Peter Caruana Galizia jgħid li ma kienx jaf bit-talba biex titħassar id-data tal-laptop ta' Daphne
Il-kontro-eżami ta' Peter Caruana Galizia ffoka fuq il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia u d-deċiżjoni li d-data tiegħu tħassret fil-Ġermanja, filwaqt li aktar kmieni x-xhud ta xhieda emozzjonanti dwar il-ħajja tal-familja wara l-assassinju
minn Jaelle Borg
Il-kontro-eżami ta' Peter Caruana Galizia fil-ġuri ta' Yorgen Fenech illum iffoka fuq il-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia, hekk kif id-difiża ressqet dokumenti li juru li d-data maħżuna fuqu eventwalment tħassret wara li ma saritx talba formali lill-awtoritajiet Ġermaniżi.
L-Avukat Giannella Demarco irreferiet għal ittra datata Ġunju tal-2018, iffirmata minn Peter Caruana Galizia, li kienet titlob biex il-laptop jintbagħat għand il-Pulizija Ġermaniża sabiex isir eżami forensiku aktar sigur u biex ma jinħolqux kopji tad-disks.
Id-difiża mbagħad ressqet dokumentazzjoni oħra li turi li aktar tard, wara mistoqsijiet li saru dwar l-investigazzjoni tal-laptop, irriżulta li d-data kienet tħassret, bil-Pulizija Ġermaniża jispjegaw li, fin-nuqqas ta' talba ulterjuri, ma setgħux iżommu d-data u għalhekk ma setgħux jgħadduha lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Mistoqsi dwar dan, Peter Caruana Galizia ċaħad li kien talab hu biex titħassar id-data.
"Jiena qatt ma tlabt għad-deletion, ma nafx min talabha," stqarr.
Meta l-avukat staqsietu jekk id-deċiżjoni kinitx ittieħdet minn wara dahru, huwa wieġeb: "Jien ħallejt f'idejn it-tfal."
Aktar tard fil-kontro-eżami, Peter Caruana Galizia sostna wkoll li lanqas kien jaf li l-laptop kien intbagħat il-Ġermanja. Meta Demarco rrimarkat li kienet proprju ittra ffirmata minnu li wasslet biex dan iseħħ, huwa wieġeb li dak iż-żmien "ma kontx iffukat u moħħi ma kienx hemm."
"Qatt ma rat lin-neputijiet tagħha"
Aktar kmieni matul il-ġurnata, Peter Caruana Galizia ta xhieda emozzjonanti dwar l-effett li l-qtil ta' martu ħalla fuqu u fuq il-familja.
"Nixtieqkom tapprezzaw, Sinjuri Ġurati, x'effett ħalla dan l-omiċidju fuqna," qal, waqt li rrakkonta kif ħajtu nbidlet kompletament wara s-16 ta' Ottubru 2017.
Huwa qal li wieħed mill-akbar niket tiegħu hu li Daphne qatt ma kellha l-opportunità tiltaqa' man-neputijiet tagħha, minkejja li kienet tħares 'il quddiem għal dik il-fażi tal-ħajja.
"Il-mara qatt ma rathom in-neputijiet. Inħoss piż kbir fuqi bħala ġenitur waħdi," qal, filwaqt li żied li lanqas fil-ħajja professjonali tiegħu ma reġa' kien l-istess.
"Jien personalment mhux l-istess kif kont... fil-fatt mhux naċċetta klijenti ġodda għax ma nistax niffoka."
Huwa temm il-parti emozzjonanti tax-xhieda tiegħu b'kumment li ħalla impatt fl-awla:
"OK, għadni ħaj, imma mingħajrha mhux l-istess."
"Qatt ma rajtha taħdem daqshekk"
Peter Caruana Galizia xehed ukoll dwar l-aħħar xhur tal-ħajja ta' martu, fejn qal li kienet qed taħdem b'mod intensiv fuq l-investigazzjoni tal-Electrogas.
Huwa rrakkonta li Daphne kienet kisbet in-numru tat-telefon ta' Yorgen Fenech u riedet tkellmu, filwaqt li sostna li kienet taħdem fuq din l-istorja saħansitra sas-6.00 ta' filgħodu.
"Qatt ma rajtha taħdem daqshekk fit-tul," qal.
Ix-xhud spjega wkoll li ħafna mis-sorsi ta' Daphne ma kienx jaf bihom u li sar jaf b'uħud minnhom biss wara l-qtil tagħha, meta dawn stess avviċinaw lill-familja.
Fil-kontro-eżami, Peter Caruana Galizia kkonferma wkoll li, fuq talba tal-Ispettur Keith Arnaud, kien għadda lista tal-investigazzjonijiet li Daphne kienet għadha qed taħdem fuqhom meta nqatlet. Huwa qal li l-Electrogas kienet l-ewwel suġġett fuq dik il-lista, għax kien iqisha l-aktar investigazzjoni importanti li kienet għaddejja biha.
Matul is-seduta tal-lum, il-ġurati semgħu wkoll xhieda minn diversi uffiċjali tal-Pulizija u rappreżentanti ta' kumpaniji tat-telekomunikazzjoni.
Fosthom kien hemm uffiċjali tal-Financial Crimes Investigation Department (FCID) u membri tat-task force li analizzaw data estratta minn apparat elettroniku elevat matul l-investigazzjoni. Ix-xhieda tagħhom iffukat fuq l-analiżi ta' emails, ritratti, WhatsApp chats u data oħra li ġiet estratta minn devices attribwiti lil Yorgen Fenech, Melvin Theuma u persuni oħra relatati mal-investigazzjoni.
Madankollu, parti mix-xhieda tal-Kuntistabbli Sven Sammut kellha tiġi sospiża wara li nqalgħet kwistjoni legali dwar jekk il-materjal li kien qed jirreferi għalih kienx jinsab fl-atti tal-kawża. Il-Qorti ordnat li qabel tkompli din ix-xhieda għandu jiġi ċċarat liema dokumenti huma formalment parti mill-proċess.
Xehdu wkoll Emily Abela ta' Melita Limited u Anthony Bonnici ta' GO plc, li ppreżentaw call records mitluba mill-investigaturi. Fil-kontro-eżami, id-difiża ffokat fuq telefonati qosra li saru fl-2020 minn numru attribwit lil Yorgen Fenech u fuq id-dettalji tekniċi relatati ma' dawk il-komunikazzjonijiet.
Aktar kmieni matul il-ġurnata, il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-fotografu ta' Times of Malta, Matthew Mirabelli, li rrakkonta kif lejlet l-arrest ta' Yorgen Fenech kien mar il-Marina ta' Portomaso fuq struzzjonijiet tal-editur tiegħu u hemm iltaqa' mal-kaptan tal-jott, Logan Wood, li qallu li minħabba l-maltemp ma kienx se joħroġ bil-lanċa dak il-lejl.
Il-ġuri kontra Yorgen Fenech, li qed jiċħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih, ġie aġġornat u jkompli nhar it-Tnejn b'aktar xhieda.

Il-ġuri kontra Yorgen Fenech ġie aġġornat għal-lum wara ġurnata oħra ta' xhieda.
Fost ix-xhieda li nstemgħu kien hemm Peter Caruana Galizia, li ta xhieda emozzjonanti dwar il-qtil ta' martu Daphne Caruana Galizia, il-ħidma tagħha fuq l-investigazzjoni tal-Electrogas u l-impatt li l-assassinju ħalla fuq il-familja.
Aktar kmieni, il-Qorti semgħet ukoll xhieda minn diversi uffiċjali tal-Pulizija u impjegati ta' kumpaniji tat-telekomunikazzjoni dwar l-analiżi ta' apparat elettroniku u records ta' telefonati, filwaqt li diversi punti legali wasslu għal sospensjoni temporanja ta' xi xhieda.
Il-ġuri jkompli nhar it-Tnejn b'aktar xhieda.
Il-kontro-eżami kompla jiffoka fuq il-laptop ta' Daphne Caruana Galizia.
Peter Caruana Galizia sostna li lanqas biss kien jaf li l-laptop kien intbagħat il-Ġermanja.
L-Avukat Giannella Demarco irrimarkat li kienet proprju l-ittra ffirmata minnu li kienet talbet biex il-laptop jintbagħat għand il-Pulizija Ġermaniża.
B'reazzjoni, Peter Caruana Galizia wieġeb li dak iż-żmien ma kienx iffukat u moħħu ma kienx hemm, fid-dawl taċ-ċirkostanzi li kienet għaddejja minnhom il-familja wara l-qtil ta' Daphne.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco kompliet tirreferi għall-kwistjoni tal-laptop ta' Daphne Caruana Galizia.
Hija qalet li, aktar tard, Elaine Mercieca, illum Maġistrat u dak iż-żmien avukat, kienet kitbet biex tistaqsi x'żviluppi kien hemm fl-investigazzjoni tal-laptop.
Skont id-dokument imressaq mid-difiża, ir-risposta kienet li d-data kienet tħassret, filwaqt li l-Pulizija Ġermaniżakienu spjegaw li, fin-nuqqas ta' talba formali, id-data kienet ġiet imħassra, u għalhekk ma setgħux jgħaddu l-informazzjoni lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Peter Caruana Galizia ċaħad li kien talab li d-data titħassar.
"Jiena qatt ma tlabt għad-deletion, ma nafx min talabha," stqarr.
Meta l-Avukat Demarco staqsietu jekk dan sarx minn wara dahru, Peter Caruana Galizia wieġeb:
"Jien ħallejt f'idejn it-tfal."
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco staqsiet lil Peter Caruana Galizia jekk jikkonfermax li Daphne Caruana Galizia kienet taħdem fuq laptop, bix-xhud iwieġeb: "Iva, imma ma nafx fejn mar."
Id-difiża mbagħad irreferiet għal ittra datata l-20 ta' Ġunju 2018 indirizzata lill-Maġistrat Anthony Vella, li kienet iffirmata minn Peter Caruana Galizia. Skont id-dokument, kienet saret talba biex, għal raġunijiet ta' sigurtà, il-laptop jintbagħat għand il-Pulizija Ġermaniża sabiex l-analiżi forensika ssir hemmhekk u jiġi evitat li jsiru kopji tad-disks.
Peter Caruana Galizia qal li jiftakar id-dokument u kkonferma l-firma tiegħu, iżda ammetta li ma jiftakarx fid-dettalji.
Meta mistoqsi x'ġara wara dik it-talba, wieġeb li ma jiftakarx, u għalhekk id-difiża indikat li se tesebixxi dokument ieħor.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco kompliet taqra mill-lista tal-investigazzjonijiet li Peter Caruana Galiziakien għadda lill-Ispettur Keith Arnaud.
Fost is-suġġetti msemmija kien hemm ukoll rapport tal-FIAU li, skont il-lista, Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet, u li fih, fost diversi persuni oħra, kien jissemma Keith Schembri.
Demarco kompliet taqra wkoll is-sezzjoni tal-lista li tirreferi għall-kuntrabandu taż-żejt, wieħed mill-ħafna suġġetti li, skont Peter Caruana Galizia, Daphne kienet għadha qed tinvestiga meta nqatlet.
Demarco kompliet taqra mill-lista tal-investigazzjonijiet li Peter Caruana Galizia kien għadda lill-Ispettur Keith Arnaud.
L-avukat semmiet fost oħrajn l-investigazzjonijiet dwar kumpaniji f'Dubaj, fejn fil-lista jissemmew Keith Schembri, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech, kif ukoll Shanghai Electric, fejn jerġa' jissemma Konrad Mizzi.
Peter Caruana Galizia wieġeb: "Iva, dawn kienu parti mil-lista għax kienet qed taħdem fuqhom."
Demarco kompliet taqra wkoll is-sezzjoni dwar Henley & Partners, fejn jissemmew Joseph Muscat u, għal darb'oħra, Keith Schembri.
Fil-lista kien hemm ukoll referenza għall-iskema tal-passaporti u allegat skandlu relatat magħha, li fih ukoll kien imsemmi Keith Schembri.
L-Avukat Giannella Demarco kompliet tirreferi għal-lista tal-investigazzjonijiet li Peter Caruana Galizia kien għadda lill-Ispettur Keith Arnaud, u semmiet diversi ismijiet relatati mal-investigazzjoni dwar l-Electrogas, fosthom Keith Schembri, Konrad Mizzi u Yorgen Fenech.
Demarco staqsiet lix-xhud jekk jaqbilx li dawn kienu ġew elenkati bħala "principal subjects" u li Daphne Caruana Galizia kienet għadha qed tinvestigahom mingħajr ma kienet waslet għal konklużjonijiet.
Peter Caruana Galizia wieġeb b'mod qasir u deċiż:
"Le, għax inqatlet."
Jibda l-kontro-eżami ta' Peter Caruana Galizia, bl-Avukat Giannella Demarco tistaqsih jekk jaqbilx li f'Ottubru 2018kiteb lill-Ispettur Keith Arnaud lista tal-investigazzjonijiet li Daphne Caruana Galizia kienet għadha għaddejja bihom meta nqatlet.
Ix-xhud wieġeb b'mod ċar: "Iva, sena wara, għax Keith Arnaud talabna għall-għajnuna."
Peter Caruana Galizia spjega li hu stess ħejja l-lista skont l-importanza tas-suġġetti, u qal li l-ewwel investigazzjoni fuq il-lista kienet l-Electrogas.
Peter Caruana Galizia appella direttament lill-ġurati biex jifhmu l-konsegwenzi li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ħalla fuq il-familja.
"Nixtieqkom tapprezzaw, Sinjuri Ġurati, x'effett ħalla dan l-omiċidju fuqna," qal.
Huwa rrimarka li martu qatt ma kellha ċ-ċans tara lin-neputijiet tagħha, u qal li llum iġorr piż kbir bħala l-uniku ġenitur.
Peter Caruana Galizia żied li l-qtil ħalla impatt ukoll fuq il-ħajja professjonali tiegħu.
"Jien personalment mhux l-istess kif kont... fil-fatt mhux naċċetta klijenti ġodda għax ma nistax niffoka," stqarr.
Huwa temm b'kelmiet sempliċi iżda qawwija:
"OK, għadni ħaj, imma mingħajrha mhux l-istess."
Peter Caruana Galizia kompla bix-xhieda tiegħu u qal li Keith Arnaud kien informah li, skont l-investigazzjoni, l-aħwa Degiorgio kienu qed isegwu l-movimenti tal-familja, hekk kif il-mobile phones tagħhom kienu qed jimmarkaw qrib il-koppja Caruana Galizia, anke meta kienu jsiefru.
B'referenza għal martu, Daphne, Peter qal:
"Il-mara ma nafx x'kellha, imma ma kinitx tibża'."
Huwa spjega li, għalkemm qatt ma kien jesprimiha magħha, kien dejjem inkwetat għas-sigurtà tagħha, għax kien jaf li x-xogħol ta' ġurnaliżmu investigattiv li kienet tagħmel kien qed joħloq ħafna għedewwa.
Peter Caruana Galizia żied li, fil-bidu, il-familja kellha madwar għaxar suspetti differenti dwar min seta' kien wara l-qtil, iżda qal li llum huwa konvint li l-investigazzjoni ta' Daphne dwar l-Electrogas kienet fattur importanti.
Peter Caruana Galizia qal lill-ġurati li "il-Gvern kien kontrina għal ħafna snin," hekk kif irrakkonta l-esperjenza diffiċli li għaddew minnha hu u l-familja tiegħu.
Fl-istess xhieda, faħħar il-ħidma tal-Ispettur Keith Arnaud, u fakkar li l-familja kienet oġġezzjonat biex l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta jinvestiga l-każ.
"U m'nalla," qal Peter, filwaqt li rrimarka li aktar tard ħareġ fil-pubbliku li Valletta kien ħabib tal-akkużat Yorgen Fenech.
Peter Caruana Galizia żied li Keith Arnaud kien qallu li l-aħwa Degiorgio kienu qed isegwu l-movimenti tal-familja, hekk kif l-investigazzjonijiet allegatament urew li l-mobile phones tal-allegati eżekuturi kienu qed jimmarkaw qrib il-koppja Caruana Galizia, anke meta kienu jsiefru.
Peter Caruana Galizia irrefera għal sensiela ta' allegazzjonijiet li, skont hu, kienu saru kontrih u l-familja tiegħu wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa ddeskriviehom bħala "invenzjonijiet ta' Glenn Bedingfield", b'referenza għal blog li dak iż-żmien kien jopera l-eks Ministru u li fih kien ġie ppubblikat ritratt tiegħu ma' mara oħra. Peter spjega li dik il-mara kienet fil-fatt oħtu.
Ix-xhud qal li għamel enfasi fuq il-fatt li Matthew Caruana Galizia kien ħalla l-karozza ta' ommu barra d-dar il-lejl ta' qabel il-qtil, għax, skont hu, kien hemm allegazzjonijiet minn esponenti tal-Gvern li ibnu kien kompliċi minħabba dan il-fatt.
Peter Caruana Galizia ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u saħaq li ibnu qatt ma kellu xi tilwima jew problema ma' ommu.
Peter Caruana Galizia jirrakkonta lill-ġurati l-ġrajjiet tal-lejla ta' qabel is-16 ta' Ottubru 2017.
Huwa jgħid li dak il-lejl hu u martu marru b'karozztu għal open day fil-Furjana, filwaqt li binhom Matthew Caruana Galizia mar Tas-Sliema bil-karozza ta' ommu.
Meta rritornaw id-dar, Matthew ħalla l-vettura ta' Daphne pparkjata barra, u Peter qal li kien proprju dik il-karozza li ntużat fl-attakk fatali l-għada.
"Sfortunatament iddeċidew li jagħmlu l-bomba lil Daphne Caruana Galizia dakinhar," stqarr ix-xhud.
Caruana Galizia jixhed li, fix-xhur ta' qabel il-qtil tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet qed tiddedika ammont kbir ta' ħin għall-investigazzjoni dwar l-Electrogas.
Huwa qal li martu kellha ħafna sorsi, iżda ammetta li ħafna minnhom ma kienx jaf bihom, u li sar jaf bl-identità ta' wħud biss wara l-qtil tagħha, meta dawn stess avviċinawh.
Peter żied li hu ma kienx jifhem id-dettalji tal-investigazzjoni daqsha, iżda jiftakar kemm kienet dedikata għax-xogħol.
"Kienet qed taħdem fuq din l-istorja saħansitra sas-6.00 ta' filgħodu," qal lix-xhieda.
Peter Caruana Galizia jixhed li, flimkien ma' binhom Matthew Caruana Galizia, Daphne kienet qed taħdem fuq storja relatata mal-Electrogas fix-xhur ta' qabel inqatlet.
Huwa qal li Daphne kienet irnexxielha tikseb in-numru tat-telefon ta' Yorgen Fenech u riedet tkellmu. Skont ix-xhud, dan seħħ wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, madwar xahar jew xahrejn qabel il-qtil tagħha.
"Qatt ma rajtha taħdem daqshekk fit-tul," qal Peter Caruana Galizia, b'referenza għall-ħidma tagħha fuq l-investigazzjoni dwar l-Electrogas.
F'xhieda emozzjonanti, Peter Caruana Galizia qal lill-ġurati li xejn f'ħajtu ma setgħu ppreparawh għall-qtil ta' martu, Daphne Caruana Galizia.
"Xejn f'ħajti ma preparani għal din il-ħaġa. Ħajti m'għadhiex li kienet. Għadni sal-lum matul il-lejl indur infittixha u ma nsibhiex. Ngħid li ma jistax ikun," qal ix-xhud.
Peter Caruana Galizia rrakkonta wkoll kif martu kienet tistenna bil-ħerqa li ssir nanna, u qal li dan jibqa' wieħed mill-aktar aspetti koroh tat-traġedja.
Jitla' fuq il-pedana Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u jirrakkonta l-ġrajjiet tal-16 ta' Ottubru 2017.
Huwa jgħid li ħareġ mid-dar għall-ħabta tas-7.00am, filwaqt li ħalla lil martu rieqda. Aktar tard dakinhar, waqt li kien ix-xogħol fil-Belt Valletta u ma kienx qed juża l-mobile minħabba laqgħa ma' klijent, is-segretarja tiegħu rċeviet telefonata mingħand ibnu, li qalilha li jaħseb li kien hemm bomba.
Peter Caruana Galizia jgħid li telaq minnufih lejn id-dar. Malli wasal, sab numru kbir ta' pulizija, u aktar tard induna li dawn kienu qed jgħattu partijiet mill-ġisem ta' martu.
Huwa jixhed li l-Ispettur Kurt Zahra resaq lejh fuq il-post, u li l-ewwel mistoqsija li għamillu kienet sempliċi: "Mietet?"
Jitla' jixhed l-uffiċjal tal-Pulizija Wayne Block, li jgħid li l-Ispettur Kurt Zahra talbu biex jeżamina folder attribwit lil Keith Schembri.
"Qalli ara dan il-folder u jien rajt dan il-folder," jixhed Block, filwaqt li jżid li Zahra qallu joqgħod attent jekk isib xi materjal relatat ma' Daphne Caruana Galizia.
Skont ix-xhud, ma nstab xejn relatat ma' din l-investigazzjoni. Madankollu, huwa ammetta li ma kienx jaf minn liema apparat elettroniku kienet ġiet estratta dik l-informazzjoni.
Block jgħid ukoll li l-hard drive kien ingħatalu mis-superjuri tiegħu, iżda ma kienx jaf min eżattament għaddiehulu.
Meta mistoqsi dwar il-kontenut tal-folder, ix-xhud spjega li kien fih materjal relatat mat-tfal, fosthom proġetti tal-iskola u PowerPoint presentations.
L-uffiċjal tal-Financial Crimes Investigation Department (FCID), Elizabeth Formosa, tispjega li ħadmet fuq l-analiżi ta' hard drive bħala parti mill-investigazzjoni.
Hija tgħid li, matul l-analiżi tagħha, identifikat u mmarkat materjal li qieset suspettuż, relatat mad-data ta' Melvin Theuma u qrabatu, sabiex ikun jista' jiġi eżaminat aktar mill-investigaturi.
Tintemm ix-xhieda tar-rappreżentant ta' GO plc, Anthony Bonnici, u sussegwentement titla' fuq il-pedana Elizabeth Formosa, uffiċjal tal-Financial Crimes Investigation Department (FCID).
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco staqsiet lir-rappreżentant ta' GO plc, Anthony Bonnici, dwar żewġ telefonati li saru f'Awwissu u Novembru tal-2020 minn mobile attribwit lil Yorgen Fenech.
Meta mistoqsi jekk jistax jikkonferma li t-telefonati saru minn barra minn Malta, Bonnici wieġeb li ma jafx, filwaqt li spjega li r-rapport ma jinkludix il-localisation tal-apparat.
Demarco staqsiet ukoll jekk kienx jaf li l-mara ta' Yorgen Fenech kienet irċeviet dawn it-telefonati, u x-xhud wieġeb li jiftakar li kienet saret talba għal informazzjoni f'dak is-sens.
Jitla' jixhed Anthony Bonnici minn GO plc, li qed jixhed dwar records tat-telekomunikazzjoni.
Bonnici jikkonferma li n-numru tat-telefon imsemmi fix-xhieda preċedenti kien reġistrat fuq Tumas Group u allokat lil Yorgen Fenech.
Ix-xhud imbagħad jgħaddi biex jispjega żewġ telefonati oħra li jidhru fir-records, waħda b'tul ta' 0 sekondi u oħra li damet 3 sekondi.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco staqsiet lill-esperta ta' Melita Limited, Emily Abela, dwar żewġ telefonati li dehru fir-records ippreżentati lill-Qorti.
Id-difiża rreferiet għal xenarju fejn mara li żewġha kien il-ħabs, filwaqt li l-mobile tiegħu kien għand l-Europol, allegatament irċeviet żewġ telefonati mill-Olanda – waħda li nqatgħet immedjatament u oħra ta' sekonda u nofs, li fiha nstema' biss "hello, hello."
Abela wieġbet li ma tafx dwar dawn iċ-ċirkostanzi.
Demarco staqsietha wkoll jekk is-service provider Telia li deher fir-records kienx relatat mal-Olanda, iżda x-xhud qalet li bl-amment ma setgħetx tikkonferma.
B'hekk intemmet ix-xhieda ta' Emily Abela.
L-impjegata ta' Melita Limited, Emily Abela, qed tixhed dwar rapport u CD li l-kumpanija ppreżentat lill-pulizija bi tweġiba għal talba għal informazzjoni.
Matul ix-xhieda tagħha, il-Qorti tara call records li jinkludu żewġ mobile numbers u d-dettalji tat-telefonati bejniethom.
Abela tispjega li telefonata waħda ma kellhiex ħin irreġistrat, filwaqt li oħra damet sekonda u nofs. It-tnejn saru f'Awwissu u Novembru tal-2020.
Hija żżid li wieħed min-numri kien qed jintuża barra minn Malta. Meta mistoqsija liema numru kien klijent ta' Melita, Abela tikkonferma li kien dak li, fi xhieda preċedenti, ġie identifikat bħala li jappartjeni lil Yorgen Fenech.
Wara s-sospensjoni tax-xhieda tal-Kuntistabbli Sven Sammut, titla' fuq il-pedana Emily Abela, li tgħid li taħdem ma' Melita Limited.
Il-Prosekuzzjoni tibda bix-xhieda tagħha, li mistennija tiffoka fuq informazzjoni relatata mas-servizzi tat-telekomunikazzjoni.
Il-proċeduri reġgħu waqfu hekk kif il-ħaddiema tal-Qorti bdew jivverifikaw jekk l-emails li analizza l-Kuntistabbli Sven Sammut humiex inklużi fl-atti tal-kawża.
Waqt id-diskussjoni, l-espert tal-Qorti Martin Bajada qal li "ta' Josef m'humiex fl-atti," b'referenza għal parti mill-materjal li kien ikkwota s-Surġent Josef Gerada waqt ix-xhieda tiegħu.
Dan wassal għal dubji dwar jekk parti mill-komunikazzjonijiet li kienu ġew analizzati mit-task force kinitx effettivament inkluża fl-atti tal-proċess.
Fid-dawl ta' dan, il-Prosekuzzjoni ssuġġeriet li x-xhieda tal-Kuntistabbli Sven Sammut tiġi sospiża u titkompla f'seduta oħra, proposta li ġiet aċċettata mill-Qorti.
Wara d-digriet tal-Imħallef Edwina Grima, il-proċeduri jkomplu b'Sven Sammut, li jerġa' jidħol fl-awla biex ikompli bix-xhieda tiegħu.
Il-kuntistabbli qed ikompli jixhed dwar ix-xogħol li wettaq fit-task force inkarigata mill-analiżi tad-data estratta minn apparat elettroniku marbut mal-investigazzjoni.
L-Imħallef Edwina Grima tat id-digriet tagħha dwar il-punt legali mqajjem mid-difiża, fejn ikkritikat il-fatt li l-Prosekuzzjoni allegat li l-Qorti kienet qed iżżommha milli taqdi dmirha.
Hija rrimarkat li s-Surġent Josef Gerada u l-uffiċjal Sven Sammut qatt ma kienu xehdu fil-kumpilazzjoni dwar il-ħidma li qed jixhdu fuqha issa, u li l-istess japplika għal uffiċjali oħra li kienu jagħmlu parti mill-istess task force.
Madankollu, l-Imħallef spjegat li dan ma jfissirx li qed tiġi introdotta evidenza ġdida.
Hija saħqet li l-informazzjoni li qed tiġi ppreżentata trid tiġi vverifikata biex jiġi stabbilit jekk tagħmilx parti mill-atti tal-kawża, u insistiet li għandu jkun indikat b'mod ċar minn liema dokument jew parti tal-atti qed jiġi kkwotat ix-xhud waqt ix-xhieda tiegħu.
Il-proċeduri reġgħu bdew f'Awla 22, bid-dħul tal-Imħallef Edwina Grima, li mistennija tagħti d-digriet tagħha dwar il-punt legali mqajjem qabel il-pawża tal-ikel.
L-Imħallef Edwina Grima daħlet in camera biex tagħti d-digriet tagħha dwar il-punt legali mqajjem mid-difiża.
Wara d-deċiżjoni, il-Qorti aġġornat il-proċeduri sat-3.00pm
Il-proċeduri jieqfu temporanjament hekk kif il-ġurati jintalbu joħorġu mill-awla, wara oġġezzjoni mqajma mid-difiża.
Il-punt qam meta l-Prosekuzzjoni bdiet tistaqsi lill-uffiċjal Sven Sammut dwar materjal li kien "flagged" waqt l-analiżi tiegħu.
L-avukat Charles Mercieca sostna li x-xhud ma jistax jixhed dwar materjal li ma xehedx fuqu waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Min-naħa tiegħu, il-Prosekutur Anthony Vella wieġeb li ma hemm imkien fil-liġi li jipprojbixxi dan, u talab li x-xhud jitħalla jkompli bix-xhieda tiegħu.
Jitla' fuq il-pedana l-uffiċjal tal-Pulizija Sven Sammut, li jixhed dwar ix-xogħol tiegħu fit-task force li analizzat data estratta minn apparat elettroniku.
Sammut jispjega li ħadem fuq diversi devices li kienu jappartjenu lil Yorgen Fenech u qrabatu, iżda mhux fuq il-mobile personali ta' Fenech.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco staqsiet lil PS Dione Agius min kien inkarigat mill-analiżi tal-apparat elettroniku u d-data relatati ma' Keith Schembri.
Ix-xhud wieġeb li ma jafx min ħadem fuq dak il-materjal.
B'hekk tintemm ix-xhieda ta' Agius.
Jitkompla x-xhieda ta' PS Dione Agius, li jispjega li ħadem fuq l-analiżi tad-data estratta mill-mobile ta' Yorgen Fenech.
Ix-xhud qed jiddeskrivi x-xogħol tat-task force li kien jagħmel parti minnha, li kienet inkarigata teżamina u tanalizza l-kontenut estratt minn diversi apparati elettroniċi bħala parti mill-investigazzjoni.
Shanice Schembri tkompli tixhed li, bħala parti mill-analiżi tad-data estratta mill-apparat elettroniku, eżaminat ukoll emails, ritratti u WhatsApp chats.
Id-difiża tgħid li m'għandhiex mistoqsijiet għax-xhud, u b'hekk tintemm ix-xhieda tagħha.
Sussegwentement, jitla' fuq il-pedana PS Dione Agius biex jagħti x-xhieda tiegħu.
Titla' tixhed WPS Shanice Schembri, li hija stazzjonata mal-Financial Crimes Investigation Department (FCID).
Ix-xhud tispjega li kienet tagħmel parti minn task force inkarigata mill-analiżi ta' estrazzjonijiet minn apparat elettroniku.
Hija tgħid li ħadmet fuq hard disk li kien fih l-estrazzjonijiet mill-mobile ta' Yorgen Fenech, kif ukoll minn diversi apparati oħra li kienu jappartjenu lil Fenech u qraba tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni qed tinsisti li s-Surġent Josef Gerada ma wettaqx l-estrazzjoni tad-data mill-apparat elettroniku, iżda qed jixhed dwar il-materjal li hu stess analizza wara li saru dawn l-estrazzjonijiet, qabel ma għaddieh lil investigaturi oħra għal aktar analiżi.
Il-Prosekuzzjoni żżid li l-kontenut kollu tal-estrazzjonijiet eventwalment se jkun disponibbli għall-ġurati, filwaqt li tfakkar li d-difiża wkoll għażlet messaġġi individwali waqt il-kontro-eżamijiet, u li dan huwa permess mil-liġi.
L-Avukat Anthony Vella jsostni li l-oġġezzjoni tad-difiża m'għandhiex bażi legali, peress li Gerada qed jixhed dwar ix-xogħol li wettaq hu stess.
"Dan hu biss tentattiv ieħor mid-difiża biex ix-xhud ma jitħalliex jixhed," sostna Vella.
Mal-bidu mill-ġdid tal-proċeduri, il-Qorti reġgħet iddiskutiet ix-xhieda tas-Surġent Josef Gerada, bid-difiża tqajjem oġġezzjoni dwar il-mod kif kien qed jippreżenta l-komunikazzjonijiet estratti mill-apparat elettroniku.
L-avukat Charles Mercieca sostna li x-xhud kien qed jaqbeż minn messaġġ għal ieħor mingħajr ma jżomm mal-kronoloġija, u argumenta li "qiegħed jagħmel eżerċizzju li huwa riservat għas-sottomissjonijiet u eventwalment għall-ġudizzju ta' fatt mill-ġurati."
Id-difiża għalhekk qed titlob li Gerada jillimita ruħu għal dak li rriżultalu mill-investigazzjoni, mingħajr ma jagħmel evalwazzjonijiet jew interpretazzjonijiet li, skontha, mhumiex parti mir-rwol tiegħu bħala xhud.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew f'Awla 22 bid-dħul tal-Imħallef Edwina Grima, filwaqt li l-ħsejjes tal-festa ta' San Duminku għadhom jinstemgħu b'mod ċar fl-awla.
F'dan il-punt, l-avukat tal-parte civile, Jason Azzopardi, irrimarka li l-ħoss li qed jinstema' mhuwiex ġej direttament mill-banda, iżda minn loudspeaker installat ħdejn il-binja tal-Qorti.
Il-proċeduri jieqfu għal pawża qasira, hekk kif il-marċ tal-festa ta' San Duminku qed ikompli javviċina l-bini tal-Qorti.
Din id-darba, mill-awla qed jinstema' wkoll l-Innu ta' Valletta FC, interpretat mill-banda li bħalissa qed iddur mat-toroq tal-Belt bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa.
Minn hawn, nixtieq nawguran l-festa t-tajba lill-Beltin kollha u lid-Dumnikani!
Inkomplu fil-11:30
Il-marċ tal-festa jasal sa ħdejn il-Qorti
Waqt li qed tkompli x-xhieda fil-Qorti, il-ħsejjes tal-marċ ta' San Duminku qed jaslu sal-awla, hekk kif il-banda qed tgħaddi mit-toroq tal-Belt Valletta.
Għada, 2 ta' Awwissu, il-Belt ħa tkun qed tiċċelebra l-festa ta' San Duminku, b'wieħed mill-marċi tradizzjonali tal-King's Own Band Club jgħaddi minn Triq ir-Repubblika, quddiem il-Palazz tal-President, qabel ikompli lejn il-knisja ta' San Duminku illum.. Aktar tard filgħaxija huwa mistenni wkoll marċ ieħor mill-Banda ta' San Nikola tas-Siġġiewi, segwit minn spettaklu tan-nar tal-ajru.
Tintemm ix-xhieda tal-fotografu Matthew Mirabelli, u fuq il-pedana titla' Veronica Anne Spiteri.
Spiteri tispjega li r-rwol tagħha fl-investigazzjoni kien li tagħmel it-traskrizzjonijiet ta' CDs u dokumenti relatati mal-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Mirabelli, ikompli jixhed li Logan Wood qallu li aktar tard kienu qed jippjanaw imorru f'boat yard fi Sqallija, u li hu minnufih għadda din l-informazzjoni lill-editur tiegħu.
Mirabelli jgħid ukoll li l-ġurnalist Jacob Borg ingħaqad miegħu madwar nofs siegħa wara, tant li ma ltaqax ma' Logan Wood. It-tnejn qattgħu madwar siegħa fil-Marina ta' Portomaso qabel telqu flimkien.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco talbet lix-xhud jispeċifika x'kien qallu eżatt Wood. Mirabelli tenna li l-kaptan kien qallu li dak il-lejl ma kienx se joħroġ bil-lanċa minħabba l-maltemp.
Il-fotografu ta' Times of Malta, Matthew Mirabelli, jixhed li madwar 10 minuti wara li wasal fil-Marina ta' Portomaso ra d-dwal tal-lanċa jinxtegħlu u, ftit wara, lemaħ lill-Kaptan Logan Wood.
Mirabelli jgħid li dak il-ħin ma kienx jaf li kien Logan Wood, iżda għarfu għax kienu jafu lil xulxin permezz tal-passatemp tal-kite surfing.
Skont ix-xhud, Wood avviċinah u staqsieh x'qed jagħmel hemm, u Mirabelli wieġbu li kien intbagħat biex josserva l-lanċa.
Mirabelli jgħid li Wood spjegalu li kien niżel jiċċekkja l-allarm u d-dwal tal-lanċa, filwaqt li jfakkar li dak il-lejl kien hemm riħ qawwi.
Ix-xhud jgħid ukoll li staqsa lil Wood jekk kienx se joħroġ bil-lanċa, iżda dan ta x'jifhem li le, għax, minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar, kien prattikament impossibbli li cabin cruiser toħroġ f'dak ir-riħ.
Wara s-sospensjoni tax-xhieda tas-Surġent Josef Gerada, jitla' fuq il-pedana Matthew Mirabelli, li qed jixhed bil-lingwa Ingliża.
Mirabelli jgħid li ilu 21 sena jaħdem bħala fotografu ma' Times of Malta.
Huwa jirrakkonta li fid-19 ta' Novembru 2019, għall-ħabta tas-6.30pm, l-editur tiegħu qallu biex imur fil-Marina ta' Portomaso ħalli jieħu ritratti ta' lanċa, li tagħha kien diġà ntbagħatlu ritratt biex ikun jista' jidentifikaha.
Ix-xhud iżid li madwar nofs siegħa wara ngħaqad miegħu ġurnalist ieħor mill-istess newsroom.
L-avukat Jason Azzopardi instema' jikkritika s-sitwazzjoni, fuq il-fatt li l-Qorti m'għandhiex photocopier bil-kulur.
Huwa sostna li sena ilu kienet tqajmet l-istess problema u kienu qalulhom li, biex isiru photocopies bil-kulur, kellhom imorru fl-Administration.
Azzopardi kompla jgħid li, peress li llum is-Sibt, l-istaff tal-ġuri m'għandux aċċess għall-unika photocopier bil-kulur, li tinsab fl-amministrazzjoni tal-Qorti. Dan ifisser li ċ-chats li se jiġu ppreżentati lill-ġurati se jkollhom jiġu kkupjati bl-iswed u l-abjad.
Ix-xhieda tas-Surġent Josef Gerada ġiet sospiża temporanjament wara li l-Imħallef Edwina Grima qajmet tħassib dwar in-nuqqas ta' dokumenti li kellhom jiġu ppreżentati lill-ġurati.
L-Imħallef insistiet li l-ġurati għandhom ikunu pprovduti bid-dokumenti rilevanti biex ikunu jistgħu jsegwu x-xhieda kif suppost, u żiedet: "Irridu nkunu naqra preparati."
Il-proċeduri jieqfu għal mument hekk kif l-Imħallef Edwina Grima tinsisti li l-ġurati għandhom ikollhom il-kopji tad-dokumenti li qed jiġu diskussi quddiemhom sabiex ikunu jistgħu jsegwu x-xhieda kif suppost.
"Id-dokumenti l-ġurati jridu jkunu f'idejhom. Kif tridna nsegwu? Ma nistgħux insegwu jekk id-dokument mhux qiegħed quddiemi," qalet l-Imħallef.
Hija kompliet twissi li, jekk il-ġurati ma jkunux jistgħu jivverifikaw id-dokumenti huma stess, "se niġu zoppi fuq sieq waħda... zoppi fuq sieq waħda."
Is-Surġent Josef Gerada ikompli jixhed dwar l-analiżi tal-apparat elettroniku.
Huwa jgħid li nstabu chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio, ħu Alfred u George Degiorgio, li kienu jirrigwardaw laqgħat, il-ħlas tal-avukati u kif kienu sejrin.
Gerada jżid ukoll li nstabet komunikazzjoni telefonika bejn Melvin Theuma u Edwin Brincat, iżda ma nstab l-ebda skambju ta' messaġġi bejniethom.
Il-Prosekuzzjoni tesebixxi konverżazzjoni fuq Signal bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, li tmur lura għal Novembru tal-2019.
Fil-messaġġi murija lill-ġurati, Theuma allegatament jikteb lil Fenech: "Kemm tkellmu lil kbir ta' Ħal Luqa, il-kbir... biex in-nisa jerħilhom."
Fenech imbagħad allegatament iwieġeb: "Tħalli xejn fuq in-numri ħalli ma jkollhomx fuq xiex jaqbdu."
Is-Surġent Josef Gerada ikompli jispjega l-analiżi tad-data estratta mill-apparat elettroniku.
Fost il-messaġġi moqrija, il-Qorti tisma' konverżazzjoni li tmur lura għall-2018, fejn Charmaine Zammit kitbet lil bintha Shayenne li "kollox kien se jiġi solvut", hekk kif allegatament raġel kien mar jakkumpanja lil Johann Cremona.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għall-analiżi tal-mobile ta' Melvin Theuma, fejn, skont ix-xhud, instabu numru sostanzjali ta' telefonati u messaġġi bejn Theuma u wieħed mill-aħwa Degiorgio.
Gerada jżid li fuq Signal instabu wkoll diversi telefonati bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, għalkemm ma kienx possibbli jiġi stabbilit il-perjodu meta saru dawn il-komunikazzjonijiet
Is-Surġent Josef Gerada ikompli jaqra messaġġi estratti mill-mobile ta' Charmaine Zammit, fejn il-Qorti tisma' konverżazzjoni bejnha u bintha Shayenne Zammit.
Fost il-messaġġi moqrija fl-awla, Shayenne tgħid lil ommha: "Ilbieraħ smajt ir-recording jien għax kont kurjuża."Charmaine twieġeb: "Ibgħathomli face to face."
Waqt il-qari tal-messaġġi, fl-awla tinħoloq atmosfera ta' skiet assolut, b'Yorgen Fenech jidher b'rasu baxxuta. Minn barra l-bini tal-Qorti, kultant jinstemgħu ħsejjes ta' murtali waqt li x-xhud ikompli jaqra l-konverżazzjoni.
Is-Surġent Josef Gerada qed jaqra fil-Qorti messaġġi estratti waqt l-investigazzjoni, li jidhru li jinkludu konverżazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, kif ukoll bejn Charmaine Zammit u bintha Shayenne Zammit.
Il-ġurati qed jaraw ukoll ritratti ta' messaġġi estratti minn Apple iPhone 6, elevat fl-inkjesta dwar ħasil ta' flus, li kien jappartjeni lil Charmaine Zammit, is-sieħba ta' Melvin Theuma.
Skont ix-xhud, il-konverżazzjoni bejn Charmaine Zammit u Shayenne Zammit tirrigwarda l-aħwa Degiorgio.
Is-Surġent Josef Gerada jixhed li, meta waqt l-interrogazzjoni Yorgen Fenech ġie mistoqsi min kien jaf aktar dwar il-każ, dan allegatament semma Johann Cremona, it-tabib Adrian Vella u l-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat.
Gerada jżid li, skont dak li qal Fenech lill-pulizija, Melvin Theuma kien qed jheddu, saħansitra bit-tfal tiegħu.
Ix-xhud jgħid ukoll li Fenech allega li ta total ta' €500,000 lil Melvin Theuma, wara li dan kien baqa' jitloblu l-flus, filwaqt li Theuma kien jgħidlu li dawn kienu qed jintalbu mill-aħwa Degiorgio.
Is-Surġent Josef Gerada jixhed li kien ukoll parti mit-tim li eskorta lil Yorgen Fenech lejn l-Isptar Mater Dei, wara li t-tabib tiegħu, Adrian Vella, kien informa lill-pulizija li Fenech kien qed iħoss uġigħ.
Gerada jgħid ukoll li kien preżenti waqt l-interrogazzjoni ta' Fenech, fejn, skont ix-xhud, l-akkużat allega li "kollox beda minn Keith Schembri" u li l-eks Chief of Staff kien talbu biex jinstab mod kif tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Ix-xhud iżid li, skont dak li qal Fenech fl-interrogazzjoni, Melvin Theuma kien talbu €120,000. Fenech allegatament qal li staqsa lil Keith Schembri dwar din is-somma, u li dan wieġbu: "Mexxi, mexxi, mexxi." Gerada jgħid li Fenech allegatament wieġeb "ok" lil Theuma.
Gerada jixhed ukoll li, skont l-istess interrogazzjoni, Fenech aktar tard biddel fehmtu u qal li ħareġ €50,000 minn butu, li ngħataw lil Melvin Theuma sabiex il-pjan jitwaqqaf.
Jitla' jixhed Josef Gerada, uffiċjal tal-Iskwadra tal-Omiċidji, li jgħid li kien involut fl-investigazzjoni mill-għada tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Gerada jispjega li wieħed mill-kompiti tiegħu kien li jirrevedi l-filmati tas-CCTV miż-żona tal-Bidnija biex jidentifika materjal li seta' jkun rilevanti għall-investigazzjoni.
Huwa jżid li fl-4 ta' Diċembru 2017 ħa sehem ukoll fl-operazzjoni li wasslet għall-arrest ta' Vince Muscat u tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, li nqabdu minn taħt it-"tinda tal-patata".
Illum jagħlaq xahar minn meta beda l-ġuri ta' Yorgen Fenech, b'30 jum ta' xhieda, evidenza u kontro-eżamijiet dwar wieħed mill-aktar każijiet li ħallew impatt fuq Malta.
Il-prosekuzzjoni mistennija tkompli tressaq aktar xhieda
Segwu magħna għal kull żvilupp, kif iseħħ, tul il-ġurnata.