Matthew Caruana Galizia jallega li d-difiża ta’ Yorgen Fenech għandha “aġent” fil-lukanda tal-ġurati

Huwa qal li l-attenzjoni m’għandhiex tkun fuq Lawrence Cutajar, iżda fuq il-persuna li allegatament qed tibgħat ritratti lill-avukati tad-difiża mill-istess lukanda

Matthew Caruana Galizia allega li t-tim tad-difiża ta’ Yorgen Fenech għandu “aġent” li qed jibgħatlu ritratti mil-lukanda fejn qed joqogħdu l-ġurati fil-ġuri dwar il-qtil ta’ ommu, Daphne Caruana Galizia.

Huwa kien qed jikkummenta dwar l-aħbar li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar deher jgħum fil-pixxina tal-istess lukanda fejn jinsabu l-ġurati.

Caruana Galizia ddeskriva l-preżenza ta’ Cutajar fil-lukanda bħala “żball ovvju”, iżda qal li l-attenzjoni għandha tkun fuq il-persuna li allegatament qed tibgħat ritratti lit-tim tad-difiża ta’ Fenech minn ġewwa l-lukanda.

Matul is-seduta tat-Tnejn f’Awla 22, il-prosekuzzjoni kienet qajmet tħassib dwar ritratt li juri lil Cutajar fil-lukanda u li kien intbagħat lil membri tat-tim tad-difiża.

L-Imħallef Edwina Grima qalet li ma riditx li l-persuna li bagħtet ir-ritratt lid-difiża tiġi identifikata fil-Qorti miftuħa.

Il-Qorti ġiet assigurata li s-sigurtà tal-ġurati kienet qed tiġi mħarsa, u l-kwistjoni mbagħad ingħalqet.

More in Qrati u Pulizija