa’ biss “konġettura u spekulazzjoni”, għax skontu ma tressqet ebda prova konkreta li turi li Yorgen Fenech ried lil Caruana Galizia maqtula minħabba l-Electrogas.

Jgħid li Daphne kitbet fuq l-Electrogas, iżda kitbet ukoll fuq ħafna suġġetti oħra, fosthom fuq Keith Schembri, u għalhekk jistaqsi għaliex il-Prosekuzzjoni qed tagħti piż tant kbir lil din it-teorija waħda.

“Għalfejn din l-ossessjoni bl-Electrogas meta l-verità għandkom quddiemkom?” jistaqsi.

Mercieca mbagħad idawwar il-mistoqsija fuq dak li allegatament Daphne kienet għadha se tippubblika. Jekk dan kien tassew il-mottiv, jgħid, fejn hi l-istorja li suppost kienet daqshekk perikoluża? U għaliex, wara mewtha, ma ħarġitx xi prova ċara ta’ dak li kienet qed taħdem fuqu?

Jerġa’ jsemmi wkoll il-fatt li l-laptop ta’ Caruana Galizia ma tressaqx bħala prova, u jgħid li dan huwa aktar sinifikanti jekk il-Prosekuzzjoni qed tibni l-mottiv tagħha fuq xogħol li kien għadu mhux ippubblikat.

Il-messaġġ tiegħu lill-ġurati: teorija tista’ tqajjem suspett, iżda ma tistax tieħu post il-prova.

Jaelle Borg
12:41

Id-Difiża tqajjem mistoqsija oħra dwar Keith Schembri u l-kuntatti ma’ Melvin Theuma.

Mercieca jistaqsi jekk huwiex normali li eks Chief of Staff jibgħat membru tas-sigurtà biex ikellem lil Theuma u jwassallu wegħda dwar il-bail.

“Huwa normali dan?” jistaqsi.

Jgħid li, irrispettivament minn jekk il-wegħda wassalhiex Kenneth Camilleri jew xi ħadd ieħor, il-punt tad-Difiża huwa li dan allegatament seħħ fuq inizjattiva jew inkarigu ta’ Keith Schembri.

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jattakka l-kredibbiltà ta’ Schembri. Jgħid li hemm diversi inkonsistenzi fix-xhieda tiegħu, fosthom dwar meta allegatament ċempel lit-tabib Adrian Vella. Skont id-Difiża, il-ħin indikat minn Schembri ma setax jaqbel mal-fatti għax Vella dak il-ħin kien diġà arrestat.

Mercieca jfakkar ukoll lill-ġurati f’kif Schembri għalaq ix-xhieda tiegħu. Jgħid li Schembri ddikjara, “Għandi qalbi tajba jiena,” u mbagħad semma li saħansitra lejliet kien mar għandu Charlie Wires biex jitolbu pjaċir.

Id-Difiża tistaqsi lill-ġurati x’valur għandhom jagħtu lil dik ix-xhieda, meta Schembri kien jaf li bħala xhud appartat ma kellux ikun qed jitkellem ma’ oħrajn dwar il-każ, iżda xorta għażel li jsemmi dak l-episodju hu stess quddiem il-Qorti.

Jaelle Borg
12:28

Wara li tkellem fuq is-suspett, Mercieca jgħaddi għal kelma oħra li jgħid li hija kruċjali għall-ġurati: id-dubju.

Jispjegah bħala inċertezza — il-mument meta persuna ma tkunx ċerta dwar fatt jew konklużjoni għax tibqa’ teżisti possibbiltà oħra.

Skont Mercieca, mhux biżżejjed li verżjoni tidher aktar probabbli minn oħra. Fil-kamp kriminali, jgħid, il-liġi ma tridx li persuna tiġi kkundannata jekk jibqa’ dubju raġonevoli.

“Ċert tfisser ċert,” jinsisti.

Jgħid lill-ġurati li meta jaslu biex jiżnu l-każ, iridu jistaqsu lilhom infushom jekk l-argumenti tal-Prosekuzzjoni verament serħulhom moħħhom, jew jekk għadhomx iħossu li hemm xi ħaġa li ma tagħlaqx.

Jekk f’qalbhom jibqa’ dak id-dubju — jekk ma jkunux waslu għal konvinzjoni ċerta — allura, jgħid Mercieca, id-deċiżjoni trid tkun waħda ta’ liberazzjoni.

Il-punt tiegħu huwa sempliċi: f’moħħ il-ġurat ma jridx jibqa’ dubju raġonevoli dwar il-ħtija.

Jaelle Borg
12:28

Id-Difiża tieqaf fuq kelma waħda: suspett.

Mercieca jgħid li ħafna drabi tintuża, iżda mhux dejjem nifhmu x’tfisser tassew. Jiddeskrivi s-suspett bħala ħsieb li jqanqal dubju, is-sens li xi ħaġa mhix kif tidher.

Minn hemm jibni argument fuq Keith Schembri. Jgħid li Daphne Caruana Galizia kitbet b’mod estensiv dwaru, li fl-2015 kien hemm interess ġudizzjarju fuq Schembri u Chris Cardona, u li fl-2017 rapport tal-Europol semma wkoll lil dawn l-ismijiet.

Isemmi wkoll li fl-4 ta’ Lulju 2018, il-Maġistrat Neville Camilleri talab call data ta’ Schembri, u jgħid li talba bħal din ma ssirx b’mod arbitrarju.

“Sa hemmhekk,” jgħid Mercieca, “tista’ tgħid li għad għandek suspett.”

Iżda mbagħad, skont id-Difiża, l-affarijiet imorru lil hinn minn hekk. Mercieca jirreferi għal xhieda minn eżekutur li, skontu, attribwixxa rwol kemm lil Chris Cardona kif ukoll lil Keith Schembri.

U hemmhekk jagħmel l-attakk tiegħu fuq l-investigazzjoni: jekk għandek allegazzjonijiet daqshekk diretti, kif tista’ ma tinvestigax lil Schembri b’mod sħiħ?

“Kif nista’ nieħdok bis-serjetà?” jistaqsi, indirizzat lejn il-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni.

Imbagħad juża l-istess kelma li beda biha: “Jien għandi suspett – suspett li din kienet investigazzjoni imbażwra.”

Il-punt finali tad-Difiża huwa li investigazzjoni li tirrispetta l-integrità tar-reat trid tinvestiga lil kulħadd, mhux biss lil dawk li l-investigaturi jagħżlu li jsegwu.

Jaelle Borg
12:05

Is-sottomissjonijiet jerġgħu jduru fuq Keith Schembri, bid-Difiża tgħid li diversi linji ta’ prova li dehru fil-ġuri jispiċċaw, skontha, jippuntaw fl-istess direzzjoni.

Mercieca jirreferi għax-xhieda ta’ Yorgen Fenech dwar €30,000 li, skont Fenech, Schembri kien ħallas fl-2015. Jgħid li dak l-episodju ma kienx ħareġ fil-Qorti dak iż-żmien, iżda jsostni li dak li Fenech qal wara l-arrest tiegħu kien jaqbel ma’ punti li George Degiorgio aktar tard semma fix-xhieda tiegħu.

“All roads lead to Keith,” jgħid Mercieca, filwaqt li jinsisti li, tipprova kemm tipprova twarrab dawn l-indikazzjonijiet, id-Difiża tara l-provi jibqgħu jduru lejn Schembri.

Mercieca mbagħad jirreferi għal Degiorgio, u jgħid li dan “ħallas ħames snin minn ħajtu” wara li, skontu, “daħal bejn il-basla u qoxritha.”

Jgħid li Fenech innifsu xehed li spiċċa bejn żewġ naħat, u jerġa’ jqajjem il-mistoqsija ċentrali tad-Difiża: jekk Fenech ma kellux interess dirett fil-qtil, għaliex kellu jidħol fin-nofs u x’kien qed jipprova jagħmel hemm?

Jaelle Borg
12:05

Waqt is-sottomissjonijiet tiegħu, Charles Mercieca jerġa’ lura għal punt li jgħid li ma jaqbilx mal-verżjoni ta’ Melvin Theuma: għaliex il-qtil kellu jitħaffef jew jitwaqqaf b’rabta mal-elezzjoni ġenerali.

Mercieca jistaqsi x’interess kellu Yorgen Fenech fil-ħin tal-elezzjoni, u jgħid li r-riżultat politiku ma kienx se jbiddel il-pożizzjoni tiegħu bl-istess mod kif seta’ jaffettwa lil persuna fil-politika.

“Yorgen x’għandu x’jaqsam mal-elezzjoni? Ir-riżultat ma jaffettwahx,” jgħid.

Minn hemm, id-Difiża terġa’ tisfida l-loġika tal-verżjoni ta’ Theuma: jekk il-qtil kien marbut daqshekk mill-qrib mal-elezzjoni, għaliex dan kellu jagħmel sens għal Fenech?

Mercieca jżid li jekk fil-post ta’ Fenech wieħed ipoġġi persuna oħra li kellha interess dirett fir-riżultat elettorali, allura, skontu, il-kronoloġija tibda tagħmel ħafna aktar sens.

Jaelle Borg
11:48

Is-sottomissjonijiet issa jduru fuq l-akkuża ta’ assoċjazzjoni/konfoffa, bid-Difiża tispjega lill-ġurati x’għandu jkun hemm biex din tista’ tirriżulta.

Mercieca jgħid li mhux biżżejjed li żewġ persuni jew aktar ikunu jafu lil xulxin jew ikunu involuti fl-istess ċirkostanzi. Irid ikun hemm ftehim bejniethom biex jitwettaq reat.

Jispjega li l-elementi essenzjali huma li jkun hemm żewġ persuni jew aktar, li dawn jaqblu fuq l-għan kriminali, u li jkun hemm ukoll xi mod ta’ azzjoni ppjanat jew miftiehem bejniethom biex dak ir-reat jitwettaq. Dan jaqbel mal-Artikolu 48A tal-Kodiċi Kriminali, li jgħid li l-konfoffa teżisti mill-mument li jiġi ppjanat jew miftiehem xi mod ta’ azzjoni bejn il-persuni involuti.

Jaelle Borg
11:46

Is-sottomissjonijiet issa jduru fuq kunċett legali ċentrali: mens rea, jiġifieri l-intenzjoni jew l-istat mentali kriminali li persuna jrid ikollha biex tkun tista’ tinżamm kriminalment responsabbli għal reat.

Qabel jidħol f’dan il-punt, Mercieca jirreferi wkoll għal Vincent Muscat, u jgħid li dan jaqbel ma’ George Degiorgio fuq episodju fejn marru għand Chris Cardona biex jistaqsuh jekk kienx veru li kien Keith Schembri li bagħathom.

Skont id-Difiża, meta l-provi jitqiegħdu kollha flimkien, jibdew jagħmlu sens f’direzzjoni differenti minn dik tal-Prosekuzzjoni.

Mercieca mbagħad jgħaddi għall-mens rea u jagħti eżempju biex jispjegaha lill-ġurati. Jgħid li jekk missieru jkun kbir fl-età, ma jarax sew u xorta jinsisti li jsuq, hu jista’ jeħodlu ċ-ċwievet biex jipprova jwaqqfu.

Jekk imbagħad missieru jmur il-bank, jiġbor il-flus u jordna karozza mingħand dealer, u Mercieca javża lid-dealer biex ma jtihiex għax jaf li missieru se jagħmel ta’ rasu — iżda dan xorta jirnexxielu jieħu l-karozza u jagħmel straġi — il-mistoqsija hija jekk Mercieca kellux l-intenzjoni kriminali biex jiġri dak ir-riżultat.

L-argument tad-Difiża huwa li mingħajr mens rea, jiġifieri mingħajr l-intenzjoni meħtieġa biex ir-reat jitwettaq, ma tistax sempliċement issib persuna ħatja għax kienet involuta f’xi stadju jew ippruvat tikkontrolla sitwazzjoni.

Jaelle Borg
11:29

Is-sottomissjonijiet jerġgħu jiffokaw fuq Melvin Theuma, bid-Difiża tipprova turi lill-ġurati li l-verżjoni tiegħu mhix waħda li jistgħu jistrieħu fuqha biex jaslu għal ħtija.

Mercieca jirreferi għal mumenti fejn Theuma qal li ħareġ €5,000 minn butu stess għal “tromba”, u li seta’ jitlob il-flus lil Yorgen Fenech iżda ma għamilx hekk.

Id-Difiża taqbad ma’ dan biex tistaqsi kif jista’ jkun li Theuma jgħid li stħajjel jitlob €5,000, iżda mbagħad irid lill-ġurati jemmnu li fuq ammonti ferm akbar u fuq omiċidju kien mexa b’mod differenti.

Mercieca jiġbor il-punt bil-frażi:

“Jista’ jigdeb, imma l-karattru ma jigdeb qatt.”

Hu jikkuntrasta wkoll il-mod kif xehed Yorgen Fenech, li skont id-Difiża wieġeb domanda b’tweġiba mingħajr ma bena stejjer twal biex jiġġustifika kull punt, mal-mod kif Theuma spjega ċerti episodji tiegħu.

Minn hemm, Mercieca jgħaddi għall-akkużi legali li qed jiffaċċja Fenech u jfakkar lill-ġurati li l-Prosekuzzjoni qed tipprova torbtu ma’ diversi forom ta’ kompliċità: fosthom li ta ordni, li ġiegħel ir-reat isir permezz ta’ rigali, wegħdiet jew rikatt, jew li xewwex jew saħħaħ il-volontà ta’ ħaddieħor biex iwettaq ir-reat jew wiegħdu kumpens wara.

L-argument ċentrali tad-Difiża huwa li l-unika persuna li ġiet il-Qorti u poġġiet lil Fenech direttament f’dawn ir-rwoli hija Melvin Theuma.

U jekk, kif qed targumenta d-Difiża, Theuma mhuwiex xhud affidabbli, allura l-każ tal-Prosekuzzjoni ma jibqagħlux pedament sod fuq xiex joqgħod.

Jaelle Borg
11:17

Is-sottomissjonijiet tad-Difiża jerġgħu jibdew b’attakk dirett fuq dak li Charles Mercieca jiddeskrivi bħala ossessjoni biex jiġu protetti Keith Schembri u Chris Cardona, filwaqt li r-responsabbiltà titpoġġa fuq Yorgen Fenech.

Mercieca jistaqsi għaliex kien hemm bżonn tingħata proklama lil Melvin Theuma biex jgħid dak li, skont id-Difiża, l-investigaturi riedu jisimgħu.

Hu jagħmel allegazzjoni aktar qawwija: jgħid li fil-proklama kien hemm, fil-prattika, “kundizzjoni mhux miktuba” — li Theuma ma jsemmix lil Keith Schembri.

Skont Mercieca, il-fatt li l-proklama ma tneħħietlux juri li Theuma baqa’ josserva din il-kundizzjoni.

Id-Difiża tirreferi wkoll għal George Degiorgio, u tgħid li meta dan aktar tard ikkontesta l-verżjoni ta’ Theuma u akkużah li qed jigdeb, il-proklama xorta waħda baqgħet fis-seħħ.

Il-punt li Mercieca jrid iwassal lill-ġurati huwa li m’għandhomx jaċċettaw awtomatikament ir-rakkont ta’ Theuma, iżda għandhom jistaqsu għaliex ċerti persuni baqgħu barra minnu u għaliex oħrajn daħlu fih.

Hu jagħlaq dan il-punt billi jgħid li, minkejja kemm iduru mar-rakkont ta’ Theuma, għad hemm elementi li, skont id-Difiża, ma ħarġux b’mod sħiħ fil-ġuri.

Jaelle Borg
11:10

Lura fl-awla 

Jaelle Borg
10:27

Pawża sal-11am

Jaelle Borg
10:27

Id-Difiża terġa’ tpoġġi l-proklama ta’ Melvin Theuma taħt il-lenti, u din id-darba tistaqsi x’raġuni seta’ fadallu biex jaħbi jew ibiddel il-verità.

Mercieca jargumenta li l-proklama tat lil Theuma protezzjoni fir-rigward tar-reati koperti minnha u, għalhekk, suppost ħallietu liberu biex jgħid il-verità mingħajr biża’ mill-konsegwenzi għalih innifsu.

Jagħmel kuntrast ma’ xhud bħal Keith Schembri, li ma kellux proklama u għalhekk, skont l-argument tad-Difiża, seta’ kellu interess personali x’jipproteġi.

Iżda fil-każ ta’ Theuma, Mercieca jgħid li kellu xogħol wieħed biss: “Jgħid il-verità.”

Minn hemm jistaqsi għaliex, jekk id-Difiża tgħid li Theuma nqabad jaħbi jew jigdeb fuq ċerti punti, kien qed jagħmel dan u lil min seta’ kien qed jipproteġi.

Mercieca jinsisti li żgur ma kienx qed jipproteġi lil Fenech, u jimita l-mod kif Theuma kien jirreferi għalih ripetutament bħala “Yorgen Fenech ta’ Tumas”.

Jaelle Borg
10:23

Nduru fuq ir-relazzjonijiet u l-benefiċċji li Melvin Theuma kien igawdi, bid-Difiża tikkontesta l-idea li dan kien dipendenti jew obbligat lejn Yorgen Fenech minħabba l-kwistjoni tat-taxis.

Mercieca jgħid li l-argument tal-Avukat Ġenerali — li Theuma seta’ ħassu marbut ma’ Fenech għax kellu taxi stand f’post prominenti — huwa redikolu.

Skont id-Difiża, il-persuna li verament għenet lil Theuma b’mod sostanzjali kienet l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Mercieca jsemmi l-fatt li Theuma spiċċa ngħata proklama, li allegatament kien jaf minn qabel meta kien se jiġi arrestat, u li anke waqt tfittxijiet gawda minn trattament li d-Difiża tqis bħala privileġġjat.

Il-punt tad-Difiża huwa li, jekk wieħed irid jara lil min Theuma kellu għalfejn iħossu obbligat jew protett minnu, il-ħarsa għandha tmur lejn Cutajar, mhux lejn Fenech.

Jaelle Borg
10:14

Issa nidħlu fuq il-livell ta’ prova li l-ġurati jridu japplikaw qabel jaslu għal verdett.

Id-Difiża tagħmel distinzjoni bejn possibbiltà u ċertezza morali, jiġifieri prova lil hinn minn dubju raġonevoli.

Mercieca jgħid lill-ġurati li meta jiżnu l-provi, iridu jistaqsu lilhom infushom jekk ir-rakkont tal-Prosekuzzjoni, meta jitqiegħed kontra r-raġuni u l-evidenza, iħallihomx tassew ċerti.

Jekk jibqa’ dubju wieħed raġonevoli, jgħid, dak id-dubju ma jistax jiġi injorat.

Hu jenfasizza li jekk il-ġurati mhumiex ċerti li Yorgen Fenech kien il-kompliċi, il-persuna li ordnat jew tat struzzjonijiet għall-qtil, jew li kien f’xi ftehim ma’ Melvin Theuma u l-eżekuturi, allura ma jistgħux jaslu għal ħtija.

Mercieca jisħaq li f’każ bħal dan, liberazzjoni mhix pjaċir jew favur, iżda dritt li joħroġ mill-prinċipju tad-dubju raġonevoli.

Jaelle Borg
10:10

Is-sottomissjonijiet iduru fuq l-affidabbiltà tal-istqarrija ta’ Yorgen Fenech u fuq materjal li, skont id-Difiża, qatt ma wasal quddiem il-ġurati.

Mercieca jfakkar li Fenech kien qal li meta ta l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija kien taħt l-influwenza tal-kokaina, u juża dan biex iqajjem mistoqsijiet dwar kemm dak li qal f’dak l-istat jista’ jitqies bħala rendikont affidabbli.

Id-Difiża terġa’ wkoll fuq ir-recordings li Melvin Theuma allegatament kellu ta’ Keith Schembri, u tisħaq li dawn qatt ma ġew prodotti fil-Qorti.

Mercieca jgħid li, ladarba Schembri kien qed jissemma f’intercepts u f’materjal ieħor bħala persuna li setgħet kellha rwol fil-kummissjonar tal-qtil, l-investigazzjoni kellha tfittex ħafna aktar fil-fond dwaru.

Il-punt tad-Difiża huwa li l-ġurati qed jintalbu jiżnu l-istqarrija ta’ Fenech u l-verżjoni ta’ Theuma, filwaqt li provi li setgħu jitfgħu dawl fuq Schembri ma nġabrux jew ma tressqux.

Jaelle Borg
10:06

Induru fuq il-mottiv wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Id-Difiża targumenta li, kieku l-biża’ kienet li Daphne kienet se toħroġ informazzjoni ta’ ħsara qabel l-elezzjoni, kien jagħmel aktar sens li dik l-informazzjoni toħroġ jew tiġi indirizzata qabel il-vot, meta l-impatt politiku seta’ jkun akbar.

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jattakka l-verżjoni ta’ Melvin Theuma li Yorgen Fenech ried lil Daphne mejta minħabba dak li kienet se tikteb fuqu.

Skont id-Difiża, il-qtil ma kienx biex titwaqqaf xi pubblikazzjoni futura.

“This was revenge,” jgħid Mercieca — jiġifieri, skontu, kien att ta’ vendetta.

Hu mbagħad jidħol fuq il-kronoloġija tal-bomba u jgħid li sa Jannar 2017 il-bomba kienet diġà Malta, u jiddeskrivi dan bħala “scientific fact”, mhux bħala xi ħaġa li tiddependi fuq il-verżjoni ta’ Theuma.

Minn hemm iqajjem żewġ mistoqsijiet lill-ġurati: jekk il-bomba kienet diġà Malta qabel iż-żmien meta Theuma jgħid li Fenech tah l-ordni, x’jiswa dak ir-rakkont? U, jekk il-kronoloġija ma taqbilx, għaliex Theuma daħħal lil Yorgen Fenech fin-nofs?

Jaelle Borg
09:56

Issa ddur fuq is-Servizz tas-Sigurtà ta’ Malta (MSS), bid-Difiża tfakkar li Melvin Theuma stess kien irrefera għalihom bħala “it-tfal ta’ Keith”.

Mercieca jerġa’ jġib quddiem il-ġurati episodju marbut ma’ villa kbira bajda fil-Bidnija, li ntqal li kienet ta’ Wallace Sammut. Skont id-Difiża, Sammut kien induna b’karozza suspettuża fl-inħawi.

Minn hemm toħroġ il-mistoqsija: jekk persuni oħra raw jew innutaw affarijiet suspettużi, kif l-MSS ma raw u ma semgħu xejn?

Id-Difiża tisħaq li ħafna nies fil-każ dehru li kienu jafu jew raw diversi affarijiet, iżda s-servizzi sigrieti — li Theuma kien jorbot ma’ Keith Schembri — ma ħarġux b’xejn.

Mercieca jistaqsi jekk kienx hemm xi interess biex ma jarawx jew ma jsegwux ċerti affarijiet, u jerġa’ jirritorna għall-konklużjoni li qed jibni tul l-aringa:

“Jew inkompetenti jew kompliċi.”

Skont id-Difiża, dan kollu jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha li Yorgen Fenech ma kienx il-persuna li kellha l-kontroll fuq dak li kien qed jiġri.

Jaelle Borg
09:49

Minn Kastilja għall-Imperu Ruman: Id-Difiża terġa’ lura għall-preżunzjoni tal-innoċenza

L-aringa tieħu dawra storika, hekk kif id-Difiża terġa’ tpoġġi quddiem il-ġurati l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza— din id-darba b’referenza għar-Rumani.

L-argument huwa li Yorgen Fenech, bħal kull persuna oħra, jitwieled u jidħol fl-awla preżunt innoċenti. Hija l-Prosekuzzjoni li trid tressaq biżżejjed prova biex dik il-preżunzjoni tinqaleb.

Id-Difiża tgħid li dan il-prinċipju għandu għeruq antiki: ir-Rumani, tgħid, kienu jħarsu b’disprezz lejn min jagħmel akkuża mingħajr ma jkun jista’ jsostniha bil-provi.

Il-messaġġ lill-ġurati huwa dirett:

“Jekk takkużani, ġibli l-prova.”

Skont id-Difiża, il-punt mhuwiex jekk hemmx suspetti jew narrattiva li tidher kredibbli, iżda jekk il-Prosekuzzjoni ressqitx prova biżżejjed biex tegħleb il-preżunzjoni tal-innoċenza.

Jaelle Borg
09:45

Mhux kull investigazzjoni tkun perfetta, u kultant prova tista’ tintilef jew tinqabeż b’żball. Iżda d-Difiża tgħid li f’dan il-każ il-problema kienet ferm akbar minn hekk.

L-argument huwa li kien hemm sensiela ta’ mezzi u records importanti li kienu fil-kontroll tal-investigaturi iżda xorta ma nġabrux.

Fosthom, terġa’ tissemma l-pożizzjoni ta’ Keith Schembri: persuna li kienet meqjusa importanti fl-investigazzjoni, iżda li skont id-Difiża ma nġabrux il-mobile tiegħu, il-WhatsApp chats tiegħu ma’ Adrian Vella, u lanqas apparat ieħor li seta’ kien rilevanti.

L-istess jingħad dwar il-mobile phones ta’ Johann Cremona u Kenneth Camilleri.

“Kif trid ikollok investigazzjoni ġusta jekk ma ġġiblix il-provi?” targumenta d-Difiża.

Terġa’ tissemma wkoll search f’Kastilja fejn, skont id-Difiża, Schembri deher b’mobile phone f’idu minkejja li kien qal li t-telefon tiegħu kien intilef.

Il-punt tad-Difiża huwa li, jekk investigatur jara telefon f’idejn persuna daqshekk ċentrali għall-każ, għandu jiġbru u jeżaminah.

Fuq l-istess linja, jingħad li fl-uffiċċju kien hemm power bank u mouse fuq id-desk, u għalhekk titqajjem mistoqsija oħra:

“Jekk hemm mouse fuq id-desk, fejn hu l-laptop? Fejn hu l-computer?”

L-argument jingħalaq b’kuntrast ċar: filwaqt li ċerti mezzi ma nġabrux, Yorgen Fenech ġie interrogat u eżaminat fit-tul

Jaelle Borg
09:35

Charles Mercieca jkompli jargumenta li l-investigazzjoni naqset milli tiġbor provi li setgħu jikkonfermaw jew iwaqqgħu partijiet importanti mill-verżjoni ta’ Melvin Theuma.

Hu jirreferi għal Charmaine Zammit, li skont id-Difiża kienet tkellmet ma’ Chayenne u qaltilha li kienet marret “persuna kbira” ma’ Johann Cremona. Mercieca jistaqsi għaliex l-investigaturi ma ppruvawx jidentifikaw min kienet dik il-persuna.

“Mhux Yorgen żgur,” jgħid.

Minn hemm id-Difiża terġa’ tmur fuq il-call profiles li, skont Mercieca, setgħu joffru mod oġġettiv biex jiġu vverifikati numru ta’ telefonati li Theuma qal li saru.

Mercieca jfakkar li Theuma kien qal li Yorgen Fenech ċempillu darbtejn, li hu stess ċempel lil Alfred Degiorgio, u semma telefonati oħra marbuta ma’ mumenti kruċjali fil-każ.

Il-punt tad-Difiża huwa wieħed sempliċi: jekk dawn it-telefonati kienu daqshekk importanti biex tissaħħaħ il-verżjoni ta’ Theuma, għaliex il-call profiles rilevanti ma ġewx prodotti bħala prova?

Mercieca jgħid li l-kwistjoni mhijiex biss li dawn id-dokumenti ma ġewx ippreżentati, iżda li l-Prosekuzzjoni qed titlob lill-ġurati jafdaw fil-verżjoni ta’ Theuma mingħajr ma tkun ġabet il-prova teknika li setgħet tivverifikaha.

Hu jżid li, skont id-Difiża, il-call profiles ta’ Fenech għall-2017 u l-2018 ma nġabrux.

Jaelle Borg
09:32

Charles Mercieca jkompli jattakka l-mod kif l-investigazzjoni trattat il-verżjoni ta’ Melvin Theuma, u jgħid li kieku l-investigaturi kienu tassew kunfidenti fih, kellhom ifittxu persuni li setgħu jikkonfermaw dak li kien qed jgħid.

Hu jsemmi lil Mario Degiorgio bħala eżempju, u jistaqsi għaliex ma tressaqx biex jiġi eżaminat dwar il-konversazzjonijiet li kellu ma’ Theuma.

Mercieca jgħid li l-istess japplika għal Chayenne, li jiddeskrivi bħala persuna qrib ħafna ta’ Theuma.

Skontu, dawn mhumiex dettalji marġinali iżda xhieda li setgħu jsaħħu jew idgħajfu l-verżjoni ta’ persuna li ngħatat proklama.

Hu jpoġġi l-mistoqsija b’mod dirett: jekk l-investigazzjoni kienet daqshekk ċerta minn Theuma, għaliex ma ġabitx lil dawk li tkellem magħhom biex tittestja l-kredibbiltà tiegħu?

Mercieca jerġa’ jfakkar lill-ġurati li d-Difiża m’għandhiex għalfejn tipprova l-innoċenza ta’ Fenech. Il-piż huwa fuq il-Prosekuzzjoni, u jekk il-provi ma jwasslux għal ċertezza, jgħid, ma tistax tinstab ħtija.

Jaelle Borg
09:20

Charles Mercieca jerġa’ jattakka l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni u jiffoka fuq il-fatt li, skont id-Difiża, il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia ma nġabarx.

Hu jgħid lill-ġurati li jekk il-Prosekuzzjoni qed tibni l-mottiv fuq l-idea li Yorgen Fenech ried iwaqqaf lil Daphne milli tippubblika xi ħaġa, allura kien essenzjali li jiġi stabbilit fuq xiex kienet qed taħdem fil-fatt.

Mercieca jistaqsi b’mod retoriku x’kien hemm bżonn biex dan jiġi vverifikat, u jwieġeb hu stess:

“X’għandna bżonn? Il-laptop.”

Hu jgħid li x-xhieda ta’ Matthew Caruana Galizia kienet importanti, iżda jinsisti li l-prova diretta ta’ dak li Daphne kienet qed taħdem fuqu kienet proprju l-laptop tagħha.

Jaelle Borg
09:20

L-avukat tad-Difiża Charles Mercieca jerġa’ jibda l-aringa tiegħu billi jfakkar lill-ġurati li persuna akkużata b’reat, ikun kemm ikun serju, tidħol fl-awla preżunta innoċenti.

Jgħid li hu u l-avukati tad-Difiża insistew tul il-proċess biex jinġabru l-provi kollha, għax skonthom kieku l-istampa kienet kompluta, Yorgen Fenech ma kienx ikun fuq il-bank tal-akkużati.

Mercieca mbagħad jerġa’ jattakka l-verżjoni ta’ Melvin Theuma dwar il-laqgħa barra l-Blue Elephant, li skontha Fenech kien ordnalu jsib lil xi ħadd biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia ftit ġimgħat qabel it-tħabbira tal-elezzjoni.

Id-Difiża tistaqsi għaliex, quddiem allegazzjoni daqshekk ċentrali, ħadd ma vverifika fejn kien Fenech dak iż-żmien.

Skont Mercieca, dan mhuwiex dettall sekondarju iżda punt fundamentali biex tiġi ttestjata l-verżjoni ta’ Theuma.

Jaelle Borg
09:16

Bonġu u merħba lura għall-aġġornamenti live mill-Qorti hekk kif illum ikompli l-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara li lbieraħ intemm il-kontro-eżami tiegħu mill-Prosekuzzjoni, il-ġuri issa daħal f’fażi ġdida.

L-avukat tad-Difiża Charles Mercieca beda l-aringa tiegħu quddiem il-ġurati, fejn qed jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, il-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni u r-rwol li d-Difiża tgħid li kellu Keith Schembri.

Illum mistennija tkompli din l-aringa, qabel ma d-Difiża tkompli tressaq aktar xhieda fil-jiem li ġejjin.

Qed insegwu kollox minn hawn u nwasslulkom l-iżviluppi hekk kif jiġru.

Jaelle Borg

Is-sottomissjonijiet tad-Difiża mistennija jkomplu għada.

More in Qrati u Pulizija