File blu b'artikli ta' Daphne Caruana Galizia nstab fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja

Il-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kompla b'evidenza forensika u filmati tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja. Fost il-materjal muri fil-Qorti kien hemm file blu b'artikli stampati mill-blog "Running Commentary", kif ukoll dokument li kien fih ir-referenzi "DCG", "PD" u "arrests"

File blu li kien fih artikli stampati mill-blog "Running Commentary" ta' Daphne Caruana Galizia nstab waqt it-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

Dan ħareġ waqt il-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hekk kif il-Qorti rat filmati u ritratti meħuda waqt it-tfittxija li saret fl-uffiċċju tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fil-kontro-eżami tal-Ispettur Charlot Casha, il-filmat intwera mill-ġdid u ffoka fuq file blu li kien fih artikli stampati mill-blog ta' Daphne Caruana Galizia, li nstab fost il-materjal fl-uffiċċju.

Dokument b'referenzi għal "DCG" u "PD"

Matul il-preżentazzjoni tal-filmati, il-Prosekutur Godwin Cini ġibed ukoll l-attenzjoni għal folja oħra li nstabet fuq il-mejda fl-uffiċċju.

Skont dak li nqara fil-Qorti, id-dokument kien jinkludi r-referenzi "DCG", "PD", diversi dati u l-kelma "arrests".

L-Ispettur Charlot Casha spjega li l-folja nstabet fost karti oħra fuq il-mejda. Skont ix-xhud, kienet l-Ispettur Keith Xerrili sabha, filwaqt li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud ħadha minnufih biex jeżaminaha.

Casha qal li meta ra lill-Ispettur Kurt Zahra jieħu ritratt tad-dokument, induna li seta' kien ta' interess għall-investigazzjoni. Għalhekk beda jiġbed filmat tiegħu u wara ħa wkoll ritratti taż-żewġ naħat tal-folja.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Giannella DeMarco, qajmet mistoqsijiet dwar kif ġie mmaniġġjat id-dokument, u sostniet li kellu jitqiegħed minnufih f'borża uffiċjali tal-evidenza.

Filmati tat-tfittxija jintwerew lill-ġurati

Matul il-ġurnata, il-ġurati raw diversi filmati tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri wara l-arrest tiegħu.

Fil-filmati jidher l-intern tal-uffiċċju f'Kastilja, filwaqt li investigaturi jiftħu kxaxen, armarji u jeżaminaw dokumenti fuq l-iskrivanija.

F'partijiet oħra tal-filmat jidher ukoll Keith Schembri josserva t-tfittxija mill-qrib, f'xi mumenti jixxaqleb 'il quddiem biex jara dokumenti li kienu qed jiġu eżaminati mill-investigaturi.

Jidher ukoll iżomm mobile phone f'idu waqt li jitkellem mal-investigaturi hekk kif dawn ikomplu bit-tfittxija.

Rapport dwar Tilgate Inc

Fost id-dokumenti li dehru fil-filmat kien hemm ukoll rapport li jirreferi għal Tilgate Inc, il-kumpanija offshore ta' Keith Schembri fil-Panama li kienet ġiet żvelata fil-Panama Papers.

Il-Prosekutur Godwin Cini qal lill-Qorti li r-rapport kien jindika li, fiż-żmien meta ġie mfassal, ma kienu ġew identifikati l-ebda assi, fondi jew kontijiet bankarji attivi marbuta mal-kumpanija.

Espert jispjega l-limiti tal-evidenza diġitali

Aktar kmieni, il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-espert forensiku Keith Cutajar, li wieġeb diversi mistoqsijiet tal-ġurati dwar il-mobile data u l-backups ta' WhatsApp.

Cutajar spjega li kumpaniji tat-telekomunikazzjoni huma obbligati jżommu rekords tal-attività, iżda mhux il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

Huwa qal ukoll li biex jiġu rkuprati backups ta' WhatsApp maħżuna fuq Google Drive, l-investigaturi jkollhom bżonn il-kont tal-email u l-password korretti.

Meta mistoqsi minn membru tal-ġurija jekk il-kont tal-Gmail li kien ġie analizzat ma kienx marbut mal-backups ta' WhatsApp u għalhekk ma kienx l-aktar wieħed aġġornat, Cutajar wieġeb:

"Għandek raġun."

L-espert ikkonferma wkoll li ma rnexxilux jiġi estratt data minn iPad u tablet Asus elevati waqt it-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri fil-Mellieħa, filwaqt li qal li d-data rkuprata minn apparat ieħor kienet tidher li tappartjeni lil membri tal-familja tiegħu.

Tintemm is-seduta

B'dan intemmet is-seduta tal-lum, li kienet iddominata minn evidenza forensika u diġitali marbuta mal-investigazzjoni.

17:32

Hawnhekk tintemm is-seduta tal-lum fil-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Matul il-ġurnata, il-Qorti semgħet x-xhieda tal-espert forensiku Keith Cutajar, li wieġeb ukoll diversi mistoqsijiet tal-ġurati dwar l-evidenza diġitali, kif ukoll dik tal-Ispettur Charlot Casha, li ppreżenta l-filmati u r-ritratti tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

Il-proċeduri jerġgħu jibdew nhar it-Tnejn, meta l-Qorti mistennija tkompli tisma' aktar xhieda quddiem il-ġurati.

Grazzi talli segwejtu l-aġġornameti diretta tagħna matul il-ġurnata. Inkunu lura nhar it-Tnejn bl-aħħar aġġornamenti mill-Awla 22.

Jaelle Borg
17:19

Il-Qorti terġa' tara parti mill-filmat tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

Fil-filmat jidher file blu li kien fih artikli stampati mill-blog "Running Commentary" ta' Daphne Caruana Galizia.

Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco tistaqsi lill-Ispettur Charlot Casha dwar kif saret it-tfittxija u d-dokumentazzjoni tagħha.

Casha jikkonferma li kien l-uniku membru mit-Taqsima tal-Forensika tal-Pulizija preżenti waqt it-tfittxija, u li ma kien hemm l-ebda Scene of Crime Officer ieħor.

Id-difiża mbagħad iddawwar l-attenzjoni fuq id-dokument li kien fih ir-referenzi "DCG" u "PD" flimkien ma' diversi dati, u tistaqsi kif ġie ttrattat waqt it-tfittxija.

Casha jispjega li l-folja nstabet fost dokumenti oħra fuq il-mejda, u li kienet l-Ispettur Keith Xerri li sabha, filwaqt li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud ħadha minnufih biex jeżaminaha.

Ix-xhud jgħid li, meta ra lill-Ispettur Kurt Zahra jieħu ritratt tad-dokument, induna li seta' kien ta' interess għall-investigazzjoni. Għalhekk resaq lejn il-post u beda jiġbed filmat, u wara li waqaf ir-recording ħa wkoll ritratti taż-żewġ naħat tal-folja.

Id-difiża qajmet dubji dwar il-mod kif ġie mmaniġġjat id-dokument, u sostniet li kellu jitqiegħed immedjatament f'borża uffiċjali tal-evidenza fuq il-post.

 

 

Jaelle Borg
16:54

L-Ispettur Charlot Casha jixhed li r-rwol tiegħu fl-investigazzjoni kien strettament limitat għad-dokumentazzjoni tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

Ix-xhud jikkonferma li ma kellu l-ebda involviment ieħor fl-investigazzjoni relatata mal-eks Chief of Staff.

Meta mistoqsi jekk jiftakarx fl-arrest ta' Schembri, Casha jwieġeb li ma kellux għarfien dirett ta' dak li seħħ, filwaqt li jispjega li, bħala kap tat-taqsima forensika, id-dipartiment tiegħu jopera b'mod separat mill-investigaturi tal-Pulizija.

Casha jżid li l-filmati li ntwerew fil-Qorti juru t-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja wara li dan kien diġà ġie arrestat.

Jaelle Borg
16:40

Il-filmat tat-tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri jkompli jintwera fil-Qorti, għalkemm il-ħoss jibqa' baxx u mhux dejjem jinftiehem, b'xi kliem biss jinstema' b'mod sporadiku.

Fil-filmat, l-investigaturi jidhru joħorġu diversi files u dokumenti minn armarju fl-uffiċċju bħala parti mit-tfittxija.

Aktar tard, Keith Schembri jidher jitkellem mal-investigaturi waqt li jagħmel ġesti b'idejh u jżomm mobile phone f'idu.

Waqt il-preżentazzjoni tal-filmat, fl-awla jinqala' skambju qasir bejn il-Prosekutur Godwin Cini u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca, wara kummenti li saru dwar il-mobile phone li Schembri jidher iżomm fil-filmat.

L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni minnufih u twissi liż-żewġ naħat biex jevitaw argumenti żgħar u jżommu d-dixxiplina fil-Qorti.

B'dan, tintemm il-preżentazzjoni tal-filmati tat-tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri.

Jaelle Borg
16:30

Il-filmat li qed jintwera fil-Qorti jkompli jiddokumenta t-tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

F'parti mill-filmat, l-Ispettur Charlot Casha jidher iżomm quddiem il-kamera d-dokument li fih il-kliem "DCG" u "arrests", sabiex il-kontenut tiegħu jiġi dokumentat b'mod ċar waqt it-tfittxija.

Aktar tard, il-filmat juri l-Ispettur Kurt Zahra u l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud jestendu t-tfittxija għal żewġ skrivaniji oħra li kien hemm fl-uffiċċju ta' Schembri.

Meta wieħed mill-investigaturi jiftaħ armarju waqt it-tfittxija, Keith Schembri jinstema' jgħid "iva mela", hekk kif il-proċess ta' tfittxija jkompli quddiemu.

Jaelle Borg
16:12

Qed jintwera filmat ieħor mit-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja, din id-darba ffukat fuq l-iskrivanija tiegħu.

Fl-Awla hawn silenzju kbir hekk kif il-ġurati jsegwu lill-investigaturi jfittxu fost id-dokumenti u l-oġġetti personali fuq l-iskrivanija.

Fil-filmat, Schembri jibqa' josserva mill-qrib kull moviment tal-investigaturi waqt li dawn jeżaminaw il-kontenut tal-iskrivanija tiegħu.

F'mument minnhom, jidher jixxaqleb 'il quddiem fuq l-iskrivanija biex jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn dokument li wieħed mill-investigaturi jkun qed jeżamina.

Jaelle Borg
15:54

Il-filmat tat-tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja jiffoka għal ftit mumenti fuq dokument li ma jkunx jista' jinqara mill-ġurnalisti preżenti fil-gallerija.

Madankollu, il-Prosekutur Godwin Cini jaqra l-kontenut tiegħu fil-Qorti u jgħid li d-dokument jirreferi għal Tilgate Inc, il-kumpanija offshore ta' Keith Schembri fil-Panama li kienet ġiet żvelata fil-Panama Papers fl-2016.

Skont il-kontenut li nqara fil-Qorti, ir-rapport kien jindika li, fiż-żmien meta ġie mfassal, ma kinux ġew identifikati assi, fondi jew kontijiet bankarji attivi marbuta ma' Tilgate Inc.

Fil-filmat jintwera wkoll Keith Schembri, liebes ġakketta skura fuq flokk bi strixxi u jeans blu, waqt li investigatur ikun qed jeżamina l-kontenut tal-iskrivanija tiegħu.

Mill-filmat, Schembri jidher isegwi mill-qrib it-tfittxija, filwaqt li diversi drabi ibiddel il-pożizzjoni ta' ġismu, idaħħal idejh fil-bwiet u jdawwar ħarstu bejn l-investigatur u l-kamera.

Jaelle Borg
15:39

Fil-Qorti jintwera l-filmat li jiddokumenta t-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.

Il-filmat jagħti ħarsa lejn l-intern tal-uffiċċju, fejn jidhru purtieri tad-deheb, għamara eleganti u siġġu b'kuxxin tad-deheb ħdejn bieb abjad.

Matul il-filmat, wieħed mill-investigaturi jidher jiftaħ kxaxen u jeżamina dokumenti fuq l-iskrivanija bħala parti mit-tfittxija li kienet qed issir.

Filwaqt li l-filmat qed jintwera fl-awla, jinstema' wkoll tisfir fl-isfond u vuċijiet baxxi waqt li l-investigaturi jkomplu jeżaminaw il-kontenut tal-uffiċċju.

Jaelle Borg
15:29

Il-Prosekutur Godwin Cini jippreżenta lill-Qorti sensiela ta' ritratti meħuda waqt it-tfittxija fl-uffiċċju tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Kastilja.

Fost ir-ritratti li jintwerew fuq l-iskrins tal-awla, Cini jiġbed l-attenzjoni għal folja karta li nstabet fl-uffiċċju, li allegatament kienet tinkludi kliem bħal "DCG" u "arrests", bħala parti minn dak li ġie deskritt bħala pjan.

Wara l-preżentazzjoni tar-ritratti, fil-Qorti jintwera wkoll filmat li jiddokumenta t-tfittxija li saret fl-uffiċċju ta' Schembri, fejn jidher kif il-post ġie eżaminat mill-investigaturi.

Jaelle Borg
15:26

Il-Prosekuzzjoni tirreferi lill-espert tal-Qorti u l-Ispettur Charlot Casha għal rapport li ħejja bħala parti mill-inkjesta "Daphne Leaks", marbut mat-tfittxija fl-uffiċċju tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Kastilja.

Casha jixhed li l-investigazzjoni bdiet fil-5 ta' Diċembru 2019, meta flimkien mal-Ispetturi Keith Vella, Kurt Zahra, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u Matthew Farrugia, wettqu tfittxija fl-uffiċċju ta' Schembri.

Ix-xhud jispjega li r-rwol tiegħu kien li jiddokumenta l-istat tal-post waqt it-tfittxija.

"Ħadt 16-il ritratt u 10 filmati, li kollha ġew dokumentati u ppreservati fuq DVD," jixhed Casha.

Huwa jżid li l-materjal viżiv inġabar biex jiddokumenta b'mod preċiż l-istat fiżiku tal-uffiċċju waqt l-operazzjoni investigattiva.

 

Jaelle Borg
15:15

Lura fl-Awla 22, fejn il-proċeduri jerġgħu jibdew wara l-waqfa ta' nofsinhar.

Fil-pedana tax-xhieda jerġa' jitla' l-Ispettur Charlot Casha, hekk kif ix-xhieda tiegħu kienet ġiet riżervata għal seduta oħra.

Il-Qorti issa tkompli tisma' l-evidenza tiegħu quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
13:03

L-Imħallef Edwina Grima tissospendi s-seduta għal waqfa ta' nofsinhar.

Il-proċeduri jerġgħu jibdew fit-3.00pm, meta l-Qorti mistennija tkompli tisma' aktar xhieda quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
13:02

Fil-pedana tax-xhieda titla' Sonia Consiglio, li tikkonferma formalment il-proċeduri ċivili mressqa fl-2020 mill-familja Caruana Galizia kontra x-xhud tal-Istat Melvin Theuma.

Consiglio tispjega li permezz ta' dawk il-proċeduri kienet intalbet mandat ta' inibizzjoni biex jiġu ffriżati assi b'valur ta' €2 miljun.

Il-Qorti tisma' wkoll li Theuma kien għamel testment tlett ijiem biss wara li l-allegati eżekuturi tal-qtil tressqu l-Qorti.

Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco tistaqsi jekk Theuma kienx baqa' jwettaq tranżazzjonijiet ta' proprjetà wara l-arrest tiegħu fl-14 ta' Novembru 2019.

Consiglio tikkonferma li iva, u tgħid li Theuma biegħ appartament li kien ġie stmat fil-21 ta' Diċembru 2020, jiġifieri aktar minn sena wara l-arrest tiegħu.

Hija żżid li Theuma biegħ ukoll garaxx għal €150,000.

Jaelle Borg
12:48

Vassallo tintalab tikkonferma formalment it-traduzzjonijiet bil-Malti ta' xhieda mogħtija bl-Ingliż waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fosthom dik ta' Matthew Caruana Galizia.

Wara xhieda qasira tagħha, titla' fil-pedana Sonia Consiglio.

Consiglio tixhed dwar ir-rwol tagħha bħala r-rappreżentanta legali ta' Identità waqt l-inkjesta magħrufa bħala "Daphne Leaks" fl-2021.

Jaelle Borg
12:27

L-espert forensiku Keith Cutajar ikompli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurati dwar il-possibbiltajiet ta' rkupru ta' data minn apparat elettroniku.

Huwa jispjega li, filwaqt li mobile phone jista' jżomm id-data maħżuna fuqu, l-irkupru ta' konverżazzjonijiet maħżuna fuq il-cloud huwa aktar kumpless.

Cutajar jgħid li WhatsApp normalment jaħżen backups tal-konverżazzjonijiet fuq servizzi ta' partijiet terzi, bħal Google Drive, u biex dawn jiġu rkuprati l-investigaturi jkollhom bżonn l-indirizz elettroniku u l-password tal-kont relatat.

"Jekk ma nsibx il-backups ta' WhatsApp, ikun ovvju li dak mhux il-kont it-tajjeb," jispjega lill-Qorti.

F'dan il-punt, membru tal-ġurija jistaqsih:

"Allura l-kont tal-Gmail li użajtu ma kellux rabta ma' WhatsApp? Jiġifieri, sa fejn naf jien, dak ma kienx l-aktar indirizz tal-Gmail aġġornat?"

Cutajar iwieġeb fil-qosor:

"Għandek raġun."

B'dan, tintemm ix-xhieda tal-espert forensiku Keith Cutajar, wara li ta spjegazzjoni dettaljata dwar il-proċessi ta' estrazzjoni u analiżi tal-evidenza diġitali fil-kawża.

Jaelle Borg
12:20

Wara pawża qasira minħabba l-ħoss tal-murtali, l-espert forensiku Keith Cutajar jerġa' jitla' fil-pedana biex itemm it-tweġiba tiegħu għal mistoqsija li kienet saret minn membru tal-ġurija.

Cutajar jgħid li t-tweġiba mhijiex sempliċiment "iva" jew "le", peress li l-evidenza diġitali teżisti f'forom differenti u mhux l-informazzjoni kollha tista' tinkiseb bl-istess mod.

Ix-xhud jispjega li, filwaqt li kumpaniji tat-telekomunikazzjoni jistgħu jipprovdu rekords ta' telefonati u data dwar il-lokalizzazzjoni ta' mobile number, il-kontenut li jkun maħżun fuq il-mobile innifsu ma jistax jiġi rkuprat mingħand is-service provider.

"SMS jappartjeni lis-service provider, iżda mhux kull provider iżomm il-kontenut tal-messaġġi,"jixhed Cutajar.

Huwa jżid li, skont il-liġi Maltija, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni huma obbligati jżommu biss ir-rekords tal-attività, u mhux il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

Dwar id-data teknika relatata man-networks, Cutajar jispjega li jekk tinżammx jew le tiddependi fuq il-politika tal-kumpanija stess, peress li m'hemm l-ebda obbligu legali li din tiġi ritenuta.

 

Jaelle Borg
11:40

Minħabba l-ħoss qawwi tal-murtali s-seduta kella tiġi sospiża u terġa tibda fl-12pm

Jaelle Borg
11:16

Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco tistaqsi lill-espert forensiku Keith Cutajar dwar id-data estratta mill-apparat elettroniku elevat mid-dar ta' Keith Schembri fil-Mellieħa.

Cutajar jikkonferma li ma rnexxilux jiġi estratt l-ebda data minn żewġ apparati ewlenin li kienu ġew elevati waqt ir-rejd – iPad u tablet Asus.

Ix-xhud jgħid ukoll li d-data li ġiet irkuprata mill-apparat l-ieħor elevat mir-residenza dehret li kienet tappartjeni lil membri tal-familja ta' Schembri u mhux lilu personalment.

Id-difiża mbagħad iddawwar l-attenzjoni fuq ir-recordings ta' Melvin Theuma.

Cutajar jiċċara li ma kienx involut fil-mod kif oriġinarjament inqabdu l-konverżazzjonijiet, u li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi tal-awdjo, it-traskrizzjonijiet u l-verifika forensika tal-materjal.

Huwa jfakkar ukoll li, waqt ir-reviżjoni tax-xogħol tal-Europol, kien identifika nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni li, skont hu, ma kinux jilħqu l-istandards Ewropej, għalkemm mhux fix-xogħol tekniku tal-estrazzjoni nnifsu.

F'dan il-punt tintervjeni l-Imħallef Edwina Grima, li tistaqsih jekk l-estrazzjoni tad-data kinitx l-istess waħda li kienet saret mill-Europol.

"Iva. Biex niċċara, jien ma kkontestajtx l-estrazzjoni," iwieġeb Cutajar.

L-espert iżid li:

"L-Europol għaddietli l-file tad-data u jien ħejjejt ir-rapport. Ir-rwol tiegħi kien li nagħmel il-verifiki meħtieġa biex niżgura li l-proċess u l-integrità tad-data baqgħu intatti."

Jaelle Borg
11:04

Il-Prosekutur Godwin Cini jirreferi lill-espert forensiku Keith Cutajar għal rapport marbut mal-inkjesta magħrufa bħala "Daphne Leaks".

Cutajar jispjega li fl-2021 ġie inkarigat, flimkien ma' esperti oħra maħtura mill-Qorti, biex jiftaħ iPhone ta' Johann Cremona u żewġ mobile phones ta' Kenneth Camilleri.

Ix-xhud jgħid li s-software forensiku disponibbli dak iż-żmien ma kienx kapaċi jegħleb is-sistemi ta' sigurtà tal-apparat, u għalhekk l-esperti kellhom jirrikorru għal metodu speċjalizzat ta' brute force, li juża vulnerabbiltajiet fis-sistema biex jipprova jiftaħ apparat imsakkar.

Cutajar jispjega li, peress li din it-teknoloġija ma kinitx disponibbli f'Malta, kellu jieħu l-apparat barra minn Maltabiex isir ix-xogħol f'laboratorji forensiċi speċjalizzati.

Huwa jixhed li mar personalment il-Ġermanja, fejn esperti internazzjonali qabbdu l-apparat ma' hardware speċjalizzat li wettaq tentattivi ripetuti biex jinfetaħ.

Skont Cutajar, f'Settembru tal-2021 ġie infurmat li nfetħu ż-żewġ mobile phones ta' Kenneth Camilleri, filwaqt li fl-4 ta' Marzu 2022 ġie kkonfermat li nfetaħ ukoll l-iPhone ta' Johann Cremona.

 

Jaelle Borg
10:56

L-espert forensiku Keith Cutajar idawwar l-attenzjoni fuq hard drive diġitali separat li ngħatalu biex janalizzah, u jispjega kif ivverifika xogħol forensiku li kien sar qabel mill-Europol.

Cutajar jgħid li, waqt l-analiżi tiegħu, sab diversi nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni amministrattiva tar-rapport, minkejja li d-data teknika kienet ġiet estratta b'mod korrett.

"Ix-xogħol ta' espert irid ikun dokumentat b'tali mod li, jekk xi ħadd jerġa' jagħmel l-istess proċess wara għaxar snin, jasal eżatt għall-istess konklużjonijiet," jispjega lill-Qorti.

Ix-xhud jgħid li r-rapport tal-Europol ma kienx jinkludi ċerti dettalji essenzjali, fosthom in-numru uffiċjali tal-każ u l-identità tal-espert li wettaq l-estrazzjoni tad-data.

Cutajar jixhed li qajjem dawn in-nuqqasijiet waqt l-inkjesta u saħansitra kkuntattja lill-Europol biex jitlob li r-rapport jiġi emendat.

"Fil-fatt sfidajthom u għedtilhom jemendaw ir-rapport," jgħid Cutajar.

Huwa jisħaq li, għalkemm l-estrazzjoni teknika tad-data kienet saret tajjeb, kien importanti li jiġu kkoreġuti dawn in-nuqqasijiet proċedurali biex ir-rapport ikun komplet u konformi mal-istandards forensiċi.

 

Jaelle Borg
10:32

L-espert forensiku Keith Cutajar ikompli jixhed dwar il-ħidma teknika mwettqa matul l-investigazzjoni.

Huwa jispjega kif l-investigaturi estrattaw footage minn drone camera installata madwar 16-il sular għoli, li kienet tagħti veduta panoramika tal-Port il-Kbir, sabiex jimmonitorjaw il-movimenti tad-dgħajsa "Maya", marbuta mal-aħwa Degiorgio.

Aktar tard, il-Prosekutur Godwin Cini jirreferih għal rapport ieħor, datat 27 ta' April 2020, marbut mal-investigazzjoni dwar ħasil ta' flus li kienet tinvolvi lil Melvin Theuma.

Cutajar jixhed li kien preżenti fl-awla biex jissorvelja l-preżentazzjoni u l-inventarju ta' ammont kbir ta' flus kontanti elevati waqt l-investigazzjoni.

"Qattajna ġurnata sħiħa nissorveljaw il-boroż tal-flus," jgħid ix-xhud.

Huwa jispjega li l-proċess kien jinvolvi d-dokumentazzjoni bir-reqqa tal-muniti differenti, id-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus u l-boroż issiġillati bħala evidenza.

Skont l-inventarju ppreżentat fil-Qorti, il-11-il borża elevata kien fihom total ta' €797,440 fi flus kontanti, £5,000, madwar $2,000, 520 krona Żvediżi u €2,750 f'tokens ta' kreditu tal-elettriku.

Jaelle Borg
10:18

L-espert forensiku Keith Cutajar ikompli jixhed dwar il-ħidma intensiva li saret biex jiġu analizzati r-recordings tas-CCTV fil-jiem ta' wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Cutajar jgħid li fis-17 ta' Ottubru 2017 kompla bl-estrazzjoni ta' footage twil ħafna, filwaqt li jispjega kif l-investigaturi bdew l-analiżi billi ffukaw fuq il-post tal-isplużjoni qabel espandew gradwalment iż-żona tat-tfittxija.

"Ġeografikament tibda mill-post eżatt tal-isplużjoni u mbagħad tiftaħ iż-żona tat-tfittxija pass pass,"jispjega.

Ix-xhud jgħid li aktar tard ġie inkarigat jiġbor footage minn diversi junctions ewlenin madwar Malta, kif ukoll minn postijiet speċifiċi, fosthom l-uffiċċji tal-kumpanija tal-kiri li mingħandha Daphne Caruana Galizia kienet tikri l-vettura tagħha.

Cutajar jixhed ukoll li fl-4 ta' Novembru 2017, tim ta' esperti daħal fil-kompost ta' Pembroke, fejn kienet inżammet il-karozza mikrija ta' Caruana Galizia wara l-assassinju.

Madankollu, jgħid li waqt l-ispezzjoni nstab li numru ta' cameras tas-sigurtà ma kinux qed jaħdmu.

L-espert jirrimarka wkoll fuq vulnerabbiltà fis-sistema tas-sigurtà tal-post.

Skont Cutajar, jekk xi ħadd jaqta' l-provvista tal-elettriku tal-kompost, il-cameras jieqfu jaħdmu immedjatament, u b'hekk kwalunkwe evidenza viżiva potenzjali tintilef.

 

Jaelle Borg
10:07

 Godwin Cini jirreferi lill-espert forensiku Keith Cutajar għall-ewwel rapport li ħejja b'rabta mal-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, ftit wara l-isplużjoni f'Bidnija.

Cutajar jixhed li rċieva l-ordni mingħand il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li bagħtitu fuq il-post madwar sagħtejn wara l-assassinju.

Ix-xhud jispjega li l-ewwel kompitu tiegħu kien jiġbor u jassigura l-footage tas-CCTV miż-żona.

"Minnufih bdejt żewġ estrazzjonijiet, iżda kelli bżonn l-għajnuna. Kelli ngħaddi miż-żona kollha tal-madwar biex niġbor il-footage tas-CCTV," jixhed Cutajar.

L-espert jispjega li ħafna sistemi tas-CCTV iżommu r-recordings għal bejn sebat ijiem u għaxart ijiem biss, u għalhekk kien essenzjali li l-ħidma tibda minnufih biex ma tintilifx evidenza.

Cutajar iżid li, fl-istess jum tal-qtil, is-16 ta' Ottubru 2017, minbarra li beda jiġbor il-footage, bagħat ukoll sensiela ta' talbiet uffiċjali lill-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni biex tinkiseb informazzjoni dwar diversi mobile lines li kienu attivi fiż-żona fil-ħin tal-isplużjoni.

Jaelle Borg
09:59

Il-Prosekutur Godwin Cini idawwar l-attenzjoni fuq cloud extraction li saret mill-email account ta' Keith Schembri.

L-espert forensiku Keith Cutajar jispjega li dan il-proċess jippermetti li tiġi estratta data direttament mis-servers fejn jinżammu l-backups, inklużi WhatsApp chats, emails, konverżazzjonijiet u fajls diġitali oħra.

Ix-xhud jispjega wkoll il-metodoloġija li uża għat-tfittxijiet fid-data estratta, fejn jgħid li ngħata lista ta' ismijiet u keywords speċifiċi biex ifittex fost il-materjal diġitali.

Filwaqt li r-rapport jintwera fuq l-iskrins fl-awla, il-kontenut tiegħu ma jkunx viżibbli b'mod ċar għall-ġurnalisti preżenti fil-gallerija.

Aktar tard, il-Prosekuzzjoni ddawwar l-attenzjoni fuq evidenza awdjo diġitali.

Cutajar jixhed li fit-3 ta' Jannar 2024 ġie inkarigat jagħmel kopja forensika ta' DVD li kien fih recording awdjo attribwit lil Edgar Brincat, kif ukoll iwettaq titjib forensiku tal-awdjo biex il-konverżazzjoni tkun aktar ċara.

Huwa jispjega li, fost tekniki oħra, applika tnaqqis tal-ħoss fl-isfond, normalizzazzjoni tal-awdjo u aġġustamenti tal-frekwenzi biex id-djalogu jkun aktar jinftiehem waqt il-proċeduri.

Madankollu, Cutajar iwissi li t-titjib forensiku għandu l-limiti tiegħu.

"Aħna ma nagħmlux mirakli," jgħid ix-xhud, filwaqt li jżid li l-akustika tvarja minn awla għal oħra u li recordings ta' kwalità baxxa mhux dejjem jistgħu jinstemgħu b'mod perfett fil-Qorti.

Jaelle Borg
09:57

Fuq il-pedana tax-xhieda jitla' Keith Cutajar, espert tal IT u maħtur mill-Qorti, li jibda billi jispjega l-esperjenza estensiva tiegħu fil-qasam tal-forensika diġitali.

Cutajar jgħid li ħadem fuq numru kbir ta' investigazzjonijiet kriminali, b'mod partikolari fuq estrazzjoni ta' data minn apparat elettroniku, ftuħ ta' mobile phones u analiżi forensika diġitali.

Il-Prosekutur Godwin Cini imbagħad jirreferih għal rapport li ħejja fis-26 ta' Novembru 2019.

Ix-xhud jispjega li r-rapport jiddokumenta l-analiżi forensika u l-estrazzjoni tad-data minn numru ta' mobile phones u kompjuters li kienu ngħatawlu mill-Pulizija wara r-rejd li sar fir-residenza ta' Keith Schembri fil-Mellieħa.

Jaelle Borg
09:36

Qabel il-membri tal-ġurija daħlu fl-awla, il-Prosekuzzjoni fetħet is-seduta b'oġġezzjoni qawwija għall-mod kif saret il-kontro-eżami ta' Kenneth Camilleri fis-seduta tal-bieraħ.

L-Avukat tal-Istat Anthony Vella sostna li d-difiża rreferiet ripetutament għal xhieda u dokumenti li ma jagħmlux parti mill-atti uffiċjali tal-ġuri, u argumenta li dan seta' jinfluwenza lill-ġurati b'mod inġust.

Vella qal li l-istqarrijiet li d-difiża attribwiet lil Camilleri waqt l-inkjesta pubblika ma jinsabux fil-bills of indictment tal-ġuri, u ddeskriva l-aġir tad-difiża bħala "aġir żleali", filwaqt li sostna li dan ikkawża preġudizzju serju għall-prosekuzzjoni.

Min-naħa tagħha, id-difiża, permezz tal-avukat Charles Mercieca, ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet u sostniet li l-kontro-eżami, skont il-liġi, jippermetti mistoqsijiet suġġestivi u diretti.

Id-difiża żiedet tgħid li kien ix-xhud stess li xehed li kien jibża' minn Keith Schembri, filwaqt li rreferiet għal dak li allegatament kien qal Camilleri waqt l-inkjesta pubblika, fejn sostniet li kien ġie avviċinat minn persuna li wissietu li kien "kixef lil Keith Schembri" u li dan kien persuna li kellu jibża' minnha.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, l-Imħallef Edwina Grima ddeċidiet li ż-żewġ partijiet għandhom jillimitaw ruħhom għall-evidenza u x-xhieda li jagħmlu parti mill-atti tal-ġuri.

Ftit wara, il-membri tal-ġurija daħlu fl-awla u l-proċeduri komplew.

Jaelle Borg
09:09

L-għodwa t-tajba u merħba lura għall-aġġornamenti mill-Awla 22, hekk kif illum il-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jidħol fit-22 jum tiegħu.

Wara x-xhieda estensiva ta' Kenneth Camilleri matul is-seduta tal-bieraħ, illum il-Qorti mistennija tkompli tisma' aktar xhieda quddiem l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati.

Ibqgħu segwuna matul il-ġurnata għall-aħħar żviluppi hekk kif iseħħu.

Jaelle Borg

Il-ġuri quddiem l-Imħallef Edwina Grima jkompli nhar it-Tnejn, meta mistennija jinstemgħu aktar xhieda quddiem il-ġurati.

More in Qrati u Pulizija