Johann Cremona: Melvin Theuma qalli li Yorgen Fenech kien ordnalu

Johann Cremona qal lill-ġurati li Melvin Theuma kien irrakkontalu li Yorgen Fenech kien ordnalu jwaqqaf il-pjan qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda li xorta waħda ħallas id-depożitu ta' €30,000 lill-aħwa Degiorgio. 

Johann Cremona qal lill-ġurati li Melvin Theuma kien irrakkontalu li Yorgen Fenech kien ordnalu jwaqqaf il-pjan marbut mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda minkejja dan xorta waħda ħallas id-depożitu ta' €30,000 lill-aħwa Degiorgio, għax, skont dak li qallu Theuma, "ma riedx jaqa' għaċ-ċajt magħhom".

Ix-xhieda ta' Cremona kompliet tikxef dak li qal li Theuma kien jafdah bih tul ix-xhur ta' qabel l-arrest tiegħu. Matul il-ġurnata, Cremona rrakkonta kif Theuma kien jgħidlu li "tradewni", b'referenza għal Yorgen Fenech u Keith Schembri, u aktar tard allegatament qallu wkoll li "Yorgen u Keith qabduni noqtolha". Madankollu, huwa tenna diversi drabi li dawn kienu kliem Theuma u mhux fatti li jaf bihom personalment.

Skont Cremona, Theuma kien jgħidlu li kellu bżonn il-flus mingħand Yorgen Fenech biex ikompli jagħmel il-pagamenti lill-aħwa Degiorgio waqt li kienu l-ħabs. Meta l-prosekuzzjoni fakkritu fix-xhieda li kien ta fl-2021, Cremona kkonferma li Theuma kien qallu li l-flus kienu ġejjin mingħand Yorgen Fenech.

Mistoqsi għaliex Theuma kompla bil-ħlas tad-depożitu minkejja li allegatament Fenech kien qallu jwaqqaf il-pjan, Cremona qal li qatt ma staqsieh. Spjega biss li Theuma kien iffukat fuq kif iġib il-flus u kif jevita li jinqabad.

Ix-xhud ta wkoll dettalji dwar il-kuntatti tiegħu ma' Keith Schembri. Qal li f'Settembru tal-2019 iltaqa' miegħu f'Kastilja, fejn Schembri allegatament staqsieh jekk kienx qed ikellem lil Yorgen Fenech għax ma setax jikkomunika miegħu, u qallu: "Jekk ikellmek, għidli."

Cremona qal ukoll li aktar tard informa lil Yorgen b'dan, u li Fenech wieġbu biex ma jagħtix kas lil Schembri.

Matul is-seduta nstemgħu wkoll recordings ta' konverżazzjonijiet bejn Cremona u Theuma, irreġistrati bil-moħbi minn Theuma. Fihom, Theuma jinstema' f'paniku dwar il-possibbiltà li jiġi arrestat fuq akkużi ta' ħasil ta' flus u jitkellem dwar diversi persuni li kien jemmen li setgħu jgħinuh.

Quddiem il-ġurati, Cremona pprova jispjega l-kliem tiegħu stess fir-recordings billi qal li ħafna minn dak li kien jgħid lil Theuma kien gidba intenzjonata biex jikkalmah.

"Kont ngħidlu ħafna gideb biex nikkalmah," qal Cremona, filwaqt li żied li kien jagħtih informazzjoni falza biex jagħtih sens ta' ċertezza u jżommu milli "jmur jikxef" dak li kien jaf.

Huwa qal li għal madwar sena u tliet xhur kien qatta' sigħat jipprova jserraħ rasu, u li llum għadu jħoss rabja lejn Theuma talli rrekordjah mingħajr il-kunsens tiegħu.

Fix-xhieda tiegħu, Cremona ċaħad ukoll li kien hu li avża lil Theuma dwar ir-raid tal-pulizija, u sostna li kien Theuma li kien jgħidlu li Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, kien iwassallu informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni.

Is-seduta ntemmet wara ġurnata sħiħa ta' xhieda, li matulha nstemgħu wkoll diversi recordings bejn Cremona u Theuma. Ix-xhieda ta' Johann Cremona se tkompli għada quddiem il-ġurati.

18:07

Is-seduta tal-lum ġiet fi tmiemha wara ġurnata sħiħa ta' xhieda minn Johann Cremona.

Matul il-ġurnata, il-ġurati semgħu wkoll diversi recordings ta' konverżazzjonijiet bejn Cremona u Melvin Theuma, filwaqt li x-xhud ta spjegazzjonijiet dwar il-kontenut tagħhom.

Ix-xhieda ta' Cremona għadha ma ntemmitx u se tkompli għada, meta x-xhud se jibqa' jixhed quddiem il-ġurati.

 

Jaelle Borg
17:58

Johann Cremona talab lill-Qorti biex jitwaqqaf ir-recording għal mument, hekk kif spjega l-kuntest tal-konverżazzjonijiet tiegħu ma' Melvin Theuma.

Huwa qal li għal sena u tliet xhur kien qatta' sigħat jipprova jikkalma lil Theuma, li, skont hu, kien iċemplulu u jibqa' jkellmu sa tard filgħaxija.

Cremona sostna li ma setax joħroġ minn dik is-sitwazzjoni, u għalhekk baqa' jżomm kuntatt miegħu.

Minkejja li jsostni li qatt ma għamel xejn illegali, qal li llum qed ibati konsegwenzi serji minħabba dak li ġara.

Ix-xhud allega wkoll li Theuma kien jirrekordjah b'mod selettiv, billi kien jagħżel liema konverżazzjonijiet iżomm, minkejja li kien imur għandu ta' spiss.

Cremona qal li kien kontinwament jipprova jsib modi kif jikkalma lil Theuma, għax, skont hu, kien jgħix fi stat permanenti ta' paniku.

 

Jaelle Borg
17:27

Johann Cremona qal li apposta kien jagħti lil Melvin Theuma informazzjoni falza biex jikkonvinċih li ma kienx fil-periklu.

Skont Cremona, l-għan kien li jagħtih sens ta' ċertezza u mhux sempliċement tama, u fl-istess ħin iżommu milli jmur jikxef dak li kien jaf.

Ix-xhud qal ukoll li kien ħa lil Theuma taħt il-ġwienaħ tiegħu f'dak il-perjodu.

"Mnalla kien hu għalija dak iż-żmien," qal Cremona, filwaqt li spjega li ħass li kellu responsabbiltà li jikkalmah

 

Jaelle Borg
17:13

Johann Cremona qed jirrepeti tul ix-xhieda tiegħu li ħafna minn dak li kien jgħid lil Melvin Theuma ma kienx minnu.

Skont Cremona, kien jagħżel apposta li jgħaddilu informazzjoni falza u jgħidlu gideb biex jikkalmah, hekk kif Theuma kien jgħix fi stat kontinwu ta' biża' u paniku.

Ix-xhud sostna li dan kien isir b'mod selettiv, bil-għan li jtaffilu l-ansjetà u mhux għax l-informazzjoni kienet korretta.

Jaelle Borg
17:12

Waqt li komplew jindaqqu r-recordings fil-Qorti, Johann Cremona qal li f'dak il-perjodu Melvin Theuma kien ossessjonat bil-ħsieb li s-servizzi sigrieti kienu qed isegwuh.

F'waħda mill-konverżazzjonijiet li nstemgħu fl-awla, Theuma jinstema' jgħid li s-servizzi sigrieti kienu ta' Keith Schembri, u li dan kien iqabbad "lit-tfal tiegħu."

Meta ġie mistoqsi dwar dan, Cremona sostna li Theuma kien iffissat fuq din l-idea f'dak iż-żmien.

Jaelle Borg
17:04

Fil-Qorti qed tinstema' recording oħra bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, fejn Theuma jinstema' ferm inkwetat li l-pulizija kienet se tagħmillu tfittxija b'rabta ma' allegat ħasil ta' flus.

Meta ġie mistoqsi dwar il-kontenut tar-recording, Cremona qal li l-informazzjoni li kien qed jgħaddi lil Theuma ma kienet vera xejn, iżda kien qed jgħidha biss biex jipprova jikkalmah.

Minkejja dan, fir-recording jinstema' wkoll iħeġġeġ lil Theuma jbattal kollox u jġib għandu l-kotba tal-lottu, għax kien jaf li kien iżommhom.

Fil-konverżazzjoni jissemma wkoll l-eks Supretendent tal-Pulizija Ray Aquilina, hekk kif Cremona jinstema' jgħid li "mhux se jkollhom problemi miegħu."

Madankollu, quddiem il-ġurati, Cremona insista li qatt ma tkellem lil Ray Aquilina dwar dawn il-kwistjonijiet.

Jaelle Borg
16:52

Il-prosekuzzjoni tirreferi għal recording li fih Melvin Theuma jidher jibża' li l-pulizija kienet se tarrestah fuq akkużi ta' ħasil ta' flus.

Johann Cremona jgħid li, f'dak il-perjodu, kien jivvintalu ċerti affarijiet biex jikkalmah u jnaqqaslu l-paniku.

Skont Cremona, Theuma kien qed imur għandu għax Yorgen Fenech ma baqax jikkomunika miegħu.

Huwa jżid li kien jgħid lil Theuma biex ikellem lil Keith Schembri, għax, sa fejn kien jaf hu, Schembri kien il-ħabib ta' Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
16:37

Il-Qorti qed tkompli tisma' r-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.

Iżda, mill-post riservat għall-ġurnalisti huwa prattikament impossibbli li wieħed jifhem x'qed jingħad, minħabba li l-awdjo qed jinstema' b'volum mtarrax ħafna.

Barra minn hekk, il-ġurnalisti m'għandhom l-ebda transcript jew gwida biex isegwu l-kontenut tar-recordings, u dan qed jagħmilha diffiċli biex jiġi stabbilit b'mod preċiż x'qed jintqal fil-konverżazzjonijiet.

Jaelle Borg
16:25

Il-Qorti qed tisma' recording ta' konverżazzjoni bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, li kienet ġiet irreġistrata bil-moħbi minn Theuma.

Il-konverżazzjoni ddur fuq il-flus li allegatament kienu qed jingħataw lill-aħwa Degiorgio waqt li kienu arrestati u akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

F'ħin minnhom, Theuma jinstema' jgħid:

"Fadal tmien xhur kollox."

Meta l-prosekuzzjoni staqsiet lil Cremona għal xiex kien qed jirreferi Theuma, huwa wieġeb li ma jafx b'ċertezza, iżda qal:

"Forsi għall-ġuri?"

 

Jaelle Borg
16:01

Il-Qorti issa mistennija tisma' recordings ta' konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.

Madankollu, il-proċeduri qed jinżammu għal ftit minuti minħabba problemi tekniċi qabel jibda jindaqq l-awdjo.

Jaelle Borg
15:58

Johann Cremona qal li Yorgen Fenech kien ta għajnuna lin-negozju tagħhom, anke minħabba li kien sieħeb miegħu fil-kumpanija.

Meta ġie mistoqsi dwar kif iħossu llum lejn Melvin Theuma, Cremona qal li għadu jħoss rabja kbira għax Theuma rrekordjah mingħajr il-kunsens tiegħu.

Il-prosekuzzjoni mbagħad staqsietu jekk dawn is-sentimenti jistgħux jinfluwenzaw ix-xhieda tiegħu.

Cremona wieġeb li Fenech ma għenx lilu personalment, iżda lin-negozju, filwaqt li żied li kien ta għajnuna wkoll meta missieru kien għaddej mill-kura tal-kanċer.

 

 

Jaelle Borg
15:55

Johann Cremona jgħid li llum qed jagħti xhieda aktar ċara minn dik li kien ta qabel.

Ix-xhud jispjega li, dak iż-żmien, kien għaddej minn turbolenzi kbar u stat ta' paniku, u għalhekk ma kienx qed jiftakar jew jispjega kollox bl-istess ċarezza.

Cremona jżid li fix-xhieda tiegħu kien qed jirreferi għall-persuna li, skont hu, Yorgen Fenech kien qallu li kienet l-allegat middleman bejn l-aħwa Degiorgio u Chris Cardona.

 

Jaelle Borg
15:47

It-tensjoni fl-awla żdiedet meta l-prosekuzzjoni staqsiet lil Johann Cremona għaliex għażel proprju llum biex isemmi lil Chris Cardona waqt ix-xhieda tiegħu.

Cremona wieġeb li ma kien hemm l-ebda raġuni partikolari.

F'dak il-mument, l-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u osservat li l-Avukat Godwin Cini kien qed ikun ostili lejn ix-xhud.

Cremona wieġeb:

"Jien qed inpoġġi ħajti fil-periklu."

L-Avukat Cini mbagħad staqsieh:

"Rajt lil xi ħadd hawn ġew li fakkrek f'xi ħadd?"

Cremona wieġeb li, jekk il-mistoqsija kienet qed tinsinwa xi ħaġa jew li kien qed jagħmel pjaċir lil Yorgen Fenech, dik żgur li le.

 

 

 

Jaelle Borg
15:37

Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Cremona jgħid li normalment kienu jikkomunikaw dwar xogħol permezz tal-app Signal, iżda jżid li darba Fenech bagħatlu ritratt.

Skont ix-xhud, Fenech qallu li wieħed mill-irġiel fir-ritratt kien "il-Biglee" u li kien il-middleman bejn l-aħwa Degiorgio u Chris Cardona.

Il-prosekuzzjoni mbagħad staqsietu jekk dak ir-ritratt kienx intbagħatlu "out of the blue".

"Iva," wieġeb Cremona.

Huwa żied li Fenech bagħatlu ritratt ta' żewġt irġiel, għalkemm ammetta li illum mhux ċert jekk wieħed minnhom kienx fil-fatt il-Biglee.

Jaelle Borg
15:28

Il-prosekuzzjoni tistaqsi lil Johann Cremona jekk Melvin Theuma qatt spjegalu għaliex kompla bil-ħlas tad-depożitu ta' €30,000, minkejja li allegatament Yorgen Fenech kien qallu jwaqqaf il-pjan.

Cremona jwieġeb li qatt ma staqsieh, u jżid li, sa fejn ra hu, Theuma kien moħħu biss kif se jġib il-flus u kif ma jinqabadx.

Il-prosekuzzjoni mbagħad tistaqsih:

"Kif Melvin Theuma fehem li Yorgen Fenech qabdu għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia?"

Cremona jwieġeb li Theuma l-ewwel kien qallu "tradewni", b'referenza għal Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Skont ix-xhud, aktar tard Theuma kien qallu wkoll:

"Qabduni biex noqtolha."

Madankollu, Cremona jisħaq li ma għandux idea kif allegatament ġie involut, u li Theuma qatt ma spjegalu kif seħħ dan.

Jaelle Borg
15:24

Il-prosekuzzjoni terġa' tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-flus li, skont Melvin Theuma, kienu jintużaw fil-każ.

Cremona jgħid li Theuma kien jgħidlu biss li kellu bżonn il-flus, iżda meta l-prosekuzzjoni tfakkru fix-xhieda preċedenti tiegħu, fejn kien qal li Theuma kien qallu li l-flus kienu ngħatawlu minn Yorgen Fenech, ix-xhud iwieġeb:

"Iva, issa niftakar."

L-Avukat Godwin Cini imbagħad jistaqsi dwar id-depożitu ta' €30,000 li allegatament Melvin Theuma ħallas lill-aħwa Degiorgio.

Cini jsostni li, kif jifhem hu, dak id-depożitu tħallas qabel l-elezzjoni ġenerali, fid-dawl tax-xhieda li Yorgen Fenech kien allegatament qal lil Theuma biex iwaqqaf il-pjan, iżda li Theuma xorta waħda ħallas it-€30,000 għax "ma riedx jaqa' għaċ-ċajt magħhom", b'referenza għall-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Madankollu, Cremona jisħaq li Theuma qatt ma qallu jekk dak id-depożitu tħallasx qabel jew wara l-elezzjoni ġenerali.

Jaelle Borg
15:09

Lura fl-awla fejn ser tkompli x-xhieda ta’ Yohann Cremona

Jaelle Borg
13:09

L-Imħallef issospendiet is-seduta għal waqfa għall-ikel.

Il-ġuri jerġa' jibda fit-3.00pm, meta tkompli x-xhieda ta' Johann Cremona u l-proċeduri quddiem il-ġurati.

 

Jaelle Borg
12:57

Johann Cremona jgħid li Melvin Theuma kien qallu li, skont dak li kien qalulu Mario Degiorgio, jekk Chris Cardonama jgħinx lill-aħwa Degiorgio wara li allegatament talbuh €400,000 għall-ġuri"kienu se jikxfuh."

Ix-xhud enfasizza li din kienet informazzjoni li, skont hu, Theuma kien qalulu fuq dak li allegatament kien sema' mingħand Mario Degiorgio.

Il-prosekuzzjoni staqsiet lil Cremona għaliex qatt ma kien semma din il-parti qabel.

Cremona wieġeb li din l-informazzjoni tinsab fir-recordings.

Mistoqsi mill-Avukat Godwin Cini għaliex kienu jeħtieġu l-€400,000, Cremona qal li Theuma kien qallu li l-flus kienu meħtieġa għall-ġuri, iżda żied li hu personalment ma jafx aktar dettalji.

Jaelle Borg
12:54

Il-prosekuzzjoni ddawwar l-attenzjoni fuq ir-recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.

Cremona jgħid li jemmen li Theuma ħassar xi recordings, iżda ma jispeċifikax liema kienu meta l-prosekuzzjoni tagħfasu dwar dan.

Huwa jżid li hu stess sema' seba' recordings, u jgħid li kien spiċċa involut fil-każ bla ma kellu x'jaqsam miegħu.

"Spiċċajt intortament f'nofshom għax ħadd ma kellu bżonni," jgħid Cremona.

Ix-xhud jistqarr ukoll li kien diffiċli għalih jisma' lilu nnifsu fuq dawk ir-recordings.

B'emozzjoni, Cremona jgħid li għadu rrabjat ħafna għal Melvin Theuma għax irreġistrah.

"Fottieli ħajti," jgħid Cremona, filwaqt li jżid li llum lanqas jista' jiftaħ kont tal-bank, u li ħadd ma għenu.

Huwa jisħaq li Yorgen Fenech qatt ma daħħlu fil-każ.

Mistoqsi x'kien iżomm lil Theuma kalm matul dak il-perjodu, Cremona jwieġeb b'kelma waħda:

"In-negozju."

 

Jaelle Borg
12:43

Johann Cremona jiċħad li kien hu li avża lil Melvin Theuma dwar ir-raid li kienet se ssir.

Ix-xhud jgħid li, kuntrarjament għal dak li kien xehed Theuma, dan kien ġie infurmat minn xi ħaddieħor.

Cremona jinsisti li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, Edgar Brincat ("il-Ġojja") kien ikun il-persuna li twassal l-informazzjoni, fosthom:

  • dwar ir-raid li kienet se ssir;
  • li l-Europol kienet taf bl-eżistenza tat-tapes;
  • u li ma kien se jittieħed l-ebda pass kontra Theuma.
Jaelle Borg
12:42

Johann Cremona jgħid li kompla jkollu kuntatt ma' Keith Schembri, li għal madwar xahar kien jibqa' jistaqsih dwar Yorgen Fenech, filwaqt li kultant kienu jitkellmu wkoll dwar il-futbol.

Skont Cremona, wara madwar xahar Schembri waqaf jistaqsih dwar Fenech, u hu assuma li s-sitwazzjoni kienet ġiet solvuta.

Il-prosekuzzjoni mbagħad reġgħet darret fuq il-proklama presidenzjali ta' Melvin Theuma.

Cremona jgħid li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, Theuma kien tkellem ma' Edgar Brincat ("il-Ġojja"), il-Ġojja kien tkellem mal-Kummissarju, u għalhekk kien konvint li bil-materjal li kellu kien se jingħata l-proklama.

Jaelle Borg
12:32

Johann Cremona jgħid li madwar ġimgħa wara l-laqgħa tagħhom f'Kastilja, Keith Schembri reġa' kkuntattjah permezz ta' Signal.

Skont ix-xhud, Schembri reġa' staqsieh jekk kienx tkellem ma' Yorgen Fenech, u hu wieġbu li le, għalkemm kien qed jibgħatlu xi messaġġi relatati max-xogħol.

L-Imħallef Edwina Grima staqsiet lil Cremona jekk qatt kienx qal lil Yorgen Fenech li Keith Schembri kien qed jistaqsi għalih.

Cremona wieġeb li iva, u qal li Fenech kien qallu biex ma jagħtix kas lil Keith Schembri.

Ix-xhud żied li Settembru tal-2019 kien perjodu meta Yorgen Fenech ma tantx kien qed jikkomunika.

Jaelle Borg
12:26

Yohann Cremona jgħid li ma jafx kif eżattament Melvin Theuma kien ġie tradut, b'mod partikolari fir-rigward ta' Keith Schembri.

Mistoqsi jekk qatt iltaqax ma' Schembri, Cremona jwieġeb iva, u jgħid li l-ewwel u l-unika darba li kellmu kienet madwar Settembru tal-2019.

Skont ix-xhud, daħal minn bieb tal-ġenb ta' Kastilja, mar fl-uffiċċju taċ-Chief of Staff u inizjalment tkellmu dwar magni tal-logħob.

Cremona jgħid li mbagħad Schembri dawwar id-diskors fuq Yorgen Fenech u staqsieh jekk kienx qed ikellmu, għax qal li ma setax jikkomunika miegħu.

Ix-xhud jixhed li Schembri deher inkwetat dwar Fenech, għalkemm ma spjegax għaliex.

Skont Cremona, il-laqgħa ntemmet bil-kliem ta' Schembri:

"Jekk ikellmek għidli."

 

Jaelle Borg
12:18

Il-prosekuzzjoni tistaqsi lil Johann Cremona dwar dak li Melvin Theuma kien jgħidlu fuq ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Cremona jgħid li Theuma kien jemmen li Schembri u Fenech kienu ħbieb kbar.

Huwa jżid li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, Keith Schembri kien iwassal informazzjoni lil Yorgen Fenech.

Cremona jgħid ukoll li Theuma kien jemmen li kien qed jirċievi informazzjoni minn żewġ naħat differenti.

"Kellu saħħa miż-żewġ naħat. Kellu l-Ġojja kien jgħaddilu l-informazzjoni l-Kummissarju u Yorgen kien jgħaddilu l-informazzjoni Keith."

Jaelle Borg
12:09

Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-kuntatti tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Cremona jgħid li Melvin Theuma kien jaf li l-Kummissarju tal-Pulizija kien konxju bl-eżistenza tar-recordings.

Ix-xhud inizjalment jgħid li qatt ma tkellem ma' Yorgen Fenech dwar il-każ.

 

Jaelle Borg
11:58

Il-prosekuzzjoni ddawwar l-attenzjoni fuq ir-recordings li kien qed jagħmel Melvin Theuma.

Johann Cremona jgħid li Theuma kien qallu li kien qed jirrekordja lil Yorgen Fenech, iżda jisħaq li ma kienx jaf għaliex kien qed jagħmel dan.

Il-prosekutur imbagħad ifakkar li Cremona kien bagħat messaġġ lil Yorgen Fenech fuq Signal biex iwissih li Theuma kien qed jirrekordjah.

Cremona jikkonferma li bagħat dak il-messaġġ, iżda jgħid li ma jiftakarx eżatt meta għamel dan.

Huwa jżid li Yorgen Fenech qatt ma wieġbu.

 

Jaelle Borg
11:50

Johann Cremona jgħid li Melvin Theuma kien jafdah b'dak li kien għaddej minnu, kif kien jagħmel ukoll ma' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".

Ix-xhud jgħid li, sa fejn jaf hu, Theuma u Brincat kienu jitkellmu dwar "l-eks kummissarju", b'referenza għal Lawrence Cutajar.

Cremona jikkonferma wkoll li Theuma kien qallu li kellu kuntatt ma' Cutajar permezz ta' Edgar Brincat.

Din ix-xhieda tikkuntrasta ma' dik mogħtija lbieraħ minn Lawrence Cutajar, li kien qal fil-Qorti li ma kienx jaf lil Melvin Theuma u li kien impossibbli li Theuma talab għalih meta ġie arrestat.

 

Jaelle Borg
11:13

L-Imħallef tissospendi s-seduta għal waqfa ta' 20 minuta.

Il-ġuri jerġa' jibda fil-11.30am, meta tkompli x-xhieda ta' Johann Cremona.

 

Jaelle Borg
11:12

Johann Cremona jgħid li, meta Melvin Theuma kien jidħol f'mumenti ta' paniku, kien jipprova jikkalmah billi jsemmilu persuni oħra li dak iż-żmien kienu qed jissemmew fil-midja b'rabta ma' investigazzjonijiet oħra.

Skont Cremona, dan kien isir biex Theuma jħoss li l-attenzjoni tal-pulizija u tal-midja kienet fuq ħaddieħor u mhux fuqu. Huwa qal li kien qed jirreferi, fost l-oħrajn, għal każ ta' kuntrabandu tal-fjuwil.

Ix-xhud qal ukoll li kien hemm rapport fuq One li kien semma persuni b'rabta mal-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

"Jekk tidħol YouTube għadek issibha sal-lum," qal Cremona.

Huwa enfasizza li kien isemmi dawn l-ismijiet biss biex jikkalma lil Theuma, għax kien jgħaddi minn mumenti diffiċli ħafna.

 

Jaelle Borg
11:09

Johann Cremona jgħid li, maż-żmien, Melvin Theuma beda jgħix f'biża' kostanti, u kien jgħidlu:

"Se jeħilsu minni u jaqa' kollox fuqi."

Cremona jixhed li din kienet saret "fissazzjoni ta' moħħu".

Meta l-prosekuzzjoni staqsietu min kien jaħseb li ried joqtlu, Cremona wieġeb li Theuma qatt ma semmielu ismijiet, iżda baqa' jirrepeti li kien jibża' li "jeħilsu minnu" u jħalluh jerfa' r-responsabbiltà waħdu.

Ix-xhud żied ukoll li, sa fejn jaf hu, l-aħwa Degiorgio ma kellhomx idea min kien ordna lil Melvin Theuma jikkuntattjahom biex iwettqu l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi wkoll min kien qal lil Theuma li Vincent Muscat il-Koħħu kien beda jitkellem mal-pulizija, Cremona wieġeb li ma jafx.

Jaelle Borg
11:05

Johann Cremona jgħid li Melvin Theuma kien iċempillu anke tard bil-lejl, u jiftakar każ partikolari meta ċemplulu għall-ħabta tal-11.00pm.

Skont Cremona, Theuma qallu li kien se jaqbeż minn fuq il-bejt, iżda hu pprova jikkalmah.

"Għedtlu biex ma jagħmilx kummiedji u biex jiġi jarani filgħodu," jixhed Cremona.

Ix-xhud iżid li Theuma kien jeħodha ħażin ħafna kull darba li kienu joħorġu aħbarijiet relatati mal-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa jfakkar episodju meta rapporti fil-midja semmew każ fl-Italja li kien jinvolvi xi Maltin u allegaw rabta mal-assassinju tal-ġurnalista.

Skont Cremona, Theuma kien ħa dak ir-rapport "bir-ruħ", tant li affettwah sew.

Jaelle Borg
10:57

 Cremona xehed li qatt ma xtaq li Melvin Theuma jasal għand il-Pulizija, kemm minħabba r-rispett li kien iħoss lejn Yorgen Fenech kif ukoll minħabba n-negozju tal-kumpanija tal-gaming.

Ix-xhud sostna li, f'dak iż-żmien, Melvin Theuma kien għaddej minn dipressjoni. Qal li dan kien jidher mill-imġiba tiegħu, fosthom li kien jibki ħafna, jidher mitluf u ma kienx jieħu ħsieb l-indafa personali tiegħu.

Jaelle Borg
10:54

Johann Cremona xehed li Melvin Theuma kien mar id-Depot u qallu wkoll li kien mar Kastilja. Fil-Qorti ssemma li Theuma mar Kastilja darbtejn.

Meta ġie mistoqsi għalfejn Theuma mar Kastilja, Cremona wieġeb li dik hija mistoqsija li għandha ssir lil Theuma nnifsu.

Jaelle Borg
10:48

Johann Cremona jgħid li fl-2019 Melvin Theuma kien jgħidlu li Yorgen Fenech kien qabbdu biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

Madankollu, huwa jisħaq li f'dak il-perjodu Theuma ma baqax isemmi lil Keith Schembri.

Meta l-prosekuzzjoni tistaqsih x'kien jiġri kull meta jissemma' Keith Schembri, Cremona jwieġeb li Theuma kien ikun qed ifittex serħan il-moħħ.

"Minn Keith Schembri ried serħan il-moħħ... ried ikun jaf jekk hux se jinqabad."

 

Jaelle Borg
10:43

Il-prosekuzzjoni tistaqsi lil Johann Cremona jekk Melvin Theuma kienx jitkellem miegħu dwar Keith Schembri.

Cremona jwieġeb li, meta kien isemmi lil Schembri, Theuma kien jgħidlu biex iċempel lil Kenneth Camilleri.

Ix-xhud jagħti wkoll deskrizzjoni ta' kif Theuma kien iġib ruħu meta jitkellem dwar Yorgen Fenech.

Skont Cremona, meta Theuma kien jitkellem favur Yorgen kien jidher nervuż, filwaqt li meta kien jitkellem kontrih kien jikkalma.

"Għax kien iħossu safe," jgħid Cremona.

 

Jaelle Borg
10:43

Il-prosekuzzjoni tistaqsi lil Johann Cremona dwar kliem li, skont Melvin Theuma, kien juża Yorgen Fenech biex jikkalmah.

Cremona jgħid li ma jiftakarx il-frażi eżatta u jitlob lill-prosekutur ifakkru.

L-Avukat Godwin Cini jagħmel referenza għax-xhieda li Cremona kien ta fl-2021, fejn kien qal li Theuma rrakkontalu li Fenech kien jgħidlu:

"Niqgħu sew jien u int..." 

Mistoqsi x'kien jiġri meta Yorgen Fenech ma kienx iwieġeb il-messaġġi tiegħu, Cremona jispjega li Fenech dejjem kien iwieġeb tard, anke qabel dawn l-avvenimenti, u kultant kien idum jumejn biex jirrispondi.

Madankollu, jgħid li f'dawk il-mumenti Melvin Theuma kien jispiċċa ddisprat u jgħid li ried jikxef kollox.

Skont Cremona, malli Fenech kien finalment iwieġbu, Theuma kien jikkalma

Jaelle Borg
10:39

Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-pagamenti li, skont hu, Melvin Theuma kien jgħid li kellu jagħmel lill-aħwa Degiorgio.

Cremona jgħid li f'dak il-perjodu Theuma kien jgħidlu:

"Mhux iwieġibni Yorgen."

Mistoqsi jekk dak iż-żmien Theuma kienx qed isemmi biss lil Yorgen Fenech, Cremona jwieġeb:

"Iva."

Il-prosekuzzjoni tistaqsih ukoll jekk Theuma qatt kienx talab flus mingħand xi ħadd ieħor.

Cremona jgħid li ma jiftakarx biżżejjed biex jgħid b'ċertezza, iżda jżid:

"Riedhom mingħand Yorgen Fenech il-flus."

Jaelle Borg
10:36

Johann Cremona jgħid li Melvin Theuma kien qallu li kien hemm aktar persuni involuti fil-każ, iżda ma daħalx f'aktar dettall dwar min kienu.

Il-prosekuzzjoni ma segwietx dik il-parti tax-xhieda u minflok iffukat fuq il-pagamenti li, skont Cremona, Theuma kien jgħaddi lil Mario Degiorgio, ħu l-aħwa Degiorgio, fi żmien meta dawn kienu jinsabu l-ħabs.

Jaelle Borg
10:34

Il-prosekuzzjoni tagħfas lil Johann Cremona dwar dak li tqis bħala inkonsistenzi fir-rakkont tiegħu dwar min, skont dak li qallu Melvin Theuma, kien wara l-allegat mandat għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Cremona jiċħad li hemm xi kontradizzjoni fix-xhieda tiegħu.

Meta jerġa' jiġi mistoqsi jekk Melvin Theuma kellux kuntatt dirett ma' Keith Schembri, Cremona jwieġeb li Theuma kien dejjem jitolbu jikkuntattja lil Kenneth Camilleri, aktar milli lil Schembri direttament.

Jaelle Borg
10:25

Cremona jgħid li Melvin Theuma kien jinsisti miegħu li, jekk xi darba jittraduh, kien se jikxef dak kollu li kien jaf lill-pulizija.

Skont Cremona, Theuma kien jgħidlu li kien qed jirreferi għal żewġ persuni b'saħħithom.

Ix-xhud jispjega li, skont dak li kien qallu Theuma, wieħed kien f'Kastilja, filwaqt li l-ieħor kien "min kien".

 

Jaelle Borg
10:23

Johann Cremona jgħid li, sa fejn jaf hu, Melvin Theuma kien f'kuntatt ma' Yorgen Fenech iżda mhux direttament ma' Keith Schembri.

Meta l-prosekuzzjoni tistaqsih kif seta' jkun jaf b'dan jew jekk staqsiehx dwar din id-differenza, Cremona jwieġeb li dik hija mistoqsija li għandu jwieġeb għaliha Melvin Theuma nnifsu, u mhux hu.

Jaelle Borg
10:21

Il-prosekuzzjoni titlob lil Johann Cremona jiċċara d-differenza bejn dak li qed jgħid illum u xhieda preċedenti, wara li spjega li fl-2018 Melvin Theuma kien isemmi żewġ persuni, filwaqt li aktar tard beda jsemmi biss lil Yorgen Fenech.

Cremona jwieġeb li dak il-perjodu kien wieħed diffiċli ħafna għalih fuq livell personali, hekk kif fl-2019 kien qed jakkumpanja lil missieru għall-kemoterapija, qabel ma miet.

Huwa jgħid li, minbarra li għadda ħafna żmien, dawn iċ-ċirkostanzi affettwaw ukoll dak li jiftakar.

Ix-xhud iżid li lejn l-aħħar Theuma kien qed isemmi lil Yorgen Fenech, filwaqt li meta kien isemmi lil Keith Schembri, kien jagħmel dan fil-kuntest ta' allegat theddid, skont dak li kien qallu Theuma.

Jaelle Borg
10:18

Cremona kompla jispjega li Melvin Theuma kien jgħidlu li kien imur Kastilja, iżda meta ġie mistoqsi mill-prosekuzzjoni għaliex kien imur hemm, wieġeb li dik hija mistoqsija li għandha ssir lil Theuma nnifsu.

Huwa jżid li, skont dak li kien qallu Theuma, Theuma kien il-middleman bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Madankollu, Cremona jisħaq li ma jistax jixhed li Yorgen Fenech ta ordni lil Theuma biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia, għax l-unika informazzjoni li għandu hija dik li qallu Melvin Theuma, u mhux minn għarfien personali.

Jaelle Borg
10:16

Johann Cremona jgħid li Melvin Theuma kien jgħidlu li kellu jieħu flus mingħand Yorgen Fenech biex jgħaddihom lill-aħwa Degiorgio waqt li dawn kienu l-ħabs.

Ix-xhud jagħmel distinzjoni bejn dak li qalulu Theuma u dak li jaf personalment.

"Hu ammetta miegħi direttament. Yorgen m'ammettiex miegħi direttament," jgħid Cremona.

Huwa jżid li Theuma ammetta miegħu li kien qabbad lill-aħwa Degiorgio, filwaqt li spjega li inizjalment kien isemmi żewġ persuni, iżda aktar tard beda jpoġġi r-responsabbiltà fuq Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
10:14

Cremona jgħid li, fil-bidu, Melvin Theuma kien isemmi żewġ persuni, iżda enfasizza li qed jirrakkonta biss dak li qalulu Theuma u li ma jistax jikkonferma l-veraċità tiegħu.

Skont Cremona, maż-żmien Theuma beda jdawwar kollox fuq Yorgen Fenech.

Ix-xhud jgħid li Theuma qallu li Yorgen Fenech kien ordnalu jwaqqaf kull pass relatat mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia qabel l-elezzjoni ġenerali, iżda li minkejja dan xorta waħda mar iħallas depożitu ta' €30,000.

Jaelle Borg
10:12

Yohann għid li, meta Melvin Theuma beda jżuru ta' spiss, dan beda jagħtih aktar dettalji dwar dak li kien qed jgħaddi minnu.

Mistoqsi mill-prosekuzzjoni x'kien qallu aktar Theuma, Cremona enfasizza li dak li kien qed jirrakkonta kien dak li qalulu Theuma, mhux dak li kien jaf hu personalment.

Skont ix-xhud, Theuma qallu:

"L-istess nies qabduni noqtolha."

Il-prosekuzzjoni mbagħad staqsiet:

"Min qabdu joqtolha?"

Cremona wieġeb li, skont dak li qallu Theuma, it-tweġiba kienet:

"Yorgen u Keith."

Ix-xhieda ta' Cremona tkompli.

 

Jaelle Borg
10:10

Yohann Cremona jkompli jgħid li, wara dawk il-laqgħat, Melvin Theuma beda jmur għandu kważi kuljum fil-garaxx li kien juża bħala uffiċċju.

Ix-xhud jiddeskrivi lil Theuma bħala persuna mbeżżgħa ħafna f'dak il-perjodu.

Cremona jgħid li jemmen li Theuma kien imur għandu biex iwassal messaġġi, kemm permezz ta' Kenneth Camilleribiex jaslu għand persuni oħra, kif ukoll biex iwassal messaġġi lil Yorgen Fenech.

Skont Cremona, Theuma baqa' jżuru b'dan il-mod sa madwar xahar qabel ma ġie arrestat.

 

Jaelle Borg
10:08

Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Johann Cremona dwar il-laqgħat tiegħu ma' Melvin Theuma.

Mistoqsi kif fehem li d-diskors kien qed jirreferi għall-aħwa Degiorgio, Cremona jgħid li dak il-ħin qatt ma immaġina li seta' kellu x'jaqsam mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

"Daħluni," jgħid ix-xhud, filwaqt li jżid li l-ewwel ħsieb tiegħu kien: "Ara f'hiex dħalt."

Cremona jixhed ukoll li Kenneth Camilleri qallu biex ma jerġax ikellmu dwar Melvin Theuma, u jgħid li minn dak il-ħin 'il quddiem ma baqax jistaqsih dwar is-suġġett.

Huwa jżid li għaddiet madwar ġimgħa mingħajr ma sema' b'ħadd, sakemm Theuma mar għandu fil-garaxx li kien juża bħala uffiċċju.

Skont Cremona, Theuma kien inbidel ħafna u deher iddisprat.

Meta staqsieh x'kien qed jiġri, Cremona jgħid li Theuma wieġbu:

"Tradewni."

Mistoqsi min kien qed jirreferi għalihom, Cremona jgħid li Theuma wieġbu:

"Yorgen u Keith Schembri."

Jaelle Borg
10:05

Johann Cremona jixhed li, waqt il-laqgħa fl-uffiċċju tiegħu, Melvin Theuma kien dak li beda jidgħi, u qal li jaħseb li dan ġara għax ma qabilx ma' dak li Kenneth Camilleri kien qed jgħidlu.

Ix-xhud ikompli jgħid li, f'okkażjoni oħra, Theuma ċempillu u talbu jiltaqa' miegħu. Dak iż-żmien Cremona kien jinsab il-Belt Valletta, u Theuma qallu li kien se jmur jiltaqa' miegħu hemmhekk.

Skont Cremona, Theuma talbu jikkuntattja lil Kenneth Camilleri.

Huwa jgħid li ċempel lil Camilleri, li qallu li kien il-Belt għax kien jaħdem bħala security f'Kastilja ma' Joseph Muscat.

Cremona jixhed li t-tlieta ltaqgħu f'kafetterija fil-Belt Valletta.

Huwa jgħid li għall-bidu kienu bilqiegħda qrib xulxin, iżda meta Theuma u Camilleri tbiegħdu ftit minnu, sama' lil Theuma jgħid lil Camilleri:

"Ara kif se tagħmlu" biex "jirranġawlhom għall-bail."

Cremona jgħid li baqa' xxukkjat meta sema' dak il-kliem u fehem li d-diskors kien qed jirreferi għall-aħwa Degiorgio.

Jaelle Borg
10:04

Cremona jkompli jixhed li, wara l-laqgħa tal-lejl ta' qabel, wassal lil Kenneth Camilleri d-dar.

Huwa jgħid li l-għada filgħodu sab lil Camilleri quddiem l-uffiċċju tiegħu f'Ħal Qormi, fejn dan daħal għandu u talbu jagħmillu kafè.

Madwar nofs siegħa wara, skont Cremona, wasal ukoll Melvin Theuma, li staqsieh għal Kenneth Camilleri.

"Kumbinazzjoni kien hemm," jgħid Cremona.

Ix-xhud jispjega li Theuma u Camilleri marru jitkellmu flimkien fiż-żona tal-coffee area, fejn ra argument qasir ta' madwar ħames minuti bejniethom.

Skont Cremona, wieħed minnhom beda jidgħi u ħareġ 'il barra, bl-ieħor jiġri warajh.

Cremona jżid li qatt qabel ma kien ġie Kenneth Camilleri għandu biex jieħu kafè, u llum jemmen li dik il-laqgħa kienet ippjanata minn qabel bejn Camilleri u Theuma.

Jaelle Borg
10:01

Johann Cremona jkompli jirrakkonta l-laqgħa li, skont hu, saret fl-2018 bejn Kenneth Camilleri u Melvin Theuma.

Cremona jgħid li, wara li wassal lil Camilleri għand Theuma, ra lil Camilleri jitbiegħed ma' Theuma u jagħmel telefonata li damet madwar żewġ minuti, qabel kompla l-konversazzjoni miegħu.

Huwa jixhed li ma riedx jistaqsi dwar xiex kienu qed jitkellmu u għalhekk ħalliehom waħedhom.

Cremona jerġa' jinsisti wkoll li kien ilu ħafna snin ma jkellem lil Kenneth Camilleri qabel dik il-laqgħa.

Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk kienx jaf kif Camilleri kien jaf li hu kellu kuntatt ma' Melvin Theuma, Cremona jgħid li ma kienx jaf dak iż-żmien u li lanqas illum ma jaf kif Camilleri kien sar jaf b'dik ir-relazzjoni.

Jaelle Borg
09:41

Ix-xhieda ta' Johann Cremona tkompli b'rakkont dwar laqgħa li, skont hu, seħħet fl-2018.

Cremona jgħid li Kenneth Camilleri, li kien ħabib ta' missieru, ċempillu għall-ħabta tat-8.00pm u talbu jiltaqgħu fl-inħawi ta' Bulebel.

Skont Cremona, meta wasal fuq il-post, Camilleri tela' fil-karozza miegħu u qallu li kellu bżonn ikellem lil Melvin Theuma.

Cremona jixhed li minnufih ċempel lil Theuma, qallu li kien hemm persuna li xtaqet tiltaqa' miegħu, staqsieh fejn kien jinsab u sussegwentement ħa lil Kenneth Camilleri għandu

Jaelle Borg
09:39

Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Johann Cremona dwar uffiċċju li BestPlay Gaming Limited kellha f'Ħal Qormi.

Cremona jispjega li l-proprjetà kienet tiegħu personalment, u mhux tal-kumpanija.

Fil-Qorti jiġu ppreżentati wkoll dokumenti relatati mal-kirja tal-proprjetà mingħand Melvin Theuma, fosthom kuntratt li jġorr il-firem ta' TheumaJohann Cremona u Yorgen Fenech.

Cremona jixhed li kien ilu jaf lil Theuma permezz ta' dak il-ħanut, li kien jikri mingħandu, u jgħid li Theuma kien imur jiġbor il-kera kull tliet xhur.

 

Jaelle Borg
09:36

Yohann Cremona jgħid li kien involut fil-kumpanija tal-gaming BestPlay Gaming Limited, fejn Yorgen Fenech kien sieħeb fin-negozju tiegħu.

Cremona jixhed li kellu relazzjoni tajba ħafna ma' Fenech, iżda jgħid li ma kinux jiltaqgħu ta' spiss, anke minħabba li l-kumpanija kienet waħda relattivament żgħira.

Huwa jżid li bejn l-2012 u l-2015 il-kumpanija għaddiet minn perjodu finanzjarju diffiċli, bħalma ġara lil diversi kumpaniji oħra, u għalhekk kienu appellaw lill-gvern biex jirrevedi t-taxxa imposta fuq is-settur.

Matul il-proċeduri s'issa, Johann Cremona ssemma diversi drabi bħala persuna li allegatament kienet ta' kuntatt bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma. Fil-passat, Theuma kien xehed li kien jiltaqa' ma' Cremona u jafdah dwar l-iżviluppi fil-każ.

 

Jaelle Borg
09:24

Min hu Johann Cremona?

Johann Cremona huwa negozjant u eks sieħeb fin-negozju ta' Yorgen Fenech, li ismu ħareġ b'mod prominenti matul l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Skont ix-xhieda li kienet ngħatat fil-Qorti s'issa, Cremona kien meqjus bħala konfident ta' Melvin Theuma u kien ukoll f'kuntatt mal-eks Chief of Staff ta' Kastilja Keith Schembri.

Il-prosekuzzjoni sostniet li Cremona kien ħeġġeġ lil Theuma jeħles mir-recordings sigrieti li kien għamel u wissieh li l-pulizija kienet se tarrestah taħt investigazzjoni dwar ħasil ta' flus sabiex tikseb dawk ir-recordings.

 

 

 

Jaelle Borg
09:15

L-għodwa t-tajba u merħba.

Wara ġurnata ddominata mix-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, illum il-proċeduri mistennija jkomplu b'xhieda ġodda quddiem il-ġurati.

Fost ix-xhieda mistennija hemm Johann Cremona, li ismu ssemma diversi drabi matul il-ġuri, kemm minn Edgar Brincat kif ukoll minn Lawrence Cutajar.

Inwasslulkom l-aġġornamenti kollha, kif iseħħu, direttament mill-awla.

Jaelle Borg

More in Qrati u Pulizija