Ġimgħa ta’ xhieda, biża’ u kontradizzjonijiet fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Minn iben li reġa’ għex quddiem il-ġurati l-aħħar mumenti ta’ ommu, għal intermedjarju li insista li kien hemm “mastermind wieħed biss”, il-ġimgħa fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech kienetwaħda mill-aktar intensi s’issa

Tul ħamest ijiem ta’ seduti, il-ġurati semgħu xhieda dwar il-mumenti immedjati wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar relazzjonijiet bejn Fenech u persuni fl-ogħla livelli tal-poter, dwar allegati pjanijiet ta’ ħarba minn Malta, u dwar il-biża’ ta’ Melvin Theuma li hu stess seta’ jispiċċa maqtul. 

Fl-istess ħin, id-difiża kompliet tattakka l-kredibbiltà, ir-rilevanza u l-interpretazzjoni ta’ parti mill-evidenza li qed titressaq, f’ġuri fejn kull messaġġ, kull memorja nieqsa u kull verżjoni kontradittorja qed jiġu skrutinizzati fid-dettall. 

Fenech qed iwieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ kompliċità fl-assassinju ta’ Caruana Galizia u għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali allegatament marbuta mal-qtil. 

“Kont naf li kienet ommi” 

Il-ġimgħa fetħet b’waħda mill-aktar xhieda emozzjonanti tal-proċess, hekk kif Matthew Caruana Galizia rrakkonta l-mument meta, fis-16 ta’ Ottubru 2017, sema’ l-isplużjoni li qatlet lil ommu. 

Huwa ddeskriva kif ħareġ jiġri mid-dar u lemaħ duħħan iswed, nirien u fdalijiet tal-karozza. 

“Rajt dell iswed... kont naf li kienet ommi,” qal lill-ġurati. 

Matthew irrakkonta wkoll l-istat ta’ xokk li sab ruħu fih, il-mument meta pprova jġiegħel persuni fil-post iċemplu lill-112, u t-tentattivi tiegħu biex jilħaq lil missieru u lil ħuh qabel ma dawn isiru jafu bl-aħbar minn xi mkien ieħor. 

Iżda x-xhieda tiegħu ma waqfitx mal-ġurnata tal-assassinju. 

Huwa spjega kif, qabel il-qtil, kien qed jgħin lil ommu tanalizza d-dokumenti tal-Panama Papers u aktar tard materjal marbut ma’ 17 Black, Macbridge u l-Electrogas. 

Skont Matthew, Daphne kienet diġà qed tistaqsi dwar 17 Black u Macbridge qabel ma hu stess kien sab referenzi għalihom fid-dokumenti leaked. Huwa qal ukoll li kellha sors minn ġewwa l-Electrogas li kien qed jgħaddilha ammont kbir ta’ emails u dokumenti. 

“Konna naħdmu lejl u nhar,” qal. 

Wara l-qtil, Matthew qal li ħalla l-karriera tiegħu bħala software engineer u għamel il-ġustizzja għal ommu l-għan ewlieni ta’ ħajtu. 

Messaġġi minn Silvio Valletta u l-lejl fuq il-yacht 

L-għada, il-ġurati ġew esposti għal għadd ta’ komunikazzjonijiet estratti mill-apparat elettroniku ta’ Fenech. 

Dost l-aktar li spikkaw kien hemm messaġġi bejn Fenech u l-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, li kienu juru relazzjoni personali qrib bejniethom. 

F’messaġġ minnhom, Valletta allegatament sejjaħ lil Fenech “l-aqwa ħabib” tiegħu, filwaqt li f’ieħor kitiblu li kellhom jimxu “pass pass” u li kienu se jkunu warajh. 

Id-difiża, madankollu, enfasizzat li l-konverżazzjonijiet murija lill-ġurati ma kinux jirreferu direttament għall-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Il-Qorti rat ukoll emails li l-prosekuzzjoni qalet li kienu nstabu fuq laptop maqbud mill-jott ta’ Fenech u li kienu jitkellmu dwar armi, munizzjon, silencer u allegat ordni ta’ cyanide. 

Id-difiża oġġezzjonat għall-preżentazzjoni ta’ dan il-materjal u rrimarkat, fost affarijiet oħra, li r-referenza għas-cyanide kienet ta’ madwar sena u nofs wara l-assassinju. 

Aktar tard, l-eks kaptan tal-yachts ta’ Fenech, Logan Wood, irrakkonta l-avvenimenti ta’ Novembru 2019, ftit qabel l-arrest. 

Wood qal li vjaġġ tas-servicing lejn Sqallija kien diġà ppjanat, iżda Fenech talab li jitressaq ’il quddiem. Il-ġurati raw ukoll messaġġi dwar il-ħtieġa li t-tluq “jidher inqas suspettuż”. 

Skont ix-xhud, Fenech tah struzzjonijiet biex jitfi s-sistema AIS tal-jott u biex jiżgura li l-kosta kienet ħielsa qabel it-tluq. 

Fil-bidu tas-sigħat tal-20 ta’ Novembru 2019, il-jott ħareġ minn Portomaso, iżda ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta madwar 20 minuta wara. 

“Se nitlef kollox” F’nofs il-ġimgħa, il-fokus reġa’ dar fuq Melvin Theuma — din id-darba mhux fuq ir-rwol li jgħid li kellu fl-assassinju, iżda fuq l-istat mentali tiegħu wara l-attentat ta’ suwiċidju tiegħu fl-2020. 

Tliet psikjatri li kienu eżaminawh qalu lill-ġurati li Theuma kien qed ibati minn ansjetà, dipressjoni u rimors profond, iżda kien mentalment f’qagħda li jixhed. 

Waqt l-evalwazzjonijiet tiegħu, huwa kien qal li kien konvint li kien se “jitlef kollox”. 

Id-difiża staqsiet lill-esperti dwar kemm setgħu jiddependu fuq dak li qalilhom Theuma, iżda dawn saħqu li xogħolhom kien li jevalwaw il-kundizzjoni psikjatrika tiegħu, mhux li jiddeċiedu jekk il-verżjoni tiegħu kinitx vera. 

Fl-istess seduta, il-ġurati raw sensiela oħra ta’ konverżazzjonijiet fuq WhatsApp mill-apparat ta’ Fenech, inklużi gruppi bl-ismijiet “No Valletta, No Party” u “Sassicaia”. 

Il-messaġġi kienu jinvolvu għadd ta’ persuni pubbliċi u politiċi u messu suġġetti bħal 17 Black, allegati leaks mill-inkjesta tal-qtil, kopertura fil-midja u proġetti kummerċjali. 

Il-preżentazzjoni tal-evidenza elettronika wasslet għal diversi oġġezzjonijiet mid-difiża, li argumentat li ċerti konverżazzjonijiet ma kinux rilevanti għall-akkużi jew kienu protetti mill-privileġġ professjonali legali. 

Adrian Vella u l-memorja li majnat 

Wieħed mill-aktar kapitli kontroversjali tal-ġimgħa wasal max-xhieda tal-eks tabib personali Adrian Vella. 

More in Qrati u Pulizija