Żewġ persuni l-isptar wara inċidenti separati f’San Ġwann u l-Ħamrun

Żewġ persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku f’San Ġwann u l-Ħamrun, bil-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar iż-żewġ każijiet

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku li seħħew ilbieraħ f’San Ġwann u l-Ħamrun. 

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-5pm fi Vjal ir-Riħan, San Ġwann, fejn seħħet ħabta bejn Daihatsu Sirion misjuqa minn mara ta’ 44 sena residenti San Ġwann u mutur Aprilia misjuq minn raġel ta’ 32 sena residenti Birkirkara. 

Ix-xufier tal-mutur ittieħed l-isptar u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. 

It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm fi Triq Joe Scibberras, il-Ħamrun. Skont l-ewwel stħarriġ tal-Pulizija, mara ta’ 69 sena residenti l-Pietà intlaqtet minn Volkswagen Golf misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 23 sena. 

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji. 

Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet dwar iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin. Il-Maġistrat Tanya Sammut ħatret inkjesta b’rabta mal-inċident fil-Ħamrun.

More in Qrati u Pulizija