Raġel ikkundannat erba’ snin ħabs wara li daħal f’appartament f’San Ġiljan, attakka raġel b’sikkina u seraqlu l-mobile

Il-vittma spiċċa b’diversi qatgħat f’idejh wara li pprova jiddefendi ruħu 

 

 

Raġel Libjan ta’ 34 sena ntbagħat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li daħal fl-appartament ta’ raġel Nepaliż waqt li dan kien rieqed, attakkah b’sikkina u seraqlu l-mobile.

Il-Maġistrat Gabriella Vella sabet lil Walid Ben Muftah ħati li fis-27 ta’ Frar 2024 ikkaġuna ġrieħi gravi lil raġel ieħor permezz ta’ strument li jaqta’, kif ukoll li wettaq serq ikkwalifikat bil-vjolenza. 

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.30am f’appartament f’San Ġiljan. Mill-provi rriżulta li l-vittma kien rieqed meta Ben Muftah daħal fil-kamra tiegħu u beda jfittxilu fil-bwiet.

Meta r-raġel qam u staqsieh min kien, l-imputat allegatament qallu “oqgħod kwiet u orqod”. 

Meta pprova jaħrab, Ben Muftah hedddu b’sikkina u attakkah.

Il-vittma qal lill-qorti li pprova jiddefendi ruħu u li sofra diversi qatgħat f’idejh waqt li kien qed jipprova jwaqqaf lill-aggressur. Huwa rnexxielu jimbuttah u joħroġ mill-appartament, fejn talab l-għajnuna ta’ xufier ta’ karozza Bolt li ħadu sal-Għassa tal-Pulizija.

Aktar tard induna li l-mobile tiegħu, li kien qed jiċċarġja ħdejn is-sodda, kien nieqes. Huwa qal li kien xtara l-mobile fin-Nepal għal madwar €210.

Il-filmati tas-CCTV u l-mobile tal-vittma
Il-Pulizija sabet traċċi ta’ demm fl-appartament u kisbet filmati tas-sigurtà li wrew persuna tidħol fil-blokka u ftit minuti wara toħroġ b’oġġett bil-ponta f’idejha.

Is-Surġent Aldo Zammit qal li għaraf lill-persuna fil-filmati bħala Ben Muftah minħabba li kien magħruf mal-pulizija. 

Wara li nħareġ avviż ta’ tfittxija, l-imputat instab il-Marsa aktar tard dakinhar, ipejjep fi ġnien pubbliku, liebes l-istess ħwejjeġ li kienu jidhru fil-filmati.

Meta ġie arrestat, il-Pulizija sabet fil-pussess tiegħu l-mobile Vivo tal-vittma kif ukoll sikkina.

Testijiet tad-DNA rabtu lil Ben Muftah u lill-vittma mal-ħwejjeġ u mas-sikkina eżaminata mill-esperti forensiċi.

L-esperti mediċi kkonkludew li l-ġrieħi li sofra l-vittma kienu “defence injuries” — jiġifieri ġrieħi li jseħħu meta persuna tipprova tiddefendi ruħha minn arma li taqta’. 

Il-ġrieħi ġew ikklassifikati bħala gravi, b’uħud minnhom iħallu marki permanenti.

Psikjatra spjegat li l-imputat ilu snin ibati minn problemi ta’ droga u għandu karatteristiċi antisoċjali, iżda qalet li ma kienx f’stat ta’ ġenn u kien kapaċi jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin.

L-uffiċjal tal-probation irrakkomandat li jingħata trattament kontra d-droga u appoġġ psikoloġiku, filwaqt li osservat li dawn il-problemi kienu fost il-fatturi li kellhom jiġu indirizzati biex jitnaqqas ir-riskju li jerġa’ jwettaq xi reat ieħor.

Meta tat is-sentenza, il-qorti qalet li kkunsidrat kemm il-gravità tar-reati kif ukoll il-problemi personali tal-imputat.

Minbarra s-sentenza ta’ erba’ snin ħabs effettivi, il-Maġistrat Vella ordnat li Ben Muftah jitqiegħed taħt ordni ta’ trattament għal erba’ snin u ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma.

Is-sikkina ġiet ikkonfiskata u l-imputat ġie ordnat iħallas €3,268 fi spejjeż tal-esperti.

More in Qrati u Pulizija