Raġel ta’ 42 sena mill-Fgura wieġeb mhux ħati għal akkużi marbuta ma’ każ ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ ommu, li qalet lill-Pulizija li kienet waslet biex tibża’ tmur lura d-dar tagħha stess.
L-Ispettur Sharona Buhagiar, għall-Prosekuzzjoni, qalet fil-Qorti li l-każ beda wara li omm l-akkużat għamlet rapport dwar vjolenza domestika u spjegat lill-Pulizija li binha kellu problema bid-droga.
Il-mara, li kienet imbikkma, qalet li bdiet tibża’ tmur lura d-dar minħabba l-imġiba ta’ binha. Hija allegat li kien jitlobha ammont ta’ flus kuljum u li meta ma tagħtihx kien jaqbad ikisser l-affarijiet fid-dar.
Il-Qorti semgħet ukoll kif f’okkażjoni minnhom il-mara marret tiġbed il-pensjoni tagħha, iżda mill-bank qalulha li ma kienx fadlilha flus fil-kont. Hija mbagħad skopriet li l-pensjoni tagħha kienet inġibdet kollha.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-akkużat kien ukoll jhedded u jinsulenta lil ommu. Is-sitwazzjoni allegatament tant iggravat li l-mara spiċċat telqet mir-residenza tagħha u marret tgħix għand bintha l-oħra.
L-Ispettur Buhagiar spjegat li kien inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat, iżda meta l-Pulizija marret għalih sar magħruf li kien hemm tħassib dwar il-kundizzjoni tiegħu u li seta’ kien ta’ periklu għal ħajtu stess.
F’dak l-istadju, il-Pulizija ma arrestatux iżda ħaditu l-isptar biex jingħata assistenza medika. Huwa sussegwentement iddaħħal l-Isptar Monte Carmeli u ġie arrestat wara li nħareġ mill-isptar.
Id-Difiża kkontestat iċ-ċirkostanzi tal-arrest, u fil-Qorti qam skambju dwar jekk l-akkużat kienx diġà ġie arrestat qabel ittieħed l-isptar.
Il-Prosekuzzjoni insistiet li dan ma kienx il-każ, u sostniet li l-Pulizija kienet marret għalih iżda minflok arrestatu ħaditu l-isptar biex jingħata għajnuna medika.
F’dan il-punt, l-akkużat innifsu kkonferma din il-verżjoni.
“Le, ma kontx arrestat. Ħaduni l-isptar,” huwa qal fil-Qorti.
Avukat tad-Difiża qal ukoll li kien għadu ma kellux biżżejjed ħin biex jitkellem mal-klijent tiegħu u jistabbilixxi l-fatti kollha tal-każ.
L-akkużat, Emanuel Grech, ta’ 42 sena, residenti l-Fgura u bla xogħol, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża talbet biex Grech jgħaddi minn valutazzjoni tas-saħħa mentali waqt li jkun il-ħabs.
F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.