"Rajt dell iswed... u kont naf li kienet ommi" – Matthew Caruana Galizia jirrakkonta l-aktar mumenti koroh tal-assassinju

B'xhieda emozzjonanti u dettaljata, Matthew Caruana Galizia irrakkonta quddiem il-ġurati l-mumenti li għex wara l-isplużjoni li qatlet lil ommu, Daphne Caruana Galizia, filwaqt li żvela wkoll kif it-tnejn kienu qed jaħdmu lejl u nhar fuq l-investigazzjonijiet tal-Electrogas, 17 Black u l-Panama Papers fix-xhur ta' qabel l-assassinju tagħha

Ritratt: James Bianchi/MaltaToday
Ritratt: James Bianchi/MaltaToday

"Rajt dell iswed...  kont naf li kienet ommi."
B'dawn il-kliem emozzjonanti, Matthew Caruana Galizia irrakkonta quddiem il-ġurati l-mumenti li qatt ma jinsa l-ġurnata tas-16 ta' Ottubru 2017, meta splużjoni qatlet lil ommu, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu fil-29 jum tal-ġuri kontra Yorgen Fenech, Matthew iddeskriva kif, ftit wara li ommu telqet mid-dar, sema' splużjoni qawwija li minnufih tah x'jifhem li kienet ġrat traġedja.

Huwa qal li ħareġ jiġri lejn it-triq, fejn lemaħ duħħan iswed, nirien u frammenti tal-vettura kif ukoll partijiet mill-ġisem. 

Matthew kompla jirrakkonta li kien hemm omm u tifla u beda jgħid lill-omm biex iċċempel lill-112, filwaqt li ddeskriva lilu nnifsu bħala fi stat ta' xokk.

Qal ukoll li ftit wara waslet karozza tal-Pulizija u beda jgħajjat lill-uffiċjali. Skont ix-xhud, wieħed mill-pulizija li kien għadu fil-vettura beda jibki.
Huwa mbagħad ipprova jċempel lil missieru, Peter Caruana Galizia, għax beża' li seta' jsir jaf b'dak li kien ġara mill-aħbarijiet. Meta ma rnexxielux isibu, ċempel lil ħuh iż-żgħir, iżda qal li ma kellux il-kuraġġ jgħidlu li ommhom kienet inqatlet.

"Ħallejt il-karriera tiegħi biex infittex il-ġustizzja"
Matthew qal li wara l-qtil ta' ommu ħajtu nbidlet kompletament.

Qal li qabel kien jgħix ħajja normali bħala software engineer, iżda wara l-assassinju ddeċieda li jħalli l-karriera tiegħu u jirritorna Malta biex jiddedika ruħu kompletament għat-tkomplija tal-investigazzjonijiet li kienet ħalliet għaddejjin Daphne.

"Ħajti saret tfittxija għall-ġustizzja u għall-investigazzjoni," stqarr.

Fl-aħħar tax-xhieda tiegħu, huwa qal li dak li jixtieq l-aktar hu li l-proċess jintemm u ssir ġustizzja.
"Irrid li dan jintemm darba għal dejjem. Irrid il-ġustizzja. Jekk jiġrili xi ħaġa, ma jimpurtanix. Sakemm issir ġustizzja ma' ommi, xejn aktar ma jagħmel sens," qal.

Kif bdiet l-investigazzjoni dwar 17 Black
Matul il-ġurnata, Matthew ta wkoll rendikont dettaljat tal-ħidma li kien qed iwettaq ma' ommu qabel il-qtil tagħha.

Huwa spjega kif, waqt li kien qed janalizza d-dokumenti leaked tal-Panama Papers, beda jsib ismijiet Maltin, fosthom dawk ta' Konrad Mizzi u

Keith Schembri, u minnufih għadda din l-informazzjoni lil Daphne.

Aktar tard, kienet hi li talbitu jagħmel riċerka dwar 17 Black u Macbridge, żewġ kumpaniji offshore li, dak iż-żmien, hu stess qatt ma kien sema'

bihom.
Matthew qal li l-ewwel tfittxijiet ma taw l-ebda riżultat, iżda meta wasal sett ġdid ta' dokumenti leaked mingħand Mossack Fonseca, l-investigazzjoni ħadet xejra differenti.

Skont ix-xhud, dawn id-dokumenti indikaw li l-kumpaniji offshore ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jippjanaw li jirċievu fondi mingħand 17 Black, li kienet tidher bħala waħda mis-sorsi mistennija tal-ħlasijiet.

Huwa qal ukoll li kien impressjonat bil-fatt li Daphne kienet taf dwar 17 Black u Macbridge ħafna qabel ma hu stess skoprahom.

"Konna naħdmu lejl u nhar"
Matthew xehed ukoll dwar il-volum enormi ta' dokumenti leaked relatati mal-Electrogas li kienu qed jaslulhom.

Huwa qal li Daphne kienet infurmatu li kellha sors minn ġewwa l-Electrogas, li kien qed jgħaddilha eluf ta' emails u dokumenti.

Aktar ma kienu janalizzaw il-materjal, aktar kienu jindunaw li Yorgen Fenech kien jidher ta' spiss fil-komunikazzjonijiet.

"Konna naħdmu lejl u nhar," qal Matthew, filwaqt li spjega li kienu qed jippreparaw investigazzjoni estensiva dwar l-Electrogas li qatt ma kellha ċ-ċans tiġi ppubblikata.

Vjaġġ lejn Dubai u d-Daphne Project
Matthew irrakkonta wkoll kif, wara l-qtil ta' ommu, ivvjaġġa flimkien mal-ġurnalist ta' Reuters Stephen Grey lejn Dubai, biex jipprova jikseb informazzjoni dwar is-sidien ta' 17 Black.

Huwa qal li t-talba tiegħu għall-aċċess għar-reġistru tal-kumpaniji ġiet miċħuda, u li l-għada stess sar jaf bl-arrest ta' Yorgen Fenech.

Aktar tard, spjega kif twieled id-Daphne Project, inizjattiva ta' ġurnalisti minn diversi pajjiżi li ngħaqdu biex ikomplu l-investigazzjonijiet li kienet ħalliet Daphne.

Skont Matthew, il-proġett wassal għal evidenza ġdida li saħħet is-suspett li l-kumpaniji offshore ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu mistennija jirċievu €50,000 fix-xahar.

Kontro-eżami
Matul il-kontro-eżami, id-difiża ffukat fuq il-komunikazzjonijiet bejn Matthew u ommu, kif ukoll fuq il-metodu ta' ħidmitha.
Matthew spjega li Daphne kienet tmexxi numru ta' investigazzjonijiet waħedha, filwaqt li hu kien jassistiha prinċipalment fuq il-Panama Papers.

Huwa qal ukoll li wara l-qtil kompla jirċievi dokumenti leaked relatati mal-Electrogas u li kien konvint li min kien involut kien jaf li Daphne kellha sors minn ġewwa, minħabba n-natura esklussiva tal-informazzjoni li kienet qed tippubblika.

Barra minn hekk, xehed dwar il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia, fejn qal li dan kien ġie analizzat mill-awtoritajiet Ġermaniżi, filwaqt li l-apparat oriġinali ngħata lil avukat li kien qed jirrappreżenta lill-familja.

Xhud ieħor

Wara li ntemmet ix-xhieda estensiva ta' Matthew Caruana Galizia, tela' fuq il-pedana l-Kuntistabbli Sean Cutajar, li xehed li fit-22 ta' Novembru 2019 kien involut fl-elevazzjoni ta' dokumenti relatati ma' Melvin Theuma mill-uffiċċju ta' Yorgen Fenech f'Portomaso.
B'hekk, l-Imħallef Edwina Grima aġġornat is-seduta, bil-ġuri jkompli għada b'aktar xhieda.

17:55

L-Imħallef Edwina Grima aġġornat is-seduta, u b'hekk intemm id-29 jum tal-ġuri kontra Yorgen Fenech.

Matul il-ġurnata, l-attenzjoni kienet iffukata l-aktar fuq ix-xhieda estensiva ta' Matthew Caruana Galizia, li rrakkonta fid-dettall il-ħidma investigattiva li kien qed iwettaq ma' ommu, Daphne Caruana Galizia, kif ukoll il-mumenti traġiċi tal-jum tal-assassinju tagħha.

Qabel intemmet is-seduta, il-Kuntistabbli Sean Cutajar beda wkoll jagħti x-xhieda tiegħu, fejn spjega li kien involut fl-elevazzjoni ta' dokumenti relatati ma' Melvin Theuma mill-uffiċċju ta' Yorgen Fenech f'Portomaso.

Il-ġuri jkompli għada b'aktar xhieda quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
17:54

Il-Kuntistabbli Sean Cutajar xehed li fit-22 ta' Novembru 2019 kien involut f'operazzjoni li matulha ġew elevati dokumenti relatati ma' Melvin Theuma mill-uffiċċju ta' Yorgen Fenech f'Portomaso.

Ix-xhud spjega li din kienet parti mill-investigazzjoni li kienet għaddejja dak iż-żmien, hekk kif il-Pulizija wettqu tfittxija fl-uffiċċji tal-akkużat u elevaw diversi dokumenti għall-finijiet tal-investigazzjoni.

 

Jaelle Borg
17:47

Wara li d-difiża kkonfermat li m'għandhiex aktar mistoqsijiet, intemmet uffiċjalment ix-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia.

Minnufih, il-Qorti sejħet lix-xhud li jmiss, il-Kuntistabbli Sean Cutajar, biex jibda jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.

 

Jaelle Borg
17:42

Matul il-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella de Marco irreferiet għal Yorgen Fenech bħala azzjonist minoritarju fil-proġett tal-Electrogas.

B'reazzjoni, Matthew Caruana Galizia rrimarka li ebda azzjonist ma kellu l-maġġoranza tal-ishma fil-kumpanija.

Id-difiża mbagħad staqsietu jekk, waqt l-analiżi tad-devices ta' Yorgen Fenech, kienx sab xi emails mibgħuta minn Daphne Caruana Galizia lill-akkużat.

Matthew wieġeb fin-negattiv, iżda qal li sab komunikazzjonijiet oħra li fihom kienet qed tiġi diskussa l-leak tal-informazzjoni.

"Naħseb li kien jaf li xi ħadd kien qed jgħaddilna informazzjoni. Kien ovvju li kellna sors, għax l-informazzjoni li konna qed nippubblikaw kienet esklussiva u qatt ma kienet dehret imkien qabel," stqarr Matthew Caruana Galizia.

 

Jaelle Borg
17:39

Matul il-kontro-eżami, id-difiża rreferiet lil Matthew Caruana Galizia għal blog li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat f'Mejju tal-2017.

Skont il-blog, Daphne kienet waslet għall-konklużjoni li ditta legali fir-Renju Unit kienet ġiet ingaġġata biex tieħu passi kontriha fl-istess żmien li kienet qed tikteb dwar id-dijanjosi u t-trattament tal-kanċer allegat ta' Keith Schembri.

Matthew qal li ma jiftakarx id-dettalji ta' dak il-blog partikolari.

Madankollu, huwa qal li jiftakar li Henley & Partners kienu heddew lil ommu b'kawża.

"Il-kawża qatt ma seħħet... għax inqatlet," stqarr Matthew Caruana Galizia.

Jaelle Borg
17:32

Matul il-kontro-eżami, Matthew Caruana Galizia xehed li qatt ma reġa' ltaqa' mas-sors li kien urieh l-emails li kienu relevanti għall-investigazzjonijiet ta' ommu.

Huwa qal li wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia pprova jerġa' jistabbilixxi kuntatt ma' dik il-persuna, iżda qatt ma rnexxielu.

Skont Matthew, is-sors kien irrabjat wara li Daphne ppubblikat ritratt tiegħu, u dan seta' wassal biex waqfet il-komunikazzjoni bejniethom.

Aktar tard, id-difiża rreferiet għal blog posts li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar Keith Schembri, fosthom waħda li fiha kienet kitbet li kien marid bil-kanċer u kien se jmut.

Matthew qal li ommu kienet kitbet diversi artikli dwar il-kundizzjoni medika allegata ta' Schembri, filwaqt li stqarr li wieħed minn dawk il-blog posts kien ħasdu b'mod partikolari.

Jaelle Borg
17:23

Matul il-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella de Marco staqsiet lil Matthew Caruana Galizia jekk hu u ommu kinux, dak iż-żmien, qed jaħdmu esklussivament fuq l-investigazzjoni tal-Electrogas.

B'referenza għal blog li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat fl-24 ta' April 2017 dwar allegati kickbacks lil Keith Schembri marbuta mal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, Matthew spjega li ommu kienet tmexxi wkoll investigazzjonijiet oħra waħedha.

Huwa qal li l-irwol tiegħu kien prinċipalment marbut mal-investigazzjoni tal-Panama Papers, u spjega li ma kienx jibgħatilha data, iżda kien jinformaha meta fid-dokumenti leaked kien isib ismijiet ta' persuni Maltin.

"Kienet hi li kienet qed taħdem fuq l-investigazzjoni tal-iskema tal-passaporti fir-rigward ta' Keith Schembri,"stqarr.

L-avukat De Marco rrimarkat ukoll li Daphne kienet ikkupjat lil Matthew f'numru ta' emails li bagħtet fost oħrajn lil Joseph MuscatKeith Schembri u persuni oħra dwar dik l-investigazzjoni.

Matthew wieġeb li kien ġie inkluż f'dawk l-emails għax kien preżenti meta persuna marret fid-dar tagħhom u urithom informazzjoni dwar Joseph Muscat u Keith Schembri.

 

Jaelle Borg
17:17

Matul il-kontro-eżami, id-difiża rreferiet għal messaġġ ieħor bejn Matthew Caruana Galizia u ommu, li kien jirrigwarda r-riżenja tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar.

Matthew xehed li Daphne Caruana Galizia kienet frustrata bir-riżenja ta' Cassar, għax kienet tal-fehma li minflok kellu jwettaq investigazzjoni dwar il-Panama Papers.

Huwa spjega li dak iż-żmien ommu kienet qed tinvestiga allegati kickbacks lil Keith Schembri marbuta mal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, u li din kienet waħda mill-investigazzjonijiet li kienet qed tagħtiha prijorità

Jaelle Borg
17:16

Matul il-kontro-eżami, id-difiża rreferiet għal konverżazzjoni fuq WhatsApp tas-23 ta' April 2016 bejn Matthew Caruana Galizia u ommu, Daphne Caruana Galizia, li fiha kienet talbitu jagħmel riċerka dwar 17 Black u Macbridge.

Matthew spjega lill-ġurati li dak iż-żmien kellu diversi hard disks mimlijin data, li kien qed itella' waħda waħda fuq pjattaforma żviluppata mill-International Consortium of Investigative Journalists (ICIJ) biex tkun tista' ssir tfittxija fid-dokumenti tal-Panama Papers.

Huwa qal li d-data kif kienet ma setgħetx tiġi mfittxija faċilment, u għalhekk kienet trid l-ewwel tiġi pproċessata u mtellgħa fuq is-sistema ta' tfittxija Blacklight, qabel setgħu jibdew janalizzawha b'mod effettiv.

Jaelle Borg
17:04

Wara waqfa ta' madwar 15-il minuta, il-proċeduri reġgħu bdew f'Awla 22.

Issa se jibda l-kontro-eżami ta' Matthew Caruana Galizia, hekk kif id-difiża tibda tagħmillu l-mistoqsijiet tagħha quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
17:03

Matthew Caruana Galizia kompla jirrakkonta l-mumenti ta' wara l-assassinju ta' ommu, Daphne Caruana Galizia, u ddeskriva l-konfużjoni u x-xokk li ħakmuh.

Huwa qal li ftit wara waslet karozza tal-Pulizija fuq il-post.

"Bdejt ngħajjat lill-pulizija. Wieħed minnhom niżel mill-karozza, filwaqt li l-ieħor baqa' ġewwa jibki," xehed.

Matthew qal li mbagħad qagħad bilqiegħda fit-triq u pprova jċempel lil missieru, għax kien imħasseb li seta' jsir jaf b'dak li ġara mill-aħbarijiet.

"It-telefon tiegħu kien mitfi," qal, filwaqt li żied li ma jiftakarx jekk kienx missieru jew wieħed minn ħutu li ċempillu lura aktar tard.

Huwa qal li ċempel lil ħuh iż-żgħir, iżda ma kellux il-qalb jgħidlu x'kien ġara. Minflok, talbu jsib lil missierhom u jmorru d-dar.

Matthew stqarr li wara dawk il-mumenti bilkemm jiftakar x'ġara, għalkemm jiftakar li kellu argument ma' persuna li kienet qed tieħu ritratti tax-xena bit-telefon ċellulari tagħha.

Meta sab il-kuraġġ jirritorna lejn id-dar, qal li l-post kien diġà mimli uffiċjali tal-Pulizija.

Fix-xhieda tiegħu, Matthew tkellem ukoll dwar kif ħajtu nbidlet kompletament wara l-qtil ta' ommu.

Qal li qabel kien jgħix ħajja normali, imur ix-xogħol, isiefer u jqatta' ħin mal-ħbieb, iżda wara l-assassinju kollox inbidel.

"Ħajti saret tfittxija għall-ġustizzja u għall-verità dwar l-investigazzjoni," stqarr.

Huwa qal li ħass sens enormi ta' responsabbiltà, tant li ħalla x-xogħol u temm il-karriera tiegħu, irritorna Malta u ddedika kull enerġija tiegħu biex ikompli l-investigazzjonijiet li kienet ħalliet għaddejjin ommu.

Fl-aħħar mumenti tax-xhieda tiegħu, Matthew għamel appell emozzjonanti quddiem il-ġurati.

"Irrid li dan jintemm darba għal dejjem. Irrid il-ġustizzja. Onestament, jekk jiġrili xi ħaġa, ma jimpurtanix. Sakemm issir ġustizzja ma' ommi, xejn aktar ma jagħmel sens," qal.

Wara dawn il-kelmiet, il-Prosekuzzjoni kkonfermat li m'għandhiex aktar mistoqsijiet għal Matthew Caruana Galizia.

Jaelle Borg
16:25

Matthew Caruana Galizia kompla jirrakkonta x-xena li sab quddiemu wara l-isplużjoni.

Huwa qal li, għall-ewwel, lemaħ dell iswed u nduna mallewwel li kienet ommu.

Matthew xehed li dak il-ħin lemaħ mara u tifla ul-mara bdiet issaqsih xħa jagħmlu u hu qalla biex  iċċempel lill-112.

Ix-xhieda qanqlet emozzjoni qawwija fl-awla. Żewġ neputijiet ta' Daphne Caruana Galizia, li kienu qed isegwu l-proċeduri mill-gallarija, setgħu jidhru u jinstemgħu jibku waqt li Matthew kien qed jirrakkonta dawk il-mumenti.

Jaelle Borg
16:21

Matthew Caruana Galizia irrakkonta lill-ġurati l-ġrajjiet ta' filgħodu tas-16 ta' Ottubru 2017, il-jum li fih inqatlet ommu, Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li dak il-għodu missieru telaq kmieni għax-xogħol, filwaqt li Daphne qamet ftit wara, ħejjiet kafè u xi ħaġa x'tiekol, u mbagħad bdiet taħdem mid-dar.

Matthew spjega li hu wkoll kien impenjat bix-xogħol tiegħu u għalhekk ma kienx qed jagħti kas ta' dak li kienet qed tagħmel ommu. Madankollu, jiftakar li hija rċeviet telefonata mill-bank, fejn infurmawha li kienet mistennija għal laqgħa u kienet waslet tard. Skont ix-xhud, Daphne assigurathom li kienet fi triqitha.

Huwa qal li, wara li ħarġet mid-dar, reġgħet daħlet lura biex tieħu ċ-checkbook ta' missieru li kienet insiet, u mbagħad telqet mill-ġdid.

Ftit mumenti wara, Matthew qal li sema' splużjoni qawwija.

Huwa rrakkonta li qabeż minn fuq is-siġġu, ħareġ jiġri barra u fetaħ il-bieb ta' barra tad-dar. Minn hemm lemaħ duħħan iswed, u beda jiġri lejn it-triq prinċipali.

Meta wasal fuq il-post, qal li ra nirien, biċċiet tal-metall, frammenti tal-plastik u parti minn ġisem uman, filwaqt li ddeskriva lilu nnifsu bħala fi stat ta' konfużjoni totali.

Jaelle Borg
16:20

Mistoqsi mill-Prosekutur Godwin Cini dwar il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia, Matthew qal li dan kien jinsab għand il-Pulizija Federali Ġermaniża.

Huwa spjega li l-awtoritajiet Ġermaniżi offrew lill-awtoritajiet Maltin l-opportunità li jibagħtulhom mistoqsijiet dwar id-data li kien hemm fil-laptop, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu mwieġba matul l-analiżi forensika.

Matthew xehed ukoll li l-awtoritajiet Ġermaniżi staqsew lill-familja x'riedu jsir bil-kopji tad-data estratta mil-laptop.

Huwa żied li l-apparat oriġinali ngħata lil avukat li kien qed jirrappreżenta lill-familja, u qal li għadu għandu l-kustodja tiegħu sal-lum.

Jaelle Borg
16:17

Matthew Caruana Galizia xehed li anke wara l-qtil ta' ommu, baqa' jirċievi emails u dokumenti leaked relatati mal-Electrogas.

Fost il-materjal li rċieva kien hemm email mibgħuta għall-ħabta tal-4.00pm proprju fil-jum tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-Qorti semgħet ukoll dwar numru ta' komunikazzjonijiet interni bejn impjegati tal-Electrogas li kienu jagħmlu referenza għall-qtil.

Aktar tard, ġiet esebita wkoll email tal-2018 allegatament mibgħuta minn Yorgen Fenech lil uffiċjal tar-relazzjonijiet pubbliċi, fejn talab il-fehma tiegħu dwar kif kienet qed tiġi rrappurtata fil-midja l-istorja ta' 17 Black.

Matthew Caruana Galizia kompla jispjega li l-fluss ta' informazzjoni leaked dwar l-Electrogas ma waqafx mal-qtil ta' ommu, iżda baqa' għaddej hekk kif kompliet l-investigazzjoni.

Jaelle Borg
16:13

Matthew Caruana Galizia xehed li, wara l-qtil ta' ommu, l-investigatur tal-Pulizija Keith Arnaud talab lill-familja biex tħejji lista tal-investigazzjonijiet kollha li Daphne Caruana Galizia kienet qed taħdem fuqhom, flimkien mal-aktar informazzjoni possibbli dwar kull waħda.

Ix-xhud iddeskriva l-proċess bħala "esperjenza terribbli", u spjega li kien hu li għamel l-lista, qasamha ma' missieru u ma' ħutu, u mbagħad bagħatha lil Arnaud.

Huwa qal li dam ħafna biex lesta dik il-lista, minħabba ċ-ċirkostanzi diffiċli li kienet għaddejja minnhom il-familja.

Matthew żied li l-investigazzjoni li kienet tinkwetah l-aktar kienet dik dwar l-Electrogas, li kienet tpoġġiet fl-ewwel post tal-lista, filwaqt li ż-żewġ investigazzjonijiet ta' warajha wkoll kienu marbuta mal-Electrogas.

Jaelle Borg
16:00

Matthew Caruana Galizia xehed li, wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, grupp ta' ġurnalisti minn diversi pajjiżi ngħaqdu biex ikomplu l-investigazzjonijiet li kienet ħalliet għaddejjin.

Huwa qal li dak iż-żmien ma kienx lest jirritorna għax-xogħol, filwaqt li ammetta li kien diffiċli ħafna għalih jiddeċiedi lil min seta' jafda.

Matthew spjega li minn din il-kollaborazzjoni internazzjonali twieled id-Daphne Project, li kompla jinvestiga l-istejjer li kienet qed taħdem fuqhom ommu.

Skont ix-xhud, l-investigazzjoni wasslet għal indikazzjonijiet ġodda li saħħew is-suspett li l-kumpaniji offshore ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu indikaw lil bank fil-Baħamas li kienu mistennija jirċievu €50,000 fix-xahar.

 

Jaelle Borg
15:46

Waqt ix-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia, il-Qorti osservat li kwalunkwe dokument li ma jistax jiġi kkonfermat jew ivverifikat bħala awtentiku għandu valur probatorju limitat, u mingħajr tali konferma jitqies bħala hearsay.

B'reazzjoni, il-Prosekutur Godwin Cini sostna li s-sors li pprovda dawn id-dokumenti ma jistax jiġi żvelat jew jitressaq biex jixhed, minħabba n-natura sensittiva tal-każ.

Matthew Caruana Galizia, min-naħa tiegħu, qal li l-immaġnijiet u d-dokumenti skennjati li rċieva kienu jikkonfermaw informazzjoni li kienet waslitlu wkoll minn sorsi oħra.

Jaelle Borg
15:44

Matthew Caruana Galizia reġa' beda bix-xhieda tiegħu u ġie muri numru ta' dokumenti, fosthom rapport tal-FIAU, ritratti u dokumenti skennjati, filwaqt li spjega lill-ġurati x'kien jirrappreżenta kull wieħed minnhom.

Fost id-dokumenti esebiti kien hemm wieħed li jirreferi għall-bidla fl-isem ta' 17 Black għal Wings Development, kif ukoll dokumenti li kienu jinkludu scans ta' bank statements tal-Bank of Valletta u ċekkijiet maħruġa lil Yorgen Fenech.

Matthew xehed li dawn id-dokumenti ntbagħtulu minn persuna anonima wara l-qtil ta' ommu.

Huwa żied li sors ieħor kien infurmah li l-bank ma riedx jibqa' jagħmel negozju ma' Yorgen Fenech u kien għalaq xi kontijiet bankarji tiegħu.

Jaelle Borg
15:25

Qabel ma Matthew Caruana Galizia jerġa' jitla' fuq il-pedana tax-xhud, il-Qorti qalet li se tagħti direzzjonijiet lill-membri tal-ġurija dwar x'evidenza jistgħu jqisu u x'm'għandhomx jieħdu inkunsiderazzjoni meta jasal iż-żmien tad-deliberazzjonijiet tagħhom.

 

Jaelle Borg
15:19

Wara l-waqfa ta' nofsinhar, l-Imħallef Edwina Grima daħlet f'Awla 22, fejn mistennija tagħti d-digriet tagħha dwar il-punt legali mqajjem qabel il-waqfa.

Id-deċiżjoni mistennija tiddetermina kif se tkompli x-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia.

 

Jaelle Borg
13:11

L-imħallef tordna waqfa sat-3pm 

Jaelle Borg
13:03

Il-proċeduri waqfu għal darb'oħra wara li l-avukat tad-difiża Charles Mercieca oġġezzjona għax-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia, u sostna li "dan kollu huwa hearsay", jiġifieri xhieda bbażata fuq dak li allegatament qalulu ħaddieħor.

Il-Prosekutur Godwin Cini wieġeb għall-oġġezzjoni billi qal li din hija l-istorja tal-ħajja ta' omm ix-xhud u li għalhekk ix-xhieda għandha titħalla tkompli.

L-Imħallef ordnat li l-ġurati u Matthew Caruana Galizia joħorġu mill-awla, sabiex il-Qorti tkun tista' tisma' u tiddeċiedi dwar il-punt legali mqajjem mid-difiża.

 

Jaelle Borg
13:02

Matthew Caruana Galizia irrefera għal investigazzjoni konġunta ppubblikata f'Novembru tal-2018 minn Times of Malta u Reuters, li żvelat li Yorgen Fenech kien is-sid ta' 17 Black.

Huwa qal li dik l-investigazzjoni kellha tifsira personali kbira għalih.

"Dan l-artiklu kien kruċjali għalija, għax konna qed nippruvaw niskopru dak li ommi qatt ma kellha ċ-ċans tippubblika," stqarr quddiem il-ġurati.

Mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima jekk kienx hu li pprovda l-informazzjoni li wasslet għall-identifikazzjoni ta' Yorgen Fenech bħala s-sid ta' 17 Black, Matthew spjega li ta informazzjoni biex tissupplimenta l-investigazzjoni, iżda ma qalx li kien l-uniku sors tagħha.

Huwa kompla jiddeskrivi l-istat li kien fih wara l-qtil ta' ommu.

"Wara l-qtil kont f'paniku totali. Tlift lil ommi, iżda tlift ukoll żewġ affarijiet importanti ħafna fl-istess ħin: ma kontx naf lil min nista' nafda," qal Matthew Caruana Galizia.

Jaelle Borg
12:30

Matthew Caruana Galizia kompla jirrakkonta dettalji minn investigazzjoni oħra li kienet qed twettaq ommu, Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li darba kienet infurmatu li kien hemm persuna li kienet qed tgħaddilha informazzjoni dwar telefonati bejn l-editur ta' MaltaToday, Saviour Balzan, u Keith Schembri.

Skont Matthew, ommu kienet tatu lista ta' numri tat-telefon biex jiċċekkjahom, u fosthom kien hemm numru attribwit lil Yorgen Fenech.

Huwa żied li, fost in-noti li kienet ħalliet Daphne, kien hemm referenza mmarkata bħala "pending", fejn kienet kitbet "Yorgen phone call", b'indikazzjoni li dik il-linja ta' investigazzjoni kienet għadha qed tiġi segwita.

Jaelle Borg
12:22

Matul ix-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia, il-Prosekuzzjoni esebiet blog li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat bit-titlu "17 Black: The name of a company incorporated in Dubai."

Matthew spjega li din kienet l-ewwel darba li l-isem "17 Black" tħabbar pubblikament, fi żmien meta ftit li xejn kien magħruf dwar il-kumpanija.

Huwa ġie mistoqsi wkoll dwar kumment li ommu kienet kitbet taħt l-istess artiklu bi tweġiba għal qarrej, fejn kienet qalet:

"Uħud mis-sidien tal-impjant tal-enerġija l-ġdid tagħhom tal-korruzzjoni: u dan hu Yorgen Fenech."

Jaelle Borg
12:20

Il-Prosekutur Godwin Cini kompla jirreferi għal numru ta' emails li jagħmlu parti mid-dokumenti leaked relatati mal-investigazzjoni.

Fosthom, inqrat email allegatament mibgħuta minn Yorgen Fenech, li fiha kiteb:

"Qed ninkwieta. Nistaw nitkelmu għada? Nixtieq li nżomm lil K fuq in-naħa tagħna."

Aktar tard, il-Qorti rat ukoll email oħra allegatament mibgħuta minn Fenech lil Catherine Halpin tal-Electrogas, wara li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat blog fejn allegat li l-kredituri tal-kumpanija ma kinux qed jitħallsu.

Skont l-email esebita, Fenech u Halpin iddiskutew jekk kellhomx jirreaġixxu pubblikament għall-blog post.

Jaelle Borg
12:03

Matthew Caruana Galizia ġie mistoqsi dwar email mibgħuta lil Yorgen Fenech, li fiha kien hemm referenza għal "Special K" jew "Big K".

Matul ix-xhieda tiegħu, Matthew qal ukoll li Siemens, waħda mill-imsieħba fil-proġett tal-Electrogas, aktar tard kienet infurmatu li iddispjaċiha li qatt involviet ruħha fil-proġett.

Ix-xhud fakkar li Daphne Caruana Galizia kienet urietu l-ewwel emails leaked tal-Electrogas fil-bidu tal-2017. Minn hemm 'il quddiem, u speċjalment qabel u wara l-elezzjoni ġenerali ta' Ġunju 2017, il-fluss ta' dokumenti kompla jiżdied.

Matthew qal li hu u ommu kienu qed jirċievu mijiet, jekk mhux eluf, ta' emails u dokumenti, li kienu janalizzaw kontinwament.

 

Jaelle Borg
12:01

Matthew Caruana Galizia ġie riferut għal email mibgħuta f'Mejju tal-2014 lil Turab Musayev, li minnha nqrat silta mill-Prosekutur Godwin Cini.

Fost il-kontenut tal-email nqrat il-frażi: "Għandna bżonn lill xiħadd ieħor malajr... l-aħbar qed tinfirex.."

Fix-xhieda tiegħu, Matthew fakkar ukoll kif l-Ewroparlamentari David Casa kien infurmah dwar rapport tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Huwa qal li beda jinvestiga l-kontenut ta' dak ir-rapport flimkien mal-ġurnalista Brittanika Juliette Garside, iżda qabel ma setgħu jippubblikaw l-investigazzjoni tagħhom, David Casa kien diġà għamel pubblika l-informazzjoni.

 

Jaelle Borg
11:55

Matthew Caruana Galizia jerġa jieħu postu fuq il-pedana tax-xhied fejn qal li, wara l-qtil ta' ommu, ma kienx f'kundizzjoni li jkompli jaħdem fuq l-investigazzjoni li kienu qed iwettqu flimkien.

Huwa xehed li għalhekk għadda kopja tal-informazzjoni li kellu lill-ġurnalist ta' Times of Malta sabiex ix-xogħol investigattiv ikun jista' jkompli.

 

Jaelle Borg
11:44

It-tensjoni fl-awla kompliet tiżdied hekk kif l-avukat tad-difiża Charles Mercieca ġibed l-attenzjoni tal-Qorti għall-fatt li Jason Azzopardi kien għajjat "Shame!" waqt il-proċeduri.

Azzopardi wieġeb minnufih, u qal:

"Jien ma nixtrix xhieda"

L-Imħallef Edwina Grima qieset il-kumment bħala mhux xieraq u imponiet it-tieni multa ta' €50 fuq Azzopardi matul l-istess seduta.

B'reazzjoni, Azzopardi sostna li ma kienx qed jirreferi għal ħadd b'mod partikolari.

 

Jaelle Borg
11:40

Il-Qorti mmultat lill-avukat tal-parte civile Jason Azzopardi €50 wara li għamel kumment waqt il-proċeduri.

L-inċident seħħ meta Azzopardi għajjat darbtejn "Shame!" fid-direzzjoni tal-avukat tad-difiża Charles Mercieca, hekk kif dan kien qed joġġezzjona għal parti mix-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia.

L-Imħallef Edwina Grima wriet id-diżapprovazzjoni tagħha għall-imġiba u imponiet il-multa fuq il-post.

Sadanittant, id-difiża qajmet oġġezzjoni oħra, fejn sostniet li l-Prosekuzzjoni rreferiet lix-xhud għal email li mhijiex parti mill-evidenza fil-kawża u li lanqas ma kienet miktuba jew riċevuta minn Matthew Caruana Galizia.

Jaelle Borg
11:27

Matthew Caruana Galizia kompla bix-xhieda tiegħu u qal li, aktar ma hu u ommu bdew janalizzaw id-dokumenti li kienu qed jirċievu, aktar l-Electrogas bdiet tidher bħala ċ-ċentru ta' diversi investigazzjonijiet.

Huwa spjega li d-dokumenti kienu juru kumpanija li kienet għaddejja minn diffikultajiet, filwaqt li l-analiżi tad-data bdiet tikxef xejra ċara.

"Bdejt nara li Yorgen Fenech kien jidher li jinsab fiċ-ċentru ta' kollox. Ismu kien jidher f'għadd kbir ta' emails," qal Matthew.

Ix-xhud żied li hu u ommu kienu qed jippjanaw investigazzjoni estensiva dwar l-Electrogas, li kienet se tgħaqqad l-informazzjoni kollha li kienu ġabru, inklużi d-dokumenti leaked li kienu waslulhom.

Madankollu, qal li dik l-investigazzjoni qatt ma tlestiet.

"Kull darba li nara dawk l-emails, qalbi tibda tħabbat." Filwaqt li jżid li jiftakar f'dak li kienu se jagġmlu iżda qatt ma wettqu.

Jaelle Borg
11:20

Matthew Caruana Galizia qal lill-ġurati li Daphne Caruana Galizia kienet infurmatu li kellha sors minn ġewwa l-Electrogas, li kien qed jgħaddilha emails u dokumenti relatati mal-investigazzjoni tagħha.

Huwa spjega li ommu kienet urietu parti minn dawn id-dokumenti, filwaqt li qaltlu li kien għad fadal eluf oħra x'jirċievi mingħand l-istess sors.

Matthew qal li t-tnejn kienu konxji mir-riskju kbir li kien qed jieħu dan is-sors, peress li seta' faċilment jiġi identifikat.

Huwa rrakkonta li, hekk kif beda jqatta' aktar żmien Malta biex jgħin lil ommu fl-investigazzjonijiet, baqa' mistagħġeb bil-portata tal-informazzjoni li kienet qed tikseb.

"Kienet dejjem tissorprendini," stqarr.

Matthew kompla jgħid li Nexia BT kienet tidher b'mod frekwenti fid-dokumenti li kienu qed jeżaminaw, u ddeskriva l-esperjenza bħala waħda li fetħitlu għajnejh għall-kobor tal-istorja li kienu qed jinvestigaw.

F'dan il-punt, id-difiża oġġezzjonat, u sostniet li x-xhud kien qed jesprimi opinjoni personali aktar milli jillimita ruħu għall-fatti.

Jaelle Borg
11:10

Matthew Caruana Galizia xehed li, wara l-qtil ta' ommu, Daphne Caruana Galizia, ħass motivazzjoni akbar biex jiskopri min kien wara l-kumpaniji 17 Black u Macbridge.

Huwa spjega li, flimkien mal-ġurnalist ta' Reuters Stephen Grey, ivvjaġġa lejn l-Emirati Għarab Magħquda bit-tama li jsib informazzjoni dwar is-sidien tal-kumpaniji fir-reġistru kummerċjali ta' Dubai.

Matthew qal li l-aħħar darba li kien fl-UAE kienet proprju lejlet l-arrest ta' Yorgen Fenech.

Huwa rrakkonta kif, waqt iż-żjara tiegħu fl-uffiċċji tar-reġistru, ivvinta skuża biex imur il-kamra tal-banju, fejn lemaħ xi kompjuters u beda jagħmel tfittxijiet fuqhom.

Skont ix-xhud, avukata resqet lejh biex tara jekk kellux bżonn l-għajnuna. Huwa qalilha li ommu kienet inqatlet, u hi marret tiċċekkja jekk setgħetx tassistih.

Matthew qal li semagħha tidħol f'argument jaħraq ma' persuni oħra dwar it-talba tiegħu, iżda fl-aħħar mill-aħħar it-talba għall-aċċess għall-informazzjoni ġiet miċħuda.

"L-għada filgħodu ġurnalist qalli li Yorgen Fenech kien ġie arrestat," temm jgħid Matthew Caruana Galizia.

Jaelle Borg
11:07

Matthew Caruana Galizia kompla jixhed dwar kif żviluppat l-investigazzjoni fuq 17 Black u Macbridge.

Huwa qal li l-ewwel tfittxijiet li għamel ma taw l-ebda riżultat, iżda s-sitwazzjoni nbidlet meta aktar tard wasal sett ġdid ta' dokumenti leaked mingħand Mossack Fonseca.

Matthew spjega li dawn id-dokumenti żvelaw li l-kumpaniji offshore marbuta ma' Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jippruvaw jiftħu kontijiet bankarji, filwaqt li 17 Black kienet identifikata bħala waħda mis-sorsi mistennija tal-fondi.

Huwa qal li din kienet l-ewwel darba li sabu evidenza li kienet tindika rabta kummerċjali bejn dawn il-kumpaniji, u li minn dak il-punt 'il quddiem l-investigazzjoni ħadet direzzjoni ġdida.

Jaelle Borg
11:03

Matthew Caruana Galizia kompla bix-xhieda tiegħu u qal li Daphne Caruana Galizia kienet diġà taf b'17 Black u Macbridge qabel hu stess kien sema' bihom.

Huwa spjega li meta ommu talbitu jgħinha tikseb aktar informazzjoni dwar dawn iż-żewġ kumpaniji, hu kien għadu qatt ma kien sema' bihom.

"Li impressjonani kien li dak li kitbitli kien kompletament preċiż." stqarr Matthew.

Huwa żied li kieku ommu ma semmitlux l-ismijiet ta' 17 Black u Macbridge, qatt ma kien jasal biex jinvestigahom hu stess.

 

Jaelle Borg
10:48

Matthew Caruana Galizia kompla jixhed li, waqt li kien qed jgħin lil ommu fl-investigazzjonijiet tagħha, Daphne Caruana Galizia talbitu jsib aktar informazzjoni dwar żewġ kumpaniji offshore – 17 Black u Macbridge.

Huwa qal li, waqt ir-riċerka tiegħu, sab email li kienet tinkludi l-ismijiet taż-żewġ kumpaniji.

Spjega li 17 Black u Macbridge kienu ċentrali għall-investigazzjoni li kienu qed imexxu.

 

Jaelle Borg
10:44

Wara li ntemmet id-diskussjoni legali, Matthew Caruana Galizia reġa' beda bix-xhieda tiegħu u fakkar fil-perjodu ta' wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.

Huwa qal li dak iż-żmien kien stressanti ħafna, hekk kif minn persuna li kienet iżżomm profil baxx spiċċa taħt l-għajnejn tal-pubbliku.

"Ħadd ma kien jaf min kont, u dan kien aħjar għalija," qal, filwaqt li żied li kemm hu kif ukoll ommu, Daphne Caruana Galizia, spiċċaw taħt skrutinju pubbliku qawwi.

Matthew qal li dak il-perjodu resqu aktar lejn xulxin.

"Ħassejtni aktar qrib ommi," stqarr, filwaqt li spjega li hu u ommi kienu tim.

Huwa spjega li, minn dak il-mument 'il quddiem, ix-xogħol investigattiv ta' Daphne beda jieħu prijorità fuq ix-xogħol regolari tiegħu, tant li beda jiġi Malta aktar ta' spiss biex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha.

 

Jaelle Borg
10:33

Il-proċeduri reġgħu waqfu hekk kif il-Prosekuzzjoni u d-difiża komplew jiddiskutu kif għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti li se jirreferi għalihom Matthew Caruana Galizia waqt ix-xhieda tiegħu.

Id-difiża sostniet li l-ġurati ngħataw aċċess għal dokumenti li ma kellhomx jaraw, u b'reazzjoni immedjata l-Qorti ordnat lil tekniku tagħha biex ineħħi dak il-folder mit-tablets tal-ġurati.

Il-Qorti osservat ukoll li kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża diġà għandhom kopja ta' kull dokument esebit fil-kawża.

L-Imħallef ordnat li Matthew Caruana Galizia m'għandux jiġi mistoqsi dwar ebda dokument li jista', b'xi mod, iwassal għal referenza għal proċedimenti kriminali preċedenti li jinvolvu lil Yorgen Fenech.

Fi kliem ieħor, il-ġurati m'għandhomx jisimgħu jew jiġu esposti għal informazzjoni dwar kwalunkwe proċediment kriminali preċedenti relatat mal-akkużat.

Jaelle Borg
10:17

Matul il-proċeduri, l-avukati tad-difiża qajmu punt ta' dritt fejn talbu lill-Qorti biex il-Prosekuzzjoni tipprovdilhom kopja ta' kull dokument qabel tirreferi għalih waqt ix-xhieda.

Il-Prosekuzzjoni qalet li m'għandhiex oġġezzjoni għal din it-talba.

 

Jaelle Borg
10:04

Matthew Caruana Galizia rrakkonta episodju li seħħ f'Jannar tal-2016, ftit xhur qabel il-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.

Huwa qal li dak iż-żmien Daphne Caruana Galizia kienet qed tiffaċċja kawża ta' libell minn Konrad Mizzi u martu. Wara seduta fil-Qorti, skont Matthew, ommu indirizzat lil Mizzi u għamlitlu kumment dwar fejn allegatament kien qed jaħbi flusu.

Matthew Caruana Galizia kompla jispjega wkoll l-isfida teknika wara l-investigazzjoni tal-Panama Papers, u qal li l-ammont ta' data li kienet qed tiġi analizzata kien enormi.

Huwa rrakkonta li t-tim kien kontinwament idaħħal informazzjoni fis-sistema, sakemm f'ħin minnhom il-manager tiegħu talbu jieqaf idaħħal aktar data, biex jagħti ċans lill-ġurnalisti ilaħħqu mal-analiżi tal-informazzjoni li kienet diġà ġiet ipproċessata.

 

Jaelle Borg
09:57

Matthew Caruana Galizia kompla bix-xhieda tiegħu billi spjega kif beda jinvestiga l-Panama Papers, u qal li, hekk kif beda jeżamina d-dokumenti, beda jsib ismijiet ta' persuni Maltin, fosthom Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Huwa qal li dan seħħ madwar l-2015, u li malajr induna bis-sinifikat tal-informazzjoni li kien qed jiskopri.

"Kelli naqsam dak li bdejt nara ma' ommi," qal Matthew Caruana Galizia, filwaqt li spjega li ħass li l-informazzjoni kienet importanti wisq biex iżommha għalih.

Huwa żied li, kieku ma qasamx dak li kien qed jiskopri ma' ommu, kien hemm ir-riskju li l-investigazzjoni ma tkunx tista' tiġi segwita sal-potenzjal kollu tagħha.

Jaelle Borg
09:54

Huwa qal li għal bosta snin ħadem bħala software engineer u għandu wkoll Masters fil-Ġurnaliżmu. Spjega li fil-bidu tas-snin 2000 beda l-karriera tiegħu fis-software engineering, aktar tard ingħaqad ma' Times of Malta, qabel ma ddedika ruħu għall-ġurnaliżmu investigattiv.

Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu fix-xogħol investigattiv ta' ommu, Daphne Caruana Galizia, Matthew qal li kienet hi li ispiratu biex jistudja l-ġurnaliżmu.

"Kbirt f'dik id-dinja u kont passjonat dwarha," qal, filwaqt li żied li, minkejja l-passjoni tiegħu għas-software engineering, il-ġurnaliżmu kien dejjem parti mill-ambjent li trabba fih.

 

Jaelle Borg
09:50

Jitla jixhed issa, Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia

Jaelle Borg
09:49

Fix-xhieda tiegħu, Michael Savone qed jippreżenta dokumentazzjoni dwar dgħajjes irreġistrati li, skont ir-reġistri, kienu marbuta mal-investigazzjoni.

Fost id-dgħajjes imsemmija hemm dawk irreġistrati f'isem George Degiorgio, magħruf bħala "iċ-Ċiniż", kif ukoll Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
09:41

Wara x-xhieda ta' Dr Kenneth Camilleri, jitla' fuq il-pedana Michael Savone, li jaħdem bħala assistent reġistratur fi Transport Malta

Jaelle Borg
09:39

L-ewwel xhud tas-seduta tal-lum huwa Dr Kenneth Camilleri, avukat li kien inkarigat mill-proċeduri relatati mal-iffriżar tal-assi.

Dr Camilleri qed jixhed dwar rapport li kien ħejja fl-2019 b'rabta mal-ordni ta' ffriżar tal-assi ta' Yorgen Fenech, u qed jispjega l-ħidma li wettaq f'dan il-kuntest.

Jaelle Borg
09:28

L-Imħallef Edwina Grima daħlet f'Awla 22, segwita ftit wara mill-ġurati, u b'hekk bdiet is-seduta tal-lum fil-ġuri kontra Yorgen Fenech.

Qabel id-daħla tal-ġurati, il-Prosekuzzjoni u d-difiża kellhom diskussjoni dwar liema dokumenti u argumenti jistgħu jiġu esebiti matul il-proċeduri.

Il-Prosekuzzjoni informat lill-Qorti li se tagħmel użu mid-dokumenti kollha pprovduti minn Matthew Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia, bl-eċċezzjoni ta' parti żgħira minnhom li tikkonsisti f'żewġ paragrafi.

Is-seduta tal-lum timmarka d-29 jum tal-ġuri, li matulu l-Prosekuzzjoni kompliet tressaq numru sostanzjali ta' xhieda u evidenza quddiem il-ġurati.

 

Jaelle Borg
09:15

L-għodwa t-tajba u merħba għal aġġornamenti diretti mill-Qorti, hekk kif illum ikompli l-ġuri kontra Yorgen Fenech fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illum hija mistennija tkompli tinstema' x-xhieda tal-prosekuzzjoni quddiem il-ġurati, wara ġimgħat ta' evidenza minn uffiċjali tal-Pulizija, esperti forensiċi, rappreżentanti ta' kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u membri tat-task force li ħadmu fuq l-investigazzjoni.

Fis-seduta tal-aħħar, il-ġurati semgħu wkoll ix-xhieda ta' Peter Caruana Galizia, li ta rendikont emozzjonanti dwar il-qtil ta' martu u l-impatt li ħalla fuq il-familja, filwaqt li l-kontro-eżami ffoka fuq il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet li kienet għadha għaddejja bihom meta nqatlet.

Segwu magħna hekk kif inwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-awla, hekk kif ikompli dan il-ġuri li issa ilu għaddej għal aktar minn xahar.

Jaelle Borg

More in Qrati u Pulizija