L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar spiċċa fiċ-ċentru ta' kontro-eżami intensiv fil-ġuri ta' Yorgen Fenech, fejn l-avukata tad-difiża Giannella de Marco akkużatu direttament li kien "kummissarju korrott" u allegat li ta informazzjoni lil persuni marbuta mal-investigazzjoni.
Il-konfront seħħ meta d-difiża kompliet tinsisti li Cutajar kien jaf minn qabel bl-arrest imminenti ta' Melvin Theuma u li seta' kien ta twissija dwar ir-rejd tal-pulizija.
Cutajar ċaħad dan b'mod kategoriku.
"Ma kontx naf id-data," qal lill-Qorti.
Meta De Marco qaltlu li kien "kummissarju korrott", Cutajar wieġeb billi ddefenda l-ħidma tiegħu bħala kap tal-Korp tal-Pulizija.
"Dan il-każ ġie solvut taħt it-tmexxija tiegħi. Bomba ma tħalli l-ebda traċċa u xorta waħda l-każ ġie solvut. Naħseb ħaqqni xi mertu. Ħadt deċiżjonijiet importanti marbuta ma' dan il-każ."
Matul ix-xhieda tiegħu, Cutajar ammetta li kompla jżomm kuntatt ma' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", wara li dan kien avviċinah dwar kontravvenzjoni tat-traffiku.
Huwa qal li uża dik il-kwistjoni bħala mod biex jipprova jikseb informazzjoni dwar Melvin Theuma u r-recordings li l-pulizija kienet temmen li kellu.
Madankollu, qal li Brincat qatt ma tah informazzjoni utli.
Cutajar insista wkoll li informa lill-investigaturi, lill-maġistrat inkwirenti, lis-Servizz tas-Sigurtà u lill-Europol dwar il-kuntatti tiegħu ma' Brincat, għalkemm id-difiża kkontestat din il-verżjoni u rreferiet għal xhieda oħra mogħtija fil-ġuri.
"Qatt ma żvelajt informazzjoni"
Tul il-kontro-eżami, id-difiża ppreżentat diversi telefonati u messaġġi bejn Cutajar u Brincat, kif ukoll rekord ta' telefonata bejn Cutajar u Johann Cremona.
Cutajar qal li ma jiftakarx dik is-sejħa u ċaħad li qatt għadda informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Cremona jew lil xi ħadd ieħor.
"Nikkonferma taħt ġurament li qatt ma żvelajt informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni."
Huwa ċaħad ukoll li kien jaf minn qabel bl-arrest ta' Theuma u sostna li qatt ma tkellem ma' Keith Schembri dwar il-każ, u li l-komunikazzjoni bejniethom kienet limitata għal xi messaġġi dwar il-futbol.
"Jekk tirċievi informazzjoni, tmur tkellem lill-kappillan?"
Matul l-eżami prinċipali, Cutajar spjega wkoll għaliex kien għażel li jkellem lil Edgar Brincat.
Skont hu, Brincat kien mar għandu d-dar biex jitolbu l-għajnuna dwar kontravvenzjoni, u dak il-mument ra opportunità biex jistaqsih dwar Melvin Theuma.
"Jekk tirċievi informazzjoni, x'tagħmel? Tmur tkellem lill-kappillan? Jew tkellem lill-persuna involuta?"
Cutajar qal li kien jaf li Brincat u Theuma kienu qrib xulxin minħabba s-snin twal li għamel jaħdem fid-distrett ta' Ħal Qormi.
Id-deċiżjoni li ma jiġix arrestat Theuma
L-eks Kummissarju xehed ukoll dwar waħda mid-deċiżjonijiet li qal kienet kruċjali fl-investigazzjoni.
Huwa spjega li, meta l-pulizija bdiet tissuspetta li Theuma kellu recordings importanti, kien hemm min ried jarrestah minnufih.
Madankollu, qal li wara diskussjonijiet mal-investigatur ewlieni Keith Arnaud, ġie deċiż li dan ma jsirx, għax arrest prematur seta' jikxef id-direzzjoni tal-investigazzjoni.
Skont Cutajar, għalhekk Theuma tqiegħed taħt sorveljanza filwaqt li nfetħet investigazzjoni parallela mill-Financial Crimes, li wasslet għall-arrest tiegħu f'Novembru tal-2019.
Il-proklama ta' Theuma
Cutajar ikkonferma li l-firma tiegħu kienet tidher fuq il-proklama presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, iżda sostna li ma kellu l-ebda rwol fid-deċiżjoni dwar liema reati kellhom jiġu inklużi.
"Dawk ir-reati ġew diskussi mal-Avukat Ġenerali, mhux miegħi. L-Avukat Ġenerali qabel magħhom, u jien iffirmajt."
Huwa żied li l-proċess għadda mill-Kabinett qabel ma wasal għand il-President, filwaqt li enfasizza li kummissarju tal-pulizija ma jistax jagħti proklama presidenzjali.
Aktar kmieni: jintemm il-kontro-eżami ta' Edgar Brincat
Qabel beda jixhed Cutajar, il-Qorti semgħet il-konklużjoni tal-kontro-eżami ta' Edgar Brincat ("il-Ġojja").
Matul ix-xhieda tiegħu ndaqqu diversi recordings ta' konversazzjonijiet ma' Melvin Theuma, fejn id-difiża ppruvat turi li Brincat kien qed jagħti direzzjoni lil Theuma dwar x'għandu jsemmi.
Brincat ċaħad li qatt qal lil Theuma x'għandu jgħid lill-pulizija jew lil Yorgen Fenech, filwaqt li sostna li kien biss qallu biex isemmi lin-nies b'isimhom u jkun ċar.
Wara l-kontro-eżami, il-prosekuzzjoni għamlet ftit mistoqsijiet oħra biex tiċċara xi punti qabel Brincat temm ix-xhieda tiegħu.
Il-ġuri mistenni jkompli għada fejn mistenni jixhed Yohann Cremona
Dak kien kollox minn naħa tiegħi. Grazzi talli segwejtu dawn l-aġġornamenti, jien nerġa nkun magħkom għada fejn mistenni jixhed Yohann Cremona
Fil-mistoqsijiet finali tal-prosekuzzjoni, Lawrence Cutajar jiġi mistoqsi dwar il-kuntatti tiegħu mad-Deputat Avukat Ġenerali ta' dak iż-żmien, illum il-Maġistrat Philip Galea Farrugia, b'rabta mal-proċess tal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma.
Cutajar jgħid li ma jiftakarx eżatt jekk it-talba kinitx tirrigwarda biss lil Theuma jew inkella lil Theuma u lill-membri tal-familja tiegħu.
Huwa jżid li jiftakar li l-investigaturi ħejjew rapport dwar it-talba għall-maħfra, iżda jgħid li mhuwiex ċert jekk qatt qarax dak ir-rapport.
"Dak li nista' nikkonferma hu li ħadnieha quddiem il-Kabinett u mbagħad għand il-President. Il-kummissarji ma jistgħux jagħtu proklami."
B'dan tintemm ix-xhieda ta' Lawrence Cutajar.
L-Imħallef Edwina Grima tagħlaq is-seduta tal-lum, filwaqt li l-ġurati jiġu skortati 'l barra mill-awla.
L-avukati tad-difiża jtemmu l-kontro-eżami tagħhom tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Il-prosekuzzjoni, issa qed titlob lill-Qorti biex tiċċara xi punti li tqajmu waqt il-kontro-eżami u tagħmel mistoqsijiet addizzjonali lix-xhud.
Id-difiża tistaqsih dwar il-lista ta' reati koperti mill-proklama.
Cutajar jinsisti li ma kellu l-ebda rwol fid-dettalji tal-maħfra jew fid-deċiżjoni dwar liema reati kellhom jiġu inklużi.
Huwa jgħid ukoll li ma jafx min iddeċieda liema reati kellhom jissemmew fil-proklama.
"Dawk ir-reati ġew diskussi mal-Avukat Ġenerali, mhux miegħi. L-Avukat Ġenerali qabel magħhom, u jien iffirmajt."
Il-kontro-eżami tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikompli b'mistoqsijiet dwar il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma u dik mogħtija lil Vince Muscat, il-Koħħu, fil-każ separat tal-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Cutajar jinsisti li ma kienx involut fid-deċiżjoni dwar il-maħfra mogħtija lil Theuma jew lil Muscat.
Mistoqsi jekk kienx jaf li Melvin Theuma kellu ritratt ma' Keith Schembri, Cutajar iwieġeb li sar jaf bih biss meta ġie ppubblikat fil-midja.
Id-difiża tirreferi wkoll għall-fatt li, skontha, Theuma inizjalment kien ried avukat Nazzjonalista, iżda Cutajar jgħid li dan ma jagħmel l-ebda differenza.
Huwa jikkonferma li attenda għal laqgħat f'Kastilja relatati mal-maħfra presidenzjali ta' Melvin Theuma, iżda jgħid li ma attenda għall-ebda laqgħa simili dwar il-maħfra mogħtija lil Vince Muscat.
L-Imħallef Edwina Grima tistaqsi lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jekk jiftakarx li kien ġie msejjaħ fl-uffiċċju tiegħu u kkonfrontat dwar il-komunikazzjoni tiegħu ma' Edgar Brincat.
Cutajar iwieġeb:
"Le, ma niftakarx."
Aktar tard, Cutajar jgħid li tkellem ma' Johann Cremona darba waħda biss dwar każ, filwaqt li jżid li ma jiftakarx jekk kellux in-numru tiegħu, iżda "żgur kelli dak ta' missieru."
Meta d-difiża tistaqsih għaliex kien ċempel lil Cremona, Cutajar jirreaġixxi:
"Għaliex kont se nċempillu?"
Id-difiża mbagħad tippreżenta rekord tat-telefonati li juri sejħa bejn Cutajar u Cremona, li allegatament saret madwar iż-żmien tal-arrest ta' Melvin Theuma.
Cutajar jgħid li ma jiftakarx dik it-telefonata.
Meta d-difiża tissuġġerixxi li seta' kien qed jgħaddi informazzjoni lil Cremona dwar dak li Theuma kien qal dwar ir-recordings, Cutajar jiċħad dan b'mod kategoriku.
"Żgur li le."
Il-kontro-eżami tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jkompli b'mistoqsijiet dwar allegazzjonijiet li seta' ta twissija lil Melvin Theuma qabel ir-rejd tal-pulizija.
Cutajar jerġa' jinsisti:
"Ma kontx naf id-data."
L-avukata tad-difiża Giannella de Marco tikkontesta bil-qawwa din il-verżjoni u takkuża lil Cutajar b'korruzzjoni.
"Int korrott! Dan m'għandu x'jaqsam xejn mal-politika. Int kont kummissarju korrott," tgħidlu fl-awla.
Cutajar jirrifjuta l-akkuża u jiddefendi l-operat tiegħu matul l-investigazzjoni.
"Dan il-każ ġie solvut. Bomba ma tħalli l-ebda traċċa u xorta waħda l-każ ġie solvut. Naħseb ħaqqni xi mertu. Ħadt deċiżjonijiet importanti marbuta ma' dan il-każ."
Cutajar jinsisti li ma kienx jaf minn qabel li Theuma kien se jiġi arrestat.
Madankollu, l-avukata Giannella de Marco tirreferi għax-xhieda tas-Supretendent Nicholas Vella, li skontha kien informa lil Cutajar fil-5 ta' Novembru li Theuma kien se jiġi arrestat fis-16 ta' Novembru. Hija żżid li fit-13 ta' Novembru Theuma beda jneħħi l-affarijiet minn post li kien juża.
Cutajar ma jaqbilx ma' din il-verżjoni u jwieġeb:
"Ma neħħa xejn, għax sibna kollox. Ridna r-recordings u sibnihom."
Id-difiża mbagħad tistaqsih jekk qattx ipprova jżomm lil Keith Schembri 'l barra mill-investigazzjoni jew jekk qattx tkellem miegħu dwar il-każ.
Cutajar iwieġeb:
"Qatt ma tkellimt miegħu. Jekk tkellimna forsi dwar il-futbol."
Meta d-difiża tistaqsih jekk Schembri kienx partitarju tal-Inter, Cutajar iwieġeb bi tbissima:
"Le, le. Mhuwiex."
Cutajar isostni li kien informa lill-maġistrat inkwirenti dwar il-kuntatt li kellu ma' Brincat, iżda meta d-difiża titolbu jsemmi min kien il-maġistrat, jidher li jsib diffikultà biex jiftakar.
L-avukata Giannella de Marco mbagħad tissuġġerixxi li kien is-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta (MSS) li skopra l-laqgħa u informa lill-Maġistrat Gabriella Vella, li kienet qed tmexxi l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus.
Skont id-difiża, Cutajar sussegwentement ġie msejjaħ għall-interrogazzjoni fl-uffiċċju tiegħu.
Cutajar iwieġeb:
"Le, ma niftakarx."
Id-difiża mbagħad tistaqsih jekk dan ifissirx li s-Supretendent Nicholas Vella kien qed jigdeb.
Cutajar iwieġeb:
"Jien qed ngħid il-fatti kif niftakarhom."
De Marco tkompli ssostni li Cutajar ma kien informa lil ħadd bil-laqgħa tiegħu ma' Brincat, iżda li l-każ ġie skopert mis-Servizz tas-Sigurtà.
Matul il-kontro-eżami, id-difiża tippreżenta wkoll artiklu tal-Times of Malta dwar dik il-laqgħa, filwaqt li tirreferi għal xhieda preċedenti tal-investigatur Keith Arnaud, li qal li dak ir-rappurtar kien korrett.
Mistoqsi dwar dan, Cutajar jinsisti:
"Ma niftakarx li qatt xi ħadd qalli li kont għamilt xi ħaġa ħażina."
Cutajar jerġa' jgħid li dak iż-żmien l-investigaturi kienu mħassba li setgħu ma jsibux ir-recordings ta' Theuma jekk jaġixxu kmieni wisq.
L-avukata Giannella de Marco tissuġġerixxi li kieku Theuma ġie arrestat u saritlu tfittxija, ir-recordings kienu jinstabu xorta waħda.
B'kumment sarkastiku, Cutajar iwieġeb:
"Żgur... hekk jagħmlu kollha."
Meta d-difiża tistaqsih għaliex, jekk kien tant imħasseb dwar ir-recordings, mar jistaqsi lil Edgar Brincat dwarhom, Cutajar iwieġeb li ħaseb li seta' jikseb informazzjoni importanti.
"Kelli ħafna x'nikseb kieku rnexxieli nikseb dik l-informazzjoni. Ħassejt li kelli nieħu dak ir-riskju u nistaqsih."
Il-kontro-eżami ta' Lawrence Cutajar ikompli b'mistoqsijiet dwar l-allegati tnixxijiet ta' informazzjoni.
Cutajar jiċħad li qatt gideb dwar Keith Arnaud u jerġa' jinsisti li qatt ma żvela informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni.
"Nikkonferma taħt ġurament li qatt ma żvelajt informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni," jgħid lill-Qorti.
Id-difiża mbagħad tistaqsih għaliex involva ruħu jekk ma kienx jagħmel parti mit-tim tal-investigazzjoni.
Cutajar iwieġeb:
"Liema investigatur kien se jitlef opportunità biex jikseb informazzjoni dwar każ?"
Jibda l-kontro-eżami tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar mill-avukata Giannella de Marco.
De Marco tgħid li t-telefonata li ndaqqet fil-Qorti saret wara li Melvin Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali u wara li kienu tressqu diversi persuni l-Qorti, u tistaqsi lil Cutajar għaliex, fil-fehma tagħha, ma qalx il-verità meta aktar kmieni xehed li ma kienx iddiskuta x-xhieda tiegħu ma' ħadd.
Cutajar jiċħad dan u jwieġeb:
"Ma gdibt xejn. Fejn gdibt?"
Meta d-difiża tfakkru li kien xehed li ma kienx iddiskuta x-xhieda tiegħu ma' ħadd qabel il-kumpilazzjoni tal-evidenza, Cutajar iwieġeb li kien nesa t-telefonata.
De Marco mbagħad tissuġġerixxi li t-telefonata nqabdet mis-Malta Security Service (MSS) u tistaqsih għaliex ħass il-bżonn jiddiskuti x-xhieda ma' Edgar Brincat.
Cutajar jiċħad li kien hemm xi ftehim bejniethom.
Meta d-difiża tikkwotalu frażi li fiha allegatament qal "importanti li nżommu linja waħda", Cutajar iwieġeb li b'"linja waħda" kien qed jirreferi għall-verità, u mhux għal xi verżjoni miftiehma tax-xhieda.
Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar dwar recording.
Cutajar jinsisti li ma jiftakarx dik it-telefonata, iżda jgħid li, fil-fehma tiegħu, hija turija li qatt ma żvela informazzjoni dwar l-investigazzjoni.
"Dan hu prova li qatt ma żvelajt informazzjoni dwar l-investigazzjoni... kollox bla bla bla," jgħid Cutajar fil-Qorti.
B'dan tintemm l-eżami mill-prosekuzzjoni.
Issa jmiss lill-avukati ta' Yorgen Fenech biex jibdew il-kontro-eżami tagħhom ta' Lawrence Cutajar.
Matul ix-xhieda ta' Lawrence Cutajar, fil-Qorti jindaqq recording ta' telefonata bejn Lawrence u Edgar.
Mistoqsi dwar ir-recording, Cutajar iwieġeb:
"Ma naf xejn dwaru."
Il-prosekuzzjoni tistaqsi lill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jekk qabel ta l-ewwel xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kienx iddiskuta dak li kien se jgħid ma' xi ħadd.
Cutajar iwieġeb fin-negattiv u jinsisti li ma ddiskuta x-xhieda tiegħu ma' ħadd.
"Lanqas avukat ma kelli," jgħid lill-Qorti.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jgħid li reġa' ltaqa' ma' Edgar Brincat darba oħra wara l-ewwel kuntatt bejniethom.
Skont Cutajar, kompla jagħti l-impressjoni lil Brincat li kien qed jieħu ħsieb il-kwistjoni tal-kontravvenzjoni, iżda qal li dan kien mod biex jipprova jikseb aktar informazzjoni dwar Melvin Theuma u r-recordings tiegħu.
Madankollu, Cutajar jinsisti li Brincat qatt ma tah informazzjoni utli.
Il-prosekuzzjoni mbagħad turi lill-Qorti konverżazzjoni fuq WhatsApp bejn Cutajar u Brincat, li fiha Cutajar jistaqsi:
"Ok għad-differiment ta' għada?"
Filwaqt li Brincat iwieġeb:
"Iva, tajthom ċertifikat."
Cutajar jikkonferma li l-konverżazzjoni kienet tirrigwarda ċitazzjoni marbuta mal-kontravvenzjoni li kienu qed jiddiskutu.
Huwa jerġa' jinsisti li żamm il-kuntatt ma' Brincat biss biex jipprova jikseb aktar informazzjoni dwar ir-recordings ta' Melvin Theuma.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jgħid li l-ewwel interrogazzjoni ta' Melvin Theuma saret fl-uffiċċju tiegħu, iżda jisħaq li ma ħax sehem fiha.
Skont Cutajar, kien Keith Arnaud li mexxa l-interrogazzjoni u għamel il-mistoqsijiet kollha, filwaqt li hu "baqa' barra minnha".
Huwa jżid li, wara l-arrest ta' Theuma, l-investigaturi baqgħu jaġġornawh kontinwament dwar l-iżviluppi fl-investigazzjoni.
Cutajar jikkonferma wkoll li l-firma tiegħu hija waħda mit-tliet firem fuq il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma, flimkien ma' dik ta' Theuma u tal-eks Avukat Ġenerali Peter Grech.
Skont ix-xhud, kien Keith Arnaud li ppreżenta t-talba għall-maħfra quddiem il-Kabinett.
Cutajar jikkonferma wkoll li l-informazzjoni mogħtija minn Theuma u l-maħfra presidenzjali wasslu għall-arrest ta' Yorgen Fenech.
Huwa jżid li qatt ma kien involut fl-interrogazzjoni ta' Fenech mill-pulizija.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikompli jixhed dwar il-kuntatt li kellu ma' Edgar Brincat.
Cutajar jgħid li waqt il-laqgħa staqsa lil Brincat jekk kienx jaf fejn kienu r-recordings ta' Melvin Theuma.
Huwa jżid li wara għarraf lill-investigaturi tal-każ li kien qed jitkellem ma' persuna dwar dawk ir-recordings, u, għalkemm ma jiftakarx b'ċertezza, jemmen li qalilhom ukoll li dik il-persuna kienet Edgar Brincat.
Cutajar jixhed li Melvin Theuma ġie arrestat aktar tard mill-Fergħa tar-Reati Finanzjarji, u li hu ġie infurmat bl-arrest wara li kien diġà seħħ.
Huwa jgħid ukoll li dak iż-żmien ġie mgħarraf li r-recordings ta' Theuma nstabu ġewwa kaxxa, iżda jisħaq:
"Jien qatt ma rajthom."
Il-proċeduri jerġgħu jibdew wara l-waqfa tal-ikel.
Fuq il-pedana tax-xhieda jerġa' jitla' l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, biex ikompli jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikompli x-xhieda tiegħu wara l-waqfa tal-ikel.
Cutajar jgħid li, minkejja li pprova jikseb informazzjoni mingħand Edgar Brincat, dan qatt ma qallu x'kien hemm fir-recordings ta' Melvin Theuma.
Huwa jżid li jiftakar li aktar tard reġa' ltaqa' ma' Brincat u li wara informa lill-investigaturi tal-każ, lill-maġistrat inkwirenti, lis-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta u lill-Europol dwar dak il-kuntatt.
Skont Cutajar, ħadd minn dawn ma qallu li kien għamel xi ħaġa ħażina meta tkellem ma' Brincat.
Għalkemm ma jiftakarx eżatt kemm dam biex irrapporta l-laqgħa, huwa jemmen li għamel dan ftit jiem wara li Brincat mar għandu d-dar.
L-Imħallef Edwina Grima ordnat waqfa għall-ikel fil-proċeduri.
Is-seduta terġa' tibda fit-3.00pm, meta tkompli x-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar quddiem il-ġurati.
Inkomplu nwasslulkom l-aġġornamenti kollha hekk kif jerġgħu jibdew il-proċeduri.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jagħti aktar dettalji dwar kif beda l-kuntatt tiegħu ma' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja".
Cutajar jgħid li Brincat mar għandu d-dar biex jitolbu l-għajnuna dwar kontravvenzjoni tat-traffiku, u sostna li ma kienx hu li kien qed isuq il-vettura meta nħarġet il-multa.
Skont Cutajar, dak il-mument "beda jaħdem il-moħħ tal-pulizija", u peress li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet għadha ma għamlitx progress sostanzjali, ra opportunità biex jistaqsi lil Brincat dwar Melvin Theuma.
Mistoqsi kif kien jaf li Brincat u Theuma kienu jafu lil xulxin, Cutajar iwieġeb li minħabba s-snin li għamel jaħdem fid-distrett ta' Ħal Qormi, kien jaf sew iż-żona u n-nies tagħha.
B'ton ta' ċajta, huwa jżid:
"Kont naf anke fejn kien joqgħod ix-xitan."
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ikompli x-xhieda tiegħu billi jirreferi għall-arrest ta' Melvin Theumaf'Novembru tal-2019.
Huwa jikkonferma li dak iż-żmien ġew arrestati wkoll membri tal-familja ta' Theuma u l-ħabib tiegħu, Edgar Brincat ("il-Ġojja").
Cutajar imbagħad jitkellem dwar il-kuntatt li kellu ma' Brincat.
Huwa jgħid li Brincat kien avviċinah dwar kontravvenzjoni tat-traffiku, u li hu ħa dik l-opportunità biex jistaqsih dwar Melvin Theuma, peress li kien jaf bir-relazzjoni ta' ħbiberija bejniethom.
Cutajar jiċħad li kien hemm xi segretezza f'dan il-kuntatt u jgħid li huwa normali li l-investigaturi jkellmu persuni li jistgħu jkollhom informazzjoni utli għall-investigazzjoni.
"Jekk tirċievi informazzjoni, x'tagħmel? Tmur tkellem lill-kappillan? Jew tkellem lill-persuna involuta?" jgħid Cutajar fil-Qorti.
Huwa jgħid li sa madwar Mejju tal-2019 bdiet tissaħħaħ it-teorija li kienu jeżistu recordings marbuta ma' Melvin Theuma, hekk kif kompliet tavvanza l-investigazzjoni.
Skont Cutajar, waħda mid-deċiżjonijiet li jqis bħala kruċjali ttieħdet madwar Settembru tal-2019, meta ngħataw istruzzjonijiet biex Melvin Theuma jitqiegħed taħt sorveljanza.
Huwa jispjega li dak iż-żmien ma kienx hemm biżżejjed bażi biex Theuma jiġi arrestat fuq il-każ tal-qtil, u għalhekk infetħet investigazzjoni parallela mill-fergħa tal-Financial Crimes.
L-għan, skont Cutajar, kien li jekk ikun meħtieġ, l-arrest isir b'rabta ma' allegati reati finanzjarji, filwaqt li l-investigazzjoni dwar il-qtil tkompli.
Mistoqsi min kien qed imexxi dik l-investigazzjoni, Cutajar jgħid li, sa fejn jiftakar, kien l-Assistent Kummissarju ta' dak iż-żmien Ian Abdilla.
Huwa jżid li ma kellu l-ebda involviment dirett f'dik l-investigazzjoni u li ma kienx qed jirċievi aġġornamenti regolari dwarha.
Il-prosekutur ikompli jistaqsi lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu matul l-investigazzjoni fl-2019.
Meta mistoqsi dwar l-arresti li saru lejn l-aħħar tal-2019, Cutajar jidher li ma jiftakarx b'mod ċar il-kronoloġija tal-avvenimenti.
Huwa jerġa' jirritorna fuq id-diskussjonijiet li kienu jsiru waqt il-laqgħat ta' koordinazzjoni u jgħid li waħda mill-opinjonijiet kienet li Melvin Theuma jiġi arrestat b'rabta mal-investigazzjoni tal-qtil.
Cutajar jispjega għaliex ma qabilx ma' dik il-pożizzjoni.
"Ir-riskji kienu kbar. Kien hemm opinjonijiet differenti, iżda jekk konna narrestawh u ma nsibu xejn, konna nkunu urejna l-karti kollha."
Huwa jispjega li arrest ibbażat fuq recordings, mingħajr ma jinstab aktar materjal ta' prova, seta' jikxef id-direzzjoni tal-investigazzjoni, u b'hekk il-persuna arrestata kienet issir taf kif kienet qed timxi l-investigazzjoni tal-pulizija.
Cutajar jgħid li ma jiftakarx eżatt kemm saru laqgħat, iżda jemmen li attenda għal madwar tnejn jew tlieta.
Huwa jisħaq li ħadd qatt ma talbu jattendi għal dawn il-laqgħat, iżda kien l-investigatur ewlieni Keith Arnaud li talbu jakkumpanjah.
Mistoqsi min kien preżenti għal dawn il-laqgħat, Cutajar isemmi lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-eks Chief of Staff Keith Schembri, rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li jgħid li dawn huma l-ismijiet li jiftakar.
Dwar x'kien jiġi diskuss, Cutajar jgħid li, sa fejn jiftakar, is-suġġett ewlieni kien ir-recordings u l-interċettazzjonijiet.
Mistoqsi biex jiċċara għal liema recordings kien qed jirreferi, huwa jwieġeb li kienu dawk marbuta ma' Melvin Theuma.
Meta mistoqsi bejn min kienu dawn il-konversazzjonijiet, Cutajar jgħid li ma jafx, u jżid li l-unika informazzjoni li kellu kienet li kienu jinvolvu lil Melvin Theuma.
Bl-istess mod, dwar l-interċettazzjonijiet, jgħid li kien jaf biss li kienu marbuta ma' Melvin Theuma, mingħajr ma kien jaf aktar dettalji.
Huwa jgħid li, sa fejn tiftakru, madwar Diċembru tal-2019 l-investigaturi bdew jiskopru li setgħu jeżistu recordings u telefonati li setgħu jkunu kruċjali għall-investigazzjoni.
Cutajar jiddeskrivi dan bħala wieħed mill-aktar mumenti deċiżivi fl-investigazzjoni, hekk kif beda jidher li Melvin Theuma seta' kien involut.
Huwa jispjega li matul l-investigazzjoni kienu jsiru laqgħat regolari li għalihom kienu jattendu rappreżentanti tal-Pulizija, l-investigaturi ewlenin, membri tas-Servizz tas-Sigurtà, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u, f'ċerti każijiet, uffiċjali tal-Europol.
Skont Cutajar, meta ħarġet l-informazzjoni dwar l-eżistenza possibbli tar-recordings, kien hemm fehmiet differenti fost l-investigaturi.
Huwa jgħid li xi investigaturi kienu favur li Melvin Theuma jiġi arrestat minnufih, iżda wara diskussjonijiet mal-investigatur ewlieni Keith Arnaud, intlaħaq qbil li dan ma jsirx f'dak l-istadju.
"Jekk konna narrestawh u ma nsibu xejn, konna nitilfu l-investigazzjoni u nikxfu idejna," jixhed Cutajar.
Cutajar iżid li dawn il-laqgħat ta' koordinazzjoni bdew ftit ġimgħat wara l-qtil u kienu jsiru kull ftit ġimgħat jew kull xahar.
Huwa jgħid ukoll li attenda żewġ laqgħat f'Kastilja wara li Silvio Valletta ġie mkeċċi mill-investigazzjoni, fejn beda jakkumpanja lil Keith Arnaud għal dawn il-laqgħat.
Cini ikompli jistaqsi lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar dwar l-iżviluppi fl-investigazzjoni lejn l-aħħar tal-2017.
Cutajar jgħid li, sa fejn jiftakar, f'Diċembru tal-2017 tressqu l-Qorti tliet persuni b'rabta mal-każ.
Mistoqsi jekk qabel l-arresti kienx jaf bid-dettalji tal-evidenza kontrihom, Cutajar iwieġeb li le.
Huwa jgħid li kien jaf biss li kienu se jsiru arresti, filwaqt li jisħaq li l-parir tiegħu lill-investigaturi kien dejjem li jaċċertaw ruħhom li jkollhom biżżejjed provi biex isostnu l-arresti.
Cutajar jgħid ukoll li n-noti li kien jieħu matul dak il-perjodu nqabdu waqt l-investigazzjoni, u għalhekk illum qed jixhed abbażi tal-memorja tiegħu.
Dwar Vince Muscat, Cutajar jgħid li qabel il-każ ma kienx jaf bih personalment.
Huwa jikkonferma li kien jaf li Muscat kien esprima x-xewqa li jitkellem mal-pulizija, permezz tal-investigatur ewlieni Keith Arnaud, bil-għan li jagħti l-informazzjoni li kellu bi skambju għal proklama jew maħfra.
Madankollu, Cutajar jgħid li ma jafx x'kien intqal fid-dettall bejn Muscat u Arnaud, u jispjega li l-investigatur kellu jħejji rapport dwar it-talba.
Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu f'dan il-proċess, Cutajar iwieġeb li ftit li xejn kien involut, u jżid li deċiżjoni dwar proklama ma tittiħidx mill-Kummissarju tal-Pulizija.
"Il-Kummissarju ma jistax jagħti l-ebda proklama," jisħaq Cutajar, filwaqt li jispjega li dawn it-talbiet isegwu l-proċedura legali stabbilita.
Il-prosekutur ikompli jistaqsi lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar dwar kif kienet qed titmexxa l-investigazzjoni fil-ġimgħat ta' wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Cutajar jgħid li, sa fejn jiftakar, l-aġenziji barranin li ngħaqdu mal-investigazzjoni kienu l-FBI u l-Europol.
Mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu, huwa jispjega li l-involviment tiegħu kien wieħed ta' koordinazzjoni, b'mod partikolari fl-istadji inizjali fuq il-post tad-delitt.
Rigward ix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru tal-2017, Cutajar jinsisti li l-investigatur ewlieni tal-każ kien dejjem is-Supretendent Keith Arnaud.
Huwa jżid li fil-Korp tal-Pulizija kienet prattika li kull pass fl-investigazzjoni jiġi dokumentat, filwaqt li jispjega li dak iż-żmien ir-rekords kienu jinżammu bil-miktub.
Mistoqsi kif kien jinżamm aġġornat dwar l-investigazzjoni, Cutajar jgħid li kien jirċievi aġġornamenti regolari mingħand is-Supretendent Silvio Valletta, li kien imur fl-uffiċċju tiegħu biex jinfurmah bl-iżviluppi.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jixhed li Keith Arnaud kien l-investigatur ewlieni fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Cutajar jgħid li sar jaf bl-isplużjoni f'Bidnija fis-16 ta' Ottubru 2017 permezz tar-radju tal-pulizija.
Huwa jispjega li aċċerta ruħu li l-maġistrat tal-għassa u l-esperti forensiċi ġew infurmati, qabel mar hu stess fuq il-post biex jivverifika li ż-żona kienet ġiet issiġillata.
Ix-xhud iżid li fuq il-post ġie infurmat li kienu se jintalbu aġenziji barranin biex jassistu fl-investigazzjoni, u għalhekk ta istruzzjonijiet lill-pulizija biex ma tieħu l-ebda azzjoni mingħajr ma l-ewwel tikkonsulta mal-maġistrat inkwirenti.
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jibda x-xhieda tiegħu billi jikkonferma li kien imexxi l-Korp tal-Pulizija meta bdiet l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Cutajar jgħid ukoll li aktar tard sab ruħu fiċ-ċentru ta' inkjesta separata dwar allegati tnixxijiet ta' informazzjoni mill-investigazzjoni tal-qtil.
Huwa jinforma lill-Qorti li qed ikun assistit mill-avukat Ezekiel Psaila, li tah parir biex ma jwieġebx mistoqsijiet relatati ma' dik l-inkjesta li għadha għaddejja.
"Ma naqbilx għal kollox mal-parir li tani l-avukat Psaila għax nixtieq inwieġeb kull mistoqsija," jgħid Cutajar.
L-Imħallef Edwina Grima tfakkru li għandu d-dritt ma jwieġebx kull mistoqsija li tista' twassal biex jinkrimina lilu nnifsu.
Wara l-waqfa, il-Qorti ssejjaħ lix-xhud li jmiss.
Fuq il-pedana tax-xhieda jitla' l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, li jibda jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.
Ix-xhieda tiegħu kienet ilha mistennija, wara li ismu ssemma diversi drabi matul ix-xhieda ta' Edgar Brincat u ta' xhieda oħra fis-seduti preċedenti.
Tintemm ix-xhieda ta' Edgar Brincat
Matul il-qari tat-traskrizzjoni u d-daqq tar-recordings, Edgar Brincat jinstema' jgħid:
"Depression ħa taqbadni... depression qabduni."
Wieħed mill-ġurati jistaqsi lil Brincat għal min kien qed jirreferi b'dak il-kliem.
Ix-xhud iwieġeb li kien qed jirreferi għall-aħwa Degiorgio u għal Yorgen Fenech.
Wara din il-parti tax-xhieda, l-Imħallef Edwina Grima tordna waqfa ta' 20 minuta fil-proċeduri.
Wara t-tmiem tal-kontro-eżami, il-prosekuzzjoni titlob lill-Qorti biex tistaqsi lil Edgar Brincat dwar xi punti li tqajmu mid-difiża.
Il-Qorti tilqa' t-talba u tippermetti lill-prosekuzzjoni taqra partijiet oħra mit-traskrizzjoni tat-telefonati bejn Melvin Theuma u Edgar Brincat, sabiex, kif jingħad fil-Qorti, il-ġurati jingħataw il-kuntest sħiħ.
Fost is-siltiet moqrija hemm waħda fejn, skont il-prosekuzzjoni, Melvin Theuma jgħid li għandu l-ħsieb jgħid lil Yorgen Fenech li hu "ma ħa xejn" minn dak kollu li ġara, u li spiċċa depress u f'qagħda mentali ħażina minħabba s-sitwazzjoni.
Fil-Qorti jindaqq recording ieħor ta' telefonata bejn Edgar Brincat u Melvin Theuma, li fiha t-tnejn jiddiskutu laqgħa.
Id-difiża tistaqsi lil Brincat jekk dik il-laqgħa kinitx mal-eks Kummissarju tal-Pulizija.
Brincat iwieġeb li ma jiftakarx it-telefonata, iżda jinsisti li ma kinitx dwar il-Kummissarju, filwaqt li jtenni li Melvin Theuma ma kienx jaf lil Lawrence Cutajar.
B'dan, id-difiża ttemm il-kontro-eżami tagħha ta' Edgar Brincat.
Id-difiża tgħid li Johann Cremona kien wissa lil Melvin Theuma dwar il-jum li kien se jiġi arrestat.
Brincat iwieġeb li ma jafx, u jżid li Theuma qatt ma semmielu lil Johann Cremona.
L-avukati tad-difiża mbagħad jaqrawlu silta mix-xhieda li kien ta waqt il-kumpilazzjoni, fejn kien qal li Theuma kien qallu li Cremona kien tah data meta kien se jiġi arrestat.
Mistoqsi dwar din il-kontradizzjoni, Brincat iwieġeb:
"Ma nafx għaliex għedt hekk. Niftakar li semmieli data, imma ma niftakarx id-dettall."
Fil-Qorti tindaqq parti oħra mir-recording bejn Melvin Theuma u Edgar Brincat.
Fir-recording, Theuma jinstema' jgħid li għandu "ir-ritratt tax-xogħol u l-envelop", filwaqt li Brincat iwieġeb li b'hekk ikun hemm prova li dik il-persuna kienet taf bih u kienet iltaqgħet miegħu.
Id-difiża tissuġġerixxi li Brincat kien qed jirreferi għal Keith Schembri.
Brincat jikkonferma li kien qed jirreferi għal Schembri, iżda jżid:
"Hu kien qalli li qatt ma tkellem direttament ma' Keith. Żgur li qatt ma għedtlu jmur għand Keith."
Il-kontro-eżami ta' Edgar Brincat ikompli b'mistoqsijiet dwar ir-ritratt ta' Melvin Theuma ma' Keith Schembri.
Brincat jgħid li ra dak ir-ritratt għall-ewwel darba meta ġie ppubblikat fil-midja.
Id-difiża tistaqsih jekk dak kienx ir-"ritratt tax-xogħol" li Theuma kien qed isemmi f'waħda mir-recordings.
Fil-bidu, Brincat jgħid li ma jafx għal liema ritratt kien qed jirreferi Theuma, iżda aktar tard iżid li x'aktarx kien qallu li, jekk kellu ritratt ma' Keith Schembri, kellu jinkludih fil-kaxxa tal-evidenza.
"Jekk jaf lil dawk il-kbarat..." jgħid Brincat.
Id-difiża mbagħad tissuġġerixxi li Brincat seta' talab lill-eks Kummissarju tal-Pulizija jgħin lil Theuma.
Brincat jirreaġixxi b'mod immedjat:
"Bħallikieku se ngħid lill-Kummissarju tal-Pulizija, 'Sieħbi involut f'bomba, tista' tgħinu?'"
Id-difiża tistaqsih jekk jafx lil Johann Cremona jew jekk qattx ta lil Theuma xi pariri dwaru.
Brincat iwieġeb "le" għaż-żewġ mistoqsijiet.
F'parti oħra mir-recording li tindaqq fil-Qorti, Brincat jinstema' jgħid "hu ingaġġani". Mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima għal min kien qed jirreferi, Brincat iwieġeb:
"Yorgen."
Id-difiża mbagħad tagħmillu sensiela ta' mistoqsijiet oħra, fosthom jekk kienx jaf li l-eks Kummissarju tal-Pulizija kien qed jiġi segwit mis-servizzi tas-sigurtà, jekk jiftakarx lil Theuma jgħid li kien se "jnaddaf il-post ta' Marsaskala", u jekk qattx tah parir biex idaħħal ir-ritratt tiegħu ma' Keith Schembri fil-kaxxa tal-evidenza.
Brincat jiċħad dawn is-suġġerimenti kollha u jwieġeb "le" għal kull waħda minnhom.
Fil-Qorti tindaqq parti oħra mir-recording bejn Edgar Brincat u Melvin Theuma.
Id-difiża ssostni li fir-recording Brincat jidher qed jagħti direzzjoni lil Theuma dwar liema persuni għandu jsemmi waqt li jkun qed jagħmel ir-recordings.
Brincat jgħid li ma jistax jifhem sew x'qed jingħad minħabba l-kwalità tal-awdjo u jitlob lill-Imħallef Edwina Grimataqralu l-parti rilevanti mit-traskrizzjoni.
Wara li tinqralu, Brincat jgħid:
"Ma nafx. Naħseb biex ikollu aktar prova. Jien ma kontx naf min kien Kenneth... Jien biss għedtlu biex jagħmilha ċara."
Meta d-difiża tistaqsih għaliex semma lil Kenneth jekk ma kienx jaf min kien, Brincat iwieġeb li kien jaf biss li Melvin Theuma kien se jiltaqa' ma' Kenneth li kien marbut ma' Johann Cremona.
Wara skambju ta' argumenti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, il-Qorti tiddeċiedi favur id-difiża dwar il-kwistjoni tat-traskrizzjoni tar-recording.
Filwaqt li l-ġurati se jkollhom aċċess għat-traskrizzjoni biex isegwu l-evidenza, Edgar Brincat mhux se jingħata kopja tagħha waqt li jkun qed jixhed.
Għaldaqstant, ix-xhud se jkollu jisma' r-recording u jipprova jifhem il-kontenut tiegħu mingħajr traskrizzjoni, bħalma qed isir fl-awla
Minħabba d-diffikultà biex jinftiehem il-kontenut tar-recording, l-Imħallef Edwina Grima tgħid li l-ġurati se jingħataw traskrizzjoni tal-konversazzjoni biex ikunu jistgħu jsegwu l-evidenza.
Fil-Qorti jindaqq recording ieħor ta' konversazzjoni bejn Edgar Brincat u Melvin Theuma.
Madankollu, il-kwalità tal-awdjo hija tant fqira li anke l-ġurati jidhru li mhumiex jisimaw sew.
Minħabba d-diffikultà biex jinftiehem il-kontenut tar-recording, l-Imħallef Edwina Grima tgħid li l-ġurati se jingħataw traskrizzjoni tal-konversazzjoni biex ikunu jistgħu jsegwu l-evidenza.
Id-difiża ddoqq recording li fih l-investigatur Keith Arnaud jistaqsih jekk kienx ta parir lil Melvin Theuma biex iħejji dokumenti dwar self falz.
Fir-recording, Brincat iwieġeb:
"Nagħżel li ma nwieġebx."
Id-difiża tirreferi għall-verżjoni li, skont l-investigazzjoni, Theuma kien qal lill-pulizija li Brincat kien tah dan il-parir.
Meta mistoqsi dwar dan fil-Qorti, Brincat jiċħad l-allegazzjoni u jwieġeb li Theuma gideb dwaru.
"Iva, kif qed tgħid int. Hija gidba," jgħid Brincat.
Aktar kmieni, Brincat kien xehed li l-pulizija qatt ma staqsietu jekk hu u Melvin Theuma kinux qed jippruvaw jinkriminaw lil Yorgen Fenech.
Madankollu, id-difiża ddoqq parti mir-recording tal-interrogazzjoni tiegħu, fejn l-investigatur Keith Arnaud jidher jistaqsih jekk kienx qed jgħin lil Theuma biex jinkrimina lil Fenech fil-każ tal-qtil.
Fir-recording, Brincat jinstema' jwieġeb:
"Nagħżel li ma nwieġebx."
Mill-post riservat għall-midja ma kienx possibbli li jinstema' b'mod ċar il-kontenut tiegħu kollu.
Fil-Qorti, Brincat jgħid li ma jiftakarx dik il-mistoqsija, u jżid li kien jaħseb li l-pulizija kienet qed tiffoka fuq allegazzjonijiet ta' rikatt (blackmail), mhux fuq allegat frame-up.
Brincat jinsisti wkoll li qatt ma ta pariri lil Melvin Theuma dwar x'għandu jgħid lill-pulizija.
L-Imħallef Edwina Grima tistaqsih jekk jiftakarx lill-investigatur Keith Arnaud idoqq recordings waqt l-interrogazzjoni tiegħu, u Brincat iwieġeb fl-affermattiv.
Fil-Qorti jindaqq ukoll recording tal-interrogazzjoni.
Il-mistoqsijiet iduru fuq l-arrest u l-interrogazzjoni tiegħu stess.
Brincat jgħid li ġie arrestat fuq suspett ta' ħasil ta' flus, filwaqt li l-pulizija wettqet ukoll tfittxija fid-dar tiegħu.
Huwa jixhed li ġie interrogat mill-investigatur ewlieni Keith Arnaud u mill-Ispettur Kurt Zahra.
Id-difiża tistaqsih jekk waqt l-interrogazzjoni l-pulizija qattx staqsietu jekk hu u Melvin Theuma kinux qed jippruvaw jinkriminaw lil Yorgen Fenech.
Brincat iwieġeb:
"Le."
Mistoqsi wkoll jekk il-pulizija qattx staqsietu jekk kienx qed jagħti pariri lil Theuma dwar x'għandu jgħid, Brincat jerġa' jwieġeb fin-negattiv.
Huwa jgħid li waqt l-interrogazzjoni ssemma l-allegat rikatt (blackmail), iżda qatt ma ssemmiet xi allegata konfoffa biex jiġi inkriminat Fenech.
Il-kontro-eżami ta' Edgar Brincat ikompli b'mistoqsijiet dwar ir-recordings li Melvin Theuma kien għamel.
Id-difiża tistaqsih jekk qattx ta parir lil Theuma dwar x'għandu jgħid lil Yorgen Fenech fir-recordings jew dwar liema persuni kellu jsemmi.
Brincat jiċħad dan u jgħid li l-uniku parir li tah kien biex isejjaħ lin-nies b'isimhom.
Huwa jiċċara wkoll li qatt ma kien hu li ssuġġerixxa lil Theuma jibda jirrekordja l-konversazzjonijiet tiegħu.
Il-kontro-eżami ta' Edgar Brincat ikompli b'sensiela ta' mistoqsijiet mill-avukati tad-difiża.
Brincat jgħid li Melvin Theuma kien isemmilu lil Kenneth Camilleri, u li kien qallu li kien se jiltaqa' miegħu biex jistaqsih dwar il-flus. Madankollu, iżid li Theuma kien qallu wkoll li qatt ma kien tkellem miegħu.
Id-difiża tistaqsih ukoll jekk Theuma qattx semmielu r-ritratt tiegħu ma' Keith Schembri f'Kastilja.
Brincat iwieġeb li jiftakar li Theuma kien isemmilu r-recordings, iżda ma jiftakarx li qatt tkellem miegħu dwar ir-ritratt.
Mistoqsi jekk jaħsibx li Theuma kien irrekordjah, Brincat jgħid li qatt ma sema' recording tiegħu u għalhekk ma jaħsibx li ġie rrekordjat.
Id-difiża tistaqsih ukoll jekk Theuma qattx tah xi informazzjoni dwar Keith Schembri.
Brincat iwieġeb li le, iżda jżid li kien ċar għalih li Theuma u Schembri kienu tkellmu bejniethom.
Jitkompla l-kontro-eżami ta' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", mill-avukati tad-difiża.
Mistoqsi jekk Melvin Theuma kienx isemmi lil Keith Schembri, Brincat iwieġeb li Theuma kien isemmi kemm lil Keith Schembri kif ukoll lil Yorgen Fenech waqt il-konversazzjonijiet tagħhom.
L-għodwa t-tajba u merħba għall-aġġornamenti diretti tagħna tas-17-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Illum il-proċeduri mistennija jibdew bil-kontinwazzjoni tax-xhieda ta' Edgar Brincat, magħruf bħala "il-Ġojja", li nhar il-Ġimgħa xehed dwar il-konversazzjonijiet li, skont hu, kellu ma' Melvin Theuma, inkluż dwar ir-rwol li allegatament kellu bħala sensar u d-deċiżjoni tiegħu li jersaq għand il-pulizija.
Il-kontro-eżami tiegħu mistenni jkompli quddiem il-ġurati, qabel il-Qorti tisma' xhieda oħra matul il-ġurnata.
Inwasslulkom l-aġġornamenti kollha, kif iseħħu, direttament mill-awla.