"Aħna warajk": Messaġġi bejn Fenech u l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta esebiti fil-ġuri

Il-ġurati fil-ġuri ta' Yorgen Fenech illum raw messaġġi privati bejn l-akkużat u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta, evidenza dwar allegat xiri ta' armi mid-dark web, chats estratti mill-apparat ta' Melvin Theuma u xhieda dwar il-vjaġġ bil-jott li wassal għall-arrest ta' Fenech.

 

It-30 jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech kien iddominat minn evidenza elettronika, hekk kif il-prosekuzzjoni kompliet tesebixxi dokumenti, emails, recordings u chats estratti minn diversi apparati elevati matul l-investigazzjoni.

L-espert forensiku tal-Europol Ioannis Chatziantoniou xehed li ma sab l-ebda indikazzjoni li żewġ dokumenti skennjati kienu ġew iffalsifikati, filwaqt li ammetta li l-analiżi kienet tkun aktar kompluta kieku kellu d-dokumenti oriġinali. Warajh, is-Surġent Karl Micallef qal li fuq seba' dokumenti differenti ġew identifikati 70 marka tas-swaba'.

Parti sostanzjali tas-seduta ffukat fuq chats estratti mill-mobile ta' Fenech li wrew il-komunikazzjoni tiegħu mal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Il-ġurati raw diskussjonijiet dwar laqgħat, vjaġġi lejn Madrid u kiri ta' jet privat lejn Korfu, filwaqt li f'messaġġ wieħed Valletta ddeskriva lil Fenech bħala "Int l-aqwa ħabib tiegħi". Intwerew ukoll ritratt u filmat tiegħu ħdejn Rolls Royce f'garaxx li jidher li jinsab Portomaso, kif ukoll ritratti tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.

Fil-kontroeżami, id-difiża enfasizzat li dawn il-konverżazzjonijiet ma kienu jagħmlu l-ebda referenza għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jew għall-investigazzjoni, filwaqt li ġie kkonfermat ukoll li ma nstabet l-ebda komunikazzjoni bejn Fenech u Keith Arnaud jew Kurt Zahra.

Il-qorti semgħet ukoll argumenti dwar emails estratti mil-laptop ta' Fenech relatati ma' allegat xiri ta' armi mid-dark web. Minkejja l-oġġezzjoni tad-difiża, l-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li l-evidenza setgħet tiġi esebita. Il-ġurati raw emails li allegatament jirreferu għal pistoli Glock, Scorpion automatic rifles, hand grenades, suppressors, munizzjon u allegat ordni ta' cyanide. Ix-xhud Sven Sammut ikkonferma li ma kienx ivverifika l-awtentiċità tal-emails.

Warajh xehed Brady Joe Zammit, li spjega li fuq il-mobile ta' Fenech saru żewġ estrazzjonijiet forensiċi wara li l-ewwel waħda ma rnexxilhiex tirkupra d-data ta' Signal, filwaqt li qal li dan kien l-apparat bl-akbar volum ta' dejta analizzata.

Is-Surġent Josef Gerada kompla bix-xhieda tiegħu dwar il-kontenut estratt mill-mobile ta' Melvin Theuma, li kien jinkludi SMS, recordings u chats ma' Yorgen Fenech, Johann Cremona, Engelbert Mamo, Mario Degiorgio u Mario Tonna. Ġie esebit ukoll ir-ritratt magħruf ta' Theuma fl-uffiċċju ta' Keith Schembri.

Il-ġurati raw chats fejn Fenech deher jipprova jserraħ ras Theuma u jħeġġu jibqa' sod. F'wieħed mill-messaġġi kiteb: "Jekk tibqa' sod jistgħu jbusuli l-bajd", filwaqt li Theuma wieġeb: "Nemmen fik mija fil-mija." Intwerew ukoll konverżazzjonijiet bejn Charmaine, is-sieħba ta' Theuma, u bintha Shianne, li kienu jinkludu referenzi għal Yorgen Fenech, Kastilja u l-pjan ta' Theuma li jixtri Mercedes.

Fil-kontroeżami, id-difiża stabbiliet li Gerada ma setax jikkonferma meta ttieħdu r-ritratti estratti mill-mobile ta' Fenech u li chats bejn Fenech u Theuma li kienu jmorru lura għal qabel il-qtil ma kienu jagħmlu l-ebda referenza għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Qabel kompliet is-seduta ta' wara nofsinhar, l-avukat Charles Mercieca informa lill-qorti li messaġġi ta' WhatsApp esebiti waqt il-ġuri allegatament kienu ġew ippubblikati waqt li l-proċeduri kienu għadhom għaddejjin.

Fl-aħħar parti tas-seduta xehed Logan Wood, l-eks kaptan tal-jottijiet Gio u Gio 2 tal-familja Fenech. Huwa qal li l-vjaġġ lejn Sqallija kien tressaq fuq talba ta' Fenech u li l-pjan kien li jitilqu kmieni filgħodu minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli tal-baħar. Il-qorti rat messaġġi fejn Fenech talbu jitfi s-sistema AIS tal-jott u jiżgura li "l-kosta tkun mija fil-mija ċara", kif ukoll komunikazzjoni dwar La Spezia u pouch li Wood fehem li kien fih flus personali.

Wood qal li hu u Fenech telqu minn Portomaso għall-ħabta tal-4.30am tal-20 ta' Novembru 2019, iżda madwar 20 minuta wara l-jott ġie interċettat minn żewġ patrol boats tal-Forzi Armati ta' Malta. Skontu, madwar 12-il suldat telgħu abbord, wettqu tfittxija u mmanettjawh flimkien ma' Fenech.

Fil-kontroeżami, Wood ikkonferma messaġġ mibgħut minn Fenech fl-2019 fejn kien jgħid li kien qed jara terapista minħabba l-pressjoni u li jafda biss fih u f'Charlene. Huwa qal ukoll li s-service tal-jott kien wieħed ta' rutina, li hu kien informa lill-Valletta Port Control qabel it-tluq u li l-AIS kienet inxtegħlet kif isir normalment qabel ma ntefgħet fuq talba ta' Fenech. Wood sostna li qatt ma ddiskuta l-każ tal-qtil ma' Fenech u li l-unika informazzjoni li kellu dwaru kienet dik irrappurtata fil-media.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukati Charles Mercieca, Gianella Demarco u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia. Il-ġuri qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

More in Qrati u Pulizija