Il-Qorti tal-Appell issib lil Nikki Dimech ħati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus

Wara saga legali ta’ 16-il sena, l-eks Sindku ta’ Tas-Sliema ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi u multa ta’ €35,000 

Wara 16-il sena minn meta ħarġu l-ewwel akkużi, il-Qorti tal-Appell Kriminali sabet lill-eks sindku ta’ Tas-Sliema, Nicholas "Nikki" Dimech, ħati ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus.

Is-sentenza nqatgħet wara li l-Avukat Ġenerali appella minn deċiżjoni tal-2023 fejn Dimech kien ġie lliberat mill-akkużi kollha.

Talab 10% tal-ħlasijiet lill-kuntrattur tal-Kunsill lokali

Il-Qorti sabet lil Dimech ħati li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu taħt il-“libsa tal-kariga”.
Il-kuntrattur Joseph Vella xehed li Dimech urieh tliet ċekkijiet maħruġa mill-Kunsill Lokali u qallu li jekk ma jagħtihx 10% tal-valur tagħhom, il-ħlas ma kienx se jinħareġ.

Meta Vella rrifjuta, Dimech allegatament hedddu li kien se jżommlu l-bid bond, jiġifieri s-somma ddepożitata bħala garanzija għall-kuntratt.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ddeskriviet dan bħala "patt kriminuż", fejn Dimech uża s-setgħat tal-kariga tiegħu biex jikseb flus li ma kellux jedd għalihom. 

L-Imħallef osservat li, anke jekk Vella kellu dejn privat ma’ Dimech, dan ma kien jagħtih ebda dritt li jżomm lura ħlasijiet dovuti minn fondi pubbliċi sakemm dak id-dejn jiġi saldat.

Flus għaddew minn terzi qabel spiċċaw fil-kont tiegħu

Fir-rigward tal-akkuża ta’ ħasil ta’ flus, il-Qorti sabet li Dimech għadda l-flus minn għand terzi sabiex jaħbi l-oriġini tagħhom.

Il-provi wrew li ċ-ċekkijiet inħarġu f’isem ommu, l-eks sieħba tiegħu, kif ukoll kumpaniji fosthom C&N Accounting Services u VG Tiles Co. Ltd.

Madankollu, il-Qorti nnutat li l-flus "dejjem spiċċaw fil-kont bankarju tal-appellat".

Dimech sostna li dawn il-pagamenti kienu relatati ma’ xogħol privat ta’ riċerka li kien għamel lil Vella, iżda l-Qorti ċaħdet din l-ispjegazzjoni, filwaqt li rrimarkat li ma ppreżenta lanqas "invoice jew riċevuta waħda" biex isostni l-verżjoni tiegħu.

Huwa qal li kien warrab id-dokumenti minħabba li kienu għaddew aktar minn għaxar snin, iżda l-Qorti qalet li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi, “kellu jkun ħafna aktar prudenti” fiż-żamma tar-rekords tiegħu.

Illiberat fuq 19-il akkuża oħra
Fl-istess waqt, il-Qorti kkonfermat il-liberazzjoni ta’ Dimech minn 19-il akkuża oħra, fosthom dawk ta’ falsifikazzjoni u theddid.
 Il-piena

Nicholas Dimech ġie kkundannat għal sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €35,000.

Il-Qorti imponiet ukoll il-piena tal-interdizzjoni ġenerali perpetwa u ordnat l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ €24,482. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti spjegat li applikat il-piena l-anqas gravi applikabbli billi użat il-liġi kif kienet fis-seħħ fiż-żmien meta twettqu r-reati. 

Ġie ordnat ukoll li s-sentenza tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.

More in Qrati u Pulizija