Tifla ta' erba' snin spiċċat l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija fi Triq il-Manikata, il-Mellieħa.
Il-pulizija ġiet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-11pm, wara rapport li kienet meħtieġa l-assistenza tagħha fuq il-post.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Suzuki Swift, misjuqa minn mara ta' 28 sena residenti Santa Venera, ħabtet ma' arblu qabel spiċċat fil-karreġġjata opposta.
B'konsegwenza ta' dan, is-Suzuki ħabtet ma' xarabank, misjuqa minn raġel ta' 48 sena residenti San Pawl il-Baħar, u ma' vann Mercedes Sprinter, misjuq minn raġel ta' 33 sena, ukoll residenti San Pawl il-Baħar.
Tim mediku mar fuq il-post u ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieqa kif ukoll lit-tifla ta' erba' snin, li kienet passiġġiera fis-Suzuki.
It-tnejn ittieħdu b'ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard it-tifla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara ma sofriet l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.