Raġel ta’ 46 sena għandu bżonn jħallas multa ta’ €58 wara li ammetta għall-akkużi li hedded li joqtol lil martu u li sawwatha b’flixkun ta’ ilma, wara rapport li sar mill-vittma stess kontra żewġha fil-5 ta’ Awwissu.
Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ fit-18 ta’ Ġunju, meta l-akkużat ċempel ripetutament lil martu. Hija ma weġbitx għax kienet ix-xogħol. Huwa mar jiġborha bil-karozza waqt li kienet miexja lejn id-dar mix-xogħol fil-Qawra. Kif daħlet fil-vettura, huwa hedded li joqtolha, ħadilha il-flixkun tal-plastik li kellha f’idha u sawwatha bih.
Risk-assessement li saret sussegwentement kklassifikat is-sitwazzjoni tal-vittma bħala waħda ta’ high risk.
Il-vittma, li kienet preżenti fil-awla, kkonfermat li l-koppja m’għandhomx tfal.
Waqt is-seduta, il-Magistrat ħeġġet lill-mara biex ma tiżvelax fejn qed tirrisjedi bħalissa sabiex ir-raġel ma jkunx jista jsib fejn qed tgħix. Hija kkonfermat li ħalliet ir-residenza komuni tagħhom, tat iċ-ċwievet lura lill-sid il-kera, u bħalissa qed tgħix f’post sigur 'il bogħod minn żewġha.
L-akkużat kien qed jiffaċċja akkużi relatati ma’ attakk fuq martu u theddid. Id-difiża ma kkontestatx l-arrest filwaqt li l-akkużat ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Il-Qorti imponiet multa ta’ €58 għall-akkuża prinċipali li kienet tirrappreżenta kontravvenzjoni.
Miegħu ngħata wkoll ordni ta’ trażżin għal sentejn favur il-vittma fuq talba tal-parte civile. Il-Qorti ma opponietx din it-talba u saħqet li hija wkoll favur li jingħata ordni ta’ trattament lill-akkużat. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat ordni ta’ trattament ta’ sentejn li teħtieġ intervent psikoloġiku u psikjatriku biex jindirizza l-problemi ta’ saħħa mentali li qed jaffettwaw iż-żwieġ tagħhom.
Għalkemm li ħarġet ordni ta’ trażżin, il-koppja jibqgħu miżżewġin skont il-liġi waqt li r-raġel ikun qed isegwi t-trattament ordnat mill-Qorti.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Magistrat Tanya Sammut.
L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni.
L-Avukat Silvan Pulis deher għad-difiża.