Raġel ta’ 75 sena jweġġa’ gravi wara li karozza tinqaleb f’Burmarrad

Mara ta’ 65 sena sofriet ġrieħi ħfief fl-istess inċident, li seħħ għall-ħabta tal-11am fi Triq Burmarrad

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Raġel ta’ 75 sena mill-Mellieħa weġġa’ gravi, filwaqt li mara ta’ 65 sena minn San Pawl il-Baħar sofriet ġrieħi ħfief wara inċident tat-traffiku f’Burmarrad it-Tnejn filgħodu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11am fi Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar.

Minn investigazzjonijiet preliminari tal-Pulizija rriżulta li l-mara kienet qed issuq Toyota Funcargo meta għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-vettura, bil-konsegwenza li din inqalbet fuq ġenbha.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu liż-żewġ persuni.

Huma ttieħdu b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn il-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija