Operazzjoni ta’ tfittxija għal turist Ingliż li kien irrappurtat nieqes f’San Ġiljan twaqqfet wara li r-raġel instab qawwi u sħiħ f’żona fil-qrib.
Il-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Pulizija kienu mobilizzati biex ifittxu fil-baħar u fl-inħawi madwar il-Bajja ta’ San Ġorġ.
Dgħajjes tal-AFM kif ukoll ħelikopter dehru jieħdu sehem fl-operazzjoni.
It-turist kien deher l-aħħar ma’ xi ħbieb, li kkuntattjaw lill-Pulizija wara li ma setgħux isibuh u bdew jinkwetaw dwaru.
Madankollu, aktar tard huwa nstab bilqiegħda f’żona fil-qrib.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-każ irriżulta li kien allarm falz.
Dan kien it-tieni intervent simili fi ftit jiem. Nhar il-Ħamis, scooter mitluq taħt irdum fl-inħawi tal-Munxar, qrib il-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala, wassal ukoll għal operazzjoni ta’ emerġenza wara rapporti li persuna setgħet waqgħet minn fuq l-irdum.
Dik l-operazzjoni wkoll twaqqfet wara li rriżulta li ma kien hemm ebda persuna fil-periklu.