Meta d-DNA identifika lill-missier, iżda t-tifla baqgħet mingħajr identità
Minkejja test tad-DNA li identifika lill-missier bijoloġiku, deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja ħalliet lil tarbija ta’ sena f’limbu legali. Il-każ mhux biss qed iqajjem mistoqsijiet dwar il-futur immedjat tat-tifla, iżda wkoll dwar kif il-qrati Maltin qed jinterpretaw il-liġijiet dwar il-paternità fl-era tal-evidenza xjentifika
minn Jaelle Borg
Twieldet Tarbija.
Illum għandha sena.
Iżda għall-Istat, ma teżistix.
Mingħajr missier rikonoxxut fil-liġi, il-konsegwenzi ma jiqfux ma’ kwistjoni ta’ kunjom jew identità. Mingħajr reġistrazzjoni kompluta, il-futur tagħha jibda b’sensiela ta’ ostakli amministrattivi u legali li jaffettwaw kull aspett tal-ħajja tagħha — mill-karta tal-identità sal-passaport, mill-benefiċċji soċjali sas-servizzi pubbliċi, saħansitra matista titlaqqam.
Din hija l-qalba tal-każ li bħalissa jinsab quddiem il-Qorti tal-Appell u li mistenni jiġi appellat b’urġenza.
Iżda lil hinn mill-fatti tal-każ hemm mistoqsija ferm akbar.
Il-qrati Maltin qed jerġgħu jadottaw interpretazzjoni tal-liġi li kienet diġà ġiet ikkundannata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?
X’inhu l-Artikolu 77A?
L-Artikolu 77A tal-Kodiċi Ċivili ġie introdott biex jagħti lill-Qorti tal-Familja diskrezzjoni f’każijiet fejn il-liġi tistabbilixxi terminu ta’ żmien biex tinfetaħ kawża dwar il-paternità, iżda dak it-terminu jkun diġà skada.
Qabel ma ġie introdott dan l-artikolu, persuna li titlef it-terminu stabbilit mil-liġi kienet, fil-prattika, titlef ukoll id-dritt li tiftaħ il-kawża, anke jekk aktar tard joħorġu provi serji — bħal test tad-DNA — li juru li l-verità bijoloġika hija differenti minn dik irreġistrata.
L-Artikolu 77A ma jneħħix dawn it-termini u lanqas ma jfisser li kull kawża tista’ tinfetaħ fi kwalunkwe ħin. Minflok, jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Familja, fil-ġurisdizzjoni volontarja tagħha, biex tawtorizza l-ftuħ ta’ azzjoni wara li jiskadi t-terminu legali jekk tkun sodisfatta li hemm raġunijiet validi u ġustifikati għaliex il-kawża ma nfetħitx fil-ħin.
Dan ifisser li l-Qorti trid l-ewwel tiddeċiedi jekk hemmx bażi biex tippermetti li l-kawża tinstema’, u mbagħad biss tidħol fil-mertu tal-każ u tevalwa l-provi kollha, inkluż kwalunkwe evidenza xjentifika bħal testijiet tad-DNA.
L-għan tal-artiklu huwa li joħloq bilanċ bejn iċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li, fejn ikun possibbli, il-verità bijoloġika tkun tista’ tiġi eżaminata mill-Qorti, anke meta l-fatti joħorġu jew jiġu skoperti wara li jkunu għaddew it-termini ordinarji previsti mil-liġi.
Każ mibni fuq prova xjentifika
Fil-proċeduri quddiem il-Qorti ġie ppreżentat test tad-DNA mwettaq minn Dr Christopher Farrugia li jikkonferma min hu l-missier bijoloġiku.
Skont l-Avukat José Herrera, il-problema ma kinitx fin-nuqqas ta’ prova xjentifika.
Il-problema kienet li l-Qorti qieset li d-DNA waħdu ma kienx biżżejjed.
Fil-fatt, fis-sentenza tagħha, il-Qorti għamlet referenza għal ġurisprudenza tal-2001 — perjodu meta l-qrati Maltin kienu għadhom jieħdu pożizzjoni ferm aktar konservattiva dwar kif tiġi ppruvata l-paternità.
Iżda dik il-ġurisprudenza ġiet qabel deċiżjoni importanti tal-Qorti Ewropea li bidlet kompletament il-mod kif għandhom jiġu interpretati dawn il-każijiet.
Il-każ ta’ Maurice Mizzi
Fl-2006, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat sentenza storika fil-każ Mizzi vs Malta.
Maurice Mizzi kien irreġistrat bħala missier ta’ tifla mwielda fiż-żwieġ.
Snin wara kiseb test tad-DNA li skontu kien jeskludih kompletament bħala missier bijoloġiku.
Madankollu, il-qrati Maltin ma ħallewhx jiftaħ kawża ordinarja biex jikkontesta l-paternità minħabba r-rekwiżiti stretti tal-Kodiċi Ċivili ta’ dak iż-żmien, li kienu jeħtieġu mhux biss prova ta’ adulterju iżda wkoll kundizzjonijiet oħra u limiti stretti ta’ żmien.
Il-każ wasal Strasburgu.
Il-Qorti Ewropea ddeċidiet li Malta kisret id-dritt tiegħu għal aċċess effettiv għall-qorti u d-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata.
Il-Qorti osservat li jekk ix-xjenza tipprovdi mezz affidabbli biex tiġi stabbilita l-verità bijoloġika, il-liġi ma tistax tagħlaq il-bieb għal dik il-verità sempliċement minħabba formalitajiet jew rekwiżiti sproporzjonati.
Dik is-sentenza wasslet għal bidliet importanti fil-mod kif il-liġi Maltija kellha tiġi interpretata.
X’jgħid il-Kodiċi Ċivili?
Fil-liġi Maltija jeżistu diversi tipi ta’ azzjonijiet relatati mal-paternità.
Wieħed minnhom hu dak magħruf bħala l-azzjoni ta’ ċaħda tal-paternità, fejn il-missier legali jipprova juri li mhux hu l-missier bijoloġiku.
Hemm ukoll azzjonijiet fejn persuna titlob li tiġi ddikjarata bħala l-missier naturali tat-tifel jew tifla.
Skont Herrera, il-prinċipju għandu jkun wieħed sempliċi: il-Qorti għandha tasal għall-verità.
Għaliex id-DNA huwa differenti?
Biex jispjega l-punt tiegħu, Herrera jagħmel analoġija mal-liġi kriminali.
Jekk fuq arma ta’ delitt jinstab id-DNA ta’ persuna, dik il-prova titqies fost l-aktar provi forensiċi affidabbli li jistgħu jiġu ppreżentati fil-qorti.
Fil-każijiet ta’ paternità, jgħid, il-prova xjentifika għandha l-istess valur.
Id-differenza hi li fil-qasam ċivili, il-Qorti trid tevalwa wkoll elementi oħra relatati mal-istatus legali u l-interessi tat-tifel.
Madankollu, dan ma jfissirx li prova xjentifika ċara għandha tiġi injorata.
“Qisu morna lura qabel l-2006”
Skont Herrera, is-sentenza fil-każ preżenti tidher li bħallikieku rġajna għamilna pass lura.
Minflok ma ssegwi l-linja stabbilita mill-Qorti Ewropea, il-Qorti Maltija għażlet li tibbaża ruħha fuq ġurisprudenza li kienet inkitbet qabel il-kundanna ta’ Malta fi Strasburgu.
Hu jgħid li dan joħloq problema ferm akbar minn dan il-każ partikolari.
“Jekk il-qrati Maltin ma jagħtux każ tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ewropea, kull persuna jkollha terġa’ tagħmel kawża kostituzzjonali u mbagħad tmur Strasburgu biex tikseb dak li diġà ġie deċiż għoxrin sena ilu.”
Il-vittma vera
Il-vittma mhijiex il-missier biss.
Hija t-tifla wkoll.
Filwaqt li l-kawżi legali jkomplu, hija qed tikber mingħajr status ċivili ċar.
Kull ġurnata li tgħaddi tfisser aktar inċertezza dwar id-drittijiet tagħha bħala ċittadina Maltija. Ma tistax tmur skola. Ma tistax tikber bħal kwalunkwe tifel jew tifla oħra. Għall-istat ta’ Malta din it-tifla lanqas biss teżisti.
L-appell issa mistenni jinstema’ b’urġenza.
Iżda lil hinn minn dak li tiddeċiedi l-Qorti, il-każ diġà fetaħ mill-ġdid mistoqsija li ħafna kienu ħasbu li kienet ġiet solvuta fl-2006:
Meta x-xjenza tikkonferma ħaġa waħda, il-liġi tista’ tibqa’ tgħid oħra?
