“Ara lilna ma tawniex il-proklama għax konna lesti nikxfu lill-politiċi” – George Degiorgio lil Melvin Theuma f’konfront dirett
Konfront jaħraq fil-Qorti bejn George Degiorgio u Melvin Theuma, b’Degiorgio jattakka l-proklama tax-xhud ewlieni, jallega li hu u ħuh tħallew mingħajr maħfra għax kienu lesti jikxfu politiċi, u ż-żewġ irġiel jispiċċaw jakkużaw lil xulxin bil-gideb.
minn Jaelle Borg
“Lilna ma tawniex il-proklama għax konna lesti nikxfu lill-politiċi u kollox, aħna bil-bajd mhux bħalek” – George Degiorgio f’konfront jaħraq ma’ Melvin Theuma
Il-konfront dirett bejn George Degiorgio u Melvin Theuma jisħon fil-Qorti, b’Degiorgio jattakka l-proklama tax-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni u Theuma jinsisti li qatt ma semma lil Keith Schembri jew lil Yorgen Fenech mal-aħwa Degiorgio.
George Degiorgio sostna fil-Qorti li hu u ħuh ma ngħatawx proklama għax kienu lesti “jikxfu lill-politiċi u kollox”, waqt konfront dirett u mimli tensjoni ma’ Melvin Theuma li spiċċa biż-żewġ irġiel jakkużaw lil xulxin bil-gideb.
Il-konfront kien wieħed mill-aktar mumenti imqanqla tas-seduta tal-Ħamis fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, hekk kif id-Difiża kompliet tagħfas fuq il-kredibbiltà ta’ Theuma, fuq kif kiseb il-proklama u fuq ir-rwol li jgħid li kellu bħala intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Is-sigurtà fl-awla kienet stretta. Theuma u Degiorgio tqiegħdu separati, b’uffiċjal tas-sigurtà bejniethom, marixxall wieqaf wara Theuma u żewġ uffiċjali tal-ħabs wara Degiorgio.
It-tensjoni bdiet mill-ewwel
Id-Difiża staqsiet lil Degiorgio dwar il-verżjoni tiegħu ta’ meta Theuma mar għand l-aħwa Degiorgio biex iwassal it-talba għall-qtil.
Degiorgio qal li Alfred Degiorgio, il-Fredu, kien qallu li Theuma kien mar għandhom b’talba. Hu sostna li meta staqsa f’isem min kien qed jaġixxi, Theuma ma tahx risposta immedjata u reġa’ mar għandhom jumejn wara.
Skont Degiorgio, meta reġa’ ġie mistoqsi min kien bagħtu, Theuma semma lil Keith Schembri.
Degiorgio kompla jallega li aktar tard marru għand Chris Cardona biex jivverifikaw min kien wara t-talba, u sostna li Cardona wkoll semma lil Schembri.
Theuma ċaħad din il-verżjoni b’mod qawwi.
Daru lejn Degiorgio, ipponta lejh u qallu li hu, “minn kulħadd”, ma kienx se jagħmlu giddieb.
Degiorgio wieġbu mill-ewwel: “M’hemmx giddieb ikbar minnek.”
Minn hemm, il-konfront dar fuq il-proklama li ngħatat lil Theuma fl-2019.
Degiorgio akkuża lil Theuma li seta’ jgħid li ried għax kellu l-protezzjoni tal-maħfra presidenzjali.
“Int qiegħed hawn bil-proklama,” qal Degiorgio, qabel sostna li kieku ngħatat proklama lilu wkoll, kien jgħid dak li kellu xi jgħid.
Imbagħad għamel l-allegazzjoni li spikkat fuq kollox: “Ara lilna ma tawniex il-proklama għax konna lesti li nikxfu lill-politiċi u kollox.”
Theuma, min-naħa tiegħu, baqa’ jinsisti li Keith Schembri ma kellu x’jaqsam xejn mal-qtil u li qatt ma semma la lilu u lanqas lil Yorgen Fenech mal-aħwa Degiorgio.
Qal li ma’ George Degiorgio kien tkellem darba biss u li f’dik l-okkażjoni Degiorgio kien qallu kliem fis-sens li jekk la kienu mietu nies oħra mela għaliex ma kelliex tmut ukoll Daphne Caruana Galizia.
Degiorgio ċaħad dan.
Hu qal li kien qal lil Theuma biex iwassal messaġġ lil Keith Schembri li, ladarba kollox ikun lest, Schembri kien se jkun jaf. Degiorgio sostna li Theuma kien niżżel rasu u tbissem.
Theuma reġa’ ċaħad: “Qatt ma semmejt la lil Keith Schembri u lanqas lil Yorgen Fenech.”
Id-Difiża kompliet tagħfas fuq dan il-punt u staqsiet lil Theuma kif seta’ jinsisti li Schembri ma kellux x’jaqsam mal-qtil meta, f’partijiet oħra tax-xhieda tiegħu, kien qal li kien jibża’ minnu.
Theuma baqa’ jżomm mal-pożizzjoni tiegħu li Schembri ma kienx involut fil-qtil.
Aktar tard, il-konfront qabad triq oħra meta Degiorgio ġie mistoqsi jekk qattx talab flus mingħand Theuma.
Degiorgio qal le.
Theuma wieġeb b’ton sarkastiku: “Eee leeee, xejn ma talabni.”
Degiorgio għolla leħnu u sostna li hu qatt ma talab flus, iżda li kien Theuma stess li kien jagħtihom. Fost oħrajn semma cruise għal ħuh u kelb li qal li kien jiswa €5,000.
Theuma sejjaħlu “purċinell”.
Degiorgio mbagħad reġa’ dawwar id-diskors fuq il-proklama, fetaħ idejh u qal b’leħen għoli li lilhom ma tawhielhomx “għax aħna bil-bajd mhux bħalkom”.
F’dan il-mument, Theuma reġa’ dar lejh u l-uffiċjali tas-sigurtà intervjenew.
L-Imħallef Edwina Grima ċanfret lil Degiorgio u wissietu biex ma jitkellimx b’dak il-mod fil-Qorti.
Degiorgio wieġeb li kien qed juża “kelma Maltija”, talab ftit ilma, xorob u l-konfront kompla.
Qabel intemm, l-Imħallef staqsiet lil Degiorgio kif kien sar jaf li Vincent Muscat, il-Koħħu, kien qed jitkellem mal-Pulizija.
Degiorgio qal li kien sema’ dan mingħand priġunier ieħor.
Imbagħad dar fuq Theuma u allega li dan ma kienx qal kollox dwar il-każ tal-HSBC, inkluż allegat ħlas ta’ €100,000 u rwol li, skont Degiorgio, Theuma kellu fil-każ.
L-Imħallef waqqfet lil Theuma milli jwieġeb u temmet il-konfront.
Hekk kif kien qed joħroġ mill-awla, Degiorgio nstema’ jgħid: “Hawn jisimgħu biss dak li
jridu jisimgħu.”
Il-konfront ma’ Degiorgio wasal wara konfront ieħor bejn Theuma u Kenneth Camilleri, li wkoll taw verżjonijiet opposti dwar laqgħat li allegatament saru fiż-Żurrieq u fl-uffiċċju ta’ Johann Cremona.
Theuma qal li Camilleri kien staqsieh x’problema kellu ma’ Yorgen Fenech u li kien semma lil Keith Schembri. Camilleri ċaħad li għamel dan.
Theuma sostna wkoll li Camilleri kien mar għandu l-għada, ħareġ karta u qallu li kellu problema għax kien qed jitqies bħala l-mandant wara l-qtil. Skont Theuma, huwa wieġbu li l-mandant kien Yorgen Fenech.
Camilleri qal li l-laqgħa kienet seħħet, iżda sostna li telaq wara argument meta fehem f’liema storja kienu qed jippruvaw idaħħluh.
Matul is-seduta aktar kmieni, qabel il-konfronti, id-Difiża kompliet tattakka l-kredibbiltà ta’ Theuma, b’mod partikolari fuq il-proklama u l-kuntatti ta’ Edgar Brincat, il-Ġojja, mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
F’chat murija lill-ġurati, Cutajar kien stieden lil Brincat id-dar tiegħu għal laqgħa fil-5pm.
F’messaġġ ieħor, Theuma kien qal lis-sieħba tiegħu li “mar kollox tajjeb ħafna” fejn kien mar Brincat. Id-Difiża rabtet dan ma’ laqgħa bejn Brincat u Cutajar ftit jiem qabel.
Theuma qal li ma setax jiftakar għal xiex kien qed jirreferi eżatt, iżda ammetta li Brincat kien jagħtih pariri dwar min għandu jsemmi fir-recordings u li kien jgħaddilu informazzjoni li, skontu, kien jikseb mingħand il-Kummissarju.
Id-Difiża mbagħad issuġġeriet li l-proklama ta’ Theuma kienet “maħduma u lesta” u li
seta’ kien hemm ftehim biex jitfa’ r-responsabbiltà fuq Yorgen Fenech filwaqt li ma jinvolvix lil Keith Schembri.
Theuma ċaħad dan b’mod ripetut.
Hu qal li kiseb il-maħfra bis-saħħa tax-xogħol tal-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra u tar-rapport li wasal għand l-Avukat Ġenerali.
Aktar kmieni, f’recording bejn Theuma u Johann Cremona, id-Difiża kienet ukoll issuġġeriet li kien hemm ftehim marbut mal-proklama.
Theuma ċaħad dan u qal li ħa l-proklama “kif suppost”.
Fl-istess ħin, ammetta li Edgar Brincat kien jiggwidah biex isemmi persuni b’isimhom fir-recordings, u qal li kien semma lil Keith Schembri sabiex ikollu aktar materjal meta jitlob il-maħfra.
Madanakollu, Theuma baqa’ jinsisti li Schembri ma kienx parti mill-qtil.
F’wieħed mill-aktar skambji diretti tal-ġurnata, meta de Marco akkużatu li dejjem jispiċċa jitfa’ kollox fuq Yorgen Fenech, Theuma wieġeb:
“Għax hu l-mandant.”
Dak baqa’ l-punt li Theuma żamm miegħu tul il-ġurnata kollha, minkejja sigħat ta’ mistoqsijiet fuq il-proklama, ir-recordings, il-kuntatti mal-Kummissarju, Keith Schembri u l-verżjonijiet kontradittorji ta’ xhieda oħra.

Dak kien kollox għal lum. Grazzi talli segwejtu dawn l-aġġornamenti,
Lejn tmiem il-konfront, l-Imħallef tistaqsi lil George Degiorgio kif kien sar jaf li Vincent Muscat, il-Koħħu, kien qed jitkellem mal-Pulizija.
Degiorgio jgħid li l-informazzjoni kienet waslitlu mingħand priġunier ieħor.
Imbagħad idur lejn Melvin Theuma u jallega li dan ma kienx qal kollox dwar il-każ tal-HSBC, fosthom allegat ftehim li bih kellu jirċievi €100,000 u rwol li, skont Degiorgio, kellu f’dik il-biċċa.
L-Imħallef twaqqaf lil Theuma milli jwieġeb u tiddikjara l-konfront magħluq.
Hekk kif Degiorgio joħroġ mill-awla, jinstema’ jgħid:
“Hawn jisimgħu biss dak li jridu jisimgħu.”
Il-konfront bejn Melvin Theuma u George Degiorgio jerġa’ jisħon meta d-Difiża tistaqsi jekk Degiorgio qattx talab flus mingħand Theuma.
Degiorgio jgħid li qatt ma talbu xejn. Theuma jirreaġixxi b’ton ironiku: “Eee leeee, xejn ma talabni.”
Degiorgio jgħolli leħnu u jinsisti li l-flus kienu jingħataw minn Theuma minn jeddu. Jgħid li fost affarijiet oħra Theuma kien ried iħallas cruise lil ħuh u kien xtralu kelb ta’ €5,000.
Theuma jsejjaħlu “purċinell”.
Degiorgio mbagħad jerġa’ jattakka l-proklama ta’ Theuma u, jgħajjat u jiftaħ idejh, jgħid li lilhom ma ngħatatx maħfra għax, fi kliemu, “aħna bil-bajd mhux bħalekom.”
Theuma jerġa’ jdur lejh u l-uffiċjali tas-sigurtà jintervjenu biex iżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll.
L-Imħallef iċċanfar lil Degiorgio u tgħidlu: “Ma titkellimx hekk fil-Qorti.”
Degiorgio jirribatti li kien qed juża “kelma Maltija”, jitlob ftit ilma, jixrob u l-konfront ikompli.
Il-konfront jibqa’ msaħħan, b’Melvin Theuma jinsisti li qatt ma semma la lil Keith Schembri u lanqas lil Yorgen Fenech mal-aħwa Degiorgio.
Theuma jgħid li ma’ George Degiorgio tkellem darba biss, meta dan qallu kliem fis-sens li jekk mietu tant nies “iebsa”, kienet se tmut hi wkoll. Jinsisti li Schembri ma kellu x’jaqsam xejn mal-qtil.
Degiorgio jaqbad ma’ dan u jistaqsih għaliex, allura, kien jibża’ li Schembri joqtlu. Theuma jwarrab il-mistoqsija bi kliem qasir.
Il-Prosekuzzjoni tintervjeni u tfakkar fil-verżjonijiet li Degiorgio kien ta dwar allegati pjanijiet preċedenti biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, inklużi riferimenti għal Chris Cardona, David Gatt, Vincent Muscat u Keith Schembri.
L-Imħallef tistaqsi direttament lil Degiorgio jekk Theuma qattx spjegalhom għaliex ried li l-pjan jitħaffef. Degiorgio jgħid li le.
Hawnhekk jerġgħu jikkontradixxu lil xulxin. Degiorgio jsostni li kien qal lil Theuma biex iwassal messaġġ lil Schembri u li Theuma niżżel rasu u tbissem. Theuma jiċħad dan għal kollox u jerġa’ jinsisti:
“Qatt ma semmejt la lil Keith Schembri u lanqas lil Yorgen Fenech.”
Il-konfront bejn Melvin Theuma u George Degiorgio malajr jisħon hekk kif id-Difiża terġa’ tqajjem il-kwistjoni ta’ min kien bagħat lil Theuma għand l-aħwa Degiorgio.
Degiorgio jgħid li, fil-bidu nett, Alfred Degiorgio, il-Fredu, kien qallu li Theuma kien mar b’talba. Meta staqsa f’isem min kien qed jaġixxi, jgħid li Theuma ma tahx tweġiba minnufih iżda rritorna jumejn wara.
Skont George Degiorgio, meta reġa’ saritlu l-mistoqsija dwar min kien bagħtu, Theuma wieġeb b’riferiment għal Keith Schembri.
Degiorgio jżid li aktar tard marru wkoll fl-uffiċċju ta’ Chris Cardona biex jivverifikaw min kien wara t-talba, u jsostni li Cardona wkoll semma lil Schembri.
Hawnhekk Theuma jdur lejn Degiorgio, jipponta lejh u jirribatti:
“Int, minn kulħadd, mhux int se tgħid li jien giddieb.”
Degiorgio jwieġbu minnufih:
“M’hemmx giddieb ikbar minnek.”
Imbagħad jattakka wkoll il-proklama ta’ Theuma, jgħid li hu seta’ jgħid ħafna affarijiet li kieku ngħatatlu maħfra, u jsostni li l-aħwa Degiorgio ma ngħatawx proklama għax kienu se jikxfu kollox, inklużi politiċi.
Biex inpoġġukom daqsxejn fil-perspettiva ta’ kif inhi l-awla bħalissa:
Isfel, Melvin Theuma u George Degiorgio jinsabu separati b’uffiċjal tas-sigurtà bilqiegħda bejniethom.
Eżatt wara Theuma hemm marixxall wieqaf, iħares fid-direzzjoni ta’ Degiorgio. Maġenb Degiorgio hemm uffiċjal ieħor tas-sigurtà, filwaqt li żewġ uffiċjali tal-ħabs jinsabu warajh.
L-arranġament jagħti stampa ċara tal-livell ta’ sigurtà fl-awla waqt dan il-konfront.
Jibda kontro eżami bejn George Degiorgio u Melvin Theuma
Il-konfront bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri jkompli fuq dak li seħħ fil-laqgħat tagħhom wara ż-żjara fiż-Żurrieq.
Theuma jgħid li l-għada Camilleri mar fl-uffiċċju ta’ Johann Cremona, ħareġ karta minn butu u qallu li kellu problema għax kien qed jitqies bħala l-mandant wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Theuma jgħid li wieġbu li l-mandant kien Yorgen Fenech.
Camilleri jagħti verżjoni differenti. Jgħid li mar hemm, inqala’ argument qasir u telaq meta fehem f’liema storja kienu qed jippruvaw idaħħluh.
Theuma jirribatti li dan mhux minnu.
Id-Difiża terġa’ tagħfas fuq jekk Camilleri kienx semma lil Keith Schembri u jekk kienx staqsa lil Theuma dwar il-problema tiegħu ma’ Fenech. Camilleri jiċħad iż-żewġ punti; Theuma jinsisti fuq il-verżjoni tiegħu.
F’ħin minnhom Camilleri jipprova jirreferi għax-xhieda ta’ Keith Schembri, iżda l-Imħallef twaqqfu u tfakkru li s-seduta f’dak il-mument hija limitata għall-konfront bejn iż-żewġ verżjonijiet.
Il-konfront dirett bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri jidħol minnufih fil-qalba tal-verżjonijiet differenti tagħhom dwar il-laqgħa fiż-Żurrieq.
Mitlub jirrepeti x’ġara, Theuma jgħid li Camilleri kien staqsieh x’problema kellu ma’ Yorgen Fenech.
Camilleri jiċħad din il-verżjoni. Jgħid li d-diskors kien dwar il-bail tad-Degiorgios u li, waqt il-laqgħa, huwa ċempel lil Keith Schembri.
Hawhekk tinqala’ diverġenza oħra: Theuma jinsisti li Camilleri semma lil Schembri, filwaqt li Camilleri jgħid li ma semmiehx u li sempliċement tbiegħed biex iċempillu.
“Iva, semmieh,” jinsisti Theuma.
“U jien qed ngħid li ma semmejtx,” iwieġeb Camilleri.
Fil-Qorti jibda konfront dirett bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, Theuma jitpoġġa fuq in-naħa tal-lemin tal-awla, filwaqt li Camilleri jkun fuq il-pedana tax-xhieda fuq in-naħa l-oħra.
Theuma qijed daru lejn Camilleri, filwaqt li uffiċjal tas-sigurtà qiegħed bejniethom matul il-konfront.
Il-kontro-eżami jdur għal chat minn Ottubru 2018 li fiha Melvin Theuma jidher jinnegozja x-xiri ta’ pistola ma’ persuna msejħa Jean.
Mill-messaġġi jirriżulta li l-prezz niżel minn €1,700 għal €1,600.
Theuma jammetti li kien qed jara biex jixtri l-arma, iżda jinsisti li qatt ma temm ix-xiri.
Jgħid li ma jiftakarx iċ-chat, iżda jisħaq li kieku xtraha, il-Pulizija kienet issibha waqt ir-raid.
Id-Difiża mbagħad tistaqsih kemm għandu proprjetajiet, mistoqsija li Theuma ma jiħux tajjeb.
“Għandi għalfejn inwieġeb? Din l-accountant tiegħi?” jistaqsi lill-Imħallef.
L-Imħallef tgħidlu li jrid iwieġeb, u Theuma jgħid li jaħseb li għandu madwar 10 proprjetajiet.
Pawża sal-5:15pm
Jindaqq recording ieħor bejn Melvin Theuma u Johann Cremona, fejn Theuma jerġa’ jagħmel ir-riferiment tiegħu li s-servizzi sigrieti kienu “ta’ Keith”.
Fil-Qorti, Theuma jgħid li dak il-kliem kien frott il-konfużjoni li kellu f’moħħu dak iż-żmien.
Imbagħad jirreferi għal dak li, skontu, kien qallu Yorgen Fenech: li Keith Schembri kien beda jibki u Joseph Muscat kien “indannat u maħruq” għax “kienu se jaqbduhom qabel joqtluha”.
Mhux ċar mill-iskambju għal xiex eżatt kien qed jirreferi Theuma f’din il-parti.
Id-Difiża terġa’ taqbad mar-recording u Gianella de Marco tistaqsih jekk, mela, il-frażi dwar is-servizzi sigrieti kinitx żball.
Theuma jwieġeb li iva, qalha bi żball.
Meta de Marco tgħidlu li issa qed idaħħal ukoll lil Joseph Muscat fl-istorja, Theuma jirribatti li Muscat jissemma wkoll fir-recordings.
Id-Difiża terġa’ ddur fuq għadd ta’ każi ta’ car bombs li kienu seħħew fis-snin ta’ qabel.
Melvin Theuma jgħid li Vincent Muscat, il-Koħħu, kien ried jikxef seba’ qtil, iżda mhux il-każ tal-HSBC għax, skontu, kien hemm “ħut kbir” involut.
Fil-Qorti jissemmew fost oħrajn il-każ ta’ Victor Calleja, iċ-Chippy, u dak ta’ Romeo Bone.
Meta Gianella de Marco tistaqsih jekk kienx jisma’ xi diskors dwar dawn il-każi fil-White Stars fil-Marsa, Theuma jgħid li hemmhekk ma kienu jitkellmu dwar xejn minn dan.
Minflok, jgħid li Johann Cremona kien qallu li dawk il-każi kienu kollha marbuta mal-istess nies u li kien ikun tajjeb kieku l-Pulizija taqbadhom kollha.
Id-Difiża mbagħad tistaqsih x’kien jingħadlu dwar is-servizzi sigrieti.
Theuma jgħid li Edgar Brincat, il-Ġojja, kien jirreferi għas-servizz sigriet bħala nies li kienu taħt l-influwenza ta’ Keith Schembri.
Il-kontro-eżami jerġa’ jdur fuq il-proklama ta’ Melvin Theuma, bid-Difiża tissuġġerixxi li l-proċess li wassal għaliha kien diġà mħejji minn qabel.
Gianella de Marco tistaqsi lil Theuma jekk hux qed jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-Kummissarju għax ma jistax jitkellem dwar kif, skont is-suġġeriment tagħha, kiseb il-maħfra.
Theuma jirribatti billi jgħid li, biex ingħatatlu l-proklama, Keith Arnaud u Kurt Zahra kienu marru għand il-Kummissarju u mbagħad mexxew il-proċess ’il quddiem.
De Marco twieġeb: “Kollox maħdum u lest kien.”
Jindaqq ukoll recording bejn Theuma u Johann Cremona li fih jingħata x’jifhem li l-Kummissarju kien sema’ r-recordings ta’ Theuma.
Theuma jgħid li dan mhux minnu, minkejja li jammetti li hekk jinstema’ jgħid Cremona. Jispjega li hu kien mar jgħid lil Yorgen Fenech li l-Kummissarju kien jaf bir-recordings.
Meta d-Difiża terġa’ tissuġġerixxi li kien hemm ftehim biex Theuma jingħata l-proklama, hu jerġa’ jiċħad u jgħid li l-maħfra ngħatatlu bis-saħħa tax-xogħol ta’ Arnaud u Zahra, wara li r-rapport tagħhom wasal għand l-Avukat Ġenerali.
De Marco tfakkru li Arnaud, fix-xhieda tiegħu, qal li Theuma kien talab għall-Kummissarju.
Theuma jiċħad b’mod kategoriku: “Mhux vera, assolutament mhux vera.”
Il-kontro-eżami jkompli jiffoka fuq ir-relazzjoni bejn Edgar Brincat, il-Ġojja, u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Id-Difiża turi lill-ġurati messaġġ li Melvin Theuma bagħat lis-sieħba tiegħu fid-19 ta’ Ottubru, fejn qalilha li “mar kollox tajjeb” fejn kien mar Brincat.
Gianella de Marco torbot dan ma’ laqgħa li, skont id-Difiża, Brincat kellu ma’ Cutajar jumejn qabel u li kienet ġiet interċettata mis-servizzi sigrieti.
Theuma jgħid li wara tant żmien ma jistax jgħid għal xiex kien qed jirreferi eżatt fil-messaġġ. Iżda jagħmel ammissjoni aktar ċara: jgħid li Brincat kien jagħtih pariri dwar min għandu jsemmi fir-recordings u kien jgħaddilu wkoll informazzjoni li kien jikseb mingħand il-Kummissarju.
Meta de Marco terġa’ tagħfas fuq fejn kien mar Brincat, Theuma jirrifjuta li jispekula.
L-iskambju jispiċċa b’konfront dirett dwar Yorgen Fenech. Meta de Marco takkużah li dejjem iġib lil Fenech fiċ-ċentru ta’ kollox, Theuma jerġa’ jinsisti fuq il-verżjoni tiegħu:
“Għax hu l-mandant.”
Id-Difiża titlob li tintwera chat oħra, datata 10 ta’ Mejju, bejn Edgar Brincat, u l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar.
Fil-messaġġi, Cutajar jistaqsi lil Brincat jekk jistax imur id-dar tiegħu fil-5pm dakinhar.
Brincat jaċċetta u jwieġbu li se jkun għandu fil-5pm.
Id-Difiża taqbad ma’ messaġġ li fih bint is-sieħba ta’ Melvin Theuma tgħid li Edgar Brincat, il-Ġojja, “kien qed imexxih sewwa.”
Mistoqsi minn Gianella de Marco x’kien ifisser dan, Theuma jgħid li Brincat kien jagħtih direzzjoni dwar x’għandu jgħid fir-recordings, fosthom li jsemmi persuni b’isimhom.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk Brincat kellux imur għand xi ħadd f’dak iż-żmien. Theuma jgħid li, sa fejn jaf hu, mhux min-naħa tiegħu.
L-avukata tkompli billi tissuġġerixxi, b’ton sarkastiku, li f’Mejju Brincat kellu jmur jiltaqa’ mal-Kummissarju tal-Pulizija — “biex jitkellem dwar multa”.
Theuma jwieġeb sempliċement: “Ma nafx.”
Jerġa’ jibda l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma, bid-Difiża tkompli minn fejn kienet ħalliet qabel il-waqfa: iċ-chats li jinvolvu lis-sieħba tiegħu.
F’waħda mill-konverżazzjonijiet, is-sieħba ta’ Theuma kienet kitbet li Edgar Brincat, il-Ġojja, kien se jieħu r-ritratti “fejn hemm bżonn” biex ibeżża’ lil xi ħadd.
L-avukata Gianella de Marco tissuġġerixxi li mill-messaġġi jidher li Theuma ried ir-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembribħala prova li kienu ħbieb.
Theuma jirribatti: “Ħbieb għax iltqajna darbtejn?”
Meta de Marco tfakkru li qed tistaqsih dwar dak li kitbu s-sieħba tiegħu u bintha u tistaqsih jekk humiex jigdbu wkoll, Theuma jwieġeb:
“Staqsihom. Sinjura, jien minix qiegħed f’moħħhom.”
Lura fl-awla
Pawza sat 3:15pm
L-avukata tad-Difiża tkompli taqra miċ-chat bejn Charmaine u Chayenne, fejn jibqgħu jippruvaw isibu r-ritratt nieqes.
F’ħin minnhom, Charmaine tistaqsi jekk Edwin Brincat kellux kopja tiegħu.
L-avukata Gianella de Marco tistaqsi lil Melvin Theuma jekk kienx jagħti kopja ta’ kollox lil Brincat.
Theuma jwieġeb: “Le.”
Meta jiġi mistoqsi jekk kienx tilef ir-ritratt, Theuma jgħid li ma jafx.
De Marco terġa’ tistaqsih jekk kienx lest iħallas €10,000 biex isibu, iżda Theuma għal darb’oħra jwieġeb: “Ma nafx.”
L-avukata Gianella de Marco tistaqsi lil Melvin Theuma jekk kienx iħassar affarijiet li ma jogħġbuhx.
Theuma jwieġeb li ġieli kien iħassar affarijiet, iżda de Marco tikkontestah.
Id-Difiża mbagħad tistaqsih jekk kienx jibża’ li joqtlu lil Yorgen Fenech.
Theuma jwieġeb: “Kont nibża’ li joqtluni.”
L-avukat Charles Mercieca jitlob li tintwera chat oħra, din id-darba minn Mejju 2019.
L-avukata Gianella de Marco taqra siltiet minn konverżazzjoni bejn Charmaine u Chayenne, li fiha Charmaine titlobha ssib prova u tgħidilha li r-ritratti kellhom ikunu ssejvjati.
Chayenne twieġeb li se tiċċekkja aktar tard, iżda tgħid ukoll li qed tispiċċa tidħol fl-affarijiet tagħhom.
Il-konverżazzjoni ddur fuq ritratt li Charmaine taħseb li kellu jkun fuq laptop jew xi mkien ieħor fejn kien ġie ssejvjat.
Chayenne tgħid li kienet fittxet fil-laptop diversi drabi iżda ma sabitux, u tgħid ukoll li ma tafx jekk kienx tħassar.
Charmaine tibqa’ tistaqsi jekk ir-ritratt kienx ġie ssejvjat jew stampat, filwaqt li Chayenne tirrepeti li għaddiet mir-ritratti kollha iżda ma setgħetx issibu.
Il-ġurati jintwerew aktar chats li jinvolvu lil bint is-sieħba ta’ Melvin Theuma, fejn hu jitlobha ġġiblu laptop li fuqu kien żamm recordings, ritratti u messaġġi fid-dar tiegħu fiż-Żurrieq.
Fil-konverżazzjoni, Theuma jistaqsi jekk ċertu materjal kienx għadu jeżisti fuq il-laptop u fuq il-mobile. F’ħin minnhom jikteb li kien lest iħallas sa €10,000 biex jirkuprah.
Meta l-avukata Gianella de Marco tistaqsih għaliex kellu bżonn dak il-materjal, Theuma jgħid li ma jiftakarx.
Meta tistaqsih fejn kien se jeħodhom l-għada, jerġa’ jwieġeb li ma jiftakarx.
Theuma jgħid lill-Qorti li ma kienx qed ifittex biss ir-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri, iżda wkoll ritratti u recordings oħra li seta’ kien tilef.
Il-kontro-eżami jerġa’ jdur fuq ir-ritratt ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembri.
L-avukata Gianella de Marco tistaqsih jekk jiftakarx li kien hu li ried jieħu ritratt ma’ Schembri. Theuma jwieġeb li ma jafx.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk jiftakarx li kien tilef ir-ritratt u kien tilef rasu biex isibu. Theuma jgħid li ma jiftakarx.
Meta l-avukata tkompli tistaqsih jekk kienx marad bl-inkwiet minħabba li tilef ir-ritratt, Theuma jerġa’ jgħid li ma jiftakarx.
De Marco tikkummenta, “Interessanti ħafna,” u tistaqsih jekk jiftakarx li kien lest iħallas €10,000 biex ir-ritratt jinstab.
Theuma għal darb’oħra jwieġeb: “Ma niftakarx.”
Il-ġurati jintwerew chat fuq WhatsApp minn April 2018 bejn is-sieħba ta’ Melvin Theuma u bintha.
Fiċ-chat, is-sieħba ta’ Theuma tikteb li “se jirranġa kollox” u li “ġie xi ħadd kbir ma’ Johann.”
Bintha tistaqsi jekk Yorgen Fenech kienx jaf b’dan, u t-tweġiba tkun: “Le, anke l-kbarat... ifhimni.”
Fil-Qorti, Theuma jgħid li r-riferiment għal “xi ħadd kbir” kien għal Kenneth Camilleri.
Jgħid ukoll li wara ż-żjara ta’ Camilleri mar ikellem lil Mario Degiorgio u lil Edgar Brincat, il-Ġojja, għalkemm jgħid li ma jistax ikun ċert jekk dawn il-laqgħat sarux fl-istess jum.
Id-Difiża titlob li jinstema’ intercept tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ telefonata bejn Melvin Theuma u Edgar Brincat, il-Ġojja, hekk kif l-esperti jkunu għadhom qed jippruvaw isibu r-recording.
Fir-recording, Brincat jinstema’ jgħid lil Theuma biex, meta jitkellem, isemmi l-ismijiet, u jsemmi wkoll lil Kenneth Camilleri sabiex, fi kliemu, kollox ikun “ċar kristall”.
Theuma jikkonferma dan fil-Qorti u jgħid li Brincat kien tabilħaqq jagħtih parir biex isemmi lin-nies b’isimhom.
Meta l-avukata Gianella de Marco tistaqsih x’ried jagħmel “ċar kristall”, Theuma jgħid li kien qed jirreferi għall-allegazzjoni tiegħu li Keith Schembri kien bagħat lil Kenneth Camilleri dwar il-kwistjoni tal-bail.
Theuma jżid li kien isemmi lil Schembri fir-recordings sabiex ikollu aktar materjal ta’ prova meta jitlob il-proklama.
De Marco tissuġġerixxi li, minbarra l-ħidma tal-avukati tiegħu, Theuma kellu wkoll għajnuna mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jikseb il-maħfra.
Theuma jiċħad dan: “Le, mhux vera.”
Meta d-Difiża tirreferi għal kliem ieħor ta’ Brincat fir-recording — biex jgħid li kien “qabbdu” — Theuma jispjega li dak ir-riferiment kien għal Yorgen Fenech.
F’recording ġdid, Melvin Theuma jinstema’ jgħid li t-tħassib tiegħu kien il-kwistjoni tal-money laundering.
L-avukata Gianella de Marco tistaqsih jekk dan ifissirx li ma kienx inkwetat dwar il-qtil. Theuma jgħid li kien inkwetat ukoll dwar il-qtil, iżda jsostni li l-problema tal-money laundering kienet bdiet bħala konsegwenza ta’ dak kollu li seħħ wara l-assassinju.
Meta jiġi mistoqsi jekk l-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat, il-Koħħu, kinux jafu b’din il-kwistjoni, Theuma jgħid li le.
Id-Difiża mbagħad terġa’ tagħfas fuq il-ħlasijiet lill-aħwa Degiorgio u tistaqsi jekk kinux huma li talbuh għall-flus jew jekk kienx hu li beda jagħtihom.
Theuma jwieġeb: “X’stajt nagħmel? Kont maqbud f’xibka.”
Jgħid li meta kien ikellem lil Yorgen Fenech dwar il-ħtieġa ta’ aktar flus, kien isemmilu spejjeż għal avukati, insurance, karozzi u affarijiet oħra.
De Marco tirrimarka li, minkejja dan, m’hemmx recording wieħed fejn Theuma jinstema’ jitlob direttament il-flus lil Fenech.
Theuma jgħid li Fenech kien jgħidlu li qatt ma kien se jħallih jitħabat waħdu.
Meta d-Difiża terġa’ tistaqsih għaliex allura ma jeżistux recordings fejn jitlob il-flus, Theuma jgħid li kien iħossu skomdu jmur għand Fenech biex jitolbu l-flus.
Il-kontro-eżami jerġa’ lura għar-recording bejn Melvin Theuma u Johann Cremona li kien instema’ qabel il-waqfa, fejn kienet issemmiet ċifra ta’ €16,000.
L-avukata Gianella de Marco tistaqsi lil Theuma jekk jafx id-data tar-recording, iżda jgħid li ma jafx.
Meta d-Difiża tistaqsih jekk qattx hedded lil Yorgen Fenech, Theuma jiċħad li qatt heddidu għal flus. Minflok, jgħid li kien Fenech li kien jgħidlu li l-poter tiegħu kien ġej mill-flus.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk, fil-bidu, kienx hu stess li mar għand l-aħwa Degiorgio u beda jagħtihom il-flus mingħajr ma ġie sfurzat.
Theuma jaqbel li hu kien mar għandhom l-ewwel, iżda jgħid li wara baqgħu jitolbuh aktar u aktar flus.
Meta jiġi mistoqsi jekk xi ħadd minnhom qattx kixfu, Theuma jgħid li kien biss Vincent Muscat, il-Koħħu, li seta’ jikxef ismu.
Jgħid ukoll li Yorgen Fenech kien qallu li l-Koħħu kien qed jitkellem dwaru.
Wara l-waqfa, id-Difiża terġa’ ddur fuq ir-rwol ta’ Edwin Brincat, il-Ġojja, u tistaqsi lil Melvin Theuma jekk kienx ilu jgħinu minn kmieni dwar kif kellu jimxi, x’jgħid u kif jipprepara l-materjal tiegħu.
Theuma jiċħad li Brincat qatt għenu jirranġa r-recordings jew ipoġġi kliem f’ħalq ħaddieħor.
Jgħid li meta għall-ewwel semmielu r-recordings, Brincat ma emminx, u wara qallu li l-aqwa ħaġa kienet li Theuma kellu dawn ir-recordings f’idejh.
Theuma jgħid ukoll li Brincat kien tah parir biex isemmi l-ismijiet, iżda jinsisti li qatt ma tah pariri biex joħloq verżjonijiet jew iqiegħed kliem f’ħalq persuni oħra.
Meta d-Difiża tistaqsih jekk Brincat kienx “jiggwidah”, Theuma jwieġeb li kien jgħinu u jagħtih pariri.
Il-mistoqsijiet imbagħad jerġgħu jduru fuq ir-ritratt ta’ Keith Schembri li kien fost il-materjal ta’ Theuma.
Id-Difiża tissuġġerixxi li r-ritratt seta’ jintuża biex jagħmel pressjoni jew ibeżża’ b’rabta mal-proklama. Theuma jiċħad u jgħid li r-ritratt kien sempliċement fil-kaxxa tar-recordings.
Meta jiġi mfakkar li meta ġie arrestat dik il-kaxxa kienet tinkludi wkoll ir-ritratt ta’ Schembri, Theuma jgħid li għalih l-aktar ħaġa importanti kienu r-recordings.
Lura fl-awla
Il-kontro-eżami jkompli fuq ir-recording bejn Melvin Theuma u Johann Cremona, b’Theuma jinsisti li l-eks Kummissarju tal-Pulizija ma ħax flus.
L-avukata Gianella de Marco tfakkru li fir-recording instema’ jgħid lil Edgar Brincat, il-Ġojja, biex jagħti flus lill-Kummissarju. Theuma jirribatti li d-Difiża qed iddoqq recording mhux komplut.
Meta de Marco tissuġġerixxi li fir-recording kien qed jirreferi għal €16,000 mogħtija lill-Kummissarju, Theuma jgħid li dak kollu kien “bluff.”
De Marco tistaqsih jekk, mela, il-Kummissarju kienx għamel kollox b’xejn. Theuma jgħid li ma kellux ħafna kuntatt miegħu, u jirreferi għal okkażjoni ftit jiem qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech meta kien qallu biex ikellem persuna f’Ħal Luqa.
Id-Difiża terġa’ tqajjem id-data tal-arrest ta’ Theuma. Hu jgħid li kien intqallu li kien se jiġi arrestat fis-16 ta’ Novembru, iżda fil-fatt ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru.
Meta de Marco tistaqsih jekk jafx għaliex id-data nbidlet mingħajr ma, skont is-suġġeriment tagħha, ikun jaf il-Kummissarju, Theuma jerġa’ jiċħad li qatt irċieva informazzjoni mingħandu.
“Qatt ma ħadt informazzjoni mingħand il-Kummissarju, serraħ moħħok,” jgħid Theuma.
De Marco twieġeb li ma tistax isserraħ moħħha meta x-xhud stess jammetti li ġieli jibluffja jew isemmi persuni minħabba l-konfużjoni li kellu f’moħħu.
Theuma jinsisti: “Qed ngħid il-verità.”
Meta d-Difiża tgħidlu li biddel il-verżjoni tiegħu diversi drabi, Theuma jwieġeb li issa qed jagħmilha ċara fejn qal il-verità u fejn le.
Il-Qorti mbagħad tieħu waqfa ta’ 30 minuta.
Fil-Qorti tindaqq silta oħra mill-istess konverżazzjoni bejn Melvin Theuma u Johann Cremona, li d-Difiża tgħid li tindika li Theuma seta’ ħallas lill-Kummissarju tal-Pulizija. Theuma jiċħad din is-suġġeriment.
Fir-recording, Cremona jinstema’ jgħid li xi ħadd kien talab favur il-ġurnata ta’ qabel.
Theuma jwieġeb li forsi l-flus ingħataw lil persuna oħra. Meta Cremona jistaqsi jekk kienx qed jirreferi għal Yorgen Fenech, Theuma jgħid li le, mhux dwar dak.
Il-konverżazzjoni mbagħad iddur fuq ammont ta’ flus. Cremona jistaqsi jekk kienux €1,500, iżda Theuma jikkoreġih u jgħid li kienu €15,000.
Theuma jinstema’ jgħid li mar biex jagħti dawn il-flus u li kien issuġġerixxa li jagħtihom €5,000 kull darba.
Meta Cremona jistaqsih jekk għandux jgħaddi din l-informazzjoni, Theuma jgħidlu le, u jżid li kien qal lil Edwin Brincat, il-Ġojja: “Jekk nagħtihomlok ħamsa ħamsa, tajjeb?”
Skont Theuma, Brincat wieġbu: “Ma rridhomx mingħandek.”
L-avukata Gianella de Marco tgħid lil Melvin Theuma li huwa kien ħallas biex jingħata l-proklama.
Theuma jirreaġixxi minnufih u jiċħad dan: “Ara vera.”
Fil-Qorti mbagħad jindaqq recording ieħor bejn Theuma u Johann Cremona.
Fir-recording, Theuma jinstema’ jgħid lil Cremona li kellu “kollox ippreparat.”
Meta jiġi mistoqsi dwar dan, Theuma jgħid li jeħtieġ jisma’ l-konverżazzjoni kollha biex jifhem il-kuntest. L-Imħallef tgħidlu biex iwieġeb fuq dak li jifhem minn dak li qed jinstema’.
De Marco tistaqsih jekk, mela, f’dik il-parti ma kienx qed jitkellem dwar il-proklama.
Theuma jgħid li mhux qed jifhem sew x’qed jingħad fir-recording.
F’silta oħra, Cremona jinstema’ jgħid kliem: “Mhux tgħidilhom fejn trid int.”
Theuma jgħid lill-Qorti li dik il-konversazzjoni kienet dwar ir-raids.
Id-Difiża tistaqsi lil Melvin Theuma dwar il-ħlas li, skont ix-xhieda tiegħu, sar lill-persuni li wettqu l-qtil.
Theuma jgħid li ħallas €30,000 bil-quddiem u l-bqija, €120,000, wara l-assassinju. Jgħid ukoll li kien hemm ħlas addizzjonali għall-binoculars, li skont ix-xhieda tiegħu kien ħallashom hu stess.
Il-kontro-eżami mbagħad jerġa’ jdur fuq il-proklama.
Theuma jinsisti li talab il-maħfra għal żewġ affarijiet: il-kwistjoni tiegħu marbuta mal-money laundering u r-rwol tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud jgħid li dwar dan huwa “100% ċert.”
L-avukat tad-Difiża Charles Mercieca mbagħad jitlob li jindaqq recording ieħor fil-Qorti.
Fil-Qorti jindaqq recording ieħor bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
Fir-recording, Cremona jinstema’ jitkellem dwar Edgar Brincat, il-Ġojja, u jgħid lil Theuma biex joqgħod attent li Brincat ma jgħidx lill-Kummissarju.
Theuma jinstema’ jgħid li kien qal lil Brincat li Kenneth Camilleri kien ċempillu, u jżid li wara “aċċettaw.”
L-avukata Gianella de Marco tistaqsih x’kien ġie aċċettat.
Theuma jwieġeb li ma jafx.
De Marco mbagħad tissuġġerixxi li dak li kien ġie aċċettat kien li Theuma jingħata proklama bil-kundizzjoni li jitfa’ kollox fuq Yorgen Fenech u ma jsemmix lil Keith Schmebri.
Theuma jiċħad dan b’mod kategoriku:
“Mhux vera xejn. Jien il-proklama ħadtha kif suppost.”
Meta de Marco terġa’ tistaqsih x’kien ġie aċċettat, Theuma jibqa’ jgħid li ma jafx.
Id-Difiża terġa’ taqbad mar-riferiment ta’ Cremona biex Edgar Brincat ma jgħidx lill-Kummissarju, iżda Theuma jerġa’ jispjega li dak li kien jgħid dwar Keith Schembri kien, fi kliemu, ġej mill-“ġenn ta’ moħħi.”
Fil-Qorti tintwera chat datata 26 ta’ Settembru 2019 bejn Melvin Theuma u Chayenne, it-tifla tal-partner tiegħu.
Fil-konversazzjoni, Theuma jitlobha tixtrilu pendrive u jibgħatilha wkoll ritratt ta’ flixkun inbid biex tiċċekkja kemm jiswa. Chayenne tidentifikah bħala Brunello di Montalcino u tgħidlu li fliexken simili jinbiegħu għal 40 ewro.
Theuma jikteb li wieħed minn dawk kien se jixorbu dakinhar filgħaxija. Meta Chayenne tistaqsih minn fejn ġabu, hu jirreferi għal Yorgen Fenech b’insult imbgad iżid "dak ta' kilwa waħda"
L-avukata Gianella de Marco taqbad ma’ dan u tistaqsih kif dan jaqbel mar-rispett li Theuma jgħid li kellu lejn Fenech.
Theuma jwieġeb li, minkejja dak il-kliem, xorta baqa’ jirrispettah għax baqa’ sal-aħħar iwassallu l-flus u ma ħax ċenteżmu għalih.
Jgħid li mill-bidu kien qed joħroġ flus minn butu u jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “sinjur żgħir” qabel ma, skontu, Fenech daħħlu f’din il-biċċa.
Theuma jżid li għal dik l-“iva” li kien tah, għadu qed ibati sal-lum.
Meta de Marco tistaqsih jekk hemmx bżonn jgħajjat biex jgħid dan, l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u tgħid li hija l-Qorti li tiddeċiedi dwar il-mod kif għandha timxi x-xhieda, mhux l-avukata.
Fil-Qorti tintwera chat bejn Chayenne u Melvin Theuma, iżda għal ftit tinqala’ problema teknika.
L-avukata Gianella de Marco terġa’ tistaqsi lil Theuma dwar kif kien jirreferi għal Yorgen Fenech, wara li x-xhud kien qal li kellu ħafna rispett lejh.
Theuma jirreaġixxi b’mod sarkastiku: “Ma kontx nixtrilu fjuri, ta’.”
De Marco terġa’ tagħfas fuq il-mistoqsija u tistaqsih kif, fid-dawl ta’ dak ir-rispett, kien jitkellem dwar Fenech.
Theuma jgħid li r-rispett tiegħu lejn Fenech urieh “fl-aħħar”, għax skontu ma kixfux mal-aħwa Degiorgio.
Id-Difiża mbagħad tistaqsih jekk qattx qal lill-aħwa Degiorgio li Keith Schembri kien bagħtu.
Theuma jiċħad dan kategorikament: “Mhux vera xejn.”
De Marco tirreferi għal verżjoni li ngħatat minn George Degiorgio, li skontu kien staqsa lil Theuma jekk kinux se jagħmlu xi ħaġa mingħajr ma jkunu jafu għal min kienet.
Theuma jirribatti li ma kienx ma’ George li tkellem, iżda ma’ Alfred Degiorgio.
Terġa’ tindaqq l-istess telefonata, hekk kif id-Difiża tkompli tistaqsi lil Melvin Theuma jekk dak iż-żmien riedx jagħmel kuntatt ma’ Keith Schembri.
Theuma jwieġeb b’leħen għoli li iva, kieku seta’ kien jagħmel kuntatt miegħu.
L-avukata Gianella de Marco tirrimarkalu li m’għandux għalfejn jgħajjat. Theuma jdur lejn l-Imħallef u jiskuża ruħu, iżda jgħid li dak hu l-karattru tiegħu u li ma jkunx qed jgħajjat apposta.
Id-Difiża terġa’ tfakkru li fir-recording baqa’ jgħid li kien “bikka” lil Fenech. Theuma jwieġeb li fil-fatt ma kienx bikkieh, u jgħid li kien “qisu ħaruf”.
F’dan il-punt, de Marco b’ton ironiku tirrepeti l-linja li Theuma ilu jisħaq fuqha — li Yorgen Fenech kien il-mandant.
Theuma jaqbeż fuq il-kliem tagħha u jgħid:
“Yorgen Fenech huwa l-mandant, qed tgħid hi stess. Lil Keith Schembri daħħaltu bil-ġenn ta’ moħħi.”
De Marco twieġbu li hija sempliċement qed tirrepeti dak li ilu jgħid hu stess.
Il-kontro-eżami jkompli fuq ir-relazzjoni ta’ Melvin Theuma ma’ Yorgen Fenech, l-aħwa Degiorgio u Keith Schembri.
Theuma jgħid li fil-biċċa tax-xogħol mal-aħwa Degiorgio u Vincent Muscat, il-Koħħu, hu biss kien il-kuntatt tagħhom. Meta l-avukata Gianella de Marco tistaqsih jekk setax sempliċement jgħidilhom li ma kienx se jibqa’ jagħtihom flus, Theuma jgħid li baqa’ “jissaporti sal-aħħar”.
Jgħid li hu ma riedx dik is-sitwazzjoni, iżda baqa’ għaddej “bi rġulija” sal-aħħar.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk kienx jibża’ minn Yorgen Fenech.
Theuma jgħid li le, u jispjega li fil-verità kien jibża’ li jinqabad. Jgħid li hu u Fenech argumentaw darba biss fuq it-telefon.
Meta d-Difiża terġa’ tistaqsih jekk allura ma kienx jibża’ minn Fenech, Theuma jerġa’ jinsisti li l-biża’ tiegħu kienet li l-investigazzjoni tasal għalihom.
Dwar Keith Schembri, iżda, Theuma jgħid li kien jibża’ minnu għax, skontu, “kien jagħmel kollox għal Yorgen.”
Theuma mbagħad jerġa’ jipponta lejn Fenech u jgħid:
“Il-flus dejjem tahomli Yorgen. Yorgen qabbadni biex noqtolha.”
Meta de Marco tistaqsi b’ton ironiku, “Yorgen ta’...?”, Theuma jgħolli leħnu u jwieġeb:
“Ta' Tumas.”
Fil-Qorti jindaqq recording ta’ telefonata bejn Melvin Theuma u Edgar Brincat, il-Ġojja.
Theuma jinstema’ jgħid lil Brincat li kien mar għand Yorgen Fenech, li “bikkieh” u li ħallieh skantat. Jgħid ukoll li wara xorob flixkun whisky u għalhekk ma kienx se jiltaqa’ ma’ Brincat dakinhar.
Brincat jinstema’ jistaqsih jekk kollox marx tajjeb, filwaqt li Theuma jerġa’ jirrepeti li kien “bikkieh”.
Meta l-avukata Gianella de Marco tistaqsih dwar dak li nstema’, Theuma jgħid li dak li kien qal lil Brincat ma kienx minnu.
“Jekk irid ikun raġel, ma bikkejtux qatt,” jinsisti Theuma.
Id-Difiża tistaqsih ukoll jekk kienx qal lil Fenech biex iwassal xi ħaġa lil persuna oħra, b’Theuma jikkonferma li kien qed jirreferi għal Keith Schembri.
Meta de Marco tissuġġerixxi li kien qed jhedded lil Fenech, Theuma jiċħad dan.
F’punt ieħor, id-Difiża tistaqsih dwar riferiment għal “wieħed fil-ġimgħa”. L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni biex tiċċara x’kien qed jiġi suġġerit, u Theuma jgħid li kien qed jirreferi għal arranġament ma’ Mario Degiorgio dwar ħlasijiet ta’ flus.
Id-Difiża tkompli tagħfas lil Melvin Theuma dwar l-ittra li kien ħa għand Yorgen Fenech, u tissuġġerixxi li seta’ mar għandu biex jheddidu, jirrikattah jew ipoġġih taħt pressjoni.
Theuma jiċħad dan kategorikament.
“Le, lanqas xejn,” jgħid, u jinsisti li ma marx għand Fenech biex jheddidu.
Id-Difiża tistaqsih ukoll dwar Edgar Brincat, il-Ġojja, u jekk kienx qed jiggwidah dwar x’għandu jagħmel.
Theuma jgħid li ġieli iva, iżda jiċħad li Brincat qallu x’għandu jikteb fl-ittra. Madankollu, jgħid li kien Brincat li qallu biex imur juriha lil Fenech, “għal ġid tiegħi.”
Meta d-Difiża tistaqsih jekk jistax ikun perikoluż meta jdaħħal xi ħaġa f’moħħu dwar persuna, Theuma jgħid li mhuwiex, iżda jammetti li dak iż-żmien moħħu kien jaħdem b’dak il-mod.
Huwa jinsisti li meta eventwalment mar quddiem l-investigaturi, qalilhom il-verità.
Meta jiġi mistoqsi jekk illum ukoll hux qed jgħid il-verità, Theuma jwieġeb:
“Elf fil-mija.
Id-Difiża terġa’ lura għall-ittra li Melvin Theuma kien ħa lil Yorgen Fenech, u li fiha kien kiteb dwar il-biża’ tiegħu li seta’ jinqatel. L-avukata Gianella de Marco tirrimarka li parti sostanzjali mill-ittra kienet tirreferi għal Keith Schembri, u li Theuma kien ħa miegħu wkoll ritratt ta’ Schembri, payslips u kuntratt.
Meta jiġi mistoqsi għaliex ħa dawn id-dokumenti kollha għand Fenech, Theuma jgħid li ried lil Fenech jurihom lil Schembri, u jispjega li dak iż-żmien ried ipoġġi lil Schembri “fl-istess keffa” ma’ Fenech.
De Marco tistaqsih jekk Schembri fil-fatt kienx fl-istess keffa.
“Le, ma kienx,” iwieġeb Theuma.
Meta d-Difiża tisħaq li minkejja dan xorta daħħlu fl-istess storja, Theuma jaqbel.
Huwa jiċħad li għamel dan biex jitlob flus mingħand Fenech, biex jhedded li jikxef lil Schembri jew biex jirrikattah.
“Jien kont nitfagħhom ġo keffa waħda bil-ġenn li kelli ġo moħħi,” jgħid Theuma.
L-iskambju jsir aktar tens hekk kif Theuma jirrispondi lura lill-avukata li hi wkoll qed tirrepeti l-istess ħaġa. F’dan il-punt, l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u twissi kemm lil Theuma kif ukoll lid-Difiża li l-kontro-eżami għandu jimxi b’mistoqsija u risposta.
L-għodwa t-tajba u merħba għal-live blog tagħna mill-Qorti.
L-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati għadhom kemm daħlu fl-awla, hekk kif illum mistenni jkompli l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ilbieraħ, id-Difiża kompliet tagħfas lil Theuma fuq il-proklama tiegħu, fuq riferimenti għal Keith Schembri u Lawrence Cutajar, u fuq diversi chats, ittri u recordings li fihom ix-xhud ammetta li f’ċerti każi kien gideb jew “jibluffja”, filwaqt li baqa’ jinsisti li, skontu, Fenech kien il-mandant tal-qtil.