Mit-tinda tal-patata għal Kastilja: Jintemm l-aċċess fil-ġuri ta' Yorgen Fenech
Mill-potato shed fil-Marsa sa Bidnija, mill-Mellieħa sa Portomaso, u minn ranch fiż-Żebbuġ sa Kastilja, il-ġurati fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech qattgħu jumejn iżuru postijiet marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u mal-investigazzjoni li segwiet. Il-ġurnalisti marru magħhom — ħafna drabi minn distanza u taħt restrizzjonijiet li għal jumejn żammew il-live blog sieket.
minn Jaelle Borg
Għal jumejn, il-live blog waqaf.
Mhux għax isemmiet xi ras kbira. Mhux għax il-ġuri ta’ Yorgen Fenech waqaf. Mhux għax ma kien qed jiġri xejn.
Anzi.
Għal jumejn konna qed insegwu lill-ġurija minn post għal ieħor madwar Malta — f’vann iswed organizzat mill-Qorti, niġru minn moll fil-Marsa għal fuq l-Bidnija, minn residenza fil-Mellieħa għal Portomaso, u l-għada nerġgħu nitilqu għal ranch, appartamenti, garaxxijiet u Kastilja.
Imma ma stajniex ngħidulkom hekk.
Il-Qorti kienet waqqfet ir-rappurtaġġ tal-proċeduri waqt li kienu qed isiru l-visti fuq il-post. Għal min kien qed isegwi l-live blog kuljum, għalhekk, il-ġuri seta’ deher li sempliċement sparixxa għal jumejn.
Fil-verità, konna f’vann.
Vann mimli ġurnalisti, notebooks, fliexken tal-ilma u ħafna sħana u ħafna stennija.
Quddiemna kien hemm vannijiet oħra bil-persuni involuti fil-visti. Melvin Theuma kien fost dawk li ttieħdu f’diversi siti. Yorgen Fenech ukoll kien preżenti.
U hekk bdew jumejn pjuttost surreali: telgħat, għelieqi, bankini, riħa ta’ ħut, pulizija jordnawlna nersqu lura, ġirien fuq il-gallariji u ħafna ħin nippruvaw nifhmu, minn distanza, dak li l-ġurati kienu qed jaraw minn qrib.
Il-potato shed: fejn, skont Theuma, il-qtil beda jieħu forma
L-ewwel waqfa hija l-potato shed fil-Marsa.
Nibqgħu hemm għal madwar 45 minuta.
Il-post għandu atmosfera tiegħu.
Tinxtamm ir-riħa tal-ħut. Maġenb il-shed hemm dgħajjes tar-regatta. Hemm nies li jgħixu fl-inħawi, iżda partijiet miż-żona xorta għandhom dehra mitluqa, industrijali, kważi maqtugħa mill-bqija.
Ix-xemx għadha kemm bdiet toħroġ sew meta quddiem il-binja jinġabar grupp kbir: il-ġurati, avukati taż-żewġ naħat, uffiċjali tal-Qorti, pulizija u xhieda.
Mal-prosekuzzjoni jkun hemm Melvin Theuma u Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu. Mid-difiża jkun hemm George Degiorgio.
U hawn il-post jibda jagħmel sens.
Il-potato shed kien il-bażi li minnha kienu joperaw l-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat. Theuma xehed li meta Fenech allegatament qabbdu biex isib min joqtol lil Daphne Caruana Galizia, huwa mar għand Alfred Degiorgio hawnhekk. Fost affarijiet oħra, Theuma qal lill-ġurati li Fenech kien bagħtu lura l-potato shed b’messaġġ dwar kif kellha ssir il-bomba. Fenech jiċħad li kkummissjona l-qtil.
Il-post isir ukoll wieħed mill-aktar siti importanti tal-investigazzjoni wara l-qtil.
Fl-4 ta’ Diċembru 2017, pulizija u membri tal-Forzi Armati niżlu fuq il-Menqa f’operazzjoni kbira li wasslet għall-arrest ta’ Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat. Tfittxijiet fil-baħar ta’ maġenb il-shed wasslu wkoll għall-irkupru ta’ mobile phones.
Mela meta l-ġurati qed iduru mal-shed, mhumiex sempliċement qed jaraw maħżen antik.
Qed jaraw wieħed mill-postijiet fejn, skont ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, il-kuntatt bejn il-middleman u l-eżekuturi sar konkret.
Aħna, iżda, naraw ferm inqas. Il-ġurnalisti jinżammu pjuttost ’il bogħod. F’mument minnhom nippruvaw nersqu xi ftit aktar. Pulizija b’rifle jersaq lejna. “Ersqu lura.”
U nerġgħu lura.
Minn fejn inkunu qed naraw il-grupp jinġabar, jinfired u jimxi minn naħa għal oħra, iżda ftit nisimgħu minn dak li jkun qed jiġi spjegat.
Hija ironija li tibqa’ magħna tul iż-żewġt ijiem: il-ġurija qed tinħareġ mill-awla biex tara l-evidenza aktar mill-qrib.
Il-ġurnalisti qed iqattgħu ħafna mill-ħin jagħmlu eżattament l-oppost.
Fuq l-għoli: il-post minn fejn xi ħadd seta’ jkun qed jistenna lil Daphne
Fid-9:41am naslu fit-tieni sit. Il-pajsaġġ jinbidel għal kollox.
Minflok bini industrijali hemm siġar, ħdura u għoli.
Minn hawn wieħed jista’ jara sewwa t-toroq ta’ taħtu.
Mal-prosekuzzjoni jkunu Melvin Theuma u Vince Muscat.
Il-ġurati jinżlu ftit aktar ’l isfel u l-Koħħu jidher qiegħed jispjega xi ħaġa.
Hawnhekk kelma li ilha snin tintuża fil-Qorti — vantage point — tieqaf tkun sempliċement kelma.
Issir veduta.
Matul l-investigazzjoni, persuna kienet qalet lill-pulizija li kienet ilha tinnota karozza bajda żgħira fl-inħawi ta’ Tat-Tarġa. Fil-jum tal-qtil il-karozza kienet hemm ukoll, iżda s-sewwieq ma kienx fiha. Ftit ’il bogħod, investigaturi sabu aċċess għal post minn fejn kien hemm veduta minn fuq lejn Bidnija. Wara l-qtil, il-karozza ma reġgħetx tidher.
Għall-investigaturi dan kien importanti għal raġuni oħra: Daphne ma kellhiex rutina stretta. Il-pulizija għalhekk ikkunsidrat il-possibbiltà li xi ħadd kien qed josserva l-movimenti tagħha.
Minn dan il-post instab ukoll loqma ta’ sigarett li aktar tard ġie marbut permezz tad-DNA ma’ Degiorgio.
Meta tkun hemm, il-loġika tal-post tinftiehem ferm aktar malajr.
Triq taħtek.
Veduta fuq iż-żona.
Post fejn wieħed seta’ joqgħod mingħajr ma jkun proprju quddiem id-dar.
Imma għal darb’oħra, aħna wisq ’il bogħod biex nisimgħu dak li qed jgħid Muscat lill-ġurati.
Karozzi tal-pulizija jaqtgħulna parti sew mil-linja tal-vista.
Waqt li nistennew lill-ġurati jerġgħu jidħlu fil-vann, jinstemgħu uffiċjali jikkomunikaw bejniethom fuq ir-radios tagħhom.
Fl-10:09am nerġgħu nitilqu.
Mid-dar ta’ Daphne sal-għalqa
Fl-10:11am naslu ħdejn id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija.
Hawnhekk Vince Muscat ikun ix-xhud tal-prosekuzzjoni.
Is-sħana issa bdiet tiżdied. Wieħed mill-ġurati jidher juża mrewħa.
Il-grupp jibda nieżel fit-triq.
Hemm id-dar.
Hemm it-triq li qabdet Daphne meta ħarġet.
Hemm il-post tal-isplużjoni.
U hemm l-għalqa fejn spiċċat il-karozza.
Daphne nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017, ftit wara li telqet mid-dar tagħha. Xhud li kien qed isuq lejn Bidnija qal lill-Qorti li ra xrar kbir fuq wara tal-karozza tagħha ftit qabel l-isplużjoni, li tefgħet il-vettura fl-għalqa.
Binha Matthew, li kien id-dar magħha ftit qabel il-qtil, kien fost l-ewwel persuni fuq il-post wara li sema’ l-isplużjoni.
L-investigazzjoni sabet ukoll li l-apparat li serva bħala detonatur kien attiv fiż-żona ta’ Bidnija minn madwar is-2am fil-jum tal-qtil, baqa’ statiku għal sigħat u waqaf jittrasmetti wara li rċieva SMS ftit qabel l-isplużjoni.
Din hija l-aktar waqfa li ftit għandha bżonn spjegazzjoni.
U mbagħad... it-telgħa
Mill- Bidnija nitilqu lejn il-Mellieħa.
Fil-11am naslu qrib ir-residenza ta’ Keith Schembri.
U nibdew nitilgħu.
U nitilgħu.
U nitilgħu aktar.
It-telgħa hija wieqfa biżżejjed biex wara għofstanhar sħiħ niġru minn post għall-ieħor, diversi ġurnalisti nibdew ngħajjew.
Wara dak l-isforz kollu?
Xorta kważi ma naraw xejn.
Il-ġurija tkun aktar ’il fuq flimkien mal-partijiet. Fost ix-xhieda tad-difiża jkun hemm l-esperta SOCO Michelle Camilleri, Dr Adrian Vella u preżenti fid-dar, mart Keith Schembri.
U hawnhekk il-vista tmur direttament lura għall-ġranet kaotiċi ta’ Novembru 2019.
Adrian Vella, it-tabib tal-familja ta’ Fenech, xehed li fuq talba ta’ Fenech mar id-dar ta’ Schembri fil-Mellieħa u ġabar xi karti minn hemm biex iwassalhom lil Fenech.
Il-karti saru wieħed mill-aktar episodji diskussi tal-investigazzjoni. Kien hemm suspett li kienu relatati ma’ verżjoni li setgħet titfa’ r-responsabbiltà għall-qtil fuq l-eks ministru Chris Cardona.
Schembri jikkontesta partijiet kruċjali minn dan ir-rakkont. Meta ġie mistoqsi fil-ġuri dwar il-karti, huwa qal li Vella kien mar id-dar tiegħu iżda ċaħad li personalment tah xi ittra biex iwassal lil Fenech.
Għalhekk, meta l-ġurija titla’ lejn din ir-residenza, qed tidħol f’post marbut ma’ kunflitt dirett bejn verżjonijiet differenti li semgħet fil-Qorti.
Min ħa xiex?
Min tah?
U għaliex?
Aħna nibqgħu barra.
Hawnekk ndumu sal-11:55am.
Imbagħad nieqfu għall-ikel.
Fil-compound tal-puluzija, dak li baqa’ mill-karozza
Wara l-ikel immorru f’compound tal-pulizija.
Hawnhekk tinsab il-karozza ta’ Daphne.
Jingħadilna li tinsab maħżuna f’komparament.
Nersqu lejn il-grada.
Ma nitħallewx nersqu aktar.
Il-vettura hija, ovvjament, waħda mill-aktar biċċiet ċentrali tal-evidenza forensika. L-investigaturi studjaw mhux biss il-ħsara tal-isplużjoni iżda anke debris u komponenti li wassluhom biex jidentifikaw parti elettronika marbuta mas-SIM card dock tal-apparat splussiv.
Huwa wkoll post fejn, kważi disa’ snin wara l-qtil, l-oġġett li ilu jiġi deskritt f’ritratti, rapporti u xhieda jerġa’ jsir wieħed fiżiku quddiem il-ġurati.
Għalina, iżda, jibqa’ wara gate.
U proprju hawn iseħħ wieħed mill-aktar mumenti tensi tal-ġurnata.
L-espert Martin Bajada kien qalilna li issa stajna nirrapportaw li kienu qed isiru l-visti fuq il-post. Qabel dan kien hemm ordni li żammet ir-rappurtaġġ tal-ġuri sospiż.
Meta nippruvaw niksbu kjarifika, marixxall jisma’ l-mistoqsija u jersaq lejna.
“Ara ma jfettlilkomx tiktbu xi ħaġa. Ara biss ifettlilkom titfgħu xi ħaġa,” jgħid b’ton irrabjat.
Ftit wara nerġgħu lura fil-vann.
Għad fadal Portomaso.
Portomaso: l-uffiċċji, it-tfittxijiet u siegħa fuq bankina
Fit-2:40pm naslu Portomaso.
Għallinqas għal ftit sekondi jirnexxielna naraw lil Fenech.
Imbagħad tasal l-ordni.
“Aqsmu faċċata.”
U hekk nagħmlu.
Il-ġurnalisti jispiċċaw fuq bankina barra l-kumpless, fix-xemx.
Nistennew.
Portomaso huwa post li jidħol aktar minn darba fl-istorja tal-każ.
Il-pulizija fittxet l-uffiċċji ta’ Fenech u postijiet oħra fil-kumpless wara li l-investigazzjoni laħqet il-qofol tagħha fl-2019. Fil-ġuri, il-Qorti semgħet kif investigaturi fittxew Level 21 ta’ Portomaso u rkupraw fost affarijiet oħra ritratt ta’ Melvin Theuma.
Portomaso jidħol ukoll fix-xhieda ta’ Adrian Vella dwar il-karti li jgħid li kien ġabar mingħand Schembri fil-Mellieħa. Vella xehed li wassal dokumenti lil Fenech hemmhekk fil-jiem ta’ qabel l-arrest tiegħu.
U mbagħad hemm l-20 ta’ Novembru 2019.
Fenech kien ġie arrestat mill-pulizija wara li ħareġ minn Portomaso bil-jott tiegħu kmieni filgħodu, ġurnata wara l-iżviluppi li kienu poġġew lil Melvin Theuma fiċ-ċentru tal-investigazzjoni.
Mela l-post li llum jidher bħala kumpless ordinarju ta’ lukandi, uffiċċji u appartamenti kien wieħed mill-postijiet fejn l-investigazzjoni mxiet b’pass rapidu lejn Fenech.
Għall-ġurati, dan huwa kuntest.
Għalina, għall-parti l-kbira, huwa bankina.
Nistennew.
Minuta.
Għaxar minuti.
Nofs siegħa.
Kważi siegħa.
Fit-3:33pm jintemm l-ewwel jum.
Imma l-għada nerġgħu nagħmluha mill-ġdid.
It-tieni jum: l-ewwel problema hi li m’għandniex vann
It-tieni jum kellu jibda fit-8am.
Ma bediex.
Il-vann tal-ġurnalisti, sempliċement, intesa.
Tlaqna fit-8:20am, għoxrin minuta tard, bil-konvoj tal-Qorti diġà fit-triq.
Minkejja dan, inlaħħqu miegħu.
Id-destinazzjoni: ranch fiż-Żebbuġ.
Fit-8:40am naslu.
Quddiemna hemm tabella bl-isem Ivry Farmhouse.
Nitilgħu minn passaġġ kemxejn rurali, qisu mogħdija f’għalqa. Induru kantuniera u naslu quddiem daħla b’xatba tal-ħadid miftuħa.
Il-ħitan huma oranġjo fin-naħa t’isfel u bojod fuq. Tul id-driveway hemm sensiela ta’ siġar, fosthom taż-żebbuġ u tat-tin.
Il-post jinsab qrib Triq tal-Ħlas u St Mary Storage Facility.
Ir-ranch ta’ Fenech ilu jidher fix-xhieda dwar ir-relazzjonijiet ta’ madwar il-każ.
Keith Schembri kien xehed li hu u Fenech kienu ħbieb mill-qrib u li kien iżuru fir-ranch fiż-Żebbuġ, fejn kienu jiġu mistiedna wkoll persuni oħra.
Ir-ranch jidħol ukoll fil-verżjonijiet dwar il-laqgħat ta’ Melvin Theuma ma’ Fenech. Dokument li sar parti mill-investigazzjoni u li MaltaToday ippubblika fit-traskrizzjoni tiegħu kien jirreferi għal lunch fir-ranch fejn kien preżenti Theuma.
Aktar riċenti, il-ġurija semgħet ukoll dwar chats bejn Fenech u Theuma li kienu qed jirranġaw laqgħa f’farm.
Mela anke dan il-post rurali, apparentement ’il bogħod mill-Marsa, Bidnija u Portomaso, jidħol fin-network ta’ laqgħat u relazzjonijiet li l-ġurija ilha tisma’ dwarhom għal ġimgħat.
Fit-8:47am, iżda, tgħaddi xena ferm inqas forensika.
Xi nies li jidhru li għadhom sejrin lura minn Glitch Festival jgħaddu mill-inħawi.
Għal ftit sekondi, żewġ realtajiet kompletament differenti jaħbtu ma’ xulxin: grupp sejjer lura minn festival filgħodu kmieni, u ftit metri ’l bogħod ġurija qed iżżur sit marbut ma’ wieħed mill-aktar każijiet kriminali serji fil-pajjiż.
Fit-8:56am jidher li wasalna biex nitilqu.
F’din il-waqfa ma rnexxielniex naraw la lill-ġurati u lanqas lill-uċuħ familjari tal-każ.
Imma meta jidher li se nitilqu...
Ma nitilqux.
Fid-9:05am għadna fil-vann.
Nistennew.
Wara li filgħodu konna diġà tlaqna tard għax il-vann intesa, issa qed nerġgħu nistennew ġewwa fih.
Fid-9:27am, fl-aħħar, nerġgħu fit-triq.
Id-dar ta’ Melvin Theuma — u l-ġirien għandhom x’jaraw
Fid-9:47am naslu fi Triq Widnet il-Baħar, quddiem l-appartament ta’ Melvin Theuma.
Hawnhekk, għall-ewwel darba dalgħodu, naraw wiċċ familjari mill-ġuri.
Kenneth Camilleri jinsab barra, b’dirgħajh imsallbin, liebes nuċċali skur.
Melvin Theuma jkun ġewwa.
Il-post huwa importanti għax id-djar u l-proprjetajiet ta’ Theuma kienu parti diretta mill-investigazzjoni tal-2019.
Pulizija li xehdu fil-ġuri kkonfermaw li għamlu tfittxijiet f’maisonette ta’ Theuma f’Wied il-Għajn bħala parti mill-investigazzjoni.
Theuma kien ilu ssemma mill-investigaturi wara li l-pulizija, waqt li kienu qed isegwu komunikazzjonijiet marbuta mal-irġiel arrestati għall-qtil, bdew jiltaqgħu ma’ ismu. Meta ġie arrestat f’Novembru 2019 f’investigazzjoni separata, instabu għandu USB drives u ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri; dakinhar huwa talab maħfra presidenzjali biex jikxef dak li kien jaf dwar l-assassinju.
U Kenneth Camilleri, li llum narawh quddiem id-dar b’dirgħajh imsallbin, għandu wkoll rwol importanti fir-rakkont ta’ Theuma.
Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà tal-OPM, xehed fil-ġuri li Keith Schembri kien qallu jikkuntattja lil Johann Cremona biex imorru “jikkalmaw” lil xi ħadd — persuna li rriżultat li kienet Theuma. Schembri jiċħad din il-verżjoni.
U mhux aħna biss qed nosservaw.
Sad-9:53am, diversi residenti jkunu ħarġu fuq il-gallariji u l-bjut tal-blokok li jimlew it-triq.
Jidhru interessati sew.
Din hija żona li rat pulizija, tfittxijiet u media marbuta ma’ Theuma għal snin.
Fl-10:04am, il-ġurati u l-kumplament tal-partijiet jibdew mexjin lejn in-naħa tagħna tat-triq.
Għal ftit sekondi jidher li forsi se jirnexxilna naraw xi ħaġa aktar.
Imma le.
Jidħlu fil-vannijiet.
Fl-10:08am nerġgħu nitilqu.
Id-destinazzjoni li jmiss: garaxx f’Marsaskala, fi Triq il-Gidwet.
Seba’ minuti fi Triq il-Gidwet
Fl-10:32am naslu fi Triq il-Gidwet.
Għal darb’oħra, ftit li xejn nistgħu naraw.
Il-ġurnalisti jinżammu f’distanza mill-post, u minn fejn inkunu naraw ħafna aktar it-triq milli dak li qed jintwera lill-ġurati.
U t-triq bħalissa hija storja żgħira fiha nfisha.
Mħarbta sew.
Ġebel mal-ġnub.
Xogħol għaddej fiha.
Bejn il-konvoj, il-pulizija u t-trab, ix-xena hija kemxejn kaotika.
Il-proprjetajiet ta’ Theuma, inklużi garaxxijiet, daħlu wkoll taħt lenti matul l-investigazzjonijiet u fil-proċeduri sussegwenti dwar l-assi tiegħu. Fil-ġuri nstemgħet evidenza dwar tfittxijiet f’proprjetajiet tiegħu u, separatament, dwar transazzjonijiet ta’ proprjetà li għamel wara l-arrest tiegħu.
B’differenza mit-triq tal-appartament, il-ġirien hawn għall-ewwel ma jidhrux daqshekk kurjużi.
Jew għallinqas mhux mill-ewwel.
Fl-10:35am xorta jkun inġabar grupp żgħir fit-triq, iħares lejn id-direzzjoni tal-post fejn tkun għaddejja l-vista.
Fl-10:37am kollox jerġa’ jiċċaqlaq.
Seba’ minuti biss wara li wasalna, il-vista tkun spiċċat.
U għal darb’oħra nerġgħu ninġabru u nidħlu fil-vann wieħed wara l-ieħor.
Din id-darba lejn il-Belt.
Kastilja: mill-uffiċċju ta’ Chief of Staff għal xena ta’ tfittxija
Fil-11:10am naslu Kastilja.
Wara ranch, appartamenti u garaxxijiet, il-konvoj issa jasal f’wieħed mill-aktar postijiet pubbliċi u simboliċi f’Malta.
Il-bieb prinċipali jibqa’ magħluq.
Il-ġurati u l-kumplament tal-partijiet jidħlu minn bieb fil-ġenb.
Barra, il-karozzi u l-vetturi li qed iġorru lill-persuni involuti fil-vista jibqgħu pparkjati qrib id-daħla.
Kważi jiffurmaw ħajt sħiħ.
Il-linja tal-vista tagħna lejn il-bieb tinqata’ kompletament.
U hemm raġuni għaliex il-ġurija tinsab hawn.
Kastilja kienet il-post tax-xogħol ta’ Keith Schembri meta kien Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-uffiċċju tiegħu sar parti mill-investigazzjoni wara li Schembri rriżenja fl-eqqel tal-kriżi politika ta’ Novembru 2019.
Fil-5 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena, investigaturi fittxew l-uffiċċju tiegħu.
Fil-ġuri, il-ġurati diġà raw filmati minn dik it-tfittxija: pulizija jiftħu drawers u cabinets, jelevaw dokumenti u jfittxu fuq l-iskrivaniji. MaltaToday irrapporta li wieħed mid-dokumenti li ġie muri fil-filmat kien fih kliem miktub bl-idejn fosthom “DCG” u “arrests”. Fl-istess uffiċċju kien hemm ukoll folder blu bi prints mill-blog ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhieda fil-ġuri wriet ukoll li l-pulizija rkuprat għexieren ta’ dokumenti mill-uffiċċju, filwaqt li d-difiża qajmet mistoqsijiet dwar kif saret it-tfittxija u għaliex l-uffiċċju ma kienx taħt sorveljanza kontinwa tal-pulizija bħalma kienu ċerti postijiet marbuta ma’ Fenech.
Imma Kastilja tidħol fl-istorja ta’ Melvin Theuma sa minn qabel dan kollu.
Theuma qal lill-investigaturi li kien ittieħed għal laqgħa hawnhekk u ngħata xogħol mal-gvern. L-investigazzjoni sussegwentement iffukat fuq dan ix-xogħol, li Theuma qal li fil-prattika qatt ma għamel. Huwa kellu wkoll ritratt tiegħu ma’ Schembri f’Kastilja — l-istess ritratt li aktar tard instab għand Theuma meta ġie arrestat.
Schembri jikkontesta li l-laqgħa kellha xi sinifikat marbut mal-qtil. Fil-ġuri qal li Theuma kien sempliċement mar għandu dwar xogħol u ċaħad li kellu xi relazzjoni sinifikanti miegħu.
Għalhekk il-ġurija llum mhix sempliċement dieħla f’uffiċċju.
Qed tidħol fil-kamra li minnha investigaturi rkupraw dokumenti; il-post li jidher fil-filmati li diġà raw fl-awla; u l-istess binja li daħlet fir-rakkont ta’ Theuma dwar kif sab ruħu f’ritratt ma’ wieħed mill-aktar nies b’saħħithom fil-gvern ta’ dak iż-żmien.
Minn barra, iżda, ix-xena hija aktar sempliċi.
Il-bieb prinċipali ta’ Kastilja jibqa’ magħluq.
Il-vetturi jibqgħu quddiem id-daħla tal-ġenb, u jżommu lill-akkużat fil-biċċa l-kbira barra mil-linja tal-vista tagħna.
U aħna, għal darb’oħra, nibqgħu barra.
Nistennew.
Wara kważi siegħa ġewwa Kastilja, il-ġurati u l-kumplament tal-partijiet jerġgħu joħorġu.
U hekk, jintemm l-aċċess.
Din id-darba għandna waqfa qabel ma nerġgħu nidħlu l-Qorti, fejn il-ġuri jerġa’ jkompli fl-ambjent ferm aktar familjari tal-awla.
Wara jumejn jiġru minn post għal ieħor, il-live blog jista’ fl-aħħar jerġa’ jibda.
