Il-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kompla llum bix-xhieda ta' Johann Cremona, li għal ġurnata oħra ġie kkonfrontat b'numru ta' recordings bejn hu u Melvin Theuma. Fost l-aktar siltiet li ġibdu l-attenzjoni kien hemm waħda fejn Theuma jinstema' jgħid li ried imur għal €100,000 Kastilja, filwaqt li jagħmel referenza wkoll għal Keith Schembri.
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona kkonferma li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, dan kien qed ifittex flus mingħand Keith Schembri wkoll.
Aktar kmieni fis-seduta, il-Qorti semgħet recording ieħor fejn Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech "lanqas qatt m'hu se jeħles minnhom", b'Cremona jispjega li fehem li r-referenza kienet għall-aħwa Degiorgio. Fl-istess recording, Theuma jinstema' jgħid li kien proprju Yorgen Fenech li "qabbad lilhom". Cremona qal li kienet l-ewwel darba li kien sema' din il-verżjoni, għax sa dak iż-żmien Theuma dejjem kien qallu li kien hu stess li qabbadhom.
F'silta oħra li nstemgħet fil-Qorti, Theuma jgħid "missu ma qatilhiex", filwaqt li Cremona jwieġeb li "ma kienx jaf x'se jinqala'". Aktar tard, Theuma jinstema' wkoll jgħid li kien jippreferi jinqatel hu stess biex "jeħles hu u teħles il-familja".
Il-Qorti semgħet ukoll recording fejn Theuma jgħid li kien "għarralhom biċċa waħda" għax irreġistrahom, "b'Keith Schembri b'kollox". Cremona qal li kien biss meta reġa' sema' dan ir-recording fil-Qorti li nduna li Theuma kien qed jgħid li kellu recordings ukoll ta' Keith Schembri.
Matul il-kontinwazzjoni tax-xhieda tiegħu, Cremona reġa' enfasizza li qatt ma sema' personalment ir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma u sostna li ħafna minn dak li qal fir-recordings kien jew bluff jew ripetizzjoni ta' dak li kien jgħidlu Theuma.
Il-prosekuzzjoni kkonfrontatu wkoll dwar allegata laqgħa fir-ranch ta' Yorgen Fenech f'Ħaż-Żebbuġ, fejn skont Melvin Theuma kien intqal li kellhom idawru l-każ fuq l-eks Ministru Chris Cardona. Cremona ċaħad kategorikament din il-verżjoni u qal taħt ġurament li "dak id-diskors qatt ma sar".
F'punt minnhom, il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll messaġġi bejn Keith Schembri u kuntatt issejvjat bħala "Xlukkajr". Cremona kkonferma li n-numru kien tiegħu, iżda qal li ma jafx għaliex Keith Schembri kien issejvjah b'dak il-laqam.
F'dawk il-messaġġi, Cremona kien informa lil Schembri li Keith Arnaud kien qed "jagħfsu". Mistoqsi għaliex kien għadda din l-informazzjoni lil Schembri, huwa wieġeb li dak iż-żmien kien "naqra ppanikjat" u ħass li kien se jiġi tradut.
Il-ġurati semgħu wkoll ir-referenza għal konverżazzjoni fejn Cremona qal lil Schembri "ma nitilgħux nixhdu". Ix-xhud qal li llum ma jiftakarx għaliex kien uża l-plural, iżda ammetta li dak iż-żmien ma xtaqx jitla' jixhed.
Matul il-kontro-eżami mmexxi mill-Avukat Giannella DeMarco, Cremona reġa' sostna li Kenneth Camilleri kien daħħlu fil-ġrajja u tenna li kien l-ewwel darba li sema' dwar il-bail waqt it-tielet laqgħa bejn Camilleri u Melvin Theuma fil-Belt Valletta.
DeMarco kompliet tikkonfronta lix-xhud b'diversi recordings u xhieda preċedenti, fosthom dwar ittra li Cremona qal li kien sab taħt il-bieb tal-uffiċċju tiegħu. Id-difiża sostniet li dik l-ittra kienet ġejja minn email magħrufa biss minn ftit persuni, filwaqt li recording ieħor deher juri lil Cremona jitkellem proprju dwar email li kien irċieva.
F'mument ieħor, id-difiża rrimarkat li, f'diversi recordings, Cremona kien jidher qisu qed jikkalma lil Theuma dwar Keith Schembri. Ix-xhud ċaħad dan u qal li "illum la jinteressani Keith Schembri u lanqas Yorgen Fenech – jinteressani jien biss."
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntatt tiegħu ma' Keith Schembri, Cremona qal ukoll li sal-lum għadu ma jistax jifhem kif Schembri sar jaf bih.
Qabel intemmet is-seduta, Cremona reġa' fakkar fil-perjodu diffiċli li kien għaddej minnu dak iż-żmien, minħabba problemi serji ta' saħħa fil-familja tiegħu. F'kumment emozzjonanti qal lid-difiża:
"Il-miżerja ta' ħajti kien Melvin Theuma. Ma fadalli xejn ħlief il-familja."
Is-seduta ntemmet għall-ġurnata u l-ġuri jkompli għada fid-9.00am, meta Johann Cremona mistenni jkompli bil-kontro-eżami tiegħu.
Hawnhekk tintemm is-seduta tal-lum fil-ġuri.
Matul il-ġurnata kompliet ix-xhieda ta' Johann Cremona, li ġie kkonfrontat b'aktar recordings u messaġġi, filwaqt li aktar kmieni xehdet ukoll, permezz ta' video conference, l-esperta tal-Europol Yulia Toma dwar aspetti forensiċi relatati mal-estrazzjoni ta' data minn apparat elettroniku.
Il-proċeduri jissoktaw għada fid-9.00am, meta Johann Cremona mistenni jkompli bil-kontro-eżami tiegħu.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco rrimarkat li, skont rapporti fil-media, il-ġurnata ta' qabel Kenneth Camilleri kkuntattja lil Johann Cremona, Melvin Theuma kien mar Kastilja biex jiltaqa' ma' Keith Schembri.
Cremona wieġeb li llum jaf b'dawn id-dettalji, iżda ma kienx jaf bihom dak iż-żmien.
Ix-xhud spjega wkoll li, meta kien se jlaqqa' lil Melvin ma' Kenneth Camilleri, ma qallu qatt min kienet il-persuna li kien se jġiblu, iżda qal biss:
"Hawn xi ħadd irid ikellmek."
Meta ġie mistoqsi għaliex ma żvelalux l-identità tiegħu, Cremona wieġeb li:
"Ma nħobbx nagħti n-numri tan-nies lil ħaddieħor."
Għal dan, DeMarco wieġbet b'kumment ironiku:
"Imma teħodhom wara l-bieb ta' darhom."
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco staqsiet lil Johann Cremona x'kien intqal fil-karozza meta kien qed iwassal lil Kenneth Camilleri.
Cremona wieġeb li Camilleri qallu biex ma jidħolx fil-kwistjoni.
Hawnekk l-avukata għaddiet ukoll kumment fejn rreferriet għal punt li mar għalih u wasslu u għajritu "kurnut"
Ix-xhud żied ukoll li kien konvint li madwar ġimgħa qabel kienet seħħet "xi ħaġa bilfors", għalkemm qal li ma jafx x'kienet.
F'dan il-punt, l-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u staqsietu direttament:
"X'ġara? X'inhi din ix-'xi ħaġa'?"
Madankollu, Cremona baqa' jinsisti li ma jafx għal xiex kien qed jirreferi.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco reġgħet iffukat fuq il-laqgħa bejn Johann Cremona u Kenneth Camilleri, wara li, skont ix-xhud, dan kien ċempillu għall-ħabta tat-8.00pm minkejja li kienu ilhom madwar 10 snin ma jaraw lil xulxin.
Id-difiża rrimarkat li Cremona mar jiltaqa' ma' Camilleri għall-ħabta tal-10.00pm f'Bulebel, u osservat li l-laqgħa saret qrib l-uffiċini tal-Kasco, marbuta ma' Keith Schembri.
Madankollu, Cremona ċaħad li dan kellu xi sinifikat, u qal li Camilleri kien joqgħod fl-inħawi ta' Bulebel.
F'dan il-punt inqala' battibekk fl-awla, hekk kif id-difiża insistiet li Kenneth Camilleri kien joqgħod Ħal Tarxien, filwaqt li Cremona baqa' jgħid li kien joqgħod faċċata ta' Bulebel u li, għalih, kienet l-istess żona.
Aktar tard, DeMarco kompliet tagħfas fuq ir-raġuni għaliex Cremona wassal lil Kenneth Camilleri sa fejn kien hemm Melvin Theuma.
Bi tweġiba, Cremona tenna:
"Kenneth daħħalni fiha... u ħareġ 'il barra hu."
L-avukat Giannella DeMarco kompliet tinsisti li, mir-recordings, Johann Cremona kien jidher qisu qed jiddefendi jew jaqbeż għal Keith Schembri.
Madankollu, Cremona ċaħad dan, u qal b'mod kategoriku li:
"Jien mhux mal-parti ta' Keith Schembri."
Ix-xhud żied ukoll li sal-lum għadu ma jistax jifhem kif Keith Schembri sar jaf bih, u qal:
"Ma nistax nifhem kif sar jaf lili."
Aktar tard, id-difiża rreferiet għar-ritratti li Melvin Theuma kien jibgħat lil Cremona minn barra d-Depot tal-Pulizija u minn Kastilja.
Cremona spjega li Theuma kien jagħmel dan għax kien lest "jikxifhom."
DeMarco rrimarkat li Yorgen Fenech ma kellu x'jaqsam xejn ma' Kastilja, u Cremona qabel ma' din l-osservazzjoni.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco kompliet tagħfas lil Johann Cremona dwar l-ittra li qal li sab taħt il-bieb tal-uffiċċju tiegħu.
Meta staqsietu kif waslet hemm, Cremona wieġeb:
"Jien naf... nistgħu nagħmlu sa nhar it-Tnejn għax l-istess kelma se ngħidlek."
DeMarco rrispondiet b'kumment ironiku:
"Bħal Kenneth li ġie out of the blue?"
Madankollu, Cremona baqa' jinsisti li l-verżjoni tiegħu ma nbidlitx, u tenna li l-ittra sabha taħt il-bieb.
Aktar tard, id-difiża rreferiet għal recording fejn, skontha, Cremona kien qed jipprova jserraħ moħħ Melvin Theuma dwar Keith Schembri.
Fir-recording, Cremona jinstema' jgħid li Keith kien qal lil Times of Malta li kien hemm ħafna persuni suspettati iżda ma kienx hemm provi.
Cremona spjega li kien qal dan wara li qara dak li kien ġie ppubblikat mit-Times of Malta.
Madankollu, DeMarco rrimarkat li l-artiklu ma kienx jgħid min kien is-sors ta' dik l-informazzjoni, u b'hekk ikkonfrontatu dwar kif attribwiha lil Keith Schembri.
Ftit wara, id-difiża daqqet recording ieħor li fih Cremona jinstema' jistaqsi lil Melvin Theuma jekk irċeviex "din l-email", qabel ma jibda jsemmi ismijiet ta' persuni.
Id-difiża rrimarkat li din is-silta tidher tmur kontra dak li Cremona kien għadu kif xehed, meta qal li kien sab biss paragrafu miktub bl-idejn u ma kellux ismijiet jew riferimenti oħra.
B'reazzjoni għal din il-kontradizzjoni, DeMarco kkummentat b'mod ironiku:
"Hawn kont Nostradamus ukoll?"
DeMarco kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar ittra miktuba bl-idejn li x-xhud kien qal li sab taħt il-bieb tal-uffiċċju tiegħu.
Fir-recording li nstema' fil-Qorti, Cremona jinstema' jaqra l-ittra lil Melvin Theuma, li kienet tirreferi għall-proklama ta' Vince Muscat "il-Koħħu" u għall-fatt li allegatament ma kienx se jaċċetta sentenza ta' 12-il sena ħabs.
Id-difiża sostniet li l-kontenut ta' dik l-ittra kien ġej minn email, li, skont hi, kienet aċċessibbli biss għal tliet persuni: l-avukat Arthur Azzopardi, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-issa Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Cremona, iżda, baqa' jinsisti li l-unika ħaġa li kellu quddiemu kienet il-paragrafu miktub bl-idejn, u qal li ma kien hemm l-ebda ismijiet jew indikazzjonijiet oħra li setgħu juru minn fejn kienet ġejja.
Matul il-kontro-eżami, id-difiża rrimarkat li, fid-dawl ta' diversi affarijiet li qal fir-recordings u li aktar tard allegatament seħħew, kien kważi donnu xhud "veġġent".
B'reazzjoni għal dan il-kumment, Johann Cremona wieġeb b'ton ironiku, u qabbel lilu nnifsu ma' Nostradamus, il-persuna storika magħrufa għall-profeziji attribwiti lilha.
Johann Cremona qal lid-difiża li l-akbar tbatija f'ħajtu kienet il-perjodu meta kien involut ma' Melvin Theuma.
"Il-miżerja ta' ħajti kien Melvin Theuma. Ma fadalli xejn ħlief il-familja."
Aktar tard, il-Qorti semgħet recording li fih Cremona jinstema' jgħid li kien qed iħeġġeġ lil Theuma biex ma jitkellimx fuq it-telefon, minħabba li kien jibża' li seta' jinqabad.
Ix-xhud spjega li kien qed jagħmel dan biex ma jagħmilx ħsara lil persuni li kienu qed jissemmew fil-konverżazzjonijiet, fosthom "Keith", li qal li Theuma kien semmieh lil Mario.
Madankollu, Cremona insista li ma kellu l-ebda għarfien dwar x'kienu qed jagħmlu s-servizzi sigrieti, u qal li ma kienx jaf jekk kinux qed jissorveljaw lil xi ħadd jew le.
Il-Qorti semgħet recording li fih Melvin Theuma jgħid lil Johann Cremona li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien qallu li l-Europol riedu jiġbruh, iżda li Cutajar kien qabeż għalih.
B'referenza għal din is-silta, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco staqsiet lil Cremona jekk, abbażi ta' dak li kien jgħidlu Theuma, il-Kummissarju kienx iħoss li kellu ċertu poter fuq Melvin Theuma.
Cremona wieġeb fl-affermattiv u qal:
"Iva."
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco staqsiet lil Johann Cremona jekk jafx għaliex Melvin Theuma kien irreġistrah.
Ix-xhud wieġeb li ma jafx biċ-ċert, iżda qal li jista' jkun li Theuma kien qed jipprova jiġbru bħala xhud kontra Yorgen Fenech.
DeMarco kompliet tistaqsih jekk Melvin Theuma kienx qallu li Keith Schembri wkoll kien irreġistrah, b'Cremona jwieġeb fl-affermattiv.
Id-difiża staqsiet ukoll jekk, skont dak li kien qallu Theuma, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kienx sema' dawk ir-recordings qabel l-arrest ta' Melvin Theuma.
Cremona wieġeb li iva, iżda ċċara li din kienet informazzjoni li kien irċieva mingħand Theuma u mhux xi ħaġa li kien jaf personalment.
Fil-kontro-eżami, Johann Cremona ikkonferma li Melvin Theuma kien isemmilu tliet persuni li, skont hu, kienu ffinanzjaw jew kienu wara l-qtil.
Id-difiża mbagħad irreferiet għal silta mir-recordings fejn Theuma u Cremona jinstemgħu jinsistu li Chris Cardona kien "involut elf fil-mija."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona ċċara li ħafna minn dak li qal fir-recordings ma kienx ibbażat fuq għarfien personali.
Ix-xhud tenna li dak li kien jgħid kien jew bluff biex jikkalma lil Melvin Theuma, jew inkella sempliċement ripetizzjoni ta' dak li kien qed jgħidlu Theuma.
Id-difiża rreferiet għal silta oħra mir-recordings fejn Johann Cremona jinstema' jgħid li l-agħar ħaġa kienet jekk il-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat, iġiegħel lil Chris Cardona jirriżenja, għax b'hekk kien isir "bniedem komuni".
Fir-recording, Cremona jinstema' jgħid ukoll li kien jippreferi li Cardona jibqa' Ministru sabiex ikompli jagħmel il-pressjoni li kellu fil-kariga.
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona qal li ma jiftakarx x'kien qed jirreferi għalih, iżda ammetta li, fil-kuntest ippreżentat mid-difiża, dak li qal seta' jagħmel sens.
Fil-kontro-eżami, Johann Cremona qal li dejjem xtaq il-ġid lil Yorgen Fenech, iżda sostna li Melvin Theuma kien ta' spiss imur għandu fi stat aggressiv.
Id-difiża mbagħad irreferiet għal konverżazzjoni bejn Cremona u Theuma li fiha ssemmiet allegata problema tad-droga ta' Yorgen Fenech.
Meta ġie mistoqsi direttament jekk Melvin Theuma qatt kienx qallu li kien jagħti droga lil Yorgen Fenech, Cremona ma kkonfermax dan u qal li Theuma qatt ma qallu hekk.
Fil-kontro-eżami, id-difiża rreferiet għal recording li fih isir allegat riferiment li l-mażunerija kienet ħallset għall-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Meta ġie mistoqsi dwar din is-silta, Johann Cremona ċaħad li kellha xi bażi fil-fatti u qal li, minn naħa tiegħu, dik kienet "bluff totali."
Ix-xhud baqa' jinsisti li matul ħafna mill-konverżazzjonijiet ma' Melvin Theuma kien jgħid affarijiet ivvintati biex ikompli miegħu jew jikkalmah.
.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco staqsiet lil Johann Cremona dwar riferiment li Melvin Theuma kien għamillu għall-avukat Arthur Azzopardi.
Cremona xehed li, skont dak li kien qallu Theuma, l-avukat Arthur Azzopardi kien qed iżomm €300,000 li kienu ta' Vince Muscat.
Madankollu, ix-xhud enfasizza li ma kellux għarfien dirett dwar din l-allegazzjoni, u qal:
"Jien ma nafx hux vera jew le."
Meta d-difiża staqsietu jekk dan kienx ifisser li Melvin Theuma kien jivvinta, Cremona ma kkonfermax dan, u baqa' jinsisti li kien qed jirrakkonta biss dak li kien jgħidlu Theuma.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco staqsiet lil Johann Cremona dwar riferimenti li Melvin Theuma kien għamillu għall-avukat David Gatt u għall-eks Ministru Chris Cardona.
Cremona xehed li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, jekk dawn it-tnejn ma kinux se jħallsu €400,000, huwa kien se jikxifhom.
Ix-xhud tenna li din kienet informazzjoni li kien irċieva mingħand Melvin Theuma, u mhux xi ħaġa li kien jaf personalment.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar dak li Melvin Theumaallegatament kien jgħidlu fuq l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Id-difiża staqsiet lix-xhud jekk jaqbilx li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, il-Kummissarju kien infurmah minn qabel dwar meta kellu jsir ir-raid fuqu, li allegatament kienet marbuta ma' investigazzjoni dwar ħasil ta' flus. Cremona wieġeb fl-affermattiv.
Mistoqsi wkoll jekk il-Kummissarju kienx sema' r-recordings, Cremona qal li, sa fejn jiftakar minn dak li kien jgħidlu Theuma, jidher li kien jaf bihom.
L-avukat DeMarco mbagħad ikkwotat xhieda preċedenti ta' Cremona, fejn kien qal li Melvin Theuma kien sostna li semma' r-recordings lill-eks Kummissarju tal-Pulizija.
Aktar tard, Cremona xehed ukoll li Theuma kien qallu li Edwin il-Ġojja allegatament kien iħallas €16,000 lill-Kummissarju Lawrence Cutajar.
Ix-xhud żied li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, dan ma riedx li ssirlu raid nhar ta' Erbgħa jew is-Sibt għax kien ikollu xogħol ieħor
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar Kenneth Camilleri.
Cremona kkonferma li Camilleri kien jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà f'Kastilja, iżda qal li ma jafx kif wasal biex jiltaqa' miegħu.
Ix-xhud żied li, sa fejn jaf hu, Kenneth Camilleri ma kienx jaf lil Yorgen Fenech.
Meta ġie mistoqsi dwar ir-rabta bejn Camilleri u l-każ, Cremona qal li Melvin Theuma kien jgħidlu li Kenneth Camilleri kien intbagħat minn Keith Schembri.
"Melvin fih kien iwaħħal," żied Cremona, b'referenza għal Kenneth Camilleri.
Il-Qorti kompliet tisma' recording ieħor bejn Melvin Theuma u Johann Cremona.
F'waħda mis-siltiet, Theuma jinstema' jgħid:
"L-ewwel jibku biex joqtluha..."
u jżid li kien irid imur għal "mija" (€100,000) Kastilja, filwaqt li jagħmel referenza wkoll għal Keith Schembri.
Aktar tard fl-istess recording, jerġgħu jissemmew flus li, skont il-konverżazzjoni, Theuma kien qed jistenna mingħand Keith Schembri.
Meta ġie mistoqsi dwar dan, Johann Cremona kkonferma li, skont dak li kien jgħidlu Melvin Theuma, dan kien qed jitlob flus mingħand Keith Schembri wkoll.
Fil-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco staqsiet lil Johann Cremona jekk jaqbilx li, wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, kien qed jipprova jieħu flus mingħand Yorgen Fenech.
DeMarco staqsietu wkoll jekk kienx qed ifittex flus mingħand Keith Schembri.
Cremona wieġeb li ma jafx.
Wara dawn il-mistoqsijiet, id-difiża ħabbret li l-Qorti kienet se tisma' silta oħra minn recording.
Fil-kontro-eżami, Johann Cremona ikkonferma dak li kien xehed aktar kmieni dwar il-ħlas tad-depożitu allegat ta' €30,000.
Ix-xhud qal li, skont dak li kien qallu Melvin Theuma, id-depożitu kien tħallas minn Theuma stess, wara li Yorgen Fenech allegatament kien qallu jwaqqaf kollox.
Cremona spjega li, skont il-verżjoni li kien tah Theuma, xorta waħda ddeċieda jħallas il-flus biex ma "jaqax għaċ-ċajt" mal-allegati eżekuturi.
Fil-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar dak li Melvin Theuma kien irrakkontalu fuq l-ewwel żewġ laqgħat li kellu ma' Kenneth Camilleri.
Cremona wieġeb li Theuma qatt ma qallu x'kien seħħ f'dawk il-laqgħat.
DeMarco mbagħad ikkwotat xhieda oħra ta' Cremona, fejn kien qal li wara l-laqgħa fil-Belt Valletta, Theuma kien qallu li Kenneth Camilleri kien wiegħed il-bail.
L-avukat irrimarkat ukoll li, fix-xhieda tiegħu quddiem l-investigatur Keith Arnaud, Cremona kien ta verżjoni differenti ta' dak li allegatament kien qallu Kenneth Camilleri.
Meta ġie kkonfrontat b'din id-differenza, Cremona qal li, kif qed jaraha llum, Kenneth Camilleri u Melvin Theuma kienu qed iwaħħlu f'xulxin.
Jibda l-kontro-eżami minn naħa tad-difiża, bl-avukat Giannella DeMarco tistaqsi lil Johann Cremona dwar meta u kif daħal fil-ġrajjiet marbuta mal-każ.
Cremona tenna li qabel l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia ma kellu l-ebda involviment.
Meta mistoqsi min kien daħħlu f'din il-ġrajja, ix-xhud ikkonferma li kien Kenneth Camilleri.
Cremona reġa' sostna wkoll li l-ewwel darba li sema' jissemma l-bail kienet waqt it-tielet laqgħa bejn Melvin Theuma u Kenneth Camilleri fil-Belt Valletta.
Huwa qal li ma jafx x'kien intqal fl-ewwel żewġ laqgħat, iżda jiftakar li waqt dik it-tielet laqgħa sema' lil Theuma jitlob biex "joħorġuhom bil-bail."
Il-Qorti semgħet l-aħħar silta minn recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni reġgħet irreferiet għad-diskussjoni dwar l-allegati €5,000 kuljum u staqsiet lil Cremona min, skont il-konverżazzjoni, Yorgen Fenech kien allegatament jagħti dawn il-flus.
Ix-xhud wieġeb li r-referenza kienet għal Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Fl-istess recording, Theuma jinstema' jgħid:
"Ngħidlu, fil-mument l-iebes ħallejtni waħdi... wara li xbajt tibgħatni nkellimhom... meta kienu għadhom ma qatluhielekx... ngħidlu dak u lil Keith Schembri."
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntest ta' din il-frażi, Cremona qal li Theuma kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech, filwaqt li r-referenza għal "ma qatluhielekx" kienet għal Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti semgħet recording ieħor li fih Melvin Theuma u Johann Cremona jitkellmu dwar allegati pagamenti marbuta mal-power station.
Fil-konverżazzjoni jinstema' jingħad li, inkluż Keith Schembri, kienu se jieħdu €5,000 kuljum mill-power station.
Meta ġie mistoqsi dwar din is-silta, Cremona qal li dak li kien qal lil Theuma ma kienx ġej minn għarfien personali, iżda minn dak li kien sema' fil-media.
Skont ix-xhud, kien sema' fl-aħbarijiet li Keith Schembri u Konrad Mizzi allegatament kienu se jieħdu €5,000 kuljum mill-power station ta' Yorgen Fenech, u qal li kien qed jirrepeti dak li kien ġie rrappurtat pubblikament.
Il-Qorti semgħet recording ieħor li fih Melvin Theuma jinstema' jgħid:
"Huma għarralhom biċċa waħda b'tiegħi... għax irrekordjajthom, b'Keith Schembri b'kollox."
Fl-istess konverżazzjoni, Theuma jżid li kieku kien jaf il-konsegwenzi ta' dak li kien għamel, ma kienx jaqdih, b'Johann Cremona jispjega li kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech.
Meta ġie mistoqsi dwar ir-referenza għal Keith Schembri, Cremona qal li sa dak il-mument ma kienx jaf li Melvin Theuma allegatament kien irreġistra wkoll lil Keith Schembri.
Ix-xhud sostna li kien proprju waqt dik il-konverżazzjoni li Theuma qalhielu għall-ewwel darba.
Aktar tard fl-istess recording, Theuma jinstema' jesprimi d-disprament tiegħu, fejn jgħid:
"Aħjar joqtluni. Neħles jien, teħles il-familja... xbajt."
Il-Qorti semgħet recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, li fih Theuma, waqt konverżazzjoni mimlija dagħa, jinstema' jgħid:
"Missu ma qatilhiex."
Fir-recording, Cremona jwieġbu:
"Mhux hekk... ma kienx jaf x'se jinqala'."
Il-prosekuzzjoni kompliet teżamina l-kuntest ta' din il-konverżazzjoni waqt ix-xhieda ta' Cremona.
Wara l-pawża, il-Qorti kompliet tisma' recordings oħra bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni rreferiet għal silta fejn Theuma jinstema' jgħid li Yorgen Fenech "lanqas qatt m'hu se jeħles minnhom", b'Cremona jispjega li, sa fejn jifhem hu, kien qed jirreferi għall-aħwa Degiorgio.
Fl-istess recording, Theuma jinstema' jgħid ukoll li "li qabbad lilhom hu", b'referenza għal Yorgen Fenech.
Meta ġie mistoqsi dwar din il-frażi, Cremona qal li din kienet l-ewwel darba li semagħha, hekk kif sostna li sa dak il-mument Theuma dejjem kien qallu li kien hu stess li qabbad lill-aħwa Degiorgio.
Aktar tard fl-awdjo, Theuma jinstema' jgħid ukoll li Yorgen Fenech "ma basarx" li, jekk jinqabdu, kien se jispiċċa taħt rikatt mill-aħwa Degiorgio.
L-Imħallef Edwina Grima u l-membri tal-ġurija daħlu lura fl-awla, u b'hekk is-seduta reġgħet bdiet wara l-pawża ta' nofsinhar.
Il-Qorti issa mistennija tkompli tisma' x-xhieda ta' Johann Cremona, hekk kif il-prosekuzzjoni tissokta bl-eżami tar-recordings u l-messaġġi li ġew ippreżentati fil-ġuri.
Lura fl-awla.
Bħalissa għadna qed nistennew id-dħul tal-ġurati u tal-Imħallef Edwina Grima, sabiex is-seduta terġa' tibda.
Meta jitkomplew il-proċeduri, Johann Cremona mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.
Hawnhekk il-proċeduri qed jieqfu għal pawża sal-2.30pm.
Sa issa, il-Qorti semgħet il-konklużjoni tax-xhieda tal-esperta tal-Europol Yulia Toma, filwaqt li Johann Cremonakompla jiġi kkonfrontat b'recordings u messaġġi li ġew ippreżentati mill-prosekuzzjoni.
Nerġgħu nwasslulkom l-aħħar żviluppi hekk kif il-proċeduri jissoktaw waranofsinhar.
Qabel kompliet ix-xhieda, Johann Cremona talab lill-Qorti biex jagħmel kumment.
Ix-xhud qal li jrid ikun jaf min kien responsabbli biex il-konverżazzjonijiet privati tiegħu spiċċaw għand il-blogger Simon Mercieca, u sostna li beħsiebu jieħu l-passi meħtieġa biex jidentifika lil min għadda dak il-materjal.
Meta ġie mistoqsi dwarha, Cremona qal li ma jiftakarx it-telefonata, iżda ammetta li, mill-chat log, jidher li x'aktarx saret.
Ix-xhud spjega li f'dak il-perjodu kien beda jibża' għax ħass li kien se jiġi tradut, għalkemm qal li ma jafx mingħand min kienet ġejja dik is-sensazzjoni.
Meta l-prosekuzzjoni reġgħet staqsietu għaliex kien qed jikkomunika ma' Keith Schembri, Cremona wieġeb:
"Ma kelli lil ħadd."
Il-prosekuzzjoni rreferiet ukoll għal messaġġ ieħor fejn Cremona kiteb lil Schembri li "ma nitilgħux nixhdu."
Meta ġie mistoqsi x'ried ifisser b'din il-frażi, Cremona l-ewwel qal li ma kienx jaf, imbagħad qal li ma xtaqx jitla' jixhed.
Mistoqsi wkoll għaliex uża l-plural "ma nitilgħux" minflok is-singular, ix-xhud qal li ma jiftakarx.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza ċ-chat bejn Johann Cremona u Keith Schembri, fejn f'waħda mis-siltiet isir riferiment għall-investigatur Keith Arnaud.
Fil-konverżazzjoni, jintqal li Arnaud "ried ifotti", filwaqt li aktar tard jidher ukoll il-kliem "ma nħalluhx."
Mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima għaliex ħass il-bżonn jgħaddi din l-informazzjoni lil Keith Schembri, Cremona wieġeb li dak iż-żmien kien "naqra ppanikjat."
Ix-xhud spjega wkoll li, waqt interrogazzjoni, Keith Arnaud kien staqsieh jekk kienx minnu li Yorgen Fenech kien qallu li Keith Schembri u Kenneth Camilleri riedu joqtlu lil Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat messaġġi mibgħuta minn kuntatt imniżżel bħala "Xlukkajr", fejn Johann Cremona ikkonferma li n-numru kien tiegħu, iżda qal li ma jafx għalfejn kien issejvjat b'dak il-laqam.
Ix-xhud qal li jista' jkun li kien ra dik iċ-chat qabel, iżda sostna li ma jiftakarx ma' min kienet il-konverżazzjoni.
Aktar tard, wara li ġew ippreżentati aktar dettalji, Cremona qal li induna li kienet konverżazzjoni ma' Keith Schembri, kif kien ġie rrappurtat ukoll fil-media.
Dan ifisser li, fuq il-mobile ta' Keith Schembri, il-kuntatt ta' Johann Cremona kien issejvjat bl-isem "Xlukkajr".
Il-prosekuzzjoni staqsiet lil Johann Cremona jekk kienx magħruf bil-laqam "ix-Xlukkajr."
Cremona ċaħad dan, u spjega li l-laqam tiegħu huwa "tas-Sigar."
Ix-xhud żied li m'għandu l-ebda rabta ma' Marsaxlokk, u qal li qatt ma kien jaf li xi ħadd isejjaħlu "ix-Xlukkajr."
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
F'din il-konverżazzjoni, Cremona jinstema' jgħid li l-investigaturi kienu tellgħu tmien mobiles minn qiegħ il-baħar, li allegatament kienu ġew użati f'bombi attribwiti lil Martin, il-Bone u ċ-Chippy.
Meta ġie mistoqsi dwar din id-dikjarazzjoni, Cremona qal li ma jiftakarx għaliex kien qal dan lil Theuma.
Madankollu, spjega li kien sema' dwar il-mobiles fl-aħbarijiet, u ammetta li assuma li kienu marbuta ma' dawk it-tliet persuni, għalhekk semmiehom lil Theuma.
"Qbadt tlieta li kellhom bomba u semmejthom."
Fil-kontinwazzjoni tax-xhieda tiegħu, Johann Cremona qal li Melvin Theuma kien tant determinat jikxef dak li kien jaf, li kien lest jikkuntattja lil Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, kif ukoll lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Skont Cremona, Theuma kien jinsab fi stat ta' paniku u kien qed jikkunsidra diversi modi kif jikxef dak li allegatament kien jaf.
Il-prosekuzzjoni kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-laqgħa li kellu ma' Melvin Theuma u Yorgen Fenech fir-ranch ta' Ħaż-Żebbuġ.
Cremona qal li, kuntrarjament għal dak li kien intqal, lanqas biss kielu l-pastizzi li kienu xtraw, u sostna li l-laqgħa damet madwar 20 minuta.
Skont ix-xhud, id-diskors kien iffukat fuq problemi personali li allegatament Yorgen Fenech kien qed ikollu mal-mara tiegħu, u bl-ebda mod ma ġie diskuss il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
B'referenza għax-xhieda preċedenti ta' Melvin Theuma, li kien sostna li Fenech qalilhom biex jitfgħu t-tort fuq l-eks Ministru Chris Cardona, Cremona baqa' jiċħad dan b'mod kategoriku.
"Naħliflek li dak id-diskors qatt ma sar."
Il-prosekuzzjoni kompliet tagħfas lil Johann Cremona dwar l-allegata laqgħa fir-ranch ta' Ħaż-Żebbuġ.
Ix-xhud reġa' ċaħad b'mod kategoriku li Yorgen Fenech qatt qal li kellu jintefa' t-tort fuq Chris Cardona, kif kien xehed Melvin Theuma.
"Ma huwa veru xejn!" tenna Cremona quddiem il-ġurati.
Il-prosekutur Godwin Cini staqsieh jekk qatt semax lil Yorgen Fenech jgħid kliem ta' dik ix-xorta.
Cremona wieġeb li "ma huwa veru xejn milli qal Melvin", u baqa' jinsisti li tali diskussjoni qatt ma seħħet fil-preżenza tiegħu.
Il-prosekuzzjoni kkonfrontat lil Johann Cremona b'allegazzjoni li hu, Yorgen Fenech u Melvin Theuma kienu ltaqgħu fir-ranch ta' Fenech f'Ħaż-Żebbuġ u ddiskutew pjan biex idawru l-każ fuq Chris Cardona.
Cremona ċaħad kategorikament din il-verżjoni, u qal li "mhijiex vera assolutament."
Ix-xhud irrakkonta li dakinhar Melvin Theuma kien għadda għalih bil-karozza tiegħu stess, telqu mill-uffiċċju, waqfu jixtru l-pastizzi u mbagħad marru lejn ir-ranch f'Ħaż-Żebbuġ.
Skont Cremona, hekk kif waslu, Theuma qal lil Yorgen Fenech biex ma joqgħodx waħdu "qisu annimal."
Madankollu, Cremona tenna li dak kollu li kien qed jgħid Theuma dak il-ħin ma kienx minnu, u baqa' jinsisti li qatt ma kien hemm diskussjoni biex il-każ jitpoġġa fuq Chris Cardona.
Il-prosekuzzjoni kompliet bl-eżami ta' Johann Cremona, li xehed taħt ġurament li qatt ma sema' r-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.
Ix-xhud qal ukoll li f'ħafna każijiet ma jiftakarx eżatt x'qal fil-konverżazzjonijiet li qed jinstemgħu fil-Qorti, minħabba li għaddew diversi snin minn meta saru.
Madankollu, Cremona żied li Melvin Theuma kien qallu li kien ġie infurmat li l-Europol kienet taf bl-eżistenza ta' dawk ir-recordings.
Il-prosekuzzjoni kompliet tirreferi għal recording li fih Johann Cremona jinstema' jgħid lil Melvin Theuma:
"Jafu kollox li Yorgen qabbad lilek."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-frażi, Cremona spjega li kien qed jirrepeti dak li kien jgħidlu Melvin Theuma, li dak iż-żmien kien qed jgħix fil-biża' li kienet se ssirlu raid mill-pulizija.
Ix-xhud qal li, minħabba l-istat ta' ansjetà li kien fih Theuma, kien iħallih jitkellem u jgħidlu dak li ried jisma'.
Cremona tenna li ma kellux għarfien personali dwar min kien jaf xiex, u qal lill-Qorti:
"Jien ma nafx min kien jaf. Jien ngħid biss dak li kien jgħidli Melvin. Lanqas naf jekk il-Prim Ministru kienx qal xi ħaġa."
Il-prosekuzzjoni kompliet tikkonfronta lil Johann Cremona b'siltiet oħra mir-recordings, filwaqt li x-xhud baqa' jinsisti li ħafna minn dak li qal lil Melvin Theuma kien ivvintat biex jikkalmah.
Fost il-punti diskussi kien hemm recording li fih Cremona jgħid lil Theuma li Keith Arnaud kien qal lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Joseph Muscat, li ma setax jarresta lil persuna mingħajr evidenza.
Il-prosekutur Godwin Cini staqsa lil Cremona jekk din l-informazzjoni kinitx waslitlu waqt xi laqgħa jew minn xi sors partikolari.
Madankollu, Cremona ċaħad li kellu xi informazzjoni diretta, u baqa' jinsisti li dak il-kliem ma kienx ibbażat fuq fatti magħrufa minnu.
Wara li temmet ix-xhieda tagħha Yulia Toma, l-esperta tal-Europol fil-qasam tal-forensika diġitali, il-Qorti reġgħet sejħet lil Johann Cremona biex ikompli bix-xhieda tiegħu.
Il-prosekuzzjoni reġgħet bdiet iddoqq ir-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Cremona u Melvin Theuma, li mistennija jibqgħu fil-qalba tas-seduta tal-lum.
Il-membri tal-ġurija komplew jistaqsu lill-esperta Yulia Toma dwar id-differenzi bejn iż-żewġ rapporti forensiċi li ppreżentat fil-Qorti.
B'mod partikolari, staqsew għaliex fl-ewwel rapport kienu msemmija 15-il eżebit, filwaqt li fit-tieni rapport kienu 13 biss.
Wara li tat daqqa t'għajn lir-rapporti, Toma spjegat li l-istess apparati kienu ġew analizzati aktar minn darba, iżda b'software differenti, u għalhekk id-dokumentazzjoni kienet tvarja skont il-metodu ta' analiżi użat.
Il-ġurati rreferew ukoll għal noti miktuba mill-esperta li fihom dehru l-kliem "business man" u "Captain" maġenb żewġ mobiles.
Toma qalet li ma tiftakarx għaliex kienet għamlet dawk in-noti, u lanqas jekk l-identifikazzjoni tal-apparati kinitx ġiet minn informazzjoni li ngħatat lilha jew minn dak li kien diġà ġie rrappurtat fil-media.
Fil-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco kompliet tistaqsi lill-esperta Yulia Toma dwar l-analiżi ta' wieħed mill-mobiles mibgħuta lill-Europol.
DeMarco staqsietha jekk qatt ġietx infurmata li ma kinitx ġiet appuntata personalment biex teżamina dak l-apparat, jekk qalulhiex għaliex twaqqfet milli tkompli taħdem fuqu, u jekk kinitx taf b'allegati leaks fil-media lokali li, skont id-difiża, kienu ġejjin mill-istess mobile.
Toma wieġbet li żammet l-apparat f'idejha sa Ottubru tal-2020, meta mbagħad għaddietu lill-espert Giuseppe Totaro.
Hija qalet li qatt ma ngħatat spjegazzjoni għaliex l-analiżi komplieha espert ieħor, iżda żiedet li din kienet prassi normali fil-ħidma tal-Europol.
Fil-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco bdiet tistaqsi lill-esperta Yulia Toma dwar kif tqassam ix-xogħol fi ħdan l-Europol u min kien jagħtiha l-istruzzjonijiet.
DeMarco rreferiet għal rapport dwar apparati elettroniċi speċifiċi u staqsiet jekk il-Maġistrat Inkwirenti kinitx appuntatha direttament biex taħdem fuq dawk il-mobiles.
Toma wieġbet li ma kinitx irċeviet istruzzjonijiet mingħand il-Maġistrat, iżda spjegat li kien il-line manager tagħha fl-Europol li inkarigaha bix-xogħol fuq dawk l-apparati.
Il-prosekuzzjoni rreferiet għax-xhieda li Yulia Toma kienet tat waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza fl-2021, għalkemm l-esperta qalet li ma tiftakarx fid-dettalji ta' dik ix-xhieda.
Il-prosekuzzjoni qrat silta fejn Toma kienet spjegat li ġiet ordnata twaqqaf ix-xogħol fuq l-estrazzjoni tad-data mis-SIM cards, filwaqt li kompliet taħdem fuq partial extraction ta' mobile li kien protett b'passcode li l-investigaturi ma kellhomx.
Skont ix-xhieda tagħha tal-2021, proċess li f'ċerti ċirkostanzi jista' jieħu sa għexieren ta' snin wassal biex wieħed mill-apparati nfetaħ wara ftit xhur ta' ħidma forensika.
Madankollu, apparat ieħor baqa' ma nfetaħx, hekk kif l-esperti ma rnexxielhomx jidentifikaw il-passcode tiegħu.
Il-prosekuzzjoni kompliet tistaqsi lill-esperta Yulia Toma dwar il-proċess tal-estrazzjoni ta' data minn mobiles protetti b'passcode.
L-Avukat Godwin Cini insista kif kien possibbli li tinkiseb l-informazzjoni minn apparat li kien imsakkar.
Bi tweġiba, Toma spjegat li ma kienx hemm metodu wieħed li japplika għal kull apparat. Qalet li f'ċerti każijiet l-esperti setgħu xorta waħda jaċċessaw id-data minkejja n-nuqqas tal-passcode, filwaqt li f'oħrajn dan ma kienx possibbli.
Hija żiedet li fil-każ tal-ewwel mobile rnexxielha tidentifika l-passcode, iżda fit-tieni apparat dan ma seħħx, u għalhekk il-proċess kien differenti.
Il-prosekuzzjoni staqsiet lill-esperta Yulia Toma dwar l-estrazzjoni tad-data minn mobile li kien protett b'passcode ta' sitt ċifri.
Meta ġiet mistoqsija kif irnexxielha taċċessa l-informazzjoni minn dak l-apparat, Toma qalet li ma kinitx tiftakar fid-dettall.
Madankollu, wara li ġiet murija s-silta tar-rapport li kienet qed tirreferi għaliha l-prosekuzzjoni, l-esperta ċċarat li dak id-dokument ma kienx wieħed miż-żewġ rapporti forensiċi li kienet ħejjiet hi, u għalhekk ma setgħetx tikkummenta fuqu bħala awtriċi.
Yulia Toma kompliet bix-xhieda tagħha billi spjegat rapport forensiku li ħejjiet waqt li kienet taħdem mal-Europol.
Ir-rapport, ta' natura teknika, jittratta l-proċess tal-estrazzjoni u l-analiżi ta' data minn diversi apparati elettroniċi, fosthom dawk ta' Melvin Theuma.
F'dan l-istadju tax-xhieda, l-esperta qed tispjega l-metodoloġija u l-proċeduri forensiċi użati biex tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni diġitali.
Il-Qorti bdiet tisma' x-xhieda ta' Yulia Toma, li qed tixhed permezz ta' video conference.
Toma qalet li bejn l-2019 u l-2023 kienet taħdem mal-Europol fil-qasam tal-forensika, fejn kienet involuta f'analiżi relatata ma' evidenza diġitali.
Il-ġuri fil-konfront ta' Yorgen Fenech ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hekk kif Johann Cremonamistenni jkompli bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.
Matul iż-żewġ seduti li għaddew, il-Qorti semgħet għadd ta' recordings bejn Cremona u Melvin Theuma, filwaqt li x-xhud sostna ripetutament li ħafna minn dak li qal f'dawk il-konverżazzjonijiet kien "bluff" maħsub biex jikkalma lill-middleman.
Illum il-prosekuzzjoni mistennija tkompli bl-eżami tar-recordings u bix-xhieda ta' Cremona, hekk kif il-ġuri jidħol fl-20 jum tiegħu.
Inwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-awla hekk kif iseħħu matul il-ġurnata.