Theuma jgħid li beda jħossu magħsur finanzjarjament mill-aħwa Degiorgio hekk kif it-talbiet għall-flus baqgħu jiżdiedu
F’ġurnata oħra ta’ recordings sigrieti fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma qal li kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa Degiorgio kwieti, iżda sostna li t-talbiet kontinwi għall-flus saru piż dejjem akbar fuqu. Il-ġurati semgħu wkoll dwar allegata informazzjoni fuq interċettazzjoni tal-mobile tiegħu, riferimenti għal Keith Schembri u Silvio Valletta, il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia u t-tħassib ta’ Theuma li kien wasal biex jiġi arrestat
minn Jaelle Borg
Il-pressjoni finanzjarja li Melvin Theuma jgħid li spiċċa taħtha minħabba talbiet kontinwi mill-aħwa Degiorgio kienet waħda mill-linji ewlenin li ħarġu mix-xhieda tiegħu fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, hekk kif il-Prosekuzzjoni kompliet tgħaddi lill-ġurati sensiela ta’ recordings sigrieti tal-konversazzjonijiet bejn iż-żewġt irġiel.
Theuma qal li wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien jagħmel minn kollox biex George u Alfred Degiorgio jibqgħu kwieti u ma jitkellmux, iżda sostna li maż-żmien it-talbiet għall-flus bdew jiżdiedu u jsiru piż fuqu.
Fost l-akbar ammonti li semma kien hemm €60,000, li qal li ħallas minn butu lil Mario Degiorgio biex jingħataw lis-sieħba ta’ George Degiorgio. Theuma qal li dan il-ħlas sar fil-garaxx ta’ Johann Cremona f’Ħal Qormi.
Skont ix-xhud, meta informa lil Fenech dwar dak li kien ħallas, Fenech eventwalment tah lura l-ammont.
Theuma qal li ma kellux problema jgħin lill-familja b’affarijiet żgħar, saħansitra jixtrilhom ikel, iżda €60,000 kienu wisq. Qal ukoll li dak iż-żmien kien jaħseb li t-talba kienet ġejja minn George Degiorgio waħdu u mhux minn Alfred.
Huwa spjega li kien lest iħallas lura lil Fenech b’pagamenti ta’ €5,000 fix-xahar, għax, fi kliemu, ma riedx jidher li kien qed “jilgħab” bih.
“Jien biss kont il-kuntatt tagħhom”
Theuma qal li r-raġuni għaliex kien tant imħasseb li l-aħwa Degiorgio jibqgħu kwieti kienet li hu kien l-uniku kuntatt tagħhom fil-pjan tal-qtil.
Skont ix-xhud, l-aħwa ma kellhomx kuntatt dirett ma’ Fenech u saru jafu bl-isem tiegħu biss aktar tard, mill-aħbarijiet.
F’recording ieħor, Theuma qal li Fenech kien qallu biex iwassal lil Mario Degiorgio l-messaġġ li l-flus lill-aħwa kienu se jibqgħu għaddejjin “sal-aħħar”.
Il-ġurati semgħu wkoll lil Fenech iwissi lil Theuma biex joqgħod attent bil-mobile u, f’parti oħra, jitkellem dwar il-ħtieġa li ssir “ftit pressjoni” fuq Mario Degiorgio biex ma jitkellimx.
Aktar tard fl-istess recording, Fenech jinstema’ jgħid: “Irridu nkomplu b’ħajjitna.”
Theuma: Fenech qal li ħallas biex tinqatel Daphne
Aktar kmieni fil-jum, il-Prosekutur Godwin Cini staqsa lil Theuma jekk qattx sema’ lil Fenech jirreferi għalih innifsu bħala l-persuna ewlenija wara l-qtil.
Theuma wieġeb fl-affermattiv u qal li Fenech kien jgħidlu li kien “ħawwad kollox” u li kien ħallas biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Theuma qal ukoll li Johann Cremona kien jgħidlu li Fenech ma riedx lil Daphne “madwaru” fi żmien meta, skont ix-xhud, Fenech kien sejjer tajjeb f’ħajtu.
F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jitkellem dwar il-laptop ta’ Daphne u jgħid li seta’ joħloq aktar konfużjoni fl-investigazzjoni.
Theuma qal li Fenech kien jemmen li dak kollu li seta’ joħroġ mil-laptop kien diġà ħareġ, iżda hu personalment kien aktar jibża’ li l-aħwa Degiorgio jitkellmu milli minn dak li seta’ jinstab fl-apparat.
“Taħt il-Labour kien sod”
Il-ġurati semgħu wkoll recording li fih Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech li kieku kien fil-pożizzjoni tiegħu, kien jagħmel minn kollox biex isib soluzzjoni, anke billi jkellem lill-Prim Ministru.
Mistoqsi għaliex kien qal hekk, Theuma qal li dak iż-żmien kien iqis lil Joseph Muscat bħala persuna b’saħħitha politikament u li Fenech kien jgħidlu li taħt Gvern Laburista kien “sod” u li ħadd ma seta’ jmissu.
Madankollu, Fenech jinstema’ jirrifjuta l-idea li jkellem lil Muscat, u jgħid li dan kien ikun “l-akbar żball ta’ ħajti.”
Theuma qal ukoll li Fenech ma riedx idaħħal aktar persuni fil-kwistjoni u kien jippreferi li kollox jibqa’ bejniethom. Skontu, Fenech kien diġà jqis dak li kien ġara bħala żball, u li li jitlob għajnuna minn persuna oħra bħal Prim Ministru kien ikun “żball triplu.”
Theuma jgħid li kien avżat li l-mobile tiegħu kien qed jiġi interċettat
F’wieħed mill-aktar punti b’saħħithom tas-seduta ta’ wara nofsinhar, Theuma qal li Johann Cremona kien avżah li l-mobile tiegħu kien qed jiġi interċettat u tah parir biex jibdlu.
Meta l-Prosekuzzjoni staqsietu minn fejn, skontu, Cremona kien kiseb din l-informazzjoni, Theuma wieġeb: “Keith Schembri.”
Fir-recording, Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech li kien qed jiġi investigat fuq il-“ċipep” tiegħu — il-kelma li kien juża għall-USB pendrives.
Theuma qal ukoll li f’recording ieħor kien qed jitlob lil Fenech biex jistaqsi lil Keith Schembri dwar l-investigazzjoni fuqu.
Skont ix-xhud, Fenech wieġbu li l-investigazzjoni kienet “spiċċat” u “mejta”, iżda Theuma qal li dan ma serraħlux rasu.
Huwa kien iħoss li kien wasal viċin ħafna tal-arrest.
Silvio Valletta u laqgħat f’Portomaso
F’recording ieħor, Theuma qal li l-konversazzjoni kienet seħħet fi żmien meta l-eks Deputat Kummissarju Silvio Vallettakien mistenni jiltaqa’ ma’ Fenech f’Portomaso.
Skont Theuma, dak iż-żmien kien hemm diskussjoni dwar il-possibbiltà li Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni tal-qtil.
Theuma sostna li Valletta kien jiltaqa’ ma’ Fenech biex “jixorbu whisky u jitkellmu.”
F’parti oħra tar-recordings, iżda, l-awdjo kien tant fqir li ma setax jinftiehem sew. Il-Qorti ma ppermettietx lill-Prosekuzzjoni taqra l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ kliem li ma kienx appoġġjat minn transcript uffiċjali.
Il-laptop ta’ Daphne u “300 persuna”
Theuma qal ukoll li Fenech kien isemmi numru kbir ta’ persuni li setgħu kellhom motiv biex jagħmlu ħsara lil Daphne.
Skont ix-xhud, Fenech kien jirreferi għal madwar “300 persuna” li setgħu jissemmew fil-laptop tagħha.
Theuma qal ukoll li Fenech kien jagħmel allegazzjonijiet dwar membri tal-familja Caruana Galizia u kien isostni li l-familja kellha interess “tħawwad l-ilmijiet” meta l-laptop intbagħat il-Ġermanja.
Theuma qal ukoll li Fenech kien isemmi persuni magħrufa bħala “tad-diesel” u “il-Bona”, filwaqt li Johann Cremonakien isemmilu diversi ismijiet oħra.
David Gatt, Chris Cardona u “Ramon”
Theuma qal lill-Qorti li Mario Degiorgio kien semmielu lil David Gatt, li min-naħa tiegħu kien għamel referenza għal Chris Cardona.
Skont Theuma, Mario Degiorgio kien qallu li Gatt wissieh li jekk l-aħwa jikxfu allegat involviment ta’ Cardona, huma kienu se jbatu l-konsegwenzi.
Theuma semma wkoll persuna msejħa “Ramon”, li skont dak li kien intqallu kienet għaddiet €3,000 lill-aħwa Degiorgio.
F’konversazzjoni oħra, Theuma qal li Fenech kien isostni li Cardona seta’ jgħinhom minħabba l-konnessjonijiet tiegħu fiċ-ċrieki ġudizzjarji, iżda li meta Mario Degiorgio allegatament talab l-għajnuna tiegħu, Cardona ma tax kasu.
Theuma jiftakar il-vġili għal Daphne
Waħda mill-aktar partijiet emozzjonanti tas-seduta waslet meta f’recording Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech: “Min jaf x’se jkun hemm il-Belt illejla.”
Theuma spjega li kien qed jirreferi għal waħda mill-vġili ta’ kull xahar għal Daphne Caruana Galizia.
Qal li meta kien jara lill-ġenituri tagħha fuq quddiem tal-folla kien jaħseb:
“X’għamilt lil dawn in-nies?”
Aktar tard, Theuma reġa’ deher emozzjonat waqt li tkellem dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Fenech.
“Għext ħajti miegħu,” qal, waqt li sostna li Fenech kien jgħidlu li jiġri x’jiġri kienu se jgħaddu minnha flimkien.
Il-Prosekuzzjoni kellha titolbu jikkalma u joqgħod attent għal leħnu hekk kif beda jagħmel sforz biex ikompli jitkellem.
Recordings diffiċli biex jinftiehmu joħolqu argumenti fl-awla
Lejn tmiem is-seduta, il-kwalità ta’ xi recordings saret kwistjoni fiha nnifisha.
F’aktar minn okkażjoni waħda, Theuma qal li ma setax jifhem x’kien qed jingħad. Peress li għal xi recordings ma kien hemm l-ebda transcript uffiċjali, id-Difiża oġġezzjonat meta l-Prosekuzzjoni ppruvat tindika x’kienet qed tisma’.
L-Imħallef Edwina Grima wissiet li transcripts mhux uffiċjali ma jistgħux jintużaw biex jiġu ssuġġeriti l-kliem lix-xhud.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li ċerti partijiet jindaqqu aktar bil-mod u li l-ġurati jingħataw headphones biex jisimgħuhom aħjar.
F’ħin minnhom, l-espert tal-Qorti Martin Bajada intalab jekk setax inaqqas il-veloċità tal-awdjo għal 0.5x. Huwa wieġeb li teknikament seta’ jagħmel ħafna affarijiet, iżda ma kienx ċert li dak kien il-proċess korrett.
Il-Qorti ttemm is-seduta u titlob tentattiv biex jitjieb l-awdjo
L-Imħallef iddeċidiet li ttemm il-ġurnata.
Il-ġurati tħallew joħorġu mill-awla, filwaqt li l-Prosekuzzjoni talbet lill-esperti tal-Qorti jippruvaw itejbu l-kwalità ta’ ċerti recordings qabel is-seduta ta’ għada.
L-Imħallef qalet li se jsir tentattiv, iżda fakkret lill-Prosekuzzjoni li “kellkom biżżejjed żmien biex tippreparaw it-transcripts.”
B’hekk intemmet ġurnata oħra twila fil-ġuri, b’Melvin Theuma jibqa’ fuq il-pedana tax-xhud u aktar recordings mistennija jinstemgħu fis-seduta li jmiss.

Il-Prosekuzzjoni kienet se tkompli b’aktar recordings, fosthom uħud li m’għandhomx transcript uffiċjali, iżda l-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li ttemm is-seduta tal-lum.
Il-ġurati jingħataw permess joħorġu mill-awla.
Qabel jintemmu l-proċeduri, il-Prosekuzzjoni tistaqsi lill-esperti tal-Qorti jekk jistax isir xogħol biex titjieb il-kwalità ta’ wħud mir-recordings qabel is-seduta ta’ għada.
L-Imħallef tgħid li se jsir tentattiv biex l-awdjo jkun aktar ċar, iżda tirrimarka wkoll lill-Prosekuzzjoni: “Kellkom biżżejjed żmien biex tippreparaw it-transcripts.”
L-Imħallef imbagħad toħroġ mill-awla u b’hekk tintemm is-seduta tal-lum.
Id-Difiża terġa’ toġġezzjona hekk kif il-Prosekuzzjoni tipprova tindika x’jista’ jkun qed jingħad f’recording li jibqa’ diffiċli biex jinftiehem.
L-Imħallef Edwina Grima tagħmel twissija ċara li transcripts mhux uffiċjali ma jistgħux jinqraw fil-Qorti biex jgħinu fl-interpretazzjoni tal-awdjo.
Il-Prosekutur Godwin Cini jitlob li jerġgħu jindaqqu ftit sekondi speċifiċi mir-recording. L-awdjo jerġa’ jindaqq, iżda xorta jibqa’ ma jinftiehemx.
Meta Cini jistaqsi lil Melvin Theuma jekk fehemx x’intqal, ix-xhud ixengel rasu.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad titlob li l-ġurati jisimgħu dik il-parti bil-headphones.
Il-Qorti tilqa’ t-talba, u l-ġurati se jingħataw l-opportunità jisimgħuha b’dan il-mod aktar tard
Il-Qorti terġa’ tisma’ recording li kien diġà ndaqq aktar kmieni, iżda li baqa’ diffiċli biex jinftiehem.
Peress li għal dan l-awdjo m’hemmx transcript uffiċjali, il-Prosekutur ma jitħalliex jaqra interpretazzjoni tiegħu stess ta’ dak li jidhirlu li qed jingħad.
Melvin Theuma jgħid sempliċement: “Ma nistax nifhem.”
Il-Prosekuzzjoni mbagħad titlob jekk l-espert tal-IT tal-Qorti Martin Bajada jistax inaqqas il-veloċità tar-recording għal 0.5x, bit-tama li l-kliem jinstema’ aħjar kemm minn Theuma kif ukoll mill-ġurati.
Bajada jwieġeb: “Nista’ nagħmel ħafna affarijiet, imma ma naħsibx li dak hu l-proċess.”
L-avukat tad-difiża Charles Mercieca jinnota li r-recordings ilhom jindaqqu bl-istess veloċità matul il-ġurnata kollha.
Il-Prosekuzzjoni ddoqq recording ta’ madwar tliet sekondi li fih tinstema’ mara tispjega lil Melvin Theuma kif juża l-apparat tar-recording.
Ma jsirux mistoqsijiet oħra dwar il-kontenut tal-awdjo, ħlief biex Theuma jidentifika min kienet il-persuna li kienet qed titkellem.
Ix-xhud jikkonferma li kienet Chayenne, bint is-sieħba tiegħu.
F’recording ieħor li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jispjega li kien qed jitlob lil Yorgen Fenech biex jistaqsi lil Keith Schembri dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja fuqu.
Skont Theuma, Fenech wieġbu li l-investigazzjoni kienet “spiċċat” u li kienet “mejta”, iżda dan ma serraħlux rasu.
Ix-xhud jgħid li, minkejja dak li qallu Fenech, hu kien iħoss li l-arrest tiegħu kien qrib ħafna.
Fl-istess recording, Theuma u Fenech jitkellmu wkoll dwar min seta’ jkun l-Imħallef assenjat għall-ġuri tal-aħwa Degiorgio.
Theuma jgħid lill-ġurati li kien sema’ li l-każ seta’ jingħata lill-Imħallef Aaron Bugeja, iżda ma jiftakarx min kien tah dik l-informazzjoni.
Il-ġurati jisimgħu parti oħra minn recording, iżda l-awdjo jibqa’ diffiċli biex jinftiehem.
Melvin Theuma jispjega li Yorgen Fenech kien qed iwissih biex jiċċekkja jekk il-mobile tiegħu kienx issettjat biex jagħmel backup awtomatiku tal-messaġġi ta’ WhatsApp. Skont Theuma, Fenech kien semmielu li l-mobile ta’ martu kien jagħmel hekk.
Aktar tard fil-konversazzjoni jissemma wkoll Raymond Aquilina.
Theuma jgħid lill-Qorti li r-referenza għal Aquilina kienet marbuta ma’ ittra ta’ sanzjoni dwar proprjetà f’San Ġwann.
F’recording ieħor li sar waqt vjaġġ bil-karozza, Melvin Theuma jinstema’ jgħid lil Yorgen Fenech li kien qed jiġi investigat minħabba l-“ċipep” tiegħu — il-kelma li kien juża biex jirreferi għall-USB pendrives.
Theuma jispjega li kien Johann Cremona li qallu bl-investigazzjoni u li tah ukoll parir biex ibiddel il-mobile, għax skontu kien qed jiġi interċettat.
Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Theuma minn fejn, skontu, Cremona kien kiseb dik l-informazzjoni.
Theuma jwieġeb: “Keith Schembri.”
Fir-recording, Melvin Theuma jinstema’ jgħid lil Yorgen Fenech: “Min jaf x’se jkun hemm il-Belt illejla.”
Theuma jispjega li kien qed jirreferi għall-folol li kienu jinġabru l-Belt Valletta waqt waħda mill-vġili ta’ kull xahar b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia.
Theuma jgħid li f’xi okkażjonijiet kien jara lill-ġenituri ta’ Daphne fuq quddiem tal-folla, u dan kien iqanqallu sens qawwi ta’ ħtija.
“Kont ngħid bejni u bejn ruħi: ‘ ara x’għamiltilhom lil dawn in-nies’” jgħid.
Jinstema' recording fejn Melvin Theuma jagħti l-kuntest. Jgħid li kien ġabar lil Yorgen Fenech mill-ajruport u, waqt il-vjaġġ, ilmenta miegħu dwar problema li kellu ma’ Enemalta.
Theuma jispjega li ried jinstalla meter tad-dawl u l-ilma f’għalqa tiegħu, iżda Enemalta kienet qaltlu li x-xogħol ma kienx sar kif suppost.
Skont ix-xhud, Fenech imbagħad ċempel lil Charlene Farrugia Bianco, li Theuma jidentifika bħala s-segretarja ta’ Keith Schembri, biex jipprova jgħinu fil-kwistjoni.
Theuma jgħid li aktar tard iltaqa’ magħha Kastilja, iżda Farrugia Bianco qaltlu li ma setgħetx tgħinu.
Jgħid ukoll li kien jafha minn qabel, għax f’xi okkażjonijiet kien saq lilha u lil Fenech.
Lura fl-awla
Pawża sal-16:30pm
F’recording ieħor li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jikkonferma li l-konversazzjoni kienet bejnu u Yorgen Fenechfir-ranch ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ. Skont Theuma, il-laqgħa kienet seħħet il-Ħadd filgħodu.
F’parti mill-awdjo, Theuma jinstema’ jgħid li kienu qed “jagħmlu xi tikka għaġeb iżżejjed”. Mistoqsi mill-Prosekutur Godwin Cini għaliex kien qal hekk, Theuma jispjega li dak iż-żmien ċerti żviluppi ma baqgħux jidhru fl-aħbarijiet u kien qed jipprova jifhem x’kien qed jiġri.
Fir-recording, Fenech jinstema’ jwieġbu b’mod li jindika li Theuma ma kellux għalfejn jinkwieta. Theuma iżda jkompli jgħidlu li kien jibża’ li “nidħlu fis-shit”.
Fenech jinstema’ jistaqsih: “Xi tridni nagħmel?”
Theuma jwieġeb li Fenech lanqas biss kien tah ħjiel ta’ x’kellhom jagħmlu. Ix-xhud, jispjega li kien qed jirreferi għall-fatt li ma kellux idea x’kien se jiġri jekk jinqabdu.
Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid li f’dak l-istadju ma kienx jemmen li se tingħata maħfra.
Ftit wara, jinstema’ jħeġġeġ lil Melvin Theuma biex jitlaq għal ftit jiem mal-familja u jipprova jneħħi moħħu mill-inkwiet.
“Mur, ħudhom u mur oqgħod tlett ijiem xi mkien.....aktar ma tibqa’ tinkwieta, agħar,” jinstema’ jgħid Fenech.
Theuma jispjega li kien proprju f’dak il-perjodu li Fenech tah flus biex imur vaganza mal-familja.
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li r-recording li jmiss sar fi żmien meta l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta kien mistenni jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’Portomaso.
Skont Theuma, dak iż-żmien kien hemm ukoll diskussjoni dwar il-possibbiltà li Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud isostni li Valletta kien jiltaqa’ ma’ Fenech biex “jixorbu whisky u jitkellmu.”
L-awdjo nnifsu jibqa’ diffiċli biex jinftiehem, iżda fih jinstemgħu referenzi għal SMS, għal “wieħed mill-aħwa” u għal messaġġ mibgħut lil Cardona.
Fil-Qorti jkompli jindaqq recording bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, iżda parti mill-awdjo tkun diffiċli biex tinftiehem.
F’ħin minnhom, Fenech jinstema’ jgħid kliem li jinkludi l-frażi “aħna l-irġulija biss urejna”. Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Theuma x’kien qed jingħad u f’liema kuntest, ix-xhud jgħid li ma jistax jifhem sew il-kliem, wisq inqas il-kuntest.
Cini jipprova jkompli billi jirreferi għal dak li jidhirlu li nstema’ fir-recording, iżda d-Difiża toġġezzjona, billi ssostni li ma jistax jissuġġerixxi hu x’qed jingħad, speċjalment peress li għal dan l-awdjo m’hemmx transcript.
L-Imħallef Edwina Grima tordna li r-recording jerġa’ jindaqq. Tgħid li jekk Theuma xorta ma jkunx jista’ jifhem x’qed jingħad, il-Qorti jkollha tgħaddi għar-recording li jmiss.
Il-Prosekuzzjoni titlob ukoll li Theuma jingħata headphones biex ikun jista’ jisma’ l-awdjo aħjar. Sakemm jitħejja dan, il-Qorti tgħaddi għal recording ieħor.
Il-Qorti terġa’ tisma’ recording ieħor ta’ konversazzjoni bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.
Fenech jinstema’ jgħid li kultant kien jaħseb li jkun aħjar jekk “jitilqu”, filwaqt li Theuma jwieġeb: “Jien irridhom jitilqu.”
Mit-tarf tax-xhud, Theuma jispjega lill-ġurati li f’dik il-parti tal-konversazzjoni hu u Fenech kienu qed jirreferu għall-aħwa Degiorgio.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew hekk kif l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati jidħlu lura fl-awla.
Mistenni jkompli s-smigħ tax-xhieda ta’ Melvin Theuma u tar-recordings li l-Prosekuzzjoni qed tgħaddi quddiem il-ġurati.
Nieqfu għal pawża ta' waranofsinhar, inkomplu fit-3pm
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma għaliex semma lil Johann Cremona fil-kuntest tal-ħlas ta’ €60,000 lil Mario Degiorgio.
Theuma jispjega li l-flus ingħataw fil-garaxx ta’ Cremona f’Ħal Qormi.
Hekk kif ikompli jixhed, Theuma jibda jgħolli leħnu waqt li jitkellem dwar Yorgen Fenech, huwa jinstema' jaqta nifsu u jkolli jieqaf għal ftit.
“Għext ħajti miegħu,” jgħid Theuma, filwaqt li jżid li Fenech kien jgħidlu li, jiġri x’jiġri, kienu se jgħaddu minn kollox flimkien.
Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma u Yorgen Fenech jitkellmu dwar il-possibbiltà li l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail.
F’ħin minnhom, Fenech jinstema’ jgħid li kieku l-aħwa jinħelsu bil-bail, x’aktarx jitilqu minn Malta fi żmien ġimgħa, filwaqt li hu kien imur Londra mal-familja tiegħu.
Fil-konversazzjoni tissemma wkoll l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Mistoqsi dwar dan, Theuma jispjega li Ryan Farrugia, is-sieħeb ta’ bint is-sieħba tiegħu, kellu farmhouse biswit tagħha u li f’okkażjoni minnhom tkellem magħha. Skont Theuma, hija kienet qaltlu li eventwalment l-aħwa Degiorgio x’aktarx jingħataw il-bail.
Theuma jgħid ukoll li ried jibqa’ ġust ma’ Fenech u kien lest iħallsu lura s-€60,000 b’pagamenti ta’ €5,000 fix-xahar.
“Ma ridtx nidher qisu qed nidħaq b’Yorgen,” jgħid Theuma, filwaqt li jsostni li Fenech kien involut finanzjarjament permezz tal-€150,000 li, skontu, tah biex jgħaddihom lill-aħwa Degiorgio.
Ix-xhud iżid li r-raġuni għaliex kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa Degiorgio kwieti kienet li hu kien l-uniku kuntatt tagħhom fil-pjan tal-qtil. Skontu, huma saru jafu bl-isem ta’ Yorgen Fenech biss aktar tard, mill-aħbarijiet.
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li wara l-qtil kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa Degiorgio sodisfatti u ma jitkellmux, iżda ammetta li f’ċertu punt it-talbiet għall-flus bdew isiru wisq għalih.
Theuma jgħid li meta ntalbu €60,000, ħass li l-ammont kien piż kbir. Skontu, Yorgen Fenech kien qallu li ma setgħux jabbandunaw lill-aħwa Degiorgio u eventwalment kien hu li kopra l-ammont.
Ix-xhud jgħid li ma kellux problema jgħinhom b’affarijiet żgħar, bħal jixtrilhom laħam għall-familja, iżda €60,000 kienu storja oħra.
Theuma jżid li dak iż-żmien kien jemmen li t-talba kienet ġejja minn George Degiorgio waħdu, u li ħuh Alfred Degiorgio ma kellux x’jaqsam magħha.
Fil-konversazzjoni li qed tinstema’ fil-Qorti, Melvin Theuma u Yorgen Fenech jitkellmu wkoll dwar flat fis-Swieqi li Theuma jgħid li kien xtara mingħand persuna msejħa Silvan, li min-naħa tiegħu kien akkwistah mingħand Dernis.
Aktar tard, Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech li, kieku l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail, kien se jmur għand Mario Degiorgio u jfakkru kemm kien diġà nefaq flus fuq ħutu, lil hinn mill-€150,000 li Theuma jgħid li tħallsu għall-qtil.
F’parti oħra tar-recording, Fenech jinstema’ jwissih: “Oqgħod attent bit-telefon.” Theuma jwieġeb li ma kienx qed jużah.
Mit-tarf tax-xhud, Theuma jispjega li dak iż-żmien kien qed juża biss WhatsApp, u jgħid li Fenech kien spiss iwissih biex joqgħod attent kif juża l-mobile tiegħu.
Theuma jgħid ukoll li kien ħallas €60,000 minn flusu stess lil Mario Degiorgio biex dawn jingħataw lis-sieħba ta’ George Degiorgio. Skontu, meta informa lil Fenech b’dan, Fenech irrimborsah l-ammont.
Momentum titlob investigazzjonijiet usa’ dwar dak li qed joħroġ fil-ġuri
Aktar kmieni llum, Momentum appellat lill-awtoritajiet biex ma jieqfux biss fuq il-proċess kontra Yorgen Fenech, iżda jinvestigaw separatament kull evidenza li tista’ timplika persuni oħra jew tindika reati oħra.
Il-partit qal li x-xhieda u l-provi li qed joħorġu fil-ġuri qed iqajmu mistoqsijiet usa’ dwar ir-relazzjoni bejn il-poter politiku, in-negozju, il-kriminalità organizzata u l-istituzzjonijiet tal-Istat, b’referenza wkoll għall-allegazzjonijiet dwar informazzjoni mill-investigazzjoni tal-Pulizija li setgħet kienet qed tasal għand persuni marbuta mal-każ.
Il-Kap ta’ Momentum Arnold Cassola qal li l-kwistjoni mhix biss min qatel lil Daphne Caruana Galizia, iżda jekk ġiex skopert in-network kollu li seta’ għamel il-qtil possibbli. Il-partit saħaq li l-ġurati għandhom jiddeċiedu biss dwar ir-responsabbiltà ta’ Fenech fuq l-akkużi quddiemhom, iżda kull element ieħor li joħroġ għandu jiġi segwit mill-awtoritajiet kompetenti.
Aqra l-artiklu sħiħ billi tagħfas fuq din
Lura fl-awla
Wara argument qasir bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża dwar il-mod kif kienu qed jiġu fformulati l-mistoqsijiet mill-Uffiċjal Prosekutur, il-Qorti għaddiet għal proċess ta’ verbalizzazzjoni dwar il-kwistjoni.
Is-seduta ġiet sospiża u mistennija tkompli għall-ħabta tal-11.45am.
Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid lil Melvin Theuma li, ladarba jagħti kelmtu, iżommha, iżda li f’ċertu punt kien hemm bżonn “ftit pressjoni” fuq Mario Degiorgio biex ma jitkellimx.
Fenech jinstema’ jgħid ukoll lil Theuma li, skontu, “għandu l-liġi fuq in-naħa tiegħu”.
Il-Prosekutur Godwin Cini mbagħad jistaqsi lil Theuma fejn kien iżomm l-apparat li bih kien jirrekordja dawn il-konversazzjonijiet.
Theuma jgħid li normalment kien jaħbih fil-kalzetta jew fil-bieba tan-naħa tax-xufier.
Aktar tard fl-istess recording, Fenech jinstema’ jgħid: “Irridu nkomplu b’ħajjitna.”
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li Yorgen Fenech kien qallu biex iwassal messaġġ lil Mario Degiorgio li l-flus lill-aħwa kienu se jibqgħu jingħataw “sal-aħħar.”
Aktar tard fil-konversazzjoni, Fenech jinstema’ jirreferi għall-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħid li kien hemm madwar “300 persuna” imsemmija fih li, skontu, setgħu kellhom motiv biex jagħmlulha l-ħsara.
Theuma jgħid li Fenech kien isostni wkoll li l-familja Caruana Galizia kellha interess tħawwad l-ilmijiet meta bagħtet il-laptop il-Ġermanja.
Skont Theuma, Fenech kien jagħmel ukoll allegazzjonijiet li kien sema’ mingħand ommu dwar ir-raġel ta’ Daphne u binha Matthew, u kien jgħid li setgħu kienu involuti għax il-karozza kienet tħalliet barra d-dar.
Theuma jgħid ukoll li kien semma lil Fenech il-fatt li r-raġel ta’ Daphne kien beda jwaqqa’ xi kawżi ta’ libell kontra ċerti persuni.
F’parti oħra tal-konversazzjoni li qed tiġi analizzata fil-Qorti, Melvin Theuma u Yorgen Fenech jiddiskutu l-€75,000 li kienu tħallsu lill-avukat tal-aħwa Degiorgio.
Theuma jgħid lill-ġurati li l-interess ta’ Fenech f’din il-kwistjoni kien ġej, skontu, mill-fatt li Fenech kien il-mandant ewlieni u l-persuna li ħallset €150,000 lil Alfred Degiorgio.
Ix-xhud iżid li, fl-opinjoni tiegħu, l-aħwa Degiorgio ma kellhomx ċans jingħataw il-bail qabel ma tintemm il-kumpilazzjoni tal-evidenza, irrispettivament minn kemm kienu qed iħallsu lill-avukati tagħhom.
Theuma jgħid ukoll li Fenech ma riedx idaħħal aktar nies fil-kwistjoni u kien jippreferi li kollox jibqa’ bejnu u bejn Theuma.
Skont ix-xhud, Fenech kien diġà qallu li kien għamel żball, u li jekk imbagħad imur jitlob l-għajnuna ta’ persuna oħra — bħall-Prim Ministru — dak kien ikun “żball triplu.”
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li Yorgen Fenech kien isemmi diversi persuni oħra li, skontu, setgħu jiġu ppreżentati bħala kompliċi jew persuni marbuta mal-assassinju.
Theuma jsemmi fosthom lil “tad-diesel” u “il-Bona”, u jgħid li Fenech saħansitra kien jipprova jitfa’ suspett fuq iben Daphne Caruana Galizia, billi jgħid li kien ħalla l-karozza tagħha barra apposta.
Ix-xhud jgħid ukoll li Johann Cremona kien isemmilu ħafna ismijiet. F’okkażjoni minnhom, skont Theuma, Cremona qallu li l-avukat Arthur Azzopardi kien irċieva €100,000 għal Vince Muscat, il-Koħħu, iżda ma rnexxilux jgħaddihomlu qabel ma dan spiċċa l-ħabs.
Theuma jgħid li f’dak iż-żmien kien spiss ikollu s-sens li Fenech kien jaf affarijiet li hu ma kienx jaf bihom.
F’konversazzjoni oħra, Fenech allegatament qal lil Theuma li Chris Cardona kien l-uniku wieħed li seta’ jgħinhom minħabba l-konnessjonijiet u l-popolarità tiegħu fiċ-ċrieki ġudizzjarji.
Skont Theuma, Fenech kien qallu wkoll li Mario Degiorgio kien avviċina lil Cardona biex jitlob l-għajnuna, iżda Cardona ma tax kasu.
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li Johann Cremona darba urieh ritratt ta’ raġel li deher ħdejn Chris Cardona u qallu li dan kien minn Birkirkara.
Skont Theuma, Cremona kien iddeskrivieh ukoll bħala l-middleman ta’ Cardona.
Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih min kien dan ir-raġel, Theuma jgħid li ma jiftakarx ismu sħiħ, iżda jiftakar li kien jibda bl-ittra “B”.
Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li hu kien jemmen li l-FBI kien ġabar evidenza sostanzjali kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, wara li kien qara fil-media dwar dak li kien ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tagħhom.
Skont Theuma, Yorgen Fenech kien, min-naħa tiegħu, jgħidlu li l-FBI ma kellu xejn kontra t-tnejn li huma.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk Mario Degiorgio qattx semmielu persuni oħra f’dan il-kuntest. Theuma jgħid li Degiorgio kien semma lil David Gatt, li min-naħa tiegħu kien irrefera għal Chris Cardona.
Theuma jgħid li Mario Degiorgio kien qallu li Gatt wissieh li jekk l-aħwa jikxfu allegat involviment ta’ Cardona, kienu se jbatu l-konsegwenzi.
Ix-xhud iżid li Mario Degiorgio kien semmielu wkoll persuna msejħa “Ramon”, li allegatament kienet għaddiet €3,000lill-aħwa.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma jekk qattx sema’ lil Yorgen Fenech jirreferi għalih innifsu bħala l-persuna ewlenija wara l-qtil.
Theuma jwieġeb li iva, u jgħid li Fenech kien jgħidlu li kien ħawwad kollox u li kien hu li ħallas biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud iżid li Johann Cremona kien jgħidlu wkoll li Fenech ma riedx lil Daphne “madwaru”, fi żmien meta, skont Theuma, Fenech kien sejjer tajjeb f’ħajtu.
F’parti oħra tar-recording, Fenech jinstema’ jgħid li l-laptop ta’ Daphne seta’ joħloq aktar konfużjoni, u jirreferi għall-fatt li kienet kitbet dwar ħafna persuni f’Malta.
Theuma jgħid li Fenech kien jaf li l-laptop kien f’idejn il-familja ta’ Daphne, iżda kien jemmen li dak kollu li seta’ joħroġ minnu kien diġà ħareġ.
Minkejja dan, Theuma jgħid li hu personalment kien aktar imħasseb li l-aħwa Degiorgio jitkellmu mal-investigaturi milli minn dak li seta’ jinstab fil-laptop.
Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jitkellem dwar il-proċeduri u jgħid: “Mija fil-mija, qatt ma sar ġuri hekk malajr u jintrebaħ.”
Melvin Theuma jispjega li, kif fehemha hu, Fenech kien qed jirreferi għall-possibbiltà li l-Prosekuzzjoni titlef il-każ.
Ftit wara, Fenech jinstema’ jerġa’ jinsisti: “Jafu żgur, jafu li ħa jitilfu żgur.”
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Theuma jekk kienx jaf għal min, speċifikament, Fenech kien qed jirreferi min-naħa tal-Prosekuzzjoni.
Theuma jwieġeb li ma kienx jaf.
Fir-recording, Melvin Theuma jinstema’ jgħid lil Yorgen Fenech li, kieku kien fil-pożizzjoni tiegħu, kien jagħmel minn kollox biex isib soluzzjoni — saħansitra jkellem lill-Prim Ministru.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex kien qal hekk.
Theuma jwieġeb li dak iż-żmien kien iqis lil Joseph Muscat bħala persuna b’saħħitha ħafna politikament, u jgħid li Fenech kien jgħidlu li taħt Gvern Laburista kien “sod” u li ħadd ma seta’ jmissu.
Madankollu, fir-recording Fenech ma jaqbilx ma’ din l-idea u jinstema’ jgħid li li jmur ikellem lil Joseph Muscat kien ikun “l-akbar żball ta’ ħajti.”
Melvin Theuma, fir-recording, jinstema’ jgħid li “l-kumpilazzjoni waslet”.
Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex kien qal hekk, iżda Theuma jgħid li ma jiftakarx eżattament u li dak iż-żmien kien qed jirrepeti informazzjoni li kien jgħaddilu Mario Degiorgio.
Ftit wara, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid: “Jaqtgħuhielhom dik, naħseb.” Theuma jikkonferma li din kienet referenza għall-wegħda tal-bail lill-aħwa Degiorgio.
F’parti oħra tal-istess recording, Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech: “Ma rridx titfixkel u naqgħu f’saqajna.”
Theuma jispjega li b’dan ried jgħid li ma riedx lil Fenech jagħmel xi żball li jwassal biex jinqabdu.
Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid frażi li tinkludi l-kliem “nigdeb fuq in-nies u nweġġa’ n-nies”. Melvin Theuma jgħid li din ir-referenza kienet għal Daphne Caruana Galizia.
Theuma jispjega wkoll li dak iż-żmien kien imħasseb ħafna dwar il-laptop ta’ Daphne, li kemm hu kif ukoll Fenech kienu jafu li kien f’idejn l-awtoritajiet Ġermaniżi.
Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra parti mit-traskrizzjoni, u Theuma jgħid li Fenech kien spjegalu li l-laptop seta’ jwassal lill-investigaturi għal diversi persuni suspettati.
F’ħin minnhom, Fenech jinstema’ jgħid li kien aħjar jekk jibqgħu jinqalgħu problemi jew dubji dwar il-laptop. Theuma jispjega li, kif fehemha hu, aktar ma jkun hemm persuni taħt suspett, aktar kien ikun ta’ vantaġġ għalihom.
Mistoqsi fejn kien ħeba l-apparat waqt ir-recording, Theuma jgħid li żammu fil-kalzetta.
Fil-Qorti jindaqq recording ieħor ta’ konversazzjoni bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, li jidher li seħħ waqt li t-tnejn kienu f’karozza fi triqthom lejn ir-ranch ta’ Fenech f'Ħaż-Żebbuġ.
Theuma jikkonferma li l-vuċijiet fir-recording huma tiegħu u ta’ Fenech. Jgħid li waqt il-vjaġġ kienu raw xi banners marbuta mal-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Prosekutur Godwin Cini jiġbed l-attenzjoni għal mument fejn Theuma jinstema’ jgħid lil Fenech: “Kemm int kalm.”
Mistoqsi għaliex qal hekk, Theuma jispjega li ħass lil Fenech kalm wisq.
Fir-recording, Fenech jinstema’ jwieġeb li jekk ma tibqax kalm, ma tkunx qed iżżomm kollox taħt kontroll.
Theuma jgħid lill-ġurati li, kif fehemha hu, Fenech kien qed jirreferi għall-qtil. Iżid li Fenech kien qallu li kien “maqbud bejn erba’ ħitan” u li ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief jibqa’ kalm.
Bonġu
L-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati jidħlu fl-awla hekk kif jibdew il-proċeduri tal-lum fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-attenzjoni mistennija tibqa’ fuq Melvin Theuma, li għandu jkompli bix-xhieda tiegħu wara s-seduta twila tas-Sibt, meta fil-Qorti ndaqqu diversi recordings sigrieti tal-konversazzjonijiet tiegħu ma’ Fenech.
Nibqgħu nsegwu dak kollu li joħroġ mill-awla matul il-ġurnata.