Raġel isofri ġrieħi serji wara li qabadlu l-fjuwil waqt li kien qed iqabbad BBQ fil-Mosta

Ir-raġel ta' 50 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei wara li sofra ħruq serju waqt inċident fuq il-bejt tar-residenza tiegħu.

Raġel ta' 50 sena sofra ġrieħi serji minn ħruq wara li l-fjuwil li kien qed juża biex iqabbad barbecue ħa n-nar waqt li kien fuq il-bejt tar-residenza tiegħu fil-Mosta.

Il-pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-7:30pm f'residenza fi Triq il-Ħtajriet.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien qed juża l-fjuwil biex iqabbad barbecue meta, għal raġunijiet li għadhom mhumiex magħrufa, il-fjuwil qabad u kkawżalu ħruq.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku kif ukoll membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu.

Ir-raġel ittieħed b'ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija