“Anke wara li mietet, ried joqtolha”: Theuma jirrakkonta x’qal Fenech dwar Daphne wara l-assassinju

Fit-34 jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma kompla għal sigħat jixhed u jispjega recordings sigrieti li għamel tal-akkużat. Il-ġurati semgħu referenzi għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, allegati leaks mill-Pulizija, Keith Schembri, Silvio Valletta, il-bail tal-aħwa Degiorgio u l-biża’ ta’ Theuma li kien se jiġi eliminat

“Anke wara li mietet, kien għadu jrid joqtolha.”

Hekk xehed Melvin Theuma hekk kif il-ġurati semgħu recording li fih Yorgen Fenech jinstema’ jagħmel kumment vjolenti dwar Daphne Caruana Galizia wara l-assassinju tagħha.

Skont Theuma, Fenech kien qallu: “Bħal dik inwaddabha minn hawn għal isfel jien.”

F’recording ieħor li ndaqq aktar tard, Fenech jinstema’ jgħid li hu “mhux malizzjuż” u “mhux bħalha”, qabel ma jerġa’ jagħmel kumment simili dwar Daphne u jgħid li kien jitfagħha għal mewtha b’idejh u ma jiddispjaċihx.

Theuma qal lill-ġurati li din il-konversazzjoni kienet seħħet fl-uffiċċji ta’ Fenech f’Level 21, Portomaso.

Dawn kienu fost l-aktar mumenti qawwija f’ġurnata twila ta’ xhieda, li matulha l-Qorti semgħet sensiela ta’ recordings sigrieti u Theuma kompla jispjega l-kuntest tagħhom.

Theuma jgħid li kien jaf minn qabel bl-arrest

Aktar kmieni, Theuma qal li jumejn qabel l-arrest tiegħu kien diġà sar jaf li l-Pulizija kienet se taġixxi kontrih.

Skont ix-xhud, Fenech kien qallu li, “jekk Alla jrid”, kollox kien se jitneħħa u l-file tal-Pulizija jingħalaq.

Theuma xehed ukoll li Johann Cremona kien wegħdu informazzjoni minn qabel dwar l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus. Qal li Cremona kien qallu li seta’ jgħaddilu l-mistoqsijiet li l-Pulizija kienet se tagħmillu u li, jekk ma togħġbux xi waħda minnhom, din setgħet titneħħa.

Madankollu, Theuma kkonferma li din il-lista ta’ mistoqsijiet qatt ma waslet.

Qal ukoll li kien ġie mwiegħed lista tal-proprjetajiet li l-Pulizija kienet se tagħmel tfittxija fihom, iżda lanqas din ma waslet.

Silvio Valletta u allegata informazzjoni mill-Pulizija

Theuma kompla jixhed dwar l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li huwa sostna li kien sors ta’ informazzjoni għal Fenech dwar l-investigazzjoni.

Huwa rrakkonta episodju li, skontu, seħħ ftit ġimgħat wara l-qtil, meta Fenech talbu jwassallu żewġ ħobżiet fir-ranch tiegħu fiż-Żebbuġ.

Meta wasal, Theuma qal li lemaħ lil Valletta ġewwa l-proprjetà.

18:14

Tintemm is-seduta tal-lum fil-34 jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, wara ġurnata twila ddominata mix-xhieda ta’ Melvin Theuma u mis-smigħ ta’ numru ta’ recordings sigrieti li għamel tal-konversazzjonijiet tiegħu ma’ Fenech.

Matul il-jum, Theuma xehed dwar allegati leaks mill-Pulizija, il-biża’ li kien se jinqatel, il-ħlasijiet lill-aħwa Degiorgio, il-wegħdiet dwar bail, kif ukoll diversi riferimenti għal Keith Schembri, Silvio Valletta, Vince Muscat u persuni oħra li ssemmew fir-recordings.

Is-seduta ġiet aġġornata u l-ġuri mistenni jkompli nhar it-Tnejn. 

 

Jaelle Borg
18:13

Melvin Theuma, fir-recording, jinstema’ jitkellem dwar il-piż li jgħid li għadu jġorr fuq il-kuxjenza tiegħu.

“Kif se ngħix bil-kuxjenza tiegħi  — li dan kollu ġara minħabba fija?” jinstema’ jgħid fir-recording.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih x’kien qed jirreferi għalih.

Theuma jwieġeb li kien qed jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u jżid li kull min għandu jerfa’ r-responsabbiltà għandu jagħmel dan.

Ix-xhud imbagħad jindirizza lill-Qorti u jgħid li Yorgen Fenech ilu jippreżenta rikorsi biex jipprova jneħħilu l-maħfra presidenzjali.

“Se nirbaħhom, ovvjament,” jgħid Theuma

Jaelle Borg
18:03

Fir-recording li jerġgħu jissemmew Keith Schembri u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech jinstema’ jirrakkonta lil Melvin Theuma konversazzjoni li, skontu, kellu ma’ Schembri wara l-assassinju.

Fenech jgħid li staqsieh jekk kienx għamel xi ħaġa ħażina, u jinstema’ jgħid li Schembri wieġbu: “Aħseb u ara! Imma kellek tgħidli qabel.”

Theuma jgħid lill-ġurati li hu fehem din ir-referenza bħala li Fenech kellu jgħid lil Schembri qabel ma seħħ il-qtil.

Jaelle Borg
17:56

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jagħmel referenza għall-qtil ta’ Jonathan Pace, l-eks sid ta’ Tyson Butcher li nqatel fl-2014 waqt li kien f'gallarija fil-Fgura.

Fenech jinstema’ jgħid li l-aħwa Degiorgio kienu taw “discount” lil Vince Muscat, il-Koħħu, f’dak il-każ.

Melvin Theuma jispjega li, skont dak li kien qallu Fenech, l-aħwa Degiorgio kienu talbu €8,000 minflok €10,000 biex jitwettaq dak il-qtil.

Jaelle Borg
17:53

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li waqt żjara fil-ħabs, l-avukat William Cuschieri, li kien qed jidher għall-aħwa Degiorgio, allegatament ħoloq opportunità biex dawn ikunu jistgħu jkellmu lil Vince Muscat, il-Koħħu, dwar dak li kien qed jgħid lill-investigaturi.

Skont Theuma, waqt iż-żjara Cuschieri mar il-kamra tal-banju apposta, u ħalla lill-aħwa Degiorgio jitkellmu ma’ Muscat.

Ix-xhud jgħid li l-għan kien li jistaqsuh jekk kienx qed jikxef informazzjoni dwarhom fil-kuntest tal-investigazzjoni.

Jaelle Borg
17:45

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma x’jaf dwar l-involviment tal-avukat Arthur Azzopardi fil-kwistjoni tal-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat, il-Koħħu.

Theuma jgħid li, sa fejn kien jaf hu, Johann Cremona kien ingħata struzzjonijiet biex issir pressjoni fuq Azzopardi sabiex Vince Muscat ma jaċċettax il-maħfra.

Jirrakkonta li meta hu u Cremona kienu fil-garaxx, Cremona qal lil żewġ persuni biex imorru jheddu lil Azzopardi b’rabta ma’ din il-kwistjoni.

Mistoqsi x’ġara wara, Theuma jgħid li Arthur Azzopardi spiċċa tneħħa mill-każ.

Huwa jżid li, sa fejn kien jaf hu, f’dak l-istadju Vince Muscat ma kienx aċċetta proposta ta’ 12-il sena ħabs.

 

Jaelle Borg
17:36

Fir-recording li qed jinstema' fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jiddeskrivi tliet livelli differenti ta’ involviment fil-qtil, b’referenzi għall-allegati eżekuturi, għal Melvin Theuma u għalih innifsu.

Theuma jispjega lill-ġurati li, kif fehem hu, Fenech kien qed jitkellem dwar kemm snin ħabs kien jaħseb li kull wieħed minnhom seta’ jeħel. Skont Theuma, Fenech kien qed jalludi għal għaxar snin għall-eżekuturi, seba’ snin għalih innifsu u ħames snin għal Theuma.

Fl-istess recording, Fenech jinstema’ jgħid li hu “mhux malizzjuż” u li “mhux bħalha”.

Ftit wara, jinstema’ jagħmel kumment vjolenti dwar Daphne Caruana Galizia, fejn jgħid li kien jitfagħha għal isfel b’idejh u ma jiddispjaċihx.

Theuma jiċċara li din il-konversazzjoni seħħet f’Level 21, Portomaso, u li r-referenza kienet għal Daphne Caruana Galizi

Jaelle Borg
17:31

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li Yorgen Fenech kien qallu li wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien hemm rabja kbira fost Joseph Muscat u Keith Schembri.

Skont Theuma, Fenech kien qallu li l-mewt ta’ Daphne “kissrithom politikament”.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih x’ried ifisser b’dan.

Theuma jispjega li kien qed jirreferi għall-effett politiku tal-kitbiet u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne fuqhom.

Fir-recording, Fenech jinstema’ jgħid: “Kissrithom.”

Jaelle Borg
17:29

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li, anke wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana GaliziaYorgen Fenech baqa’ jagħmel kummenti vjolenti dwarha.

Skont Theuma, Fenech darba qallu: “Bħal dik inwaddabha minn hawn għal isfel jien.”

Il-Prosekutur Godwin Cini mbagħad jistaqsi dwar referenzi għal Keith Schembri jibki.

Theuma jgħid li Fenech kien qallu li Schembri kien qed jibki għax l-investigaturi kienu qabdu lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat, il-Koħħu, b’rabta mal-bomba.

Meta Cini jitlobu jiċċara dak li kien qal lil Johann Cremona, Theuma jgħid li kien spjegalu li Schembri kien qed jibki għax il-Pulizija kienet qed tersaq lejn dawk involuti.

Ix-xhud jiċċara li dak li ried ifisser — u li, skontu, jaqbel ma’ dak li jinstema’ fir-recording — huwa li Fenech kien qallu li Schembri kien qed jibki wara l-qtil, hekk kif l-investigazzjoni kienet qed tagħlaq fuq l-aħwa Degiorgio u Muscat.

Jaelle Borg
17:17

Fil-Qorti jkompli jinstema' recording li fih Yorgen Fenech jinstema’ jitkellem dwar Keith Schembri, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Melvin Theuma dwar riferimenti għal Vince Muscat, il-Koħħu.

Fir-recording, Fenech jinstema’ jgħid li Schembri kien qallu “nidħol fin-nar għalik”, u li kien jafdah aktar minn Silvio Valletta. Ikompli jgħid li meta semmielu l-qtil, Schembri “iffriża.”

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Theuma x’kien allegatament qed jgħid Vince Muscat lill-investigaturi.

Theuma jgħid li, skont dak li kien qed jingħad, Muscat ma riedx jitkellem dwar is-serqa tal-HSBC għax kien hemm “nies b’saħħithom” involuti, iżda kien lest jixhed dwar seba’ omiċidji u dwar il-post fejn allegatament inħadmet il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.

Cini mbagħad jirreferi għal parti oħra tar-recording fejn Fenech jinstema’ jgħid “m’għandix mod ieħor.”

Theuma jispjega li, kif fehemha hu, Fenech kien qed jirreferi għall-fatt li l-qtil kien diġà seħħ u ma setax jitreġġa’ lura.

Jaelle Borg
17:09

Qabel ma daħlu l-ġurati fl-awla, id-difiża qajmet oġġezzjoni dwar il-mod kif il-Prosekuzzjoni qed tmexxi l-eżami ta’ Melvin Theuma.

L-avukat tad-difiża Charles Mercieca jargumenta li l-Prosekuzzjoni qed taqra partijiet mit-traskrizzjonijiet u mbagħad tistenna lix-xhud ikompli jibni fuq dak li jkun għadu kemm inqara.

Mercieca jiddeskrivi dan bħala “fill in the blank exercise.”

Il-Prosekutur Anthony Vella jiċħad li l-Prosekuzzjoni qed tagħmel dan, u jgħid li qed tirreferi lix-xhud għal traskrizzjonijiet li huma meqjusa bħala evidenza ammissibbli fil-bill of indictment.

Il-Qorti tfakkar li din il-kwistjoni kienet diġà ġiet indirizzata: il-Prosekuzzjoni tista’ taqra mit-traskrizzjoni u tistaqsi lix-xhud dwarha, iżda m’għandhiex tagħti l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ dak li jkun qed jinstema’ jew jinqara.

Jaelle Borg
17:01

Il-proċeduri jerġgħu jibdew f’Awla 22, hekk kif l-Imħallef Edwina Grima, il-ġurati u Melvin Theuma jerġgħu jieħdu posthom fl-awla.

Tkompli x-xhieda ta’ Theuma u s-smigħ tar-recordings li qed jiġu esebiti quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
16:28

Pawża sal-4:45pm

Jaelle Borg
16:26

 Melvin Theuma jerġa’ jinsisti li l-ewwel darba li qatt iltaqa’ ma’ Keith Schembri kienet fir-ranch ta’ Yorgen Fenech.

Jgħid li f’dik l-okkażjoni sellimlu b’idejh, kif għamel ukoll max-xufier ta’ Schembri li kien miegħu.

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Fenech jinstema’ jgħid lil Theuma li Schembri kien qallu li lanqas kien għadu ħareġ mill-problemi tal-kawżi tiegħu stess, aħseb u ara minn din il-kwistjoni.

Theuma jgħid li dak iż-żmien, sa fejn kien jaf hu, Schembri kellu tliet kawżi pendenti quddiem il-Qorti.

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li apposta reġa’ fetaħ is-suġġett tal-allegat bail tal-aħwa Degiorgio biex jipprova jġiegħel lil Yorgen Fenech ikompli jitkellem.

Fir-recording, Fenech jinstema’ jgħid li ma setax jagħmel aktar u jistaqsi: “X’nagħmel? Immur għand l-Imħallef u ngħidlu li qtiltha jien?”

Mit-tarf tax-xhud, Theuma jżid li f’okkażjoni oħra Fenech kien qallu li kien iħossu “maqbud bejn erba’ ħitan”.

Skont Theuma, Fenech kien qallu wkoll li kien mexxa l-ftehim tal-Electrogas perfettament, iżda li ma setax joħroġ mill-problema tal-qtil.

Fir-recording, Theuma jinstema’ jistaqsi x’kien se jagħmel, b’Fenech iwieġeb: “Ma nafx, ma nafx.”

 
 
 
 
Jaelle Borg
16:16

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jispjega li l-konversazzjoni bejnu u Yorgen Fenech kienet qed iddur mal-laqgħa tal-Kabinett li kellha tiddeċiedi dwar it-talba għal maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat, il-Koħħu.

Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni minn dawk id-diskussjonijiet lil Silvio Valletta.

Fir-recording jissemmew ukoll diversi persuni f’karigi għolja fil-Gvern, fosthom Chris CardonaOwen Bonnici u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li Theuma jgħid li kien jiġi riferut għalih bħala “ix-Xiħ”.

Matul l-istess diskussjoni jissemma wkoll Keith Arnaud.

 

Jaelle Borg
16:03

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li f’okkażjoni minnhom xorob ħafna u għalaq il-mobile, u dan qanqal paniku fost Yorgen Fenech u Johann Cremona.

Skont Theuma, it-tnejn bdew jibżgħu li hu kien mar għand xi ħadd biex jiżvela informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri.

Theuma jgħid li Fenech kien tant inkwetat li seta’ jikxfu, li saħansitra ċċekkja ma’ Mater Dei biex jara jekk kienx hemm.

Ix-xhud jgħid li anke Silvio Valletta kien parti mill-paniku li nqala’ meta hu waqaf iwieġeb.

 

Jaelle Borg
15:52

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema’ jgħid li ried “jirranġa din il-kwistjoni dwar Keith.”

Yorgen Fenech jinstema’ jwieġbu li, kif kien qalulu hu, Keith ma kellux is-setgħa jagħmel dan.

Il-Prosekutur Godwin Cini jitlob lil Theuma jispjega x’kienet ir-referenza għal dak li Keith allegatament “ma kellux is-setgħa” jirranġa.

Theuma jwieġeb li kien qed jirreferi għal “din il-kwistjoni kollha dwar Daphne"

Jaelle Borg
15:51

Il-Prosekutur Godwin Cini jerġa’ lura għal parti mir-recording fejn Melvin Theuma jinstema’ jgħid li l-kwistjoni ma kinitx dwar il-proprjetà tiegħu, it-taxis, il-flat jew affarijiet oħra materjali.

Mit-tarf tax-xhud, Theuma jispjega li Yorgen Fenech kien qed jgħidlu biex jaqta’ kull rabta mal-aħwa Degiorgio u ma jkollu xejn aktar x’jaqsam magħhom.

Theuma jgħid li, għalih, kien faċli għal Fenech jgħid hekk għax qatt ma kien iltaqa’ direttament magħhom, filwaqt li hu kien jafhom u kien hu li kellu l-kuntatt magħhom.

Hekk kif jispjega dan, Theuma jieqaf għal ftit u jidher viżibilment emozzjonat fuq il-pedana.

Imbagħad jgħid: “Dak il-ħin ħsibt li kien se jabbanduna lili wkoll.”

Jaelle Borg
15:45

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema’ jgħid b’insistenza li dak li riedu l-aħwa Degiorgio kien il-bail.

Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih x’kien qed jiġri f’dak l-istadju, Theuma jispjega li Mario Degiorgio kien kontinwament isemmilu l-possibbiltà li joħorġu bil-bail u jgħidlu li ma kinux jifilħu jibqgħu l-ħabs.

Hekk kif jerġa’ jindaqq l-awdjo, Theuma jinstema’ jgħid li jekk jasal it-22 tax-xahar u l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail, kien ikun lest jaqtagħhom barra jekk jerġgħu jitolbuh il-flus.

Il-wegħda tal-bail għal dik id-data, iżda, qatt ma seħħet.

Mistoqsi għaliex ma waqqafx il-ħlasijiet waqt li kienu għadhom il-ħabs, Theuma jgħid li dak kien differenti, għax kienu għadhom miżmuma l-ħabs u ma kinux għadhom ħarġu bil-bail.

Jaelle Borg
15:35

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma x’kien l-aktar li kien qed itaqqlu minn dak kollu li kien għaddej minnu wara l-assassinju.

Theuma jsemmi l-kwistjoni tal-bail tal-aħwa Degiorgio, ir-rimors li kien qed iħoss u l-flus li, skontu, kienu għaddejjin kontinwament bejnu u Yorgen Fenech.

“Il-bail tad-Degiorgios, ir-rimors, il-flus sejrin u ġejjin ma’ Yorgen… kemm jiflaħ jieħu moħħ ta’ bniedem?” jgħid Theuma.

Jaelle Borg
15:31

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid lil Melvin Theuma li l-aħwa Degiorgio ma setgħux jitfgħu l-ħtija fuqu għax hu kien “is-salvazzjoni tagħhom.”

Mit-tarf tax-xhud, Theuma jispjega li fehem din ir-referenza bħala marbuta mal-fatt li kien hu li kien qed jgħaddilhom il-flus.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk kienx jemmen lil Fenech meta qallu hekk.

Theuma jħawwad rasu u jwieġeb: “Le.” Imbagħad iżid li xorta waħda kien hemm persuna oħra li kixfitu — b’referenza għal Vince Muscat, il-Koħħu.

Hekk kif ikompli jindaqq ir-recording, it-ton tal-konversazzjoni jogħla u l-kelma “tradiment” tinstema’ ripetutament, b’Theuma u Fenech jitkellmu fuq xulxin b’vuċi għolja.

Jaelle Borg
15:29

F’recording ieħor li qed jindaqq fil-Qorti, Yorgen Fenech jinstema’ jgħid lil Melvin Theuma biex javża lill-aħwa Degiorgio dwar id-dettalji li Vince Muscat, il-Koħħu, kien qed jgħaddi lill-investigaturi.

Hekk kif jindaqq l-awdjo, Theuma jitlob biex jiċċara referenza għall-“bqija tal-flus” li tissemma fir-recording.

Ix-xhud jgħid li, apparti d-€30,000 li kienu diġà ssemmew bħala depożitu, il-“bqija” kienet referenza għall-€150,000 li, skontu, kienu destinati direttament għall-aħwa Degiorgio.

 

Jaelle Borg
15:28

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema’ jassigura lil Yorgen Fenech li sa dak il-mument ma kellux għalfejn jinkwieta, u jgħidlu li jekk l-investigaturi kellhom jaslu għal xi konklużjoni, hu kien se jkun involut fiha.

Fenech iwieġeb li “min jirranġa s-sitwazzjoni mhux l-istess bħal min wettaq l-att”, u jistaqsi kif il-Pulizija kienet taf ċerti dettalji.

Mit-tarf tax-xhud, Theuma jispjega li din kienet referenza għall-informazzjoni li Vince Muscat kien qed jgħaddi lill-Pulizija.

Fir-recording, Theuma jinsisti li dak li kien qed jingħad dwar Vince “mhux veru”.

Fenech imbagħad jistaqsi: “Mela kif jafu bil-potato shed? Kif jafu li ltqajtu fil-Busy Bee?”

Jaelle Borg
15:27

Il-Prosekuzzjoni tkompli ddoqq recording li fih jidher ċar li kien hemm tensjoni u nuqqas ta’ fiduċja bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma dwar ir-recordings sigrieti.

Theuma jispjega li meta fir-recording tissemma “in-naħa l-oħra tal-istorja” li Johann Cremona kien sar jaf biha, din kienet referenza għal Kenneth Camilleri.

Fir-recording, Fenech jistaqsi lil Theuma jekk kienx qal xi ħaġa lil Johann. Theuma jwieġbu li le.

Fenech jinstema’ jgħid li ħadha b’mod personali u li kien iddiżappuntat għax kien sar jaf li Theuma kien irrekordjah.

Theuma jwieġeb li kellu kull raġuni għaliex jinkwieta.

Fenech imbagħad jgħid li hu wkoll kellu għaliex jinkwieta, għax Theuma kien qal lil persuna oħra “minn A sa Z”.

Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex Fenech qal li kellu għaliex jinkwieta, Theuma jispjega li kien għax kien qasam dak kollu li Fenech kien qallu.

Fl-istess recording, Theuma jassigura lil Fenech li qatt ma qal lill-aħwa Degiorgio li Fenech kien il-“mandant”.

Jaelle Borg
15:09

Fil-Qorti jindaqq recording ieħor li fih jinstemgħu żewġ vuċijiet, identifikati bħala dawk ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

F’ħin minnhom, Fenech jinstema’ jgħid li jinsab “iddiżappuntat”.

Theuma jispjega lill-ġurati li dan il-kumment sar wara li Fenech kien sar jaf li hu kien qed jirrekordja l-konversazzjonijiet tagħhom bil-moħbi.

 

Jaelle Borg
15:07

Ikompli jinstema' materjal awdjo marbut max-xhieda ta’ Melvin Theuma.

F’recording minnhom, Theuma jinstema’ jgħid “ġib il-wardens”. Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih x’kien qed jirreferi għalih, Theuma jispjega li kien hemm episodju li kien jinvolvi lis-sieħba tiegħu u lil bintha fejn dawn ħabtu bil-karrozza.

Ftit wara, f’parti oħra tar-recording, Theuma jinstema’ jgħid: “Ħa nitla’ għax qed jistennieni.”

Cini jistaqsih min kien qed jistennieh u fejn.

Theuma jwieġeb li kien Yorgen Fenech, u li l-laqgħa kienet f’Portomaso.

Fir-recording tinstema’ wkoll vuċi ta’ mara tistaqsih jekk għandux appuntament. Theuma jikkonferma lill-Qorti li din kienet il-persuna li kienet taħdem mal-front desk

Jaelle Borg
14:55

Lura fl-awla hekk kif tkompli x-xhieda ta' Melvin Theuma

Jaelle Borg
12:55

Pawża sat-2:45pm

Jaelle Borg
12:47

Fir-recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema’ jistaqsi lil Yorgen Fenech x’għandu jagħmel b’Mario Degiorgio, u jekk għandux jieħdu l-Mellieħa.

Meta jintalab jispjega din ir-referenza, Theuma jgħid li kienet marbuta mal-allegata wegħda ta’ bail li, skontu, kienet saret minn Kenneth Camilleri. Jgħid ukoll li r-referenza għall-Mellieħa kienet għal Keith Schembri, li kien jgħix f’dik il-lokalità.

Fl-istess recording, il-konversazzjoni bejn Theuma u Fenech tgħaddi minn riferimenti għal Schembri u għall-każ, għal mumenti ordinarji mal-ulied ta’ Fenech, li jinstemgħu fl-isfond. 

Theuma jinstema’ jgħid ukoll li l-aħwa Degiorgio kienu qed iżommu kwieti fil-ħabs, iżda li l-wegħda tal-bail reġgħet qajmet l-aspettattivi tagħhom.

Jaelle Borg
12:42

Fl-istess recording li qed jindaqq fil-Qorti, Melvin Theuma u Yorgen Fenech jinstemgħu jagħmlu referenzi għal Vince Muscat u għal dak li jiddeskrivu bħala “tradiment”.

Il-konversazzjoni ddur ukoll fuq l-allegat bail tal-aħwa Degiorgio, li skont dak li jinstema’ fir-recording kien mistenni jingħata “fit-22”.

Theuma u Fenech jiddiskutu din l-allegata wegħda hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tgħaddi lill-ġurati r-recordings sigrieti li Theuma kien għamel.

 

Jaelle Borg
12:35

Fil-Qorti jindaqq recording ieħor li fih jinstemgħu l-vuċijiet ta’ Melvin Theuma u Yorgen Fenech, flimkien ma’ vuċijiet ta’ tfal fl-isfond.

Theuma jispjega li dak il-ħin kien mar l-ajruport biex jiġbor lil Fenech u lil uliedu. Il-Prosekutur Godwin Cini josserva li dan, skontu, juri l-livell ta’ fiduċja li kien hemm bejn it-tnejn.

Cini jistaqsi lil Theuma jekk waqt xi waħda minn dawn il-konversazzjonijiet qattx poġġa arma tan-nar fuq mejda.

“Qatt. Jien qatt ma heddidt lil Yorgen Fenech,” iwieġeb Theuma.

Jaelle Borg
12:29

Fil-Qorti jindaqq recording ieħor, li Melvin Theuma jgħid li sar fiż-żmien meta Kenneth Camilleri kien allegatament għamel l-ewwel wegħda dwar bail għall-aħwa Degiorgio.

Theuma jgħid li fir-recording kien qed iċempel lil Mario Degiorgio.

Fl-awdjo, Theuma jinstema’ jgħid: “Keith bagħtu,  Se jingħataw €1 miljun.”

Ix-xhud jispjega lill-ġurati li din ir-referenza kienet marbuta mal-allegata wegħda dwar il-bail li, skontu, kienet saret minn Camilleri.

Fir-recording, Theuma jinstema’ wkoll jitlob lil Mario Degiorgio jiltaqa’ miegħu “fi 30 minuta, għax għandi aħbar tajba ħafna għalik.”

Fl-isfond jinstema’ wkoll arloġġ tal-cuckoo, u l-Prosekutur Godwin Cini jitlob lil Theuma jikkonferma li dak kien il-ħoss li kien qed jinstema’.

Aktar tard, Cini jerġa’ lura għall-episodju tal-laħam li Theuma semma aktar kmieni, meta qal li kien ċempel lis-sieħba tiegħu Charmaine għax beża’ li Fenech seta’ kien qed jipprova jivvelenah.

Mistoqsi jekk dik it-telefonata saritx fuq linja normali, Theuma jwieġeb: “Iva, normali.”

Jaelle Borg
12:20

Fil-Qorti jindaqq recording sigriet ieħor waqt li Melvin Theuma jkompli jixhed quddiem il-ġurati f’Awla 22.

Fl-awdjo jinstemgħu diversi vuċijiet fl-istess ħin, fosthom mara titkellem u tfal jibku fl-isfond.

Theuma jispjega lill-ġurati li l-vuċijiet kienu tas-sieħba tiegħu Charmaine, ta’ ommha u ta’ ibnu ż-żgħir.

Huwa jgħid li r-recording inqabad waqt li kien qed jagħmel telefonata lil Mario Degiorgio.

Theuma jiċċara li f’dak il-mument ma kienx jaf li t-telefon tiegħu kien qed jirrekordja.

 

Jaelle Borg
12:10

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma x’kien qed jirreferi għalih meta fir-recording issemma Chris Cardona.

Theuma jispjega li Alfred Degiorgio kien qed jiġi ttrasportat lura lejn il-ħabs f’vann wara seduta l-Qorti, meta allegatament ġie rrekordjat jitkellem.

Skont Theuma, fir-recording Degiorgio kien qed jgħid li kien se jitfa’ l-ħtija għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fuq Chris Cardona.

Jaelle Borg
12:07

L-Imħallef Edwina Grima titlob lil Melvin Theuma jiċċara r-referenza għal Silvio Valletta li nstemgħet fir-recording.

Theuma jgħid li kemm hu kif ukoll Yorgen Fenech kienu jafu li Valletta kien konxju li t-tnejn li huma kienu ħbieb mill-qrib.

Il-Prosekutur Godwin Cini mbagħad jistaqsih għaliex, fir-recording, Fenech kien qed jgħidlu biex ma jippanikjax.

Theuma jgħid li ma jafx eżatt, iżda jaħseb li Fenech ried iżommu kalm u jevita li jikxfu. Jispjega li dak il-ħin kien inkwetat dwar mutur li kien lemaħ ħdejn daru u kien qed jissuspetta li seta’ kien tas-CID.

Skont Theuma, Fenech qallu biex ma jgħaddix minn Ħaż-Żebbuġ u minflok jgħaddi mill-wied.

Cini jerġa’ jirreferi għall-kliem ta’ Fenech fir-recording, meta qal li dawk “ma kinux muturi normali”, u jistaqsi x’ried ifisser.

Theuma jispjega li, kif fehemha hu, mutur ordinarju kien ikun tal-Pulizija normali, filwaqt li dawk tas-Secret Service kienu joperaw b’mod differenti.

Jaelle Borg
12:05

Hekk kif fil-Qorti jkomplu jindaqqu r-recordings sigrieti, Silvio Valletta u s-Secret Service jissemmew f’konversazzjoni bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

F’parti mir-recording, Fenech isemmi lil Valletta u jidher jgħid li, jekk jiġi mistoqsi dwaru, kien se jispjega li ilu jafh u li kienu ħbieb minħabba interess komuni fiż-żwiemel.

Theuma jwieġeb li ma kienx se jgħidlu: “Inti li daħħaltni fiha.”

Fenech imbagħad jinstema’ jgħidlu biex ma jippanikjax u biex jibqa’ kalm.

Theuma jgħid ukoll li dik il-lejla kien lemaħ mutur ħdejn id-dar tiegħu u li dan ma għoġbux. Fenech jistaqsih biex jara jekk il-mutur jasalx hemm, iżda mbagħad jgħid li dawk ma kinux il-muturi tas-Secret Service, għax “dawk jaħdmu differenti.”

Fl-istess konversazzjoni, Fenech jinstema’ jgħid ukoll li persuna mhux identifikata kienet għadha ma tkellmitx magħhom u ma kienet semmiet xejn.

Jaelle Borg
11:50

Hekk kif fil-Qorti jibda jindaqq it-traskritt tradott tal-awdjo, Melvin Theuma jikkonferma li dan kien l-ewwel recording sigriet li qatt għamel ta’ Yorgen Fenech.

Theuma jgħid li dak il-ħin kien ħeba l-mobile fil-kalzetta biex jirrekordja l-konversazzjoni mingħajr ma Fenech ikun jaf.

Fir-recording, Fenech jinstema’ jitkellem dwar persuna li kienet qed tipproċedi b’xi ħaġa u jgħid li jkun aħjar jekk “jitkellmu miegħu”, inkella l-kwistjoni jkollha tgħaddi permezz tal-avukat u l-maġistrat.

Theuma jirreferi wkoll għall-maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat, u jistaqsi x’riedu li jgħid.

Fenech jinstema’ jgħid li qatt ma kien tkellem miegħu u jitlob lil Theuma biex ma jgħaġġilx u biex ikunu ċerti minn dak li kienu qed jagħmlu. F’ħin minnhom jgħid:

“Isma’ minni u tgħaġġilx, għax lanqas naf jekk hix idea tajba li ngħaddulhom [il-messaġġ]. Jekk jikxifna, nesponuh.”

Theuma jwieġeb li hu wkoll qatt ma kien tkellem miegħu, filwaqt li l-konversazzjoni tkompli dwar x’riedu l-oħrajn u x’kien qed jintalab mingħandhom

Jaelle Borg
11:37

Issa fil-Qorti jibdew jindaqqu recordings ewlenin marbuta max-xhieda ta’ Melvin Theuma.

Qabel jibda jindaqq l-awdjo, Theuma jitlob jindirizza lill-Imħallef Edwina Grima u jiskuża ruħu bil-quddiem għall-kliem oxxen u l-ħalf li jinstema’ fir-recordings.

“Sinjura Imħallef, nixtieq niskuża ruħi direttament miegħek, mal-ġurati u ma' kull min qiegħed fl-awla għall-kliem ħażin u l-ħalf li se jinstema’ f’dawn ir-recordings,” jgħid Theuma.

L-Imħallef twieġbu b’mod ħafif: “Tinkwetax, diġà smajna xi ftit.”

Jaelle Borg
11:31

Melvin Theuma jerġa’ jitkellem b’emozzjoni dwar kif, skontu, ħajtu nbidlet kompletament wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Alla jrid jeħodni wara dan il-ġuri. Meta nqatlet hi, ħajti spiċċat. Qabel kelli kollox — kont kuntent, nivvjaġġa, naħdem. X’ma kellix?” jgħid Theuma.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex, meta Yorgen Fenech allegatament għamillu t-talba għall-qtil fil-Blue Elephant, huwa aċċetta.

Theuma jgħid li dak kien l-akbar żball tiegħu.

“Għamilt żball kbir li ma għedtlux le dakinhar fil-Blue Elephant. Kieku għamilt hekk, illum ma kontx inkun hawn,” jgħid.

Cini jistaqsih ukoll jekk, bejn il-qtil u l-arrest tiegħu, kienx mar għand psikjatra.

Theuma jgħid li dak iż-żmien kien qed jixrob ħafna, u li mar għand psikjatra biss wara l-arrest tiegħu, fi klinika f’Birkirkara li jaħseb li kienet id-DaVinci Hospital.

Jgħid li, sa fejn jiftakar, il-psikjatra kien Mark Xuereb, iżda l-avukati tiegħu ma kinux komdi bil-fatt li dan kien jaf lill-mibki Franco Fenech, u għalhekk ma reġax mar għandu.

Jaelle Borg
11:22

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li l-avukati Matthew Brincat u Kathleen Grima kienu qalulu li se jiġġieldu biex jikseb maħfra presidenzjali, filwaqt li skontu l-Gvern kien assigurah li jekk jgħid il-verità kollha, jingħata l-maħfra.

Theuma jispjega li kien iffirma l-ftehim u beda jagħti l-istqarrijiet tiegħu, iżda f’ħin minnhom Matthew Brincat ġibdu fil-ġenb u qallu jieqaf jitkellem.

Ix-xhud jgħid li mbagħad informa lill-Ispettur Keith Arnaud li ma kienx se jkompli jitkellem sakemm il-maħfra presidenzjali tkun uffiċjalment f’idejh.

Skont Theuma, Arnaud wieġbu: “Mela jien il-pulċinell tiegħek? Jekk qed ngħidlek tgħidli minn A sa Z, se tieqaf f’F?”

Theuma jirrakkonta wkoll li meta tressaq quddiem dak iż-żmien il-Maġistrat, illum Imħallef, Neville Camilleri, dan wissieh biex jgħid biss il-verità, u mhux dak li kien qed jaħseb jew jassumi hu.

Jaelle Borg
11:17

Hekk kif ix-xhieda tiegħu tkompli b’mod emozzjonanti  Melvin Theuma jidher jieqaf għal ftit, jaqbad inhaler u jieħu n-nifs qabel ikompli jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex l-ewwel għażla tiegħu ta’ avukati kienet Jason Azzopardi u Aquilina.

Theuma jgħid li Yorgen Fenech kien qallu li fil-każ tiegħu kien se jqabbadlu lil Dr Gatt biex jirrappreżentah. Ix-xhud jgħid li dan ġiegħlu jistaqsi għaliex Fenech kien se jagħtih l-avukat tiegħu stess jekk hu kien se jispiċċa jixhed kontrih.

Għalhekk, jgħid, iddeċieda li jsib avukati hu stess u għażel avukati Nazzjonalisti għax, skontu, kienu qed jiktbu kontinwament dwar il-każ.

Wara li jieħu n-nifs mill-inhaler, Theuma jkompli b’allegazzjoni oħra: jgħid li Fenech kien saħansitra offra flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jiġix elett, għax Casa kien qed jikteb dwar 17 Black.

Jaelle Borg
11:10

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li, waqt l-arrest tiegħu, il-Pulizija marret ukoll fl-iskola ta’ ibnu biex tiġbru u li ġew arrestati wkoll membri tal-familja tiegħu.

Hekk kif jirrakkonta dan, Theuma jinfaqa' jibki, u l-Prosekutur Godwin Cini jieqaf għal ftit biex jagħtih ċans jikkalma.

Ftit wara, ix-xhud jidher ifittex fil-kaxxa tal-ġelat li fiha kien iżomm pen drives u materjal ieħor li kien ġabar bħala evidenza.

Minnha joħroġ tliet pen drives li, skontu, fihom ir-recordings magħrufa tal-konversazzjonijiet bejnu u Yorgen Fenech.

 

Jaelle Borg
11:09

Melvin Theuma jirrakkonta lill-ġurati l-mument meta l-Pulizija waqqfuh fl-14 ta’ Novembru 2019 waqt li kien ipparkjat fiż-Żurrieq.

Jgħid li Nicholas Vella u uffiċjal ieħor resqu lejh ħdejn Peugeot 306 bajda u staqsewh jekk fil-vettura kienx hemm xi ħaġa li setgħet tweġġagħhom. Theuma wieġeb li le.

Ix-xhud jgħid li mbagħad ġibed l-attenzjoni tagħhom lejn kaxxa li kellu fuq is-seat tal-passiġġier, u insista li din ma tinfetaħx minn wara dahru.

“Din il-kaxxa trid tinfetaħ jew quddiem l-Avukat Ġenerali jew quddiem maġistrat,” jgħid li qal lill-uffiċjali.

Theuma jgħid li l-kaxxa eventwalment infetħet quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella

Jaelle Borg
11:07

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma jekk, qabel l-arrest tiegħu fl-14 ta’ Novembru, kienx jaf b’xi ħaġa minn qabel.

Theuma jgħid li jumejn qabel kien sar jaf li kellu jiġi arrestat fis-16 ta’ Novembru. Skontu, Yorgen Fenech kien qallu li, “jekk Alla jrid”, kollox kien se jitneħħa u l-file tal-Pulizija jingħalaq.

Cini jistaqsih jekk verament kienx jemmen li każ ta’ omiċidju seta’ sempliċement jingħalaq.

Theuma jwieġeb li hu qed jirrakkonta biss dak li ntqallu, u jiskuża ruħu mal-Imħallef hekk kif jirreferi wkoll għall-imħallef Grixti. Jgħid li kien ingħata risposta u għaddiha minn naħa għall-oħra.

Ix-xhud jgħid li kien kellem lil Fenech dwar il-possibbiltà ta’ bail għall-aħwa Degiorgio, u li Fenech kien wieġbu:

“X’se ngħid lill-Imħallef? Li jien qtiltha?”

Jaelle Borg
10:53

Melvin Theuma jerġa’ jinsisti quddiem il-ġurati li qabel l-arrest tiegħu qatt ma kien tkellem direttament mal-Kummissarju tal-Pulizija.

“L-ewwel darba li qatt tkellimt mal-Kummissarju kienet wara li ġejt arrestat,” jgħid Theuma.

Ix-xhud jiċċara wkoll li referenzi li kien għamel għal allegati ħlasijiet lill-Kummissarju ma kinux veri. Jgħid li kien isemmi lill-Kummissarju biex jagħti l-impressjoni li anke hu kellu sors f’livell għoli fil-Korp tal-Pulizija.

Theuma jispjega li Johann Cremona kien isemmilu uffiċjali tal-Pulizija, fosthom Ray Aquilina u persuna li jirreferi għaliha bħala Antonovich. Għalhekk, jgħid, hu beda jsemmi lill-Kummissarju biex jagħmel tabirruħu li kellu sors tiegħu stess f’pożizzjoni saħansitra ogħla.

“Kont insemmi lill-Kummissarju biex nagħmel tabirruħi li anke jien kelli minn jgħaddili l-informazzjoni,” jgħid Theuma.

Jaelle Borg
10:47

Il-Prosekuzzjoni terġa’ lura għal referenza li Melvin Theuma kien għamel qabel il-waqfa dwar Edgar Brincat u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Theuma jgħid li f’okkażjoni minnhom Brincat mar ikellem lill-Kummissarju dwar ċitazzjoni. Skont ix-xhud, waqt dik il-laqgħa l-Kummissarju qallu li Theuma kellu xi recordings, u talbu jipprova jsib fejn kienu qed jinżammu.

Theuma jirrakkonta li malli ħareġ minn dik il-laqgħa, Brincat ċempillu u talbu jmur ikellmu.

“Qalli, ‘Moħħok hemm, għax il-Kummissarju jaf bir-recordings,’” jgħid Theuma.

Ix-xhud jgħid li din l-informazzjoni ħasditu ħafna u li minnufih avża wkoll lil Yorgen Fenech.

Theuma jgħid li minn dak il-mument beda jsemmi lill-Kummissarju fil-konversazzjonijiet tiegħu u jitkellem dwaru bħala persuna li kienet qed “taqbeż għalih”, iżda jinsisti li hu personalment qatt ma tkellem mal-Kummissarju.

Jaelle Borg
10:39

L-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla wara l-waqfa.

Melvin Theuma jerġa’ jieħu postu fuq il-pedana tax-xhud hekk kif tkompli x-xhieda tiegħu fil-34 jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
10:20

Pawża sal-10:30am

Jaelle Borg
10:19

Melvin Theuma jitkellem b’emozzjoni dwar l-effett li l-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus kellha fuq il-familja tiegħu.

Huwa jgħid li, filwaqt li fil-każ tal-qtil kien hu biss involut, fl-investigazzjoni finanzjarja spiċċaw taħt suspett ukoll membri tal-familja tiegħu.

Theuma jilmenta li l-konsegwenzi kienu serji anke għal bintu, u jgħid: “Lil binti ħadulha l-warrant tal-accountancy.”

Jaelle Borg
10:17

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li Johann Cremona kien wegħdu li jgħaddilu minn qabel il-mistoqsijiet li l-Pulizija kienet se tagħmillu dwar l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus.

Skont Theuma, Cremona qallu li jekk ikun hemm xi mistoqsija li ma togħġbux, seta’ jneħħiha mil-lista.

Il-Prosekutur Godwin Cini jitlob lix-xhud jispjega eżattament x’ried ifisser b’dan.

Theuma jagħti eżempju: jekk il-Pulizija kienet se tistaqsih minn fejn ġew ċerti flus u dik il-mistoqsija ma tkunx togħġbu, huwa fehem li seta’ jitlob li titneħħa.

Madankollu, meta Cini jistaqsih jekk din il-lista ta’ mistoqsijiet qattx waslet għandu, Theuma jwieġeb: “Le.”

Ix-xhud jgħid ukoll li Cremona kien wegħdu lista tal-proprjetajiet kollha li l-Pulizija kienet se tagħmel tfittxija fihom, iżda lanqas din il-lista ma waslet qatt.

F’episodju ieħor, Theuma jgħid li Yorgen Fenech kien qallu: “Jekk jarrestawk, nistenniek barra d-Depot bil-pastizzi.” Skont Theuma, Fenech kien assigurah ukoll li jekk l-uffiċjal li jarrestah ikun Ray Aquilina, ma kellux għalfejn jinkwieta

Jaelle Borg
10:08

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Melvin Theuma dwar affarijiet li kien jagħtih Yorgen Fenech, lil hinn mill-vjaġġi u l-episodju tal-laħam li Theuma qal li beda jissuspetta li seta’ kien ivvelenat.

Theuma jgħid li Fenech kien jagħtih ukoll l-inbid.

Jispjega li dan kien jixorbu għax kien jarah jinxtara quddiemu u għalhekk kien iħossu ċert li ma kienx jista’ jkun ivvelenat. Jiftakar f’okkażjoni meta waqfu jixtru l-inbid minn ħanut viċin l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara l-McDonald’s.

Theuma jirreferi wkoll għal kumment ieħor li, skontu, Fenech kien għamillu: “Mhux jien affiġta? Jekk jiġri xi ħaġa, nara jien.”

Jaelle Borg
10:05

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Melvin Theuma għaliex, meta Mario Degiorgio kien talab €80,000 u Yorgen Fenech ma kienx qed iwieġbu, huwa ried ikellem lil Keith Schembri.

Theuma jgħid li ried jasal għand Schembri biex iwassal il-messaġġ lil Fenech li kellu bżonn dawk il-flus u biex jifhem minn fejn kienu se jiġu.

“Ridt lil Yorgen jifhem li kelli bżonn it-€80,000, biex nara minn fejn se jġibhom — jekk jagħtihomli Keith jew kif se jsir,” jgħid Theuma.

Ix-xhud imbagħad jirreferi għall-flus li l-Pulizija sabet fid-dar tiegħu, u jgħid li n-natura tan-negozju tal-lotto li kien imexxi kienet tfisser li l-ammont ta’ flus li jkollu f’idejh seta’ jinbidel drastikament minn jum għall-ieħor.

“Bil-luttu, illum ikollok dan,” jgħid waqt li jindika tazza tal-karti, “u għada ma jkollok xejn. Kien logħob.”

Jaelle Borg
10:01

Melvin Theuma jirrakkonta laqgħa oħra li, skontu, kellu ma’ Yorgen Fenech u Johann Cremona, din id-darba fl-uffiċċji ta’ Fenech f’Level 21, Portomaso.

Mistoqsi mill-Prosekutur Godwin Cini kif spiċċaw hemm, Theuma jgħid li ma marrux la bil-karozza tiegħu u lanqas b’dik ta’ Cremona, iżda jiftakar li t-tlieta ltaqgħu fl-uffiċċju.

Skont ix-xhud, id-diskussjoni kienet dwar jekk għandhomx ikomplu jingħataw il-ħlasijiet lill-aħwa Degiorgio sal-ġuri tagħhom.

Meta Cini jistaqsih għal liema flus kien qed jirreferi, Theuma jgħid li kienu l-€2,000 jew €3,000 fil-ġimgħa li, skont hu, kienu qed jingħataw lilhom.

Theuma jgħid li d-diskussjoni kienet dwar jekk dawn il-pagamenti għandhomx jitwaqqfu jew le sakemm jibda l-ġuri tal-aħwa Degiorgio.

Mistoqsi jekk dak iż-żmien kellux xi informazzjoni dwar meta kien se jibda dak il-ġuri, Theuma jwieġeb li ma kien jaf xejn dwaru.

 

Jaelle Borg
09:53

Melvin Theuma jirrakkonta episodju ieħor li, skontu, juri kemm kienet kibret il-biża’ tiegħu minn Yorgen Fenech fix-xhur ta’ qabel l-arrest tagħhom.

Theuma jgħid li madwar xahar jew xahrejn qabel l-arresti, matul is-sajf, Fenech kien xtralu biljett biex imur miegħu Franza.

Madankollu, jum qabel il-vjaġġ, Theuma ddeċieda li ma jmurx.

“Ħsibt li kien se joqtolni,” jgħid lill-ġurati.

Skont ix-xhud, il-biljett li kien inxtara għalih eventwalment intuża minn Marlene Fenech.

 

Jaelle Borg
09:52

Melvin Theuma jirrakkonta episodju ieħor li fih jgħid li kien qed jixrob whisky ma’ Yorgen Fenech, filwaqt li s-sieħba tiegħu Charmaine kienet fil-karozza magħhom.

Skont Theuma, waqt il-konverżazzjoni Fenech qallu: “Jekk nara xi ħaġa ħażina ġejja, nagħtih miljun u tisparixxi s-sitwazzjoni.”

Theuma jgħid li wara dik id-dikjarazzjoni telaq minn hemm

Jaelle Borg
09:45

Melvin Theuma jirrakkonta episodju ieħor li, skontu, żiedlu l-biża’ li Yorgen Fenech seta’ ried jagħmillu l-ħsara.

Theuma jgħid li f’okkażjoni minnhom Fenech talbu jiġbru mill-ajruport għall-ħabta tas-7am, wara li kien ġej lura minn Londra. Iżda dak iż-żmien Theuma ma ħassux f’qagħda li jmur għalih minħabba mewt fil-familja, u għalhekk bagħat xufier ieħor mill-Hilton biex jiġbru.

Skont ix-xhud, Fenech ġab miegħu sett Lego għal ibnu u żewġ sigaretti elettroniċi bil-batterija. Theuma jgħid li aktar tard Fenech tah ukoll biċċa laħam, li huwa beda jissuspetta li setgħet kienet ivvelenata.

Jgħid li minnufih talab lis-sieħba tiegħu tarmiha. Aktar tard, skont Theuma, Fenech sar jaf b’dan u qallu li kien iddiżappuntat li kien remieha.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih għaliex ħaseb li Fenech seta’ kien qed jipprova jivvelenah.

“Hekk daħalli f’moħħi,” iwieġeb Theuma.

 

Jaelle Borg
09:42

Il-Prosekutur Godwin Cini jitlob lil Melvin Theuma jispjega tliet episodji li semma fix-xhieda tal-bieraħ u li kienu jinvolvu lilu, lil Yorgen Fenech u lil Johann Cremona.

Theuma jirrakkonta li f’okkażjoni minnhom Fenech kien qed joqgħod fir-ranch tiegħu wara argument ma’ martu. Jgħid li filgħodu ltaqa’ ma’ Cremona fil-garaxx tiegħu u, fi triqthom lejn ir-ranch, waqfu jixtru xi pastizzi.

Skont Theuma, waqt il-laqgħa tkellmu dwar flus, Daphne Caruana Galizia u kwistjonijiet oħra marbuta mas-sitwazzjoni li kienu jinsabu fiha.

Theuma jgħid li qal lil Fenech: “Dan mhux postok, toqgħod hawn waħdek.”

Jispjega wkoll li Cremona kien qed jassigura lil Fenech li l-flus li kienu qed jingħataw lil Mario Degiorgio kienu fil-fatt qed jaslu għandu u li Theuma ma kienx qed iżommhom għalih.

Theuma jgħid li f’dak l-istadju ried li Mario Degiorgio u Yorgen Fenech jibdew jitkellmu direttament bejniethom, għax ma kienx għadu jiflaħ ikompli jkun hu li jmur għand Fenech kull darba biex jitlob il-flus.

“Ma stajtx nibqa’ sejjer għandu għall-flus. Ma kontx niflaħ aktar,” jgħid Theuma.

Jaelle Borg
09:38

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li, wara l-episodju fir-ranch ta’ Yorgen Fenech fiż-Żebbuġ, Fenech tkellem miegħu dwar l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta.

Theuma jgħid li waqt li kien qed iwassal lil Fenech l-ajruport, dan qallu: “Is-Sur Valletta rak. Qalli li m’intix wiċċ ġdid għall-Korp tal-Pulizija.”

Ix-xhud jgħid li rrabja ħafna b’dan il-kumment, u sostna li f’ħajtu kellu biss każ wieħed mal-Pulizija. Skontu, huwa qal lil Fenech li kienet kwistjoni serja ħafna li persuna f’kariga daqshekk għolja fil-Korp kienet qed tgħaddilu informazzjoni dwaru.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk qattx tkellem ma’ Fenech dwar ir-rwol ta’ Valletta fl-investigazzjoni.

Theuma jwieġeb li iva, u jgħid li dak iż-żmien il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kienet qed titlob biex Valletta jitneħħa mill-investigazzjoni, u li hu u Fenech kienu ddiskutew proprju dik il-kwistjoni.

Jaelle Borg
09:30

Melvin Theuma jgħid lill-ġurati li l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta kien jgħaddi informazzjoni minn ġewwa dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia direttament lil Yorgen Fenech.

Theuma jfakkar episodju li, skont hu, seħħ ftit ġimgħat wara l-assassinju. Jgħid li wara nofsinhar Fenech ċempillu u talbu jwassallu żewġ ħobżiet fir-ranch tiegħu f' Ħaż-Żebbuġ.

Theuma jgħid li mar hemm bil-Jaguar tiegħu, waqaf quddiem il-grada tal-metall u ċempel lil Fenech biex jgħidlu li kien wasal.

Meta pparkja quddiem il-bieb tar-ranch, jgħid li lemaħ lil Silvio Valletta wieqaf eżatt wara l-bieb.

Skont Theuma, Valletta ħares direttament lejh hekk kif Fenech ħareġ biex jiġbor il-ħobż.

Theuma jippreżenta dan l-episodju bħala parti mill-allegazzjoni tiegħu li Valletta kien qed jgħaddi informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni lil Fenech.

 

Jaelle Borg
09:17

Il-Prosekuzzjoni terġa’ lura għall-episodju li Melvin Theuma xehed dwaru lbieraħ, meta qal li Kenneth Camilleri kien urieh karta u qallu li kien jinsab fl-inkwiet għax kien qed jitqies bħala l-mandant tal-qtil. Theuma qal li dak il-ħin kien wieġbu li “Yorgen huwa l-mandant.”

Mistoqsi jekk reġax kellu kuntatt ma’ Camilleri wara dak l-episodju, Theuma jgħid li xhur wara kien fil-karozza ta’ Johann Cremona meta Camilleri ċempel lil Cremona — jew Cremona ċempel lilu — u t-telefon ingħata lil Theuma.

Skont Theuma, Camilleri qallu: “Fuqek serraħ rasek, m’hemm xejn.”

Theuma jgħid li din il-bidla ħallietu mistagħġeb: “Filli jien il-mandant, filli f’daqqa waħda l-Pulizija lanqas biss kienu jafu bija.”

Huwa jispjega wkoll li, skont dak li kien jgħidlu Johann Cremona, l-informazzjoni kienet allegatament tgħaddi minn Keith Schembri għal Kenneth Camilleri, minn Camilleri għal Cremona, u mbagħad mingħand Cremona għalih.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih dwar persuna oħra li semma lbieraħ bħala sors ta’ informazzjoni.

Theuma jwieġeb: Silvio Valletta.

Jaelle Borg
09:12

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jidħol illum fl-34 jum tiegħu, bil-proċeduri mistennija jkomplu quddiem l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati f’Awla 22.

L-attenzjoni mistennija tibqa’ fuq Melvin Theuma, li għandu jkompli bix-xhieda tiegħu wara li lbieraħ għal diversi sigħat irrakkonta l-verżjoni tiegħu tal-pjan tal-qtil, il-ħlasijiet lill-aħwa Degiorgio u r-recordings sigrieti li qal li beda jagħmel minħabba l-biża’ li seta’ jinqatel.

Ilbieraħ Theuma insista li, għalih, Yorgen Fenech kien l-uniku “mastermind” wara l-assassinju, filwaqt li ddistakka lil Keith Schembri minn involviment dirett fl-ordni jew fil-finanzjament tal-qtil.

Nibqgħu nsegwu dak kollu li joħroġ mill-awla matul il-ġurnata.

 

Jaelle Borg

Aktar tard, sostna, Fenech qallu li Valletta kien rah u kien qal li Theuma “ma kienx wiċċ ġdid għall-Pulizija.”

Theuma qal li dan irrabjah, u sostna li kien jaf b’każ wieħed biss li qatt kellu mal-Pulizija.

Fir-recordings li ndaqqu aktar tard, issemmew ukoll Valletta u s-Secret Service. Theuma spjega li f’okkażjoni minnhom kien inkwetat dwar mutur li lemaħ ħdejn daru u ħaseb li seta’ kien tas-CID. Skontu, Fenech kien qallu biex ma jgħaddix minn Ħaż-Żebbuġ u minflok jgħaddi mill-wied.

Theuma, madankollu, għamel distinzjoni dwar referenzi oħra għall-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa insista li l-ewwel darba li qatt tkellem direttament mal-Kummissarju kienet wara l-arrest tiegħu, u qal li kien isemmi lill-Kummissarju biex jagħti l-impressjoni li anke hu kellu sors f’livell għoli fil-Korp.

“Ir-recordings salvawni”

Parti kbira tas-seduta kienet iddedikata għar-recordings sigrieti li Theuma għamel ta’ Fenech.

Ix-xhud qal li l-ewwel darba li rrekordjah, ħeba l-mobile fil-kalzetta.

Theuma ilu jgħid li beda jagħmel dawn ir-recordings għax kien konvint li ħajtu kienet fil-periklu u li Fenech seta’ ried jeliminah.

F’waħda mill-konversazzjonijiet, Fenech jinstema’ jgħid li kien “iddiżappuntat” meta sar jaf li Theuma kien qed jirrekordjah.

Ir-recording juri tensjoni bejn it-tnejn, b’Fenech jgħid li kellu raġuni għaliex jinkwieta għax Theuma kien qal lil persuna oħra kollox “minn A sa Z”.

Theuma spjega lill-Prosekuzzjoni li Fenech kien qed jirreferi għall-fatt li hu kien qasam dak li kien qallu.

Fuq tape, Theuma jinstema’ jassigurah li qatt ma qal lill-aħwa Degiorgio li Fenech kien il-“mandant”.

“Mela kif jafu bil-potato shed u l-Busy Bee?”

F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jistaqsi kif il-Pulizija kienet taf b’dettalji speċifiċi dwar il-laqgħat marbuta mal-pjan tal-qtil.

“Mela kif jafu bil-potato shed? Kif jafu li ltqajtu fil-Busy Bee?” jinstema’ jistaqsi.

Theuma qal lill-ġurati li r-referenza kienet għall-informazzjoni li Vince Muscat, il-Koħħu, kien qed jgħaddi lill-investigaturi.

F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jgħid lil Theuma biex iwissi lill-aħwa Degiorgio dwar id-dettalji li Vince Muscat kien qed jgħid lill-Pulizija.

Theuma ċċara wkoll referenza għall-“bqija tal-flus”, u qal li apparti d-depożitu ta’ €30,000, kien qed jirreferi għall-€150,000 li, skont ix-xhieda tiegħu, kienu destinati għall-aħwa Degiorgio.

Bail, pagamenti u pressjoni mill-aħwa Degiorgio

Il-kwistjoni tal-allegat bail għall-aħwa Degiorgio reġgħet kienet tema ċentrali.

Theuma qal li kien hemm diskussjoni bejnu, Fenech u Johann Cremona f’Level 21 dwar jekk għandhomx jibqgħu jagħtu lill-aħwa Degiorgio €2,000 jew €3,000 fil-ġimgħa sal-ġuri tagħhom.

F’recording ieħor, Theuma jinstema’ jgħid: “Dawn taf x’iridu? Bail!”

Huwa spjega li Mario Degiorgio kien kontinwament isemmilu l-bail u jgħidlu li ma kinux jifilħu jibqgħu fil-ħabs.

Fuq tape, Theuma jgħid li jekk jasal it-22 tax-xahar u jingħataw il-bail, kien ikun lest jaqtagħhom jekk jerġgħu jitolbu l-flus.

Il-bail allegatament imwiegħed għal dik id-data qatt ma seħħ.

Theuma qal ukoll li f’recording minnhom kien qed jirreferi għal Kenneth Camilleri u allegata wegħda dwar bail, meta jinstema’ jgħid: “Keith bagħtu” u jagħmel referenza għal €1 miljun.

“Ħsibt li kien se jabbanduna lili wkoll”

Theuma reġa’ nqasam emozzjonalment meta tkellem dwar il-pressjoni li kien qed iħoss.

Huwa qal li Fenech kien qed jgħidlu biex jaqta’ kull rabta mal-aħwa Degiorgio.

Skont Theuma, kien faċli għal Fenech jgħid hekk għax hu qatt ma kien iltaqa’ magħhom direttament, filwaqt li Theuma kien jafhom u kien ilu jżomm il-kuntatt magħhom.

“Dak il-ħin ħsibt li kien se jabbanduna lili wkoll,” qal, waqt li deher emozzjonat fuq il-pedana.

Aktar kmieni, Theuma kien qal li l-bail, ir-rimors u l-flus li kienu għaddejjin bejnu u Fenech kienu qed iġibuh fi stat ta’ pressjoni kbira.

“Kemm jiflaħ jieħu moħħ ta’ bniedem?” staqsa.

Theuma: Fenech kien “maqbud bejn erba’ ħitan”

Wara nofsinhar, Theuma qal li kien apposta jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tal-bail biex jipprova jġiegħel lil Fenech ikompli jitkellem fir-recordings.

F’waħda mill-konversazzjonijiet, Fenech jinstema’ jgħid:

“X’nagħmel? Immur għand l-Imħallef u ngħidlu li qtiltha jien?”

Theuma qal ukoll li Fenech darba kien qallu li kien iħossu “maqbud bejn erba’ ħitan.”

Skont ix-xhud, Fenech kien qallu li kien mexxa l-ftehim tal-Electrogas perfettament iżda ma setax joħroġ mill-“problema tal-qtil”.

Keith Schembri jerġa’ jissemma ripetutament

Ir-recordings kienu mimlijin ukoll riferimenti għal Keith Schembri.

F’wieħed minnhom, Fenech jinstema’ jgħid li Schembri kien qallu: “Nidħol fin-nar għalik.”

Fenech jinstema’ wkoll jgħid li kien jafda lil Schembri aktar milli lil Silvio Valletta u li, meta semmielu l-qtil, Schembri “iffriża.”

Aktar tard, Theuma qal li Fenech kien qallu li Schembri kien qed jibki wara li l-investigazzjoni bdiet tagħlaq fuq l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jgħid li kien staqsa lil Schembri jekk kienx għamel xi ħaġa ħażina.

Skont Fenech fir-recording, Schembri wieġbu: “Aħseb u ara! Imma kellek tgħidli qabel.”

Theuma qal lill-ġurati li hu fehem din il-frażi bħala referenza għal qabel l-assassinju.

Theuma, madankollu, baqa’ jinsisti fuq dak li kien qal fil-jum ta’ qabel: li hu ma jistax jgħid li Schembri ordna jew ħallas għall-qtil, u li għalih il-mandant kien Fenech.

Diskussjonijiet dwar il-Kabinett u l-maħfra ta’ Vince Muscat

Theuma spjega wkoll recording li qal li kien jirreferi għal-laqgħa tal-Kabinett li kellha tiddeċiedi dwar it-talba għal maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat.

Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni dwar dawk id-diskussjonijiet lil Silvio Valletta.

Fir-recording issemmew ukoll Chris Cardona, Owen Bonnici, Joseph Muscat u Keith Arnaud.

Theuma qal li Joseph Muscat kien jiġi riferut għalih bħala “ix-Xiħ”.

F’konversazzjoni oħra, Theuma qal li Fenech kien qallu li l-assassinju ta’ Daphne “kissirhom politikament”, b’referenza għal Joseph Muscat u Keith Schembri.

Meta Cini staqsieh kif, Theuma qal li kien qed jirreferi għall-effett politiku tal-kitbiet u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne.

Fir-recording Fenech jinstema’ jgħid: “Kissrithom.”

Fenech jinstema’ jitkellem dwar “tliet livelli”

Waħda mill-aktar partijiet notevoli tar-recordings kienet konversazzjoni fejn Fenech jinstema’ jitkellem dwar tliet livelli differenti.

Skont Theuma, l-ewwel livell kien riferiment għal Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat, it-tieni għalih innifsu, u t-tielet għal Fenech.

Fenech jinstema’ jgħid li wieħed jieħu għaxra, ieħor sebgħa u ieħor ħamsa.

Theuma qal li fehem dawn bħala snin ħabs, u li skontu Fenech kien qed ipoġġi lill-eżekuturi fuq għaxar snin, lilu nnifsu fuq sebgħa u lil Theuma fuq ħamsa.

Allegazzjonijiet oħra waqt ix-xhieda

Theuma xehed ukoll dwar numru ta’ episodji oħra matul il-jum.

Qal li Fenech darba xtralu biljett biex imur miegħu Franza, iżda hu ddeċieda li ma jmurx għax ħaseb li kien se joqtlu.

F’episodju ieħor, sostna li Fenech tah biċċa laħam li beda jissuspetta li setgħet kienet ivvelenata, u qal lis-sieħba tiegħu tarmiha.

Qal ukoll li kien jaċċetta inbid mingħand Fenech meta jarah jinxtara quddiemu għax kien iħossu ċert li dak ma setax ikun ivvelenat.

Theuma, li f’ħin minnhom kellu jieqaf juża inhaler waqt ix-xhieda, allega wkoll li Fenech kien offra flus lill-PN biex David Casa ma jiġix elett minħabba dak li kien qed jikteb dwar 17 Black.

Huwa tkellem ukoll dwar Arthur Azzopardi, u sostna li Johann Cremona kien qal li kellhom jintbagħtu persuni biex jheddu lill-avukat b’rabta mal-maħfra ta’ Vince Muscat.

F’allegazzjoni oħra, Theuma qal li waqt żjara fil-ħabs l-avukat William Cuschieri mar il-kamra tal-banju apposta biex l-aħwa Degiorgio setgħu jkellmu lil Vince Muscat u jistaqsuh jekk kienx qed jikxifhom.

F'recording Yorgen jinstema' jirreferi għal Adrian Delia u jgħid "lanqas Delia, joffendiha bil-familja ta qiegħed"

“Kif se ngħix bil-kuxjenza tiegħi?”

Lejn tmiem il-ġurnata, fir-recording Theuma jinstema’ jistaqsi kif seta’ jgħix bil-kuxjenza tiegħu wara dak kollu li kien ġara.

Meta l-Prosekutur Godwin Cini staqsieh għal xiex kien qed jirreferi, Theuma qal ċar li kien qed jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Min għandu jerfa’ l-ħtija, għandu jerfagħha,” qal.

Il-jum intemm wara sigħat twal ta’ xhieda u recordings, b’Theuma jibqa’ fuq il-pedana bħala x-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni.

 

More in Qrati u Pulizija