L-ispettur Zahra jgħid li Fenech qal li pproteġa lil Keith Schembri fir-recordings, imbagħad allega li tah sa €80,000 għall-qtil
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li Yorgen Fenech sostna li għal żmien twil evita li jsemmi lil Keith Schembri għax kien ħabib kbir tiegħu, iżda wara li ħassu tradut beda jattribwilu rwol fil-pjan u allega li Schembri ħareġ bejn €75,000 u €80,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
minn Jaelle Borg
Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li kien żamm lil Keith Schembri barra mir-recordings għal żmien twil għax kien ħabib kbir tiegħu u ried jipproteġih, iżda aktar tard beda jiżvela dettalji dwaru wara li, skontu, ħassu tradut.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati, l-Ispettur Kurt Zahra qal li Fenech allega wkoll li Schembri kien ħareġ bejn €75,000 u €80,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tahomlu f’basket tar-Reebok.
Din kienet waħda mill-aktar allegazzjonijiet b’saħħithom li ħarġu mis-seduta tal-lum, hekk kif Zahra ta ħarsa estensiva lejn l-istqarrijiet ta’ Fenech, l-investigazzjoni li wasslet għand Melvin Theuma u l-mod kif il-Pulizija kienet waslet biex torbot diversi persuni mal-assassinju.
Skont Zahra, Fenech qal li għal żmien twil kien evita li jsemmi lil Schembri meta kien qed jagħmel recordings għax ried jipproteġih. Aktar tard, iżda, qal lill-investigaturi li ħassu tradut minn Schembri u beda jagħti aktar dettalji dwar ir-rwol li kien qed jattribwilu.
Fenech allega li Schembri kien involut ukoll fi pjan preċedenti biex tinqatel Caruana Galizia. Skont il-verżjoni tiegħu, madwar sena u nofs wara li l-Labour tela’ fil-gvern fl-2013, Schembri kien ħallas €30,000 biex jibda pjan ta’ qtil, iżda dak il-pjan qatt ma seħħ.
F’parti oħra mill-istqarrija, Fenech qal li Melvin Theuma kien beda jfassal pjan ma’ tliet persuni oħra u mbagħad mar bih għand Schembri. Skont Fenech, ir-risposta ta’ Schembri kienet: “Mexxi, mexxi, mexxi.”
Fenech qal ukoll li Theuma aktar tard mar għandu u qallu li kien diġà ħallas €30,000. Skont il-verżjoni tiegħu, hu mbagħad ta lil Theuma €50,000 biex ma jħallihx jitlef il-flus li kien diġà ħareġ, filwaqt li sostna li dak iż-żmien kien qed iħossu mhedded minn Theuma.
Zahra qal li waqt l-interrogazzjonijiet Fenech mhux dejjem kien iwieġeb il-mistoqsijiet direttament u kien jipprova jmexxi l-konverżazzjoni lejn punti li ried iqajjem hu. Fenech kien akkuża lill-investigaturi li kellhom “script” mogħti lilhom minn gvern korrott dwar x’għandhom jistaqsuh.
Id-Difiża oġġezzjonat għal kif Zahra kien qed jirrakkonta l-istqarrija, u sostniet li l-ġurati għandhom jisimgħu r-recording oriġinali aktar milli verżjoni rrakkontata mill-uffiċjal li mexxa l-interrogazzjoni.
L-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li Zahra seta’ jagħti overview ta’ dak li ħareġ mill-investigazzjoni, iżda ma kellux jidħol f’interpretazzjonijiet personali tal-kliem ta’ Fenech. Il-Qorti għamlitha ċara li l-aħjar prova tibqa’ r-recording innifsu, li l-ġurati mistennija jaraw.
Is-seduta kienet bdiet b’xhieda teknika u dokumentarja.
L-ewwel xehdet Dr Roberta Bonello, li kkonfermat għadd ta’ traskrizzjonijiet li kienet għamlet fil-kumpilazzjoni, fosthom dawk marbuta ma’ Adrian Vella, Logan Woods, Kenneth Camilleri u Edgar Brincat.
Warajha xehed l-Ispettur Sean Friggieri, li qal li kien sar jaf b’Yorgen Fenech lejlet l-arrest tiegħu. Aktar tard, spjega kif investigazzjoni dwar allegati leaks kienet bdiet wara ilment kriminali mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Friggieri qal li minn materjal diġitali analizzat mill-Pulizija kienet ħarġet stampa ta’ relazzjoni mill-qrib bejn Fenech u Keith Schembri.
Ix-xhieda tiegħu, iżda, wasslet għal argument legali twil.
Id-Difiża sostniet li Friggieri ma kienx fuq il-lista tax-xhieda għall-ġuri u li kien qed jidħol f’materji li qatt ma kien xehed dwarhom fil-kumpilazzjoni. Charles Mercieca talab li Friggieri jitwaqqaf milli jkompli jixhed u li l-ġurati jinjoraw dak li kienu diġà semgħu.
Il-Prosekuzzjoni insistiet li x-xhud kien diġà magħruf fil-proċeduri u li d-dokumenti relevanti kienu esebiti skont il-liġi.
Il-Qorti eventwalment ħalliet lil Friggieri jkompli jixhed, iżda limitatu strettament għal dokumenti u punti li kien diġà xehed dwarhom. Il-ġurati ngħataw direzzjoni biex jinjoraw ix-xhieda tiegħu ta’ qabel dik id-deċiżjoni u jqisu li x-xhieda tiegħu kienet qed tibda mill-ġdid.
Aktar tard xehed l-Ispettur Kurt Zahra, li ta rakkont dettaljat tal-investigazzjoni mill-ewwel sigħat wara l-isplużjoni fil-Bidnija.
Zahra qal li wasal fuq il-post ftit wara l-qtil u ddeskriva x-xena bħala waħda li “ma jinsa qatt”.
Number plate li nstabet fuq il-post wasslet lill-Pulizija biex tikkonferma li l-vettura kienet qed tintuża minn Daphne Caruana Galizia. Matthew Caruana Galizia kien qal lill-investigaturi li ommu kienet ħarġet mid-dar, reġgħet daħlet għax kienet insiet iċ-checkbook u mbagħad reġgħet telqet ftit qabel l-isplużjoni.
Minn door-to-door enquiries, il-Pulizija identifikat lil Frans Sant, li qal li kien ra żewġ splużjonijiet hekk kif il-vettura kienet għaddejja.
L-investigazzjoni mbagħad bdiet tiffoka fuq il-possibbiltà li l-movimenti ta’ Caruana Galizia kienu qed jiġu osservati fil-jiem ta’ qabel.
Minn post b’veduta lejn ir-residenza tagħha ġiet elevata loqma ta’ sigarett. Aktar tard, id-DNA fuqha instab jaqbel ma’ Vincent Muscat.
Timijiet tal-FBI u tal-Europol daħlu wkoll fl-investigazzjoni. Skont Zahra, l-esperti stabbilew li l-bomba kienet tqiegħdet taħt is-seat tax-xufier u ġiet detonata permezz ta’ apparat SIM900.
Tliet burner phones ġew identifikati u l-attività tagħhom wasslet lill-investigaturi lejn il-Potato Shed fil-Marsa. Mudelli tat-telefonija mbagħad ġew marbuta ma’ George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
Il-mobile li ntuża biex jintbagħat il-messaġġ li attiva l-bomba kien qabad ma’ cell tower fiż-żona tal-Port il-Kbir, fejn CCTV kien qabad dgħajsa bl-isem Maya.
Bil-kombinazzjoni tad-DNA, il-movimenti tat-telefoni u evidenza oħra, il-Pulizija talbet mandati ta’ arrest u f’Diċembru sar ir-raid fil-Potato Shed li wassal għall-arrest tat-tliet irġiel.
Zahra qal li waqt l-interrogazzjonijiet l-investigaturi sfidaw lit-tliet suspettati bl-evidenza li kellhom, fosthom ritratti tad-dgħajsa u l-burner phones. Staqsewhom ukoll jekk kinux tqabbdu minn xi ħadd u kemm kienu tħallsu, għax il-Pulizija kienet għadha ma sabitx motiv għaliex huma kellhom joqtlu lil Caruana Galizia.
Ħadd minnhom ma ried iwieġeb.
Aktar tard l-investigazzjoni daħlet fit-tieni fażi.
Telefonati mill-ħabs bejn l-aħwa Degiorgio u ħuhom Mario wasslu lill-Pulizija biex tidentifika persuna oħra ta’ interess. Wara sorveljanza u interċetti, dik il-persuna ġiet identifikata bħala Melvin Theuma.
L-investigaturi bdew jissuspettaw li Theuma kien qed jirrekordja lil Yorgen Fenech, iżda għal xi żmien ma kinux jafu x’kien hemm f’dawk ir-recordings.
Zahra qal li kien hemm dibattitu dwar jekk Theuma għandux jiġi arrestat minnufih jew jekk l-investigazzjoni għandhiex titħalla tiżviluppa aktar, biex il-Pulizija ma tikxifx idejha prematurament.
Fl-istess waqt, Theuma kien qed jiġi investigat separatament fuq lottu klandestin u money laundering.
Meta ġie arrestat, il-Pulizija sabet il-kaxxa tal-ġelat li aktar tard saret kruċjali għall-każ. Ġo fiha kien hemm dokumenti, recordings, devices, messaġġi lil kuntatt imniżżel bħala “Yorgen” u r-ritratt ta’ Theuma ma’ Keith Schembri f’Kastilja.
Theuma mbagħad wera li kien lest jitkellem dwar il-qtil u l-avukati tiegħu talbu proklama.
Zahra qal li l-proċess ma kienx wieħed fejn il-maħfra tingħata minn qabel. Theuma kellu l-ewwel jagħti lill-investigaturi l-verżjoni sħiħa tiegħu, fosthom min qabbdu, kemm tħallas u kif kien seħħ il-pjan.
Saru sitt sessjonijiet ma’ Theuma.
Skont Zahra, fl-ewwel tnejn Theuma beda jirrakkonta l-każ qabel ma l-investigaturi kienu għadhom semgħu r-recordings tiegħu.
Theuma qal li fil-bidu tal-2017, madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali, Yorgen Fenech kien talbu jkellem lil George Degiorgio biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Theuma qal li hu kien mar għand Alfred Degiorgio, li kien jafu aħjar, u li l-prezz għall-qtil kien ta’ €150,000.
Skont Zahra, Theuma qal ukoll li l-għada li sar il-ftehim mar Kastilja, fejn ingħata impjieg imħallas li ma kellux għalfejn jattendi għalih, u hemmhekk iltaqa’ ma’ Keith Schembri u ttieħed ir-ritratt magħruf tagħhom flimkien.
Theuma qal li l-pjan waqaf temporanjament minħabba l-elezzjoni u reġa’ beda wara r-rebħa Laburista.
Skont il-verżjoni tiegħu, Fenech kien jagħfsu biex il-pjan jitħaffef u ried li l-bomba tkun b’saħħitha biżżejjed biex ma jiġrix bħalma kien ġara fil-każ ta’ Romeo Bone.
Theuma qal ukoll li Fenech kien jagħtih informazzjoni dwar il-movimenti ta’ Daphne biex tgħin fis-sorveljanza tagħha.
Aktar tard, Theuma qal li beda jirrekordja lil Fenech għax kien jibża’ għal ħajtu u kien jemmen li Fenech seta’ joqtlu.
Fost il-materjal fil-kaxxa tal-ġelat kien hemm ukoll chats fuq Signal tal-ġurnata ta’ qabel l-arrest ta’ Theuma, fejn hu talab lil Fenech ibiddel id-data tal-arrest u jkellem lil “ta’ Ħal Luqa”, li Theuma identifika bħala referenza għall-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Zahra qal li fil-25 ta’ Novembru Theuma ngħata uffiċjalment il-proklama wara li l-verżjoni tiegħu qablet mal-investigazzjoni tal-Pulizija.
Fl-istess perjodu, l-investigazzjoni mxiet ukoll fuq Adrian Vella u Keith Schembri.
Skont Zahra, Vella qal lill-Pulizija li Schembri kien tah script biex iwasslu lil Fenech fil-penthouse tiegħu f’Portomaso.
Vella semma wkoll chat fejn, skontu, Schembri kien qal lil Fenech li l-Pulizija ma kinitx se tarrestah. Minn hemm, l-investigaturi komplew ifittxu l-messaġġ u qiesu li kellhom biżżejjed evidenza biex jarrestaw lil Schembri.
Schembri ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru 2019. Zahra reġa’ rrimarka li l-mobile personali tiegħu qatt ma nstab.
Skont Zahra, Vella ta tliet stqarrijiet f’Novembru 2019 u oħra f’Diċembru tal-istess sena.
Fenech, min-naħa tiegħu, qal lill-Pulizija li Schembri u Adrian Vella kienu riedu jgħinuh jaħrab sakemm isib tim ta’ avukati.
Vella ċaħad li għen lil Fenech jaħrab u qal li kien Franco Fenech li l-ewwel semma private jets lejn il-Messiku.
Skont Vella, huwa ra wkoll lil Fenech jaqta’ partijiet mill-allegat script b’biro waqt li kien qed jgħid li xeba’ min-nies “jindottrinawh” u li jekk kien se jaqa’ hu, Schembri kien se jaqa’ miegħu.
Il-ġurati mistennija jaraw ir-recording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech hekk kif il-ġuri jkompli.

Aktar tard fl-istqarrija, Fenech qal li għal żmien twil kien evita li jsemmi lil Schembri għax kien ħabib kbir tiegħu u ried jipproteġih. Iżda, skont Zahra, wara qal li ħassu tradut minn Schembri u beda jagħti aktar dettalji dwaru.
Fost dawn, Fenech allega li Schembri ħareġ bejn €75,000 u €80,000 għall-qtil u tahomlu f’basket tar-Reebok.
Zahra jgħid ukoll li waqt l-interrogazzjonijiet Fenech ma kienx dejjem iwieġeb direttament, iżda kien jipprova jmexxi d-diskors fuq dak li ried iqajjem hu. Huwa akkuża lill-Istat li kien korrott u lill-Pulizija li kellha “script” dwar x’għandha tistaqsih.
Matul l-istqarrijiet tiegħu, Fenech kien assistit mill-avukati tiegħu.
Il-Qorti tgħid li għada l-ġurati se jkunu jistgħu jaraw ir-recording awdjoviżiv tal-interrogazzjoni ta’ Yorgen Fenech.
Sadanittant, l-Ispettur Kurt Zahra ikompli jagħti stampa ġenerali ta’ dak li Fenech qal lill-investigaturi.
Skont Zahra, Fenech sostna li Melvin Theuma kien fassal il-pjan tal-qtil flimkien ma’ tliet persuni oħra u mbagħad qal bih lil Keith Schembri. Fenech qal li Schembri wieġeb: “Mexxu, mexxu, mexxu.”
Fenech sostna wkoll li aktar tard Theuma qallu li kien diġà ħallas €30,000. Hu qal li eventwalment ta lil Theuma €50,000, mhux biex jiffinanzja l-qtil, iżda għax ma riedx li Theuma jitlef il-flus tiegħu. Fl-istess ħin, qal li kien iħossu mhedded minn Theuma.
Skont il-verżjoni ta’ Fenech, Schembri kien ukoll ħallas €30,000 għal pjan preċedenti biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, madwar sena u nofs wara li l-Partit Laburista tela’ fil-gvern fl-2013. Dak il-pjan, qal Fenech, qatt ma twettaq.
Zahra jfakkar ukoll li l-avukati ta’ Fenech kienu ressqu talba ta’ habeas corpus biex jikkontestaw il-legalità tal-arrest tiegħu, iżda dik it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti.
Id-Difiża tqajjem punt legali dwar il-mod kif l-Ispettur Kurt Zahra qed jirrakkonta l-istqarrija ta’ Yorgen Fenech.
L-argument tad-Difiża huwa li l-ġurati għandhom jisimgħu r-recording tal-istqarrija nnifisha, aktar milli jingħataw verżjoni magħżula jew imqassra minn wieħed mill-uffiċjali li mexxew l-interrogazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni tirribatti li Zahra għandu dritt jispjega x’ħareġ mill-investigazzjoni tiegħu, inkluż dak li qal l-akkużat fl-istqarrijiet.
L-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li Zahra jista’ jagħti ħarsa ġenerali lejn dak li rriżulta mill-investigazzjoni, iżda ma għandux jidħol f’interpretazzjonijiet personali ta’ dak li qal Fenech.
Il-Qorti tisħaq li, fejn tidħol l-istqarrija, l-aħjar prova tibqa’ r-recording innifsu.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li waqt l-istqarrija tiegħu, Yorgen Fenech spiss ma kienx iwieġeb direttament il-mistoqsijiet tal-Pulizija u minflok kien jipprova jdawwar il-konverżazzjoni fuq punti li ried iqajjem hu.
Zahra jgħid li Fenech akkuża lill-investigaturi li kienu qed jaħdmu fuq “script” mogħti lilhom minn gvern korrott. Għall-Pulizija, jgħid Zahra, kien importanti li l-interrogazzjoni ma titħalliex tiġi mmexxija minn Fenech u li l-mistoqsijiet jibqgħu ffukati fuq l-assassinju.
Fil-verżjoni tiegħu, Fenech sostna li l-pjan kien beda minn Keith Schembri.
Huwa rrefera għal okkażjoni fir-ranch fejn kienu flimkien hu, Melvin Theuma u Schembri, u fejn id-diskors dar fuq Daphne Caruana Galizia, il-kitbiet tagħha u l-kundizzjoni ta’ saħħa ta’ Schembri.
Fenech sostna wkoll li f’okkażjoni oħra, meta Theuma kien qed iwassal lil Schembri d-dar, Schembri allegatament qal kliem fis-sens ta’ “neħilsu minnha malajr” u mbagħad irrefera lil Theuma għal tliet persuni li kien jaf.
Il-Prosekutur Anthony Vella jerġa’ jdawwar ix-xhieda fuq it-tfittxija li saret fid-dar ta’ Keith Schembri, u b’mod partikolari fuq dak li kienet xehdet l-uffiċjal tas-SOCO Michelle Camilleri.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li filgħodu, qabel ma ttieħdu r-ritratti tal-oġġetti elevati, ma kienx hemm mobile jidher fost l-apparat.
Jispjega li aktar tard, meta l-uffiċjali tas-SOCO reġgħu marru fir-residenza, ġew elevati wkoll devices ta’ membri oħra tal-familja li ma kinux ittieħdu waqt l-ewwel tfittxija ta’ filgħodu.
Ix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra iddur fuq l-istqarrijiet ta’ Yorgen Fenech u fuq l-allegat script li, skont il-verżjoni mogħtija lill-Pulizija, Keith Schembri bagħatlu permezz tat-tabib Adrian Vella.
Skont dak li ntqal fl-istqarrijiet, il-karti li Vella ħa fil-penthouse ta’ Portomaso kienu jinkludu żewġ verżjonijiet: waħda b’tipa żgħira, li kienet tittratta l-arrest ta’ Fenech, u oħra b’tipa kbira dwar il-police bail tiegħu.
Fenech qal lill-investigaturi li fil-15 ta’ Novembru ittieħed Għawdex u sostna li l-idea kienet ta’ Schembri u Vella, biex jgħinuh jaħrab sakemm isib tim ta’ avukati.
Qal ukoll li ngħata mobile mingħajr SIM card, b’Signal biss installat fuqu.
Vella, min-naħa tiegħu, ċaħad li qatt għen lil Fenech jaħrab. Huwa qal lill-Pulizija li kien Franco Fenech, ħu Yorgen, li l-ewwel semma l-idea ta’ private jets lejn il-Messiku.
Skont Vella, huwa ra wkoll lil Fenech jaqta’ partijiet mill-allegat script b’biro, waqt li kien qed igerger li xeba’ min-nies “jindottrinawh” u li jekk kien se jaqa’ hu, Schembri kien se jaqa’ miegħu.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li, wara l-investigazzjoni fuq il-messaġġi bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri, il-Pulizija qieset li kellha biżżejjed evidenza biex tipproċedi bl-arrest ta’ Schembri.
Zahra jispjega li r-residenza tiegħu ma kinitx faċli biex tinstab u l-Pulizija kellha tingħata direzzjoni dwar fejn kienet. Schembri ġie arrestat kmieni filgħodu tas-26 ta’ Novembru 2019.
Waqt it-tfittxija fid-dar kienu preżenti Schembri, martu u waħda minn uliedu. Il-Pulizija ġabret diversi devices, inklużi xi apparati li kienu jintużaw mit-tfal tiegħu.
Zahra jerġa’ jisħaq li l-mobile personali ta’ Keith Schembri qatt ma nstab.
Jgħid ukoll li Schembri kien talab lill-Pulizija biex ma tiħux laptop partikolari għax bintu kienet qed taħdem fuqu għal assignment, iżda l-investigaturi xorta waħda elevawh bħala parti mit-tfittxija.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li, skont dak li kien ġie rrappurtat lill-Pulizija, it-tabib Adrian Vella kien wassal lil Yorgen Fenech mazz karti b’script ta’ dak li kellu jgħid.
Skont ix-xhieda ta’ Zahra, l-avukati ta’ Fenech kienu indikaw li dak l-script kien ġej mingħand Keith Schembri.
Zahra jgħid li Vella beda jiġi mistoqsi dwar il-każ fis-26 ta’ Novembru. Għalkemm inżamm id-Depot, f’dak l-istadju ma kienx ġie interrogat formalment, filwaqt li l-Pulizija kompliet tinvestiga.
Matul dan il-proċess, Vella semma chat bejn Fenech u Schembri li fiha, skont it-tabib, Schembri kien qal lil Fenech li l-Pulizija ma kinitx se tarrestah.
Zahra jgħid li l-investigaturi mbagħad bdew ifittxu jekk dan il-messaġġ setax jiġi rintraċċat fl-evidenza diġitali.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fil-25 ta’ Novembru Melvin Theuma ngħata uffiċjalment il-proklama, wara li l-Pulizija qieset li r-rakkont tiegħu kien jaqbel mal-evidenza u mal-investigazzjoni li kienet diġà nġabret.
Fl-istess ġurnata, l-investigaturi saru jafu b’żvilupp ieħor: lejlet, fl-24 ta’ Novembru, it-tabib Adrian Vella kien mar fil-penthouse ta’ Yorgen Fenech f’Portomaso b’għadd ta’ karti, fosthom dokumenti miktuba b’fonts differenti.
Skont Zahra, Vella qal lill-Pulizija li Keith Schembri kien tah script biex jgħaddih lil Fenech.
Vella ġie arrestat l-għada, fis-26 ta’ Novembru. Zahra jgħid li meta l-Pulizija marret id-dar tiegħu, Vella ma fetaħx il-bieb, u eventwalment kellhom jikkuntattjaw lil bintu biex tidħol.
Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Vella tkellem dwar chats u messaġġi bejn Fenech u Schembri.
Skont il-verżjoni li Vella ta lill-Pulizija, Schembri kien qal li Fenech ma kienx se jiġi arrestat.
Minn hemm, jgħid Zahra, l-investigazzjoni fuq Keith Schembri kompliet
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fost il-materjal fil-kaxxa tal-ġelat kien hemm ukoll chats fuq Signal bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, datati 13 ta’ Novembru, jiġifieri l-ġurnata ta’ qabel l-arrest ta’ Theuma.
F’dawk il-messaġġi, Theuma jidher jistaqsi lil Fenech biex ibiddel id-data tal-arrest tiegħu.
Jitolbu wkoll biex ikellem lil dak li jirreferi għalih bħala “ta’ Ħal Luqa”, riferiment li Theuma kien qal lill-investigaturi li kien għall-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, Lawrence Cutajar.
L-Ispettur Kurt Zahra ikompli jispjega dak li Melvin Theuma kien qal lill-investigaturi waqt is-sessjonijiet marbuta mat-talba tiegħu għall-proklama.
Theuma kien irrakkonta li l-għada tal-qtil mar Portomaso, u f’okkażjoni oħra ltaqa’ ma’ Vincent Muscat, il-Koħħu, li mar jiġbor il-bqija tal-flus. F’dik il-laqgħa, skont Theuma, Alfred Degiorgio talab €5,000 oħra.
Zahra jgħid ukoll li Theuma sostna li Yorgen Fenech sar jaf li l-Pulizija kienet taf bil-messaġġ li ntuża biex tiġi detonata l-bomba, u Theuma mbagħad għadda din l-informazzjoni lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs.
F’dak l-istadju tal-investigazzjoni, jgħid Zahra, kien qed jitħejja wkoll pjan biex Fenech jiġi arrestat fil-lejl tal-4 ta’ Diċembru 2019.
Ix-xhieda mbagħad iddur fuq l-istat ta’ Theuma f’dak il-perjodu. Zahra jgħid li kien suwiċidali u mbeżża’ għal ħajtu, u li kien jemmen li Fenech seta’ joqtlu.
Kien għalhekk, skont il-verżjoni tiegħu, li Theuma beda jirrekordja l-konversazzjonijiet ma’ Fenech bħala forma ta’ protezzjoni għalih innifsu.
Aktar ma komplew is-sessjonijiet mal-Pulizija, aktar Theuma beda jidħol fid-dettall dwar dak li kien hemm fir-recordings.
Theuma kien qal ukoll lill-investigaturi li Kenneth Camilleri kien tah x’jifhem li l-aħwa Degiorgio kienu se jingħataw il-bail. Dwar Keith Schembri, Theuma qal li kien beda jsemmih għax Camilleri kien avviċinah.
Zahra jżid li Theuma sostna li Fenech sar jaf li Vincent Muscat kien tkellem ma’ Keith Arnaud fi żmien jumejn biss, u li Theuma mbagħad wassal dik l-informazzjoni lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li, fil-verżjoni li ta lill-investigaturi, Melvin Theuma sostna li Yorgen Fenech kien jagħtih dettalji dwar il-movimenti ta’ Daphne Caruana Galizia, biex dawn jgħaddu għand dawk li kienu qed isegwuha.
Zahra jirrakkonta wkoll kif Theuma qal li Alfred Degiorgio kien tah burner phone apposta biex ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom.
Skont Theuma, dak il-mobile intuża darbtejn biss. Darba minnhom kien waqt vjaġġ f’Disneyland, meta ibnu ċempel lil Degiorgio bi żball.
It-tieni darba kienet meta Alfred Degiorgio ċempillu biex imur jiltaqa’ miegħu f’viewpoint fil-Bidnija.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li, skont dak li Melvin Theuma rrakkonta lill-Pulizija, il-pjan għall-qtil kien waqaf temporanjament minħabba l-elezzjoni ġenerali.
Wara r-rebħa tal-Partit Laburista, Theuma qal li Yorgen Fenech reġa’ tah il-go-ahead biex il-pjan jitkompla.
Zahra jgħid li Theuma rrakkonta kif reġa’ ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio u qallu: “Mexxu, Fred.”
Fix-xhieda jissemma wkoll li Fenech kien lagħab flus fuq ir-riżultat tal-elezzjoni.
Skont Zahra, Theuma qal ukoll li Fenech kien jagħfsu biex iħaffef il-proċess u ried ikun ċert li l-bomba tkun b’saħħitha biżżejjed, biex ma jiġrix każ simili għal dak ta’ Romeo Bone, li kien baqa’ ħaj wara l-bomba fil-karrozza
L-Ispettur Kurt Zahra ikompli jirrakkonta dak li Melvin Theuma kien qal lill-investigaturi fl-ewwel sessjonijiet tiegħu mal-Pulizija.
Skont Zahra, Theuma qal li l-għada li kien ftiehem fuq il-prezz tal-qtil, mar Kastilja fejn ingħata impjieg li kien se jitħallas għalih minkejja li ma kellux għalfejn imur għax-xogħol.
F’dik iż-żjara, Theuma qal li ltaqa’ ma’ Keith Schembri u ttieħed ukoll ir-ritratt li aktar tard sar wieħed mill-elementi magħrufa tal-każ.
Theuma kien spjega lill-investigaturi li lil Schembri kien iltaqa’ miegħu darbtejn biss: l-ewwel darba fir-ranch ta’ Yorgen Fenech f’Ħaż-Żebbuġ, u t-tieni darba waqt din iż-żjara f’Kastilja.
Pawża sal-4:15ppm
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li wara li Melvin Theuma wera li kien lest jitkellem dwar il-qtil, l-avukati tiegħu talbu li jingħata proklama.
Zahra jispjega li l-proċess ma kienx wieħed fejn il-maħfra tingħata minn qabel. L-ewwel, Theuma kellu jagħti lill-investigaturi l-verżjoni tiegħu u jikxef dak kollu li kien jaf — fosthom min qabbdu, kemm tħallas u kif seħħ il-pjan — biex imbagħad jiġi evalwat jekk kienx jistħoqqlu proklama.
F’Novembru saru sitt sessjonijiet ma’ Theuma.
Zahra jgħid li, sa fejn jiftakar, fl-ewwel żewġ sessjonijiet Theuma beda jirrakkonta l-każ mingħajr ma l-investigaturi kienu għadhom semgħulu r-recordings.
Skont dik il-verżjoni, Theuma qal li fil-bidu tal-2017, madwar tliet ġimgħat qabel issejħet l-elezzjoni ġenerali, Yorgen Fenech kien avviċinah u talbu jkellem lil George Degiorgio, iċ-Ċiniż, biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Theuma qal li minflok mar għand Alfred Degiorgio, li kien jafu aħjar, u ltaqa’ miegħu l-Busy Bee.
Hemmhekk, skont ix-xhieda li Zahra qed jirrakkonta, Theuma qallu li kien hemm xi ħadd li ried lil Daphne maqtula.
Il-prezz li Alfred Degiorgio semma kien ta’ €150,000.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li l-kaxxa tal-ġelat infetħet fl-interrogation room, fil-preżenza tal-Maġistrat, tal-avukati ta’ Melvin Theuma u ta’ Keith Arnaud. Il-proċess ġie wkoll iffilmjat minn Charlot Casha.
Ġol-kaxxa, jgħid Zahra, kien hemm diversi karti, pendrives, mobile etc. Fosthom instabu karti irrumblati li kien juri ritratt ta’ mobile b’messaġġi indirizzati lil kuntatt imniżżel bħala “Yorgen”.
Instab ukoll ritratt ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembri f’Kastilja, kif ukoll diversi devices elettroniċi.
Dawn l-apparati għaddew għand uffiċjali tal-Europol, li kienu ġew maħtura bħala esperti tal-Qorti fl-inkjesta.
Zahra jgħid li d-data estratta minnhom kienet qed tintuża kemm fl-investigazzjoni dwar money laundering kif ukoll f’dik dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Ispettur jgħid li fl-14 ta’ Novembru 2018 ġew arrestati Melvin Theuma u xi membri tal-familja tiegħu b’rabta mal-investigazzjoni dwar money laundering.
Waqt l-arrest, il-Pulizija sabet il-kaxxa tal-ġelat li aktar tard saret ċentrali għall-investigazzjoni.
Skont Zahra, meta Theuma ġie avviċinat mill-Pulizija qal li kien lest jiftaħ il-kaxxa biss fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-avukati tiegħu.
Zahra jispjega wkoll li l-inkjesta dwar il-money laundering kienet qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fl-14 ta’ Novembru 2018 ġew arrestati Melvin Theuma u xi membri tal-familja tiegħu b’rabta mal-investigazzjoni dwar money laundering.
Waqt l-arrest, il-Pulizija sabet il-kaxxa tal-ġelat li aktar tard saret ċentrali għall-investigazzjoni.
Skont Zahra, meta Theuma ġie avviċinat mill-Pulizija qal li kien lest jiftaħ il-kaxxa biss fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-avukati tiegħu.
Zahra jispjega wkoll li l-inkjesta dwar il-money laundering kienet qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Zahra jgħid li mill-interċetti l-Pulizija saret taf li Melvin Theuma kien qed jgħaddi €100 lil kull wieħed minn Vincent Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio.
Jispjega li aktar tard il-ħlasijiet lil Vincent Muscat waqfu, filwaqt li dawk lil George u Alfred Degiorgio komplew.
F’dak l-istadju, jgħid Zahra, ittieħdet deċiżjoni biex Theuma ma jiġix arrestat mill-investigaturi tal-omiċidju, sabiex ma tiġix kompromessa l-investigazzjoni li kienet għadha għaddejja.
Fl-istess waqt, iżda, Theuma kien qed jiġi investigat separatament dwar lotto klandestin u money laundering.
Dik l-investigazzjoni kienet qed titmexxa mill-Economic Crimes Unit, taħt l-Ispettur Nicholas Vella u b’kollaborazzjoni mal-Europol.
Zahra jgħid li kien proprju f’dak il-kuntest li ġiet stabbilita data għall-arrest ta’ Theuma, marbuta mal-investigazzjoni dwar money laundering.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li, wara li Melvin Theuma sar persuna ta’ interess, il-Pulizija bdiet issegwi l-movimenti u l-komunikazzjonijiet tiegħu.
Skont Zahra, Keith Arnaud kien infurmah li Theuma kellu diżgwid ma’ persuna u li kien beda jagħmel recordings. Dan beda joħroġ minn konversazzjonijiet li Theuma kellu ma’ diversi nies.
Fl-interċetti beda jissemma wkoll Yorgen Fenech tat-Tumas Group, u mill-kuntest tal-konversazzjonijiet l-investigaturi bdew jissuspettaw li Theuma kien qed jirrekordja lil Fenech.
Il-problema, jgħid Zahra, kienet li l-Pulizija ma kinitx taf x’kien hemm f’dawk ir-recordings.
Dan ħoloq dilemma investigattiva: kien hemm min kien favur li Theuma jiġi arrestat biex il-Pulizija tkun tista’ taċċessa u tisma’ r-recordings, iżda oħrajn riedu jagħtu aktar żmien lill-investigazzjoni biex jaraw fejn kienet se twassal.
Zahra jispjega li l-biża’ kienet li arrest prematur, jekk ir-recordings ma jwasslu għal xejn, kien jikxef lill-investigaturi u jħassar ix-xogħol li kien qed isir bil-moħbi.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fit-tieni fażi tal-investigazzjoni, il-Pulizija bdiet tanalizza telefonati li kienu qed jagħmlu l-aħwa Degiorgio mill-ħabs ma’ ħuhom Mario Degiorgio.
F’dawn it-telefonati, l-aħwa kienu jistaqsuh jekk kienx iltaqa’ ma’ persuna li kienu jirreferu għaliha biss bħala “dak”. F’dak l-istadju, jgħid Zahra, il-Pulizija kienet għadha ma tafx min kienet din il-persuna.
F’telefonata oħra, Mario jgħid lil George biex l-għada jgħid lil Alfred iċempel għall-ħabta tal-9.45am.
Meta saret it-telefonata, instema’ leħen ta’ persuna li l-investigaturi ma kinux jafu min kienet, li bdiet tkellem lil Alfred Degiorgio u tagħtih kliem ta’ kuraġġ.
Dan wassal biex dik il-persuna ssir ta’ interess għall-investigaturi.
Zahra jgħid li, fl-istess perjodu, f’April 2018, Vincent Muscat, il-Koħħu, kien beda jitkellem ma’ Keith Arnaud dwar il-każ u jagħtih l-informazzjoni li kellu. Madankollu, parti minn dak li kien qed jgħid Muscat kienet ibbażata fuq dak li kien sema’ mingħand ħaddieħor.
Il-Pulizija għalhekk bdiet tagħmel sorveljanza fuq il-persuna li kienet qed tikkomunika mal-aħwa Degiorgio.
Dik il-persuna, jgħid Zahra, eventwalment ġiet identifikata bħala Melvin Theuma.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kienet żviluppat f’fażijiet differenti.
Jispjega li dak li rrakkonta s’issa kien jifforma parti mill-ewwel fażi, jiġifieri l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest ta’ George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
It-tieni fażi, jgħid Zahra, bdiet aktar tard u għal madwar l-ewwel sentejn hu ma kienx involut direttament fiha.
F’dak l-istadju saret talba biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali oħra, peress li l-inkjesta oriġinali kienet għalqet meta tressqu persuni l-Qorti.
Zahra jgħid li Vincent Muscat kien irrifjuta li jagħti kampjun tad-DNA.
Fl-istess ħin, l-investigazzjoni fuq il-vettura li kien indika Wallace Sammut wasslet lill-Pulizija biex torbotha ma’ Alfred Degiorgio.
Waqt l-interrogazzjonijiet, Keith Arnaud beda jikkonfronta lit-tliet suspettati bl-evidenza li kienet inġabret sa dak il-punt, fostha ritratti tad-dgħajsa li dehret dakinhar tal-qtil u l-burner phones.
Zahra jgħid li l-investigaturi staqsewhom ukoll jekk kinux tqabbdu minn xi ħadd u kemm kienu tħallsu.
Ir-raġuni kienet waħda ċara: il-Pulizija kienet għadha ma sabitx motiv għaliex dawn it-tliet irġiel kellhom joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.
Minkejja l-mistoqsijiet, Zahra jgħid li ħadd minnhom ma ried iwieġeb. Jiftakar ukoll li wieħed minnhom lanqas ried jagħti d-dettalji personali tiegħu lill-investigaturi.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li t-tliet burner phones identifikati fl-investigazzjoni kienu bdew jintużaw mis-17 ta’ Mejju 2017, dehru fiż-żona tal-Bidnija minn Awwissu u baqgħu attivi sal-jum tal-qtil.
Jispjega li s-SIM card marbuta mal-apparat li attiva l-bomba ddaħħlet fil-lejl ta’ qabel l-isplużjoni.
Mill-analiżi tat-telefonija, jgħid Zahra, l-attività tat-tliet mobiles bdiet twassal lill-investigaturi lejn il-Potato Shed fil-Marsa, post li l-Pulizija kienet diġà tqis ta’ interess minħabba persuni magħrufa magħha li kienu jiffrekwentawh.
L-investigaturi identifikaw pattern marbut ma’ tliet persuni li aktar tard ġew identifikati bħala George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.
Zahra jgħid ukoll li l-mobile li minnu ntbagħat il-messaġġ li attiva l-bomba kien qabad ma’ cell tower fiż-żona tal-Port il-Kbir, qrib il-Barrakka.
Minn CCTV miġbur mill-Pulizija, jgħid, fil-ħin rilevanti dehret fuq il-baħar dgħajsa bl-isem Maya.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li waslu Malta wkoll esperti tal-Europol, li analizzaw kemm ix-xena tad-delitt kif ukoll il-mod kif seħħet l-isplużjoni.
Skont Zahra, mill-analiżi rriżulta li l-bomba kienet tqiegħdet taħt is-seat tax-xufier.
L-esperti identifikaw ukoll apparat magħruf bħala SIM900, li kien jaħdem permezz ta’ SIM card u li ntuża biex jiġi attivat l-isplussiv. Zahra jgħid li l-esperti rnexxielhom jiddeċifraw il-messaġġ li wassal għad-detonazzjoni.
L-investigazzjoni wasslet ukoll għall-identifikazzjoni ta’ tliet burner phones.
Dawn, skont Zahra, ġew attivati fis-17 ta’ Mejju 2017, bdew jidhru fiż-żona tal-Bidnija minn Awwissu 2017, u l-aħħar darba li ntużaw kienet fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-jum tal-qtil.
L-Ispettur jgħid li fis-17 ta’ Ottubru, flimkien ma’ Keith Arnaud u l-Maġistrat inkwerenti, mar fir-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia biex jitkellmu mal-familja u jiksbu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni.
Minn hemm ġew elevati laptop antik u diversi pendrives.
L-għada, fit-18 ta’ Ottubru, waslu Malta membri tal-FBI biex jassistu fl-investigazzjoni.
Zahra jgħid li l-investigaturi Maltin urewhom iż-żona fejn kienet instabet il-loqma tas-sigarett, kif ukoll diversi cell towers, u spjegawlhom kif kienet taħdem is-sistema tat-telefonija f’Malta.
Minn dak il-punt, jgħid Zahra, hu u Arnaud qasmu x-xogħol bejniethom. Arnaud baqa’ jikkoordina mill-qrib mal-esperti barranin, filwaqt li Zahra kompla jiġbor informazzjoni u jsegwi aspetti oħra tal-investigazzjoni, inkluż xogħol marbut max-xena tad-delitt.
Jisħaq, madankollu, li t-tnejn baqgħu jikkoordinaw kontinwament bejniethom.
Zahra jgħid li l-investigazzjoni bdiet tiffoka wkoll fuq punti minn fejn seta’ kien qed jiġi osservat il-moviment ta’ Daphne Caruana Galizia fil-jiem ta’ qabel il-qtil.
Minn aktar stħarriġ ġie identifikat Wallace Sammut, li qal lill-Pulizija li kien innota vettura fl-inħawi fil-jiem ta’ qabel, iżda mingħajr ħadd fiha.
L-investigaturi għalhekk għamlu spezzjoni aktar bir-reqqa tal-madwar u identifikaw post ħdejn siġra tal-ħarrub u kantun, minn fejn kienet tidher sew ir-residenza ta’ Caruana Galizia u ż-żona ta’ madwarha.
Minn dak il-post ġiet elevata loqma ta’ sigarett.
Zahra jgħid li l-vettura msemmija minn Sammut kienet ukoll ta’ interess għall-investigazzjoni, fost oħrajn għax id-dettalji li ngħataw wasslu lill-Pulizija biex tifhem li setgħet kienet vettura tal-leasing.
Jgħid ukoll li kien ġie infurmat li kien se jasal Malta tim forensiku mill-Olanda biex jgħin fl-investigazzjoni.
L-għada tal-qtil, fis-17 ta’ Ottubru 2017, membri mit-tim tiegħu marru ma’ Matthew Caruana Galizia biex jirrikostruwixxu l-movimenti tal-karozza fil-ġurnata ta’ qabel u jfittxu CCTV jew materjal ieħor ta’ interess.
Fost il-postijiet li ġew identifikati kien hemm Palazzo Parisio u Exiles, qabel il-karozza kienet spiċċat ipparkjata quddiem il-gate tar-residenza ta’ Daphne.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li bagħat żewġ uffiċjali jagħmlu door-to-door enquiries mal-ġirien u residenti tal-inħawi, biex jaraw jekk xi ħadd kienx ra jew sema’ xi ħaġa mhux tas-soltu fil-jiem ta’ qabel.
Minn dawn l-enquiries ġie identifikat Frans Sant, li aktar tard ta x-xhieda tiegħu.
Skont Zahra, Sant qal lill-investigaturi li kien fi triqtu lejn ir-residenza meta ra l-vettura riesqa lejh u mbagħad ra żewġ splużjonijiet.
L-ewwel waħda ddeskrivieha bħala iżgħar, u qal li wara dik l-isplużjoni ra lis-sewwieqa tidher panikata u tgħolli idha.
Ftit wara seħħet splużjoni ferm akbar, bil-vettura taċċellera u tispiċċa għal ġo għalqa.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fuq il-post instabet number plate, QQZ 668, u uffiċjal ġie inkarigat biex jiċċekkja ma’ min kienet irreġistrata l-vettura.
Mill-verifiki rriżulta li l-karozza kienet irreġistrata ma’ Percius Car Hire. Meta l-Pulizija għamlet kuntatt mal-kumpanija, ġiet infurmata li l-vettura kienet qed tintuża minn Daphne Caruana Galizia.
Fuq il-post kien hemm ukoll Matthew Caruana Galizia, bin Daphne, li ta lill-investigaturi l-ewwel dettalji dwar l-aħħar minuti qabel l-isplużjoni.
Skont Zahra, Matthew qal li ommu kienet ħarġet mid-dar, reġgħet daħlet għax kienet insiet iċ-checkbook, u ftit wara reġgħet telqet. Ftit tal-ħin wara, instemgħet l-isplużjoni.
Matthew qal ukoll li kien hu l-aħħar persuna li kien saq il-karozza qabel ommu u li kien ħalliha pparkjata quddiem il-gate tad-dar.
L-Ispettur Kurt Zahra jiddeskrivi l-mument li wasal fuq il-post fil-Bidnija wara l-isplużjoni.
Jgħid li daħal mix-xaqliba ta’ fuq u sab iż-żona diġà magħluqa u kkontrollata bħala xena ta’ reat, b’aċċess biss għal persuni awtorizzati u diversi vetturi tal-ewwel intervent fuq il-post.
“Dik ix-xena ma ninsiha qatt,” jgħid Zahra.
Jiftakar vettura li kienet għadha tidher maħruqa u bid-duħħan ħiereġ minnha, kif ukoll ammont kbir ta’ tifrik u debrismifrux mal-madwar.
Hekk kif kompla nieżel lejn fejn kien hemm aktar uffiċjali tal-Pulizija, jgħid li fehem li dak li kien qed jara ma kienx biss fdalijiet tal-karozza.
Fost it-tifrik, kien hemm ukoll fdalijiet tal-vittma.
L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li fis-16 ta’ Ottubru 2017 kien qed jaġixxi bħala duty officer meta, għall-ħabta tat-3pm jew it-3.15pm, irċieva telefonata dwar karozza li kienet splodiet fil-Bidnija.
Jgħid li telaq minnufih mid-Depot lejn Triq il-Bidnija, il-Mosta, biex jibda l-ewwel passi tal-investigazzjoni, fosthom il-preservazzjoni tax-xena tad-delitt.
Il-Pulizija tad-distrett kienet diġà ġiet avżata, jgħid Zahra, peress li kienet mistennija tasal fuq il-post qabel l-investigaturi mill-iskwadra.
Fi triqtu lejn il-Bidnija, Zahra rċieva telefonata oħra mingħand spettur li qallu li kien hemm indikazzjoni li l-persuna fil-karozza setgħet kienet Daphne Caruana Galizia.
Jitla’ jixhed l-Ispettur Kurt Zahra, li jagħmel parti mill-Major Crimes Unit u mill-iskwadra tal-omiċidji.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, Zahra jagħti ħarsa lejn il-karriera tiegħu fil-Korp. Jgħid li ilu fl-iskwadra tal-omiċidji mill-2017 u li meta seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien ilu madwar seba’ xhur f’din l-iskwadra. Fil-Korp tal-Pulizija, jgħid, wasal biex jagħlaq 24 sena servizz.
Zahra jgħid li kien wieħed mill-investigaturi fil-każ mill-ewwel jum, 16 ta’ Ottubru 2017.
Jiftakar li dakinhar kien fl-uffiċċju tiegħu meta waslet l-aħbar tad-delitt.
Lura fl-awla. fejn mistenni jixhed l-ispettur Kurt Zahra, qabel jidħlu l-ġurati, d-difiża tfakkar biex fl-ebda ħin ma jsemmi t-talba għal-proklama ta' Yorgen Fenech.
Jitħol ix-xhud, u l-imħallef taghtih din l-ordni iżda jkollu jerġa joħroġ hekk kif id-difiza tagħmel verbal qabel ikomplu l-proċeduri
Pawża sas-2:30pm
L-Ispettur Sean Friggieri jippreżenta dokument ieħor lill-Qorti, li jinkludi chats bejn Yorgen Fenech u persuna ssejvjata fil-mobile bħala “K”.
Id-dokument qed jintwera lill-ġurati bħala parti mill-evidenza diġà esebita fil-proċeduri.
Il-Prosekuzzjoni tagħmel referenza għal żewġ dokumenti, fosthom wieħed li kien instab fil-kaxxa tal-ġelat ta’ Melvin Theuma, u dawn jintwerew fuq l-iskrin lill-ġurati.
Id-Difiża terġa’ toġġezzjona, bl-argument li l-Prosekuzzjoni qed tmur lil hinn mil-limiti li l-Qorti kienet għadha kif imponiet fuq ix-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri.
L-Imħallef għalhekk tagħti direzzjoni lill-Prosekuzzjoni biex ma titlobx lil Friggieri jagħti rakkont ġdid. Minflok, għandha taqra l-partijiet rilevanti mix-xhieda li kien diġà ta fl-inkjesta u titolbu jikkonfermahom.
Il-Qorti tagħti direzzjoni ċara lill-ġurati dwar ix-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri.
L-Imħallef tgħidilhom biex jinjoraw dak kollu li Friggieri qal s’issa u jqisu x-xhieda tiegħu bħallikieku qed tibda minn dan il-mument.
Minn issa ’l quddiem, Friggieri jista’ jixhed biss fil-limiti stretti stabbiliti mill-Qorti dwar id-dokumenti u l-evidenza li kienu diġà ġew esebiti.
Pawża sal-12pm
Wara argument twil bejn il-partijiet, il-Qorti tiddeċiedi li l-Ispettur Sean Friggieri jista’ jkompli jixhed, iżda taħt kundizzjonijiet stretti.
Il-Prosekuzzjoni ssostni li Friggieri kien diġà xehed fil-kumpilazzjoni u li d-dokumenti rilevanti kienu ġew esebiti skont il-liġi. Tgħid ukoll li x-xhud ma setax jitqies bħala sorpriża għad-Difiża, peress li kien diġà magħruf fil-proċeduri.
Id-Difiża, min-naħa tagħha, tibqa’ tinsisti li Friggieri ma kienx inkluż fil-lista tax-xhieda għall-ġuri u li dalgħodu sarulu mistoqsijiet fuq punti li qatt ma kien xehed dwarhom qabel. L-avukat Charles Mercieca jerġa’ jiddeskrivi s-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni bħala “opportunisti u żleali.”
Il-Qorti tikkonkludi li, għalkemm Friggieri ma kienx fuq il-lista tax-xhieda, id-Difiża ma tkunx ippreġudikata jekk ix-xhieda tiegħu tkun limitata strettament għal dak li kien diġà ppreżenta.
L-Imħallef tagħmilha ċara li Friggieri għandu jgħid “xejn aktar u xejn inqas” minn dak li kien xehed fil-proċeduri preċedenti u minn dak li jirriżulta mid-dokumenti esebiti.
Gianella de Marco titlob ukoll li l-ġurati jiġu mgħarrfa biex jinjoraw kull parti tax-xhieda li Friggieri ta qabel din id-deċiżjoni u li tmur lil hinn minn dawk il-limiti. Il-Qorti tilqa’ din it-talba.
Meta Friggieri jerġa’ jidħol fl-awla, l-Imħallef twissih b’mod ċar: jista’ biss jikkonferma jew jiċħad dokumenti li diġà ġew esebiti. Ma jistax jagħti rakkont ġdid ta’ x’għamel jew x’ġara waqt l-investigazzjoni.
It-tilwima dwar l-evidenza tkompli, hekk kif il-partijiet u l-Qorti jippruvaw jillokalizzaw dokument partikolari.
L-avukat tad-Difiża Charles Mercieca mbagħad iressaq oġġezzjoni formali dwar ix-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri.
Mercieca jgħid li Friggieri ma kienx inkluż fil-lista tax-xhieda ppreżentata għall-ġuri u li lanqas ma saret talba skont il-liġi biex ikun jista’ jixhed u jirreferi għal evidenza li kienet ġiet ippreżentata fl-2020.
Id-Difiża ssostni li l-Prosekuzzjoni ressqet xhud li ma kienx indikat għall-ġuri u staqsietu dwar punti li, skontha, qatt ma kien xehed dwarhom fil-kumpilazzjoni.
Mercieca jgħid ukoll li din mhix l-ewwel darba li xhud jitressaq b’dan il-mod u jinsisti li l-liġi trid tiġi osservata minn kulħadd.
Fid-dawl ta’ dan, id-Difiża titlob lill-Qorti biex ma tħallix lil Friggieri jkompli jixhed u biex tagħti direzzjoni lill-ġurati sabiex jinjoraw dak li semgħu mingħandu.
Mercieca jagħlaq is-sottomissjoni tiegħu billi jiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Prosekuzzjoni bħala “opportunista u żleali.”
L-Ispettur Sean Friggieri jgħid li serje ta’ chats bejn Raymond Aquilina u Yorgen Fenech kienu tqiesu rilevanti għall-investigazzjoni.
Id-Difiża toġġezzjona minnufih, bl-argument li l-Prosekuzzjoni qed tmur kontra d-deċiżjoni li l-Qorti kienet għadha kif tat dwar il-limiti tax-xhieda.
Waqt li l-ġurati jkunu qed joħorġu mill-awla, l-avukat Charles Mercieca jgħajjat lill-Prosekuzzjoni: “Obdu lill-Qorti!”
Il-Qorti terġa’ tfakkar lill-Prosekuzzjoni li x-xhud ma jistax jidħol f’materjal li ma jkunx marbut mal-evidenza diġà mressqa fil-kawża.
Mercieca jgħid li riferimenti bħal dawn jistgħu jagħtu lill-ġurati l-impressjoni li Fenech seta’ kien involut f’attività kriminali oħra.
Il-Prosekuzzjoni tirribatti li ċ-chats huma rilevanti għall-allegat qtil.
Hawn tintervjeni Gianella de Marco, li tgħid: “Mela jekk huma daqshekk rilevanti, messkom esebituhom fil-kumpilazzjoni!”
Wara skambju ieħor bejn il-partijiet, l-Imħallef Edwina Grima twissi lill-avukat Godwin Cini li tista’ ssibu ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti, u terġa’ tisħaq li x-xhieda trid tibqa’ strettament fil-parametri tal-evidenza diġà esebita.
L-avukat tal-Prosekuzzjoni Godwin Cini jerġa’ jibda jistaqsi lill-Ispettur Sean Friggieri, wara li l-Qorti tfakkru li għandu jżomm ix-xhieda tiegħu marbuta mal-evidenza li kien diġà ppreżenta.
Friggieri jispjega li l-investigaturi analizzaw diversi apparati u estrazzjonijiet diġitali. Fosthom kien hemm laptops u mobile li nstabu fil-kaxxa tal-ġelat ta’ Melvin Theuma, li hu jiddeskrivi bħala “Pandora’s box” minħabba l-ammont ta’ materjal li kien fihom.
Jgħid li l-FCID beda jgħarbel dan il-materjal biex jara jekk recordings, chats jew telefonati kinux relevanti għall-ilment dwar allegati leaks ta’ informazzjoni.
Skont Friggieri, sa Frar 2020 kien hemm biżżejjed materjal biex tinfetaħ investigazzjoni formali fuq il-querela. Jgħid li mill-apparati u r-recordings kienet ħarġet stampa ta’ relazzjoni mill-qrib bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech.
L-informazzjoni, iżda, kienet mifruxa u mhux organizzata, u għalhekk l-ewwel xogħol tal-investigaturi kien li jiġbruha u jqegħduha f’ordni.
Fost il-materjal li kellhom quddiemhom kien hemm chats fuq WhatsApp u Signal, kif ukoll telefonati.
Wara li ż-żewġ naħat iressqu l-argumenti tagħhom, il-Qorti tiddeċiedi favur id-Difiża u tistabbilixxi limiti ċari fuq ix-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri.
Il-Qorti tgħid li dak li Friggieri se jixhed illum għandu jibqa’ konsistenti ma’ dak li kien xehed dwaru fil-proċeduri preċedenti.
Tirrimarka li l-Ispettur kien diġà ppreżenta għadd ta’ dokumenti u apparat, u għalhekk ix-xhieda tiegħu għandha tibqa’ marbuta ma’ dak il-materjal li kien diġà ġie esebit.
Il-Qorti tagħmilha ċara wkoll li Friggieri ma jistax jidħol f’fatti ġodda li fuqhom ma nġabritx evidenza fil-kawża, u lanqas jitkellem dwar investigazzjonijiet oħra li mhumiex marbuta mal-każ li jinsab quddiem il-ġurati.
Għaldaqstant, ix-xhud irid jillimita ruħu għall-każ innifsu u għall-evidenza li diġà tressqet quddiem il-Qorti.
Il-ġurati jintalbu joħorġu mill-awla waqt li l-Qorti tisma’ argument legali dwar sa fejn għandha tasal ix-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri.
Id-Difiża tgħid li l-Ispettur qatt ma kien xehed dwar dawn il-fatti fil-proċeduri ta’ qabel. L-avukat Charles Mercieca jgħid li kien ta’ sorpriża li llum qed jissemmew għall-ewwel darba materji bħal dawn.
Jargumenta wkoll li dan jista’ joħloq impressjoni żbaljata li Yorgen Fenech seta’ kien involut f’reati oħra, meta dan mhux il-każ li qed jiġi ġġudikat hawnhekk.
Għalhekk, id-Difiża terġa’ titlob li Friggieri jkun limitat għal dak li kien diġà xehed dwaru qabel.
Il-Prosekuzzjoni tirribatti li x-xhud qed jixhed taħt ġurament u li f’ġurijiet jiġri wkoll li xhud jagħti dettalji li ma jkunux ħarġu f’seduti preċedenti.
L-Ispettur Sean Friggieri jgħid li madwar xahar wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech, f’Diċembru 2019, ġie kkuntattjat mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla dwar ilment kriminali.
L-ilment kien tressaq mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u kien marbut ma’ informazzjoni li kienet ħarġet fil-Qorti matul ix-xhieda li ngħatat bejn Novembru u Diċembru ta’ dik is-sena.
Skont Friggieri, minn dik ix-xhieda kienu ħarġu indikazzjonijiet li informazzjoni uffiċjali setgħet kienet qed tasal għand Fenech permezz ta’ Keith Schembri, li dak iż-żmien kien Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Jgħid li l-ilment għalhekk kien jiffoka fuq Schembri bħala persuna suspettata li setgħet kienet qed tgħaddi informazzjoni uffiċjali lil Fenech.
Jixhed l-Ispettur Sean Friggieri, li ilu madwar għaxar snin jaħdem fid-Financial Crimes Investigation Department.
Friggieri jgħid li l-ewwel darba li sema’ b’Yorgen Fenech kienet proprju fil-lejl ta’ qabel l-arrest tiegħu. Sa dak il-mument, jgħid li qatt ma kien involut f’investigazzjoni fejn Fenech kien suspettat jew il-persuna li ressqet ilment.
Jispjega li, peress li dak iż-żmien kien jagħmel parti mill-iskwadra tar-reati ekonomiċi, hu u uffiċjali oħra ntalbu jibqgħu fuq il-post hekk kif il-Pulizija kienet qed tistenna li jinfetħu diversi investigazzjonijiet.
Tixhed Dr Roberta Bonello, li tagħmel referenza għal ħames dokumenti.
Tispjega li f’Ottubru 2020 il-Maġistrat kienet ħatritha biex tagħmel traskrizzjonijiet ta’ statements li kienu jiffurmaw parti mill-kumpilazzjoni.
Bonello tgħid li fost it-traskrizzjonijiet li għamlet kien hemm dawk relatati ma’ Adrian Vella, Logan Woods, Kenneth Camilleri u Edgar Brincat.
Hija tikkonferma wkoll id-dokumenti l-oħra li qed jiġu esebiti fil-Qorti.
Bonġu. Ninsabu lura l-Qorti dalgħodu hekk kif ikompli l-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Se nkunu qed insegwu l-iżviluppi kollha mis-seduta tal-lum hekk kif jerġa’ jibda l-proċess quddiem il-ġurati.