Ġuri Yorgen Fenech: Ġimgħa oħra ta’ allegazzjonijiet, evidenza forensika u xhieda kruċjali

Sitt ijiem ta’ xhieda li ġabu magħhom allegazzjonijiet serji, ismijiet magħrufa u dettalji ġodda dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hekk kif il-ġuri ta’ Yorgen Fenech kompla javvanza, l-awla saret il-palk ta’ waħda mill-aktar ġimgħat intensi fil-proċeduri s’issa

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompla jinstema’ matul din il-ġimgħa quddiem l-Imħallef Edwina Grima, bi ġranet immarkati minn allegazzjonijiet ġodda, xhieda estensiva ta’ persuni involuti fil-każ, evidenza forensika u investigattiva, kif ukoll kontroeżamijiet intensi. Din hija ħarsa lejn dak kollu li seħħ matul il-11-il jum tal-ġuri sal-iżviluppi tas-16-il jum, aġġornati sas-11:00 ta’ filgħodu. 

Il-11-il jum: Vince Muscat jirrakkonta kif allegatament ġie ppjanat u mwettaq il-qtil 

Il-ġimgħa fetħet bix-xhieda twila ta’ Vince Muscat, magħruf bħala “Il-Koħħu”, li ta rendikont dettaljat tal-avvenimenti li, skontu, wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Muscat sostna li fl-2015 kien jeżisti pjan inizjali biex tinqatel il-ġurnalista. Huwa allega li George Degiorgio kien qallu li Chris Cardona ried “jeħilsu” minn Daphne Caruana Galizia u li kien intlaħaq qbil fuq ħlas ta’ €150,000. Skont Muscat, dan il-pjan qatt ma twettaq minħabba li d-depożitu mistenni ma tħallasx. 

Ix-xhud spjega kif aktar tard, qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, reġa’ beda pjan ġdid li fih daħal ukoll Melvin Theuma bħala allegat sensar. Huwa rrakkonta kif saru osservazzjonijiet tad-dar u tal-movimenti ta’ Daphne Caruana Galizia, kif kien hemm attentati li fallew, fosthom waqt in-Notte Bianca, u kif finalment, fis-16 ta’ Ottubru 2017, tqiegħdet u ġiet attivata l-bomba li qatlet lill-ġurnalista. 

Muscat għamel ukoll allegazzjonijiet oħra, fosthom li Alfred Degiorgio kien jiltaqa’ ma’ Chris Cardona biex jikseb informazzjoni dwar l-investigazzjoni, allegatament permezz tal-Eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta. Xehed ukoll li huma kienu jafu minn qabel b’rejd tal-pulizija fit-tinda tal-patata fil-Marsa. 

It-12-il jum: Il-kontroeżami ta’ Muscat u mistoqsijiet dwar il-pjan tal-2015 

Fit-12-il jum, Vince Muscat għadda minn kontroeżami estensiv mid-difiża. 

Muscat ikkonferma li George Degiorgio kien xtara mowbajl apposta biex jibgħat messaġġi lil Daphne Caruana Galizia, filwaqt li kien qed jippretendi li kien qed jgħaddilha informazzjoni. Huwa qal ukoll li l-ġurnalista kienet wieġbet darba biss u kienet issuġġeriet laqgħa wiċċ imb wiċċ. 

Id-difiża ffukat ukoll fuq l-allegat pjan tal-2015, fejn Muscat qal li, skont dak li kien qallu George Degiorgio, l-Avukat David Gatt kellu jieħu sehem mill-ħlas miftiehem. Dwar Chris Cardona, iżda, Muscat qal li, sa fejn jaf hu, “kellu ħafna paroli”, filwaqt li tenna li l-pjan qatt ma twettaq. 

Ix-xhud xehed ukoll dwar il-kuntatti tiegħu mal-Pulizija wara l-arrest u qal li beda jikkopera fl-2018 bit-tama li jingħata maħfra presidenzjali. 

It-13-il jum: Jixhdu Alfred u George Degiorgio 

Wieħed mill-aktar jiem drammatiċi tal-ġimgħa kien dak li fih xehdu Alfred u George Degiorgio. 

Alfred Degiorgio rrifjuta jwieġeb il-parti l-kbira tal-mistoqsijiet li sarulu. Minkejja li semma lil Chris Cardona, Keith Schembri u David Gatt, ma ta l-ebda evidenza li ssostni l-allegazzjonijiet tiegħu. Minħabba r-rifjut tiegħu li jwieġeb, il-Qorti ordnat li jaffaċċja proċeduri ta’ disprezz. 

George Degiorgio, min-naħa tiegħu, sostna li t-taħditiet tiegħu mal-Pulizija dwar maħfra presidenzjali twaqqfu meta qal li kien lest jitkellem dwar Chris Cardona u Keith Schembri. Huwa ta wkoll il-verżjoni tiegħu tal-allegat pjan tal-2015, fejn allega li kien hemm laqgħat ma’ Cardona u David Gatt u li kien intlaħaq qbil fuq ħlas biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Dawn l-allegazzjonijiet dejjem ġew miċħuda mill-persuni msemmija. 

Qabel dawn ix-xhieda, il-Kriminologu Saviour Formosa ppreżenta rikostruzzjoni tridimensjonali tax-xena tad-delitt, filwaqt li lejn tmiem il-ġurnata beda jixhed ukoll is-Supretendent Nicholas Vella. 

L-14-il jum: L-investigazzjoni dwar Melvin Theuma 

Fis-seduta ta’ wara kompla jixhed is-Supretendent Nicholas Vella, li ffoka fuq l-investigazzjoni dwar Melvin Theuma. 

Vella spjega kif il-pulizija investigat komunikazzjonijiet bejn Kenneth Brincat u l-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, identifikati mill-Europol, u qal li dawn ġew eżaminati wkoll mis-servizzi sigrieti. 

Huwa ta wkoll dettalji dwar l-arrest ta’ Theuma fl-2019 u dwar il-kaxxa li kienet fiha mowbajls, recorder, USBs u dokumenti, inklużi screenshots ta’ chats ma’ Yorgen Fenech u r-ritratt magħruf ta’ Theuma ma’ Keith Schembri. 

Ix-xhud qal ukoll li waqt tfittxijiet fuq proprjetajiet marbuta ma’ Theuma nstabu aktar minn €790,000 fi flus kontanti, flimkien ma’ apparat elettroniku, vetturi u dokumentazzjoni. 

Il-15-il jum: Evidenza forensika dwar il-bomba u pagamenti lill-familji tal-akkużati 

Il-ġurija semgħet ukoll ix-xhieda tal-espert tal-Europol Mario Cmarec, li ta spjegazzjoni teknika dwar il-bomba użata fil-qtil. 

Huwa qal li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tas-sewwieq u kien fih bejn 300 u 400 gramma ta’ splussiv ta’ qawwa għolja, b’indikazzjonijiet li seta’ kien TNT. 

Aktar tard xehdu Lawrence Pace u Joseph Brincat, li qalu li Melvin Theuma kien jibgħat flus lill-familji ta’ Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat wara l-arrest tagħhom. 

Il-Qorti semgħet ukoll xhieda dwar dokumenti bankarji relatati ma’ Theuma, kif ukoll dwar l-analiżi teknika ta’ recordings u apparat elettroniku elevat waqt l-investigazzjoni. 

Is-16-il jum (aġġornat sas-11:00 a.m.): Edgar Brincat jixhed dwar dak li qallu Melvin Theuma 

L-aħħar żviluppi waslu lbieraħ filgħodu, hekk kif il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ Brian Farrugia u tal-Maġistrat Nadia Vella dwar vetturi u dokumentazzjoni relatata ma’ Melvin Theuma. 

Imbagħad beda jixhed Edgar Brincat, magħruf bħala “il-Ġojja”, li qal li kien ilu jaf lil Melvin Theuma għal ħafna snin u li dan kien iqisu bħala figura ta’ missier. 

Brincat xehed li Theuma kien qallu li kien is-sensar bejn Yorgen Fenech u l-aħwa Degiorgio u li kien għadda flus bejniethom. Qal ukoll li Theuma kien infurmah li Vince Muscat kien se jikkopera mal-awtoritajiet u li għalhekk ried imur hu stess għand il-pulizija biex jitlob maħfra presidenzjali. 

Ix-xhud qal li kien ipprova jikkonvinċi lil Theuma biex ma jagħmilx dan għax kien jemmen li l-persuni msemmija kellhom poter u kuntatti. Xehed ukoll dwar ir-recordings sigrieti li kien għamel Theuma u qal li kien hu stess li ssuġġerielu jinforma lil Yorgen Fenech bl-eżistenza tagħhom bit-tama li “jgħinu”. 

Aktar tard fis-seduta kellu jixhed ukoll l-Eks kummissarju, Lawrence Cutajar.  

More in Qrati u Pulizija