Ġimgħa ta’ recordings, kontradizzjonijiet u konfronti: Melvin Theuma taħt il-lenti fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Minn sigħat ta’ recordings sigrieti għal kontroeżami aggressiv u konfronti wiċċ imb wiċċ, din il-ġimgħa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech idur kważi kompletament madwar persuna waħda: Melvin Theuma. Il-Prosekuzzjoni tipprova tibni l-każ tagħha permezz ta’ kliemu u r-recordings tiegħu; id-Difiża, min-naħa tagħha, tipprova tikkonvinċi lill-ġurati li kliemu mhux dejjem wieħed li jista’ joqgħod fuqu. 

Dan l-artiklu huwa aġġornat sal-Ħamis 13 ta’ Awwissu 

Għal erbat ijiem sħaħ, il-ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech jisimgħu vuċijiet mill-passat. 

Xi drabi ċari, drabi oħra tant imċajpra li lanqas Melvin Theuma nnifsu ma jkun jista’ jgħid x’qed jinstema’. Konverżazzjonijiet sigrieti, chats, telefonati u kliem li kien ilu snin ma jinstema’ barra l-atti tal-Qorti jerġa’ jingħata l-ħajja quddiem il-ġurati. 

Iżda aktar ma tgħaddi l-ġimgħa, aktar il-mistoqsija quddiemhom tinbidel. 

Fil-bidu, il-mistoqsija tkun x’juru dawn ir-recordings dwar ir-relazzjoni bejn Theuma u Fenech. Sal-aħħar tal-ġimgħa, il-mistoqsija ssir oħra: kemm jista’ wieħed jemmen lil Melvin Theuma? 

Fenech jinsab mixli b’kompliċità fil-qtil volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia u b’assoċjazzjoni kriminali marbuta mad-delitt. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih. 

Flus, biża’ u pressjoni 

Il-ġimgħa tibda b’Theuma għadu taħt l-eżami tal-Prosekuzzjoni u bil-ġurati jisimgħu aktar mir-recordings li hu kien għamel bil-moħbi. 

F’dawk il-konverżazzjonijiet joħroġ raġel li, skont ix-xhieda tiegħu stess, kien qiegħed iħoss il-ħitan jingħalqu madwaru. 

Theuma jgħid li wara l-qtil kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa Degiorgio kuntenti u, fuq kollox, kwieti. Iżda t-talbiet għall-flus, jgħid, komplew jiżdiedu. 

Waħda minnhom kienet għal €60,000. Theuma jixhed li ħallashom minn butu lil Mario Degiorgio biex jaslu għand is-sieħba ta’ George Degiorgio, u li aktar tard Fenech irrimborżah. Dan apparti l-€150,000 li Theuma jgħid li Fenech kien tah bħala ħlas għall-qtil. 

“Għext ħajti miegħu,” jgħid Theuma f’mument emozzjonat waqt li jitkellem dwar Fenech, u jispjega li dan kien jgħidlu li, jiġri x’jiġri, kienu se jgħaddu minn kollox flimkien. 

Fl-istess waqt, ir-recordings jagħtu stampa ta’ biża’ dejjem jikber li l-investigaturi kienu resqin lejh. 

Theuma jgħid li Johann Cremona kien qallu li l-mowbajl tiegħu kien qed jiġi interċettat u li, skont dak li kien intqal lilu, l-informazzjoni kienet ġejja mingħand Keith Schembri. F’recording ieħor, Theuma jitlob lil Fenech biex jistaqsi lil Schembri dwar investigazzjoni fuqu. Skont Theuma, Fenech qallu li din kienet “spiċċat”, iżda hu ma emmnux u kien konvint li l-arrest tiegħu kien qrib. 

Anke l-mod kif kienu jużaw it-telefowns jidħol fiċ-ċentru tal-każ. Fenech jinstema’ jwissi lil Theuma biex joqgħod attent bit-telefown u, f’okkażjoni oħra, biex jiċċekkja jekk il-mowbajl kienx qed jagħmel backup awtomatiku tal-messaġġi tiegħu. 

Kien hemm ukoll mumenti aktar personali. Meta f’recording jissemma dak li seta’ jkun qed jiġri fil-Belt waqt velja għal Daphne Caruana Galizia, Theuma jgħid lill-ġurati li meta kien jara lill-ġenituri tagħha fost il-folla kien iħoss sens qawwi ta’ ħtija. 

Iżda anke l-evidenza rrekordjata ma kinitx dejjem faċli għall-ġurati biex jifhmu. Għadd ta’ recordings kienu ta’ kwalità fqira u mingħajr transcript uffiċjali, bil-Qorti saħansitra tipprova headphones u mezzi oħra biex il-kontenut jinstema’ aħjar. L-Imħallef Edwina Grima wissiet li interpretazzjonijiet mhux uffiċjali ma setgħux jintużaw biex jimlew dak li l-awdjo ma kienx qed jagħmel ċar. 

“Int biss tinkwetani” 

Sal-għada, ir-recordings jibdew juru wkoll dak li Theuma jinterpreta bħala tentattivi biex hu u Fenech iqarrqu b’dawk li setgħu kienu qed jisimgħuhom. 

F’messaġġi murija lill-ġurati, Fenech jidher jagħti struzzjonijiet lil Theuma dwar kif għandu jitkellem fuq it-telefown: mhux bħallikieku kienu qed jiġġieldu, iżda b’ton biżżejjed iebes biex, skont Theuma, iħawdu lis-Servizzi tas-Sigurtà u jneħħuhom minn fuq il-pista. Fenech jidher ukoll jagħtih struzzjonijiet dwar kif għandu jkellem lil Johann Cremona. 

F’messaġġ wieħed, Fenech jgħidlu: “Int biss tinkwetani.” 

Theuma jgħid li fehem dan bħala biża’ li hu seta’ jċedi għall-pressjoni u jmur għand il-Pulizija. Aktar tard, il-ġurati jaraw ukoll messaġġi fejn Fenech jgħidlu biex “inaddaf kollox” — kliem li Theuma jgħid kien jinkludi kemm materjal dwar il-lottu illegali tiegħu kif ukoll recordings marbuta mal-qtil. 

Il-politika tidħol ukoll fl-istorja. 

F’chat, Theuma jibgħat lil Fenech artiklu dwar stħarriġ li kien qed jagħti lill-Partit Laburista vantaġġ ta’ 80,000 vot. Fil-Qorti, Theuma jispjega li kien jittama li dak ir-riżultat ikun minnu għaliex, skontu, Fenech kien jgħidlu li sakemm il-Labour jibqa’ fil-Gvern, “ħadd ma seta’ jmissu”. 

Tul dan kollu, isem Keith Schembri jitfaċċa għal darba wara l-oħra. 

Imma Theuma jagħmel distinzjoni li aktar tard issir waħda mill-aktar linji importanti tal-kontroeżami tiegħu. Minkejja dak li kien qal f’ċerti recordings — fosthom kliem li Schembri kien “fiha” ma’ Fenech — Theuma jgħid lill-ġurati li llum iqis dawk ir-referenzi bħala żbaljati. Jinsisti li Schembri qatt ma tah flus biex tinqatel Caruana Galizia u jgħid li kien ipoġġih “fl-istess keffa” ma’ Fenech għax kien jemmen li Schembri kien qed jgħaddilu informazzjoni. 

U huwa proprju minn dik il-problema — id-differenza bejn dak li Theuma kien jgħid dak iż-żmien u dak li jgħid illum — li d-Difiża tibda tibni l-attakk tagħha. 

Minn xhud tal-Prosekuzzjoni għal xhud taħt assedju 

L-Erbgħa, Gianella de Marco tibda l-kontroeżami. 

It-ton jinbidel kważi immedjatament. 

Issa ma għadhomx ir-recordings biss taħt il-mikroskopju. Taħtu hemm Theuma nnifsu. 

De Marco tgħaddi minn dokumenti, chats, recordings u stqarrijiet, u tpoġġilu quddiemu episodju wara ieħor fejn il-verżjoni tiegħu tal-lum ma tidhirx taqbel kompletament ma’ dak li kien qal qabel. 

Theuma jiċħad, jisfida, jgħolli leħnu — u f’xi każijiet jammetti li kien qed jigdeb. 

Dwar referenzi li kien għamel għall-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, pereżempju, Theuma jgħid li kienu “bluff mill-A sa Z”. Meta jindaqq recording fejn jagħti l-impressjoni li l-Kummissarju kien tah informazzjoni dwar investigazzjonijiet fuqu, Theuma jkun kategoriku: “Qed nivvinta!” 

Id-Difiża, iżda, tagħfas fuq punt delikat: kif seta’ Theuma jkun qed jivvinta informazzjoni li, f’ċerti każijiet, kienet taqbel ma’ dak li effettivament kien qed jiċċirkola? 

U Schembri jerġa’ jidħol fiċ-ċentru tal-kontroeżami. 

Theuma jiġi kkonfrontat b’dokument li kiteb hu stess u li fih kien implika lil Schembri flimkien ma’ Fenech. Iżda fil-Qorti jdur lura minn dik il-verżjoni. 

“Żball,” jgħid meta jiġi kkonfrontat b’waħda mir-referenzi. 

Aktar tard ikun saħansitra aktar kategoriku: “Elf fil-mija mhux imdaħħal Keith Schembri.” 

L-ispjegazzjoni tiegħu tibqa’ li dak iż-żmien ma kienx fi stat mentali tajjeb u kien qed ipoġġi lil Schembri u lil Fenech “fl-istess keffa”. Jgħid ukoll li waħda mill-kundizzjonijiet tal-proklama tiegħu kienet li jgħid il-verità kollha u għalhekk, kieku Schembri kien involut, kien jgħid dan. 

Minkejja kull kontradizzjoni li titpoġġielu quddiemu, iżda, hemm punt wieħed li Theuma ma jċedix fuqu. 

Skontu, il-mandant kien Yorgen Fenech. 

Il-proklama ssir il-battalja 

Sal-Ħamis, id-Difiża tkun marret lil hinn mill-mistoqsija ta’ jekk Theuma gidibx f’xi recording. 

Issa l-attakk ikun fuq il-proklama nfisha. 

Min kien qed jagħtih pariri? Min kien qed jgħaddilu informazzjoni? Kif kien jaf x’għandu jirrekordja u min għandu jsemmi? U l-verżjoni li wasslet għall-maħfra tiegħu kienet tassew waħda li nbniet waħedha? 

Fil-Qorti joħroġ li Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, kien jagħti pariri lil Theuma dwar min għandu jsemmi fir-recordings. Theuma jammetti wkoll li semma lil Keith Schembri biex ikollu aktar materjal meta jitlob il-maħfra, iżda jibqa’ jisħaq li Schembri ma kienx involut fil-qtil. 

Id-Difiża tissuġġerixxi li l-proklama kienet “maħduma u lesta” b’mod li r-responsabbiltà titpoġġa fuq Fenech waqt li Schembri jibqa’ barra. 

Theuma jiċħad. 

Meta De Marco terġa’ timbuttah fuq għaliex kollox, fil-verżjoni tiegħu, dejjem jispiċċa għand l-istess persuna, Theuma jagħti waħda mill-iqsar tweġibiet tal-ġimgħa: 

“Għax hu l-mandant.” 

Imbagħad jidħlu fl-awla persuni li jagħmlu l-kontradizzjonijiet konkreti. 

Żewġ irġiel, żewġ verżjonijiet 

L-ewwel ikun Kenneth Camilleri. 

Theuma jgħid li Camilleri kien staqsieh xi problema kellu ma’ Fenech u kien semmielu lil Keith Schembri. Camilleri jiċħad. 

Theuma jgħid ukoll li f’laqgħa oħra Camilleri kien qallu li kellu problema għax kien qed jitqies bħala l-mandant tal-qtil, u li hu kien wieġbu li l-mandant kien Fenech. 

Camilleri jagħti stampa differenti: jgħid li mar għal-laqgħa, inqala’ argument u telaq meta fehem f’liema storja kienu qed jippruvaw idaħħluh. 

Iżda l-aktar konfront jaħraq jitħalla għal George Degiorgio. 

Is-sigurtà fl-awla tissaħħaħ. Uffiċjal jitpoġġa bejn Theuma u Degiorgio, b’aktar uffiċjali warajhom. 

Minnufih, iż-żewġt irġiel jagħtu verżjonijiet li ma jistgħux ikunu t-tnejn veri. 

Degiorgio jallega li meta Theuma mar għand l-aħwa biex iwassal it-talba għall-qtil, għall-ewwel ma qalilhomx min kien bagħtu. Meta rritorna, skont Degiorgio, semma lil Keith Schembri. Degiorgio jgħid ukoll li aktar tard marru għand Chris Cardona biex jivverifikaw minn min kienet ġejja t-talba, u jallega li Cardona wkoll semma lil Schembri. 

Theuma jiċħad kollox. 

“Int, minn kulħadd, mhux int se tgħid li jien giddieb,” jirribatti. 

“M’hemmx giddieb ikbar minnek,” iwieġbu Degiorgio. 

Minn hemm, il-konfront jisplodi fuq il-proklama. 

Degiorgio jakkuża lil Theuma li seta’ jgħid li ried għax kien protett mill-maħfra presidenzjali. Imbagħad jallega li hu u ħuh ma ngħatawx l-istess opportunità għaliex kienu lesti jikxfu politiċi. 

Theuma jibqa’ jinsisti li qatt ma semma la lil Schembri u lanqas lil Fenech mal-aħwa Degiorgio u li Schembri ma kellu x’jaqsam xejn mal-qtil. 

It-tensjoni terġa’ titla’ meta d-diskussjoni ddur fuq il-flus. Degiorgio jgħid li qatt ma talab flus lil Theuma; Theuma jwieġbu b’sarkażmu. Il-vuċijiet jogħlew, isiru insulti u l-uffiċjali tas-sigurtà jkollhom jintervjenu, sakemm l-Imħallef twissi lil Degiorgio dwar il-mod kif qed jitkellem. 

Meta joħroġ mill-awla, Degiorgio jinstema’ jgħid: “Hawn jisimgħu biss dak li jridu jisimgħu.” 

U hekk, b’mod kważi simboliku, tispiċċa ġimgħa li fiha l-ġurati jkunu semgħu ħafna — iżda li ħalliethom ukoll b’ħafna x’jiżnu. 

Għax wara sigħat ta’ recordings, chats u telefonati, wara ammissjonijiet ta’ gideb u bluffs, wara proklama li d-Difiża qed tipprova tpoġġi taħt suspett u wara konfronti bejn persuni li jakkużaw lil xulxin li qed jigdbu, il-battalja fil-ġuri ta’ Fenech tidher li qed tidħol f’fażi ġdida. 

Il-Prosekuzzjoni għandha lil Theuma bħala x-xhud li jgħid li kien il-pont bejn il-mandant u dawk li wettqu l-qtil. 

Id-Difiża għandha l-kontradizzjonijiet tagħha. 

U quddiem it-tnejn hemm disa’ ġurati li, fl-aħħar mill-aħħar, mhux biss iridu jiddeċiedu x’ġara — iżda lil min jemmnu. 

More in Qrati u Pulizija